ID-DINJA LI NIXTIEQ 

Il-Papa Franġisku intervistat fuq l-istazzjon taljan Canale 5

Mill-ġurnalista Fabio Marchese Ragona

10 ta’ Jannar 2021

 

Ġ:    Santità, l-ewwelnett grazzi li aċċettajt li tagħti dan ir-rigal lit-telespettaturi.

 

P:     Grazzi lilek li qagħdt tiġi hawn. Grazzi lilek.

 

Ġ:    Is-sena 2020 kienet sena diffiċli, mimlija tbatija, mimlija b’tant problemi minħabba l-pandemija. Kif jista’ jkollna l-fiduċja li nerġgħu nibdew mill-ġdid?

 

P:     Din hija mistoqsija tajba. Mistoqsija li qed jagħmel kulħadd. Minn fejn se nerġgħu nibdew? Jiena nitlaq minn din iċ-ċertezza. Il-pandemija kienet kriżi, kriżi ta’ iktar minn sena: minn Marzu sa llum u għad tkompli...Qatt ma tista’ toħroġ minn kriżi bħalma kont qabel. Qatt. Jew noħorġu aħjar, jew noħorġu agħar. U din hija l-problema: kif se noħorġu aħjar u mhux agħar! U x’hemm jistenniena fil-futur? Hemm tistenniena d-deċiżjoni tagħna: jekk irridu li noħorġu aħjar huwa mod; jekk irridu li jkollna l-istess affarijiet li kellna qabel, din tkun triq oħra u negattiva. Inkunu tlifna minħabba l-pandemija, u nkunu tlifna għax ma nkunux ħriġna aħjar minn din il-kriżi. U kif se noħorġu aħjar? Jeħtieġ nirrevedu kollox. Il-valuri l-kbar jibqgħu hemm, iva. Imma dawn il-valuri jeħtieġ nittraduċuhom fil-ħajja ta’ kuljum... għax il-mod kif nesprimu l-valuri jitlob dejjem inkulturazzjoni, skont il-kultura tal-lum. Jeħtieġ nagħmlu analiżi tajba tas-sitwazzjonijiet li qed ngħixu fihom, sitwazzjonijiet koroh fid-dinja. Aħseb ftit f’dawk it-tfal li mhux qed imorru skola, u li huma bil-ġuħ. Hemm istatistika tan-Nazzjonijiet Uniti. Statistika li tbeżżgħek. Aħseb fit-tfal li jinsabu fi gwerra, li twieldu fil-gwerra u trabbew fil-gwerra. Ma jafux xi tkun il-paċi. Jekk taħseb biss fit-tfal – hemm affarijiet oħra wkoll – imma ejjew għal mument naħsbu fit-tfal: hemm statistika tal-biża. Mistoqsija li jeħtieġ li nagħmlu lkoll kemm aħna hija din: kif se nagħmlu biex it-tfal ikollhom x’jieklu, imorru l-iskola? Mostoqsija oħra hija l-gwerer. Aħna diġa ninsabu fit-tielet gwerra dinjija, hemm tant gwerer imxerrdin ma’ kullimkien! Kif se nimxu t-triq lejn il-paċi? Din hija problema li rridu nieħduha bis-serjetà. Jekk irridu noħorġu minn din il-pandemija mingħajr ma naraw dawn l-affarijiet, allura din se tkun telfa oħra, u nsibu ruħna agħar milli ninsabu issa. Jiena nara dawn iż-żewġ problemi kbar: it-tfal u l-gwerer. Ejjew naqbdu dawn iż-żewġ problemi – hemm ħafna oħrajn. Ejjew noħorġu minn dan il-perjodu b’affarijiet konkreti, ma noqogħdux noħolmu.  Inħarsu lejn l-affarijiet konkreti. Illum kif se nibdlu din is-sitwazzjoni? Niftakru f’dawk l-istatistiċi li jgħidu li jekk niffrankaw l-ispejjeż ta’ gwerra waħda għal xahar sħiħ, inkunu nistgħu nitimgħu lill-popolazzjoni tad-dinja kollha għal sena sħiħa. Hemm min hu bil-ġuħ. Jeħtieġ inkunu konxji ta’ dan kollu biex noħorġu minn din il-kriżi, u noħorġu b’rasna merfugħa, biex noħorġu aħjar, jeħtieġ inkunu realisti. Hemm bżonn inkunu saqajna mal-art.

 

Ġ:    Is-sena 2021 tagħtina tama permezz tal-vaċċin. Hemm ħafna li diġa qed jieħdu l-vaċċin. Oħrajn għadhom jaħsbuha. Kif se tkun is-sena 2021 għall-Papa Franġisku anke min dan il-lat? Inti se tieħdu l-vaċċin?

 

P:     Jiena nemmen li etikament kulħadd għandu jieħu l-vaċċin. Din mhijiex xi għażla ta’ x’naħseb jien. Hija għażla etika, għax tkun qed tilgħab ma’ saħħtek, tkun qed tilgħab ma’ ħajtek. U tkun qed tilgħab bil-ħajja tal-oħrajn. Il-ġimgħa d-dieħla se jibda jingħata (l-vaċċin) hawnhekk ukoll. U jien ibbukkjajt. Meta kont żgħir niftakar li kien hemm il-kriżi tal-poljo. U ħafna tfal baqgħu paralitiċi. U kulħadd kien iddisprat biex jieħu l-vaċċin. L-ommijiet kienu ddisprati. Aħna kbirna fid-dell tal-vaċċini, fosthom tal-ħożba u oħrajn. Kienu jagħtuhomlna meta nkunu għadna tfal. Ma nistax nifhem lil min jgħid li l-vaċċin hu perikoluż.  Jekk jagħtuhulna t-tobba, u jgħidulna li dan hu għall-ġid, u li ma fihx perikli partikulari, allura għalfejn ma nieħduhx? Jeżisti tip ta’ negazjoniżmu suwiċidali, li jien ma nafx nispjegah. Imma llum jeħtieġ li nieħdu l-vaċċin.

 

Ġ:    Kien hemm ħafna li approfittaw ruħhom mil-lockdown biex jitilqu.

 

P:     Din hija problema serja oħra. Kien hemm pajjiż fejn il-gvern qal li l-għada kien se jidħol fis-seħħ lockdown, u dakinhar telqu iktar minn erbgħin ajruplan privat mgħobbijin b’nies li riedu jmorru jagħmlu vaganzi f’żoni tal-vaganzi – ħdejn il-baħar jew f’xi pajjiż ieħor. Dan hu skandlu. Skandlu meta ma taħsibx fl-oħrajn. Huwa skandlu u fl-istess ħin suwiċidju, għaliex konna qed naraw bajjiet mimlijin nies, fejn il-virus jista’ jittieħed b’mod terribbli. Dan ġara anke hawn meta fil-bidu tas-Sajf fetħu l-bajjiet għan-nies, u n-nies marret bla ma qagħdet tinkwieta xejn. Min-naħa l-oħra jiena nifhem lin-nies. Immaġina familja b’żewġt itfal li kienu qed jgħixu f’appartament magħluqin – dan mhux faċli. Jiena nifhem it-tbatija tan-nies, għalhekk importanti li nkunu qrib ta’ xulxin bit-telefon, li nkunu qrib ta’ xulxin. Li nkunu qrib xulxin tgħinna nimxu ʼl quddiem f’din il-kriżi tal-pandemija. Imma mhux sew li biex inkun komdu jien, u biex nagħmel il-vaganzi jien, naħseb għal rasi biss, jeħtieġ naħseb fl-oħrajn. Jeħtieġ inħassar il-“jien”. Jew insalvaw ilkoll, jew ma jsalva ħadd.

 

Ġ:    Dakinhar tat-talba straordinarja li inti għamilt fi Pjazza San Pietru, inti għidtilna li ħadd ma jista’ jsalva waħdu. Imbagħad fl-Enċiklika “Fratelli Tutti” inti stedint lil kulħadd għall-fraternità: ilkoll flimkien, bħal aħwa, biex flimkien noħorġu minn din il-kriżi, u hekk nerġgħu nsibu l-paċi, il-ferħ u s-serenità. Imma kif tista’ titkellem fuq fraternità, fuq unità, meta naraw lil min hu fqir qed ikompli jitgħaffeġ, il-barranin li qed ikunu diskriminati, djar meqruda. X’taħseb?

 

 P:    Diffiċli!  Din hija sfida. Kif tista’ titkellem fuq il-fraternità meta tara dawn l-affarijiet? Hemm ħaġa li tgħinni ħafna meta naħseb fuqha: il-viċinanza – li nkun qrib. Hemm ġesti li bihom inwarrbu lin-nies. Li nkun qrib, din hija sfida. Li nkun qrib tal-oħrajn, fis-sitwazzjonijiet tagħhom, fil-problemi tagħhom, li nkun qrib. Il-kontra ta’ dan mhuwiex biss li nibqa’ ʼl bogħod mill-oħrajn, imma hemm ukoll il-kultura tal-indifferenza. Li ma jimpurtanix. Għax il-kultura tal-indifferenza toqtol, għax tbegħidni. Fl-Elemożinerija hemm ritratt li ħa wieħed mill-fotografi tagħna, għax dawn il-fotografi jmorru ʼl hawn u ʼl hemm ifittxu mumenti biex jieħdu ritratti. Darba f’lejl xitwi, kien hemm sinjura li kienet ħierġa minn ristorant lussuż, liebsa sew bl-ingwanti u bix-xalla w bil-kappell, tidher li hi persuna ta’ livell soċjali għoli. U fil-bieb tar-ristorant kien hemm mara oħra, liebsa mqattgħa, tidher li hi fqira. Din ħarġet idha u s-sinjura ħarset in-naħa l-oħra. Dan ir-ritratt li qiegħed fl-Elemożinerija hu ritratt veru għax ittieħed mill-ħajja reali. U l-problema ta’ din is-sinjura hija l-problema tagħna lkoll. L-indifferenza. Il-kultura tal-indifferenza. Ma jimpurtanix! Ma jinteressanix! U dan jiġġustifikawh meta jgħidu li jekk irridu nsolvu l-problemi kollha tad-dinja, ma nistgħux ngħixu. L-indifferenza. U din toqtolna, għax tbegħidna minn xulxin. Iżda s-sigriet biex noħorġu minn dan kollu huwa li nkunu qrib tal-oħrajn. Li nkun qrib tan-nies,  ta’ ħuti, tan-nies li qed ibatu, ta’ min jinsab fid-diffikultà. U nkun qrib mhux biss biex ngħin lil dak li jkun isolvi dik it-tali problema, imma biex niftħu triq ħalli nimxu ʼl quddiem biex insibu soluzzjoni għal din il-kriżi. Hemm il-possibiltà li noħorġu aħjar, u mhux agħar. Mela li nkunu qrib, hija kontra l-kultura tal-indifferenza li tbegħidna minn xulxin. Aħseb ftit f’ġesti ta’ viċinanza. Imbagħad hemm ġesti ta’ indifferenza li jbegħduna minn xulxin. Dan jista’ jgħinna.

 

Ġ:    Imbagħad meta ma jkunx hemm fraternità, meta ma jkunx hemm unità, jistgħu jinħolqu tensjonijiet soċjali, anke fil-pajjiżi, u għalhekk hemm bżonn li nerġgħu niskopru sens ta’ komunità, li nkunu komunità waħda, li nkunu grupp wieħed ta’ persuni.

 

P:     Iva. U dan hu importanti għal kulħadd. Anke fil-komunitajiet. Per eżempju, aħseb ftit fil-klassi tal-mexxejja, u fil-ħajja politika ta’ xi pajjiż. F’din il-klassi jista’ jkun hemm idejat differenti. U allura jkun hemm il-ġlieda politika. U jimponu l-idejat tagħhom fuq il-pajjiż u fuq is-soċjetà. Imma f’dan iż-żmien irridu naħdmu għall-għaqda. F’dan iż-żmien ħadd m’għandu dritt jitbiegħed mill-għaqda. Per eżempju, il-ġlieda politika hija ħaġa nobbli, għax il-politika hija waħda mill-attivitajiet l-iktar nobbli tal-bniedem, għax dak li jkun jaħdem għal-ġid komuni, u biex tikber is-soċjetà – din hi ħaġa nobbli ħafna – kemm jekk tkun ta’ partit kif ukoll ta’ partit ieħor. Il-partiti huma għodod, u l-intenzjoni tagħhom hija li l-pajjiż imur ʼil quddiem. Imma jekk il-politiċi jħarsu iktar lejn l-interess tagħhom milli lejn l-interess komuni, jirrovinaw kollox. Il-klassi tal-mexxejja m’għandhiex dritt tgħid il-kelma “jien”, imma trid tgħid il-kelma “aħna lkoll”. U jfittxu l-għaqda quddiem din il-kriżi. Meta tgħaddi l-kriżi, ħalli jerġgħu jgħidu “jien”. Imma bniedem politiku, f’dan il-mument, qed ngħid anke għar-rgħajja tal-knisja, in-nisrani, il-kattoliku, isqof, saċerdot – hu min hu – irid ikun kapaċi jgħid “aħna” u mhux “jien”. Irid jirbaħ l-“aħna”, il-ġid komuni ta’ kulħadd, irridu naħarbu l-egliżmu għax inkella ma nkunux fit-triq biex insolvu l-problemi. L-unità, unità dejjem, għax l-unità tmur lil hemm mill-konflitt. Il-konflitti fil-ħajja huma importanti. Imma f’dan iż-żmien il-konflitti rridu nibgħatuhom jieħdu vaganza! U nenfasizzaw l-unità. L-unità tal-pajjiż, tal-knisja, ta’ din is-soċjetà. Unità dejjem. Fraternità. Hemm min irid jieħu vantaġġ bħalissa biex jirbaħ elezzjoni. Bħalissa mhux il-mument! L-għeneb taqtgħu fil-ħarifa. Kollox ħinu. Bħalissa l-mument tal-paċi u mhux tal-kriżi. Bħalissa l-mument fejn niżirgħu, niżirgħu l-ġid komuni. Ngħid lill-mexxejja kollha, kemm tal-Knisja, kif ukoll politiċi, kif ukoll dawk fin-negozju biex għalissa jneħħu l-kelma “jien”, u jgħidu l-kelma “aħna. Veru li forsi titlef ċans, imma l-istorja tagħtik ċans ieħor. Imma mhux tagħmel negozju minn fuq dahar ħutek li qed ibatu. Quddiem din il-kriżi, irridu nkunu lkoll flimkien. Aħna. Inħassru l-“jien”.

 

Ġ:    Is-sena 2020 li għadha kemm intemmet ħalliet warajha mewġa ta’ disperazzjoni fost  in-nies tas-sengħa, negozjanti, u anke fil-familji. Dawn huma l-fqar il-ġodda tal-Covid. Hekk saru jgħidulhom. Żdiedu s-suwiċidji, negozjanti li neħħew ħajjithom b’idejhom. Xi tweġiba tagħti lil dawn in-nies li tilfu kollox minħabba l-pendemija, u saru l-fqar il-ġodda tal-lum?

 

P:     Il-kelma “tweġiba” ma togħġobnix. X’għandha tkun il-mistoqsija li rridu nagħmlulhom? Il-mistoqsija li nagħmlulhom hija: inti x’għandek bżonn? Tara x’għandhom bżonn u tgħinhom. Li tkun qrib tal-oħrajn tfisser li tgħinhom isolvu l-problemi. Hawnhekk f’Ruma, imma anke band’oħra, f’dan iż-żmien bdew joħorġu in-nies li jmexxu l-użura. Jiġi jħabbatlek il-bieb biex “igħinek” u minflok jgħinek isallbek. Dawn in-nies ma jersqux qrib ta’ min għandu bżonn biex isolvulu l-problema, imma biex jieħdu vantaġġ mill-problema. Li nkunu qrib tal-oħrajn, nistaqsuhom: x’għandek bżonn, kif nista’ ngħinek? Din hija fraternità. Meta nara l-bżonn tal-oħrajn, jiena nagħmel pass ʼil quddiem u nkun ġeneruż. Ngħidlek il-verità hawnhekk f’Ruma rajt tant affarijiet tajbin. Hemm nies li fehmu dan, u ħarġu fit-toroq u marru jgħinu lil dak l-anzjan li ma jistax joħroġ, jew iċemplu lil xi ħadd. Li tkun qrib tal-oħrajn. Imbagħad hemm il-problema ekonomika li hi kbira. Aħna fil-Caritas rajna n-numru tan-nies li jiġu, iktar milli rduppjaw. U aħna nagħtuhom. Ma ngħinuhomx ta’ darba, imma nibqgħu ngħinuhom sakemm is-sitwazzjoni tagħhom tkun aħjar. In-numru tan-nies bla xogħol illum huwa kbir, anke n-numru ta’ immigranti. Naraw xi bżonnijiet ikollhom, anke fejn tidħol il-kura medika, u ħafna affarijiet. Inkunu qrib biex nakkumpanjawhom, u biex insolvulhom il-problemi. Inkunu qrib biex niftħu toroq ta’ tama. Niżirgħu t-tama. It-tama tiżragħha billi tkun qrib tal-oħrajn. Taqbad lil xi ħadd min idu u tgħinu. Din hija fraternità. Dan huwa s-sigret li tkellimt dwaru fil-bidu. Irridu nkunu kuraġġużi u nivvintaw metodi biex inkunu qrib l-oħrajn. Ħadd ma jsalva waħdu. Jekk int ma tmurx fuq l-oħrajn u tgħinhom isalvaw, lanqas int ma ssalva! Dan li qed ngħid huwa sempliċi ħafna. Din hi l-ħajja. Ħadd ma jsalva waħdu.   Imbagħad ma rridux ninsew xi ħaġa kerha li qed tiġri fil-kultura tagħna, il-kultura tal-iskart. In-nies li ma jippruduċux, narmuhom. Allura narmu lit-tfal.  Ma rriduhomx, meta nsiru nafu li għandhom xi kundizzjoni jew xi marda, sempliċiment din it-tarbija ma rriduhiex, allura qabel titwieled neqirduha mill-ħajja tagħha.  Il-problema tal-abort mhux problema reliġjuża, le. Attenti! L-abort huwa problema umana. Problema ta’ etika umana. Hija problema li bniedem, anke jekk ikun ateju, irid isolvi fil-kuxjenza tiegħu. Għax jgħidulek: jien għandi dritt nagħmel hekk. Imma ħares lejn ir-risposta li tagħtik ix-xjenza – fit-tielet jew fir-raba’ ġimgħa it-tarbija jkollha d-DNA tagħna, ikollha l-organi kollha, hija ħajja umana. Allura jien nistaqsi: huwa sewwa li toqtol persuna umana biex issolvi problema? (tkun xi tkun il-problema). Le mhux sewwa. Huwa sewwa li tħallas lil xi ħadd biex joqtol ħalli inti issolvi problema? Din hija l-istess problema tal-abort – xjentifikament u umanament. Hawn lanqas tidħol ir-reliġjon. Dik tiġi wara. Qed narmu lit-tfal. Narmu lit-tfal anke meta ma nedukawhomx, jew meta ma jieklux sew. Għax jekk ma jieklux sew, jimirdu u jmutu. It-tfal ma jipproduċux, allura narmuhom. Narmu wkoll lill-anzjani. Dawn ukoll ma jipproduċux. Allura narmuhom. Narmu lill-morda. Allura jekk il-marda tkun gravi, ngħaġġluhom lejn il-mewt. Narmuhom biex aħna nkunu iktar komdi. Din hija l-kultura tal-iskart. Narmu lill-imigranti. Dawk in-nies li għerqu fil-Mediterran huma fuq il-kuxjenza tagħna, għax ma ħallejnihomx jiġu. X’se tagħmel bihom, dik problema oħra. Il-pajjiżi jridu jimxu bi prudenza u b’għaqal. Imma li tħallihom jegħrqu biex tiffranka li jkollok il-problemi, dik qatt. Din ħadd ma jagħmilha b’xi intenzjoni, veru. Imma jekk inti ma tgħinhomx, inti tkun qed tagħmel intenzjoni li ma tgħinhomx. Kontra l-kultura tal-iskart, hemm il-kultura li tilqa’ lill-oħrajn. Minflok narmu, nilqgħu. Neħduha kontra l-kultura tal-indifferenza: ilkoll aħwa. Ma tistax tħares in-naħa l-oħra, aħna lkoll aħwa.  U din hija t-triq biex insalvaw. Li nkunu qrib, il-fraternità. Fraternità ma tfissirx li nagħmlu speċi ta’ għaqda ta’ bejn il-ħbieb. Fraternità ma’ kulħadd.

 

Ġ:    L-ewwel tkellimt fuq l-unità. Dan l-aħħar rajna xeni fl-Amerika, xeni qawwija ħafna, fejn rajna inkwiet. Ilkoll rajna dawn ix-xeni. Kif tikkummenta fuq dawn ix-xeni u fuq dawn il-fatti?

 

P:     Jiena bqajt mistagħġeb meta tara poplu daqshekk dixxiplinat u li għandu għal qalbu d-demokrazija. Imma din hi r-realtà. Anke fejn hemm realtà matura, dejjem issib xi ħaġa li ma tmurx sewwa, dejjem issib nies li jaqbdu triq kontra l-komunità, kontra d-demokrazija, kontra l-ġid komuni. Nirringrazzjaw ʼl Alla li dan seħħ u li stajna narawh sew, ħalli b’hekk nirrimedjawh. Iva, moviment bħal dan irridu nikkundannawh, jagħmlu min jagħmlu. Il-vjolenza – daqqa tinsab hawn u daqqa hemm. Naħseb li l-ebda poplu ma jista’ jiftaħar li qatt ma kellu xi każ ta’ vjolenza. Kultant dan jiġri. Irridu nifhmu x’ġara biex ma jerġax jiġri. Irridu nitgħallmu mill-istorja. Dawk il-gruppi li jħossuhom li mhumiex parti mis-soċjetà, xi darba jew oħra jirrikorru għall-vjolenza.

 

Ġ:    Hemm xi ħaġa li ħolqitha l-pandemija – ħafna nies iddisprati intelqu f’idejn Alla.  Reġgħu skoprew il-fidi. Għalhekk mistoqsija li qed jagħmlu ħafna nies hija din: x’inhi l-fidi għall-Papa, għal Jorge Mario Bergoglio?

 

P:     Għalija l-fidi hi rigal. La int, la jien, ħadd ma jista’ jkollu l-fidi bil-forza tiegħu biss. Huwa rigal li jagħtik il-Mulej. Jiena nemmen għaliex ingħatajt dan ir-rigal. Il-fidi hija rigal li jingħata b’xejn. Jiena se nagħmel hekk biex ikolli l-fidi – le! Il-fidi ma tinxtarax. Il-verità hi li l-fidi hi rigal. Imbagħad f’sitwazzjonijiet diffiċli ikun hemm nies li jinfetħu, u jirċievu r-rigal. Mela l-attitudni tagħna għandha tkun li niftħu qalbna biex nirċievu r-rigal. Hemm oħrajn li ma jkollhomx din il-possibiltà, imma ma rrid niġġudika lil ħadd. Għax hemm nies li għall-kuntrarju, jingħalqu iktar. Inti l-ewwel tkellimt fuq is-suwiċidji. Imsieken, ma jsibux tama. Il-fidi għalija u għal kulħadd hija rigal. Jekk ma nilqgħuhiex bħala rigal, allura mhemmx fidi. Wieħed għandu jitlob għad-don tal-fidi, għax Alla jinsab qrib tagħna. Jien tkellimt fuq li nkunu qrib l-oħrajn. Alla jinsab qrib tagħna. Kemm tolqotni s-silta mid-Dewteronomju meta Alla jgħid lill-poplu tiegħu: Liema ġens fid-dinja għandu l-allat hekk qrib tiegħu, bħalma inti għandek lili?  Alla jippreżenta ruħu bħala qrib tagħna. Imbagħad b’Ġesù Kristu sar eqreb! Għaliex hu għex il-ħajja tagħna, anke permezz tax-xogħol u bil-problemi, imbagħad bil-passjoni u bil-mewt. Alla kemm hu qrib, u aħna kemm għandna nkunu qrib tal-oħrajn. Allura din il-fidi hija rigal li rridu nitolbu.

 

Ġ:    Jekk tippermettili, nagħmillek mistoqsija personali. Kif inbidlet il-ħajja ta’ kuljum tal-Papa? Hemm tant affarijiet li ma tistax tagħmel iktar, minħabba r-restrizzjonijiet. Nimmaġina li waqt il-lockdown kellek ċans titlob iktar, ħsibt u rriflettejt iktar. Kif inbidlet il-ħajja ta’ kuljum tal-Papa?

 

P:     L-ewwelnett ngħidlek li nħossni magħluq ġo gaġġa. Imma mbagħad ikkalmajt u bdejt nieħu l-ħajja kif tiġi. Kif għidt inti: titlob iktar, titkellem iktar, nuża iktar it-telefon, nagħmlu laqgħat biex insolvu xi problemi. Il-pandemija tat kulur lill-ħajja tal-Papa. Ninsab kuntent. Tlabt ukoll b’mod pubbliku, mort inżur lill-kurċifiss mirakoluż, anke t-talb fi Pjazza San Pietru, imbagħad il-Via Crucis. Dawn kienu espressjoni tan-niket li jinħass, espressjoni ta’ imħabba għan-nies kollha, anke biex nuru li hemm toroq differenti biex ngħinu lil xulxin. Dażgur, kelli nħassar vjaġġi, fosthom Papua New Guinea, l-Indoneżja. Għax jien ma stajtx inkun kawża li nlaqqgħu tant nies flimkien. Ma nafx jekk dawn hux se jsiru, imma l-ħajja nbidlet, iva. U l-Mulej jgħin lil kulħadd.

 

Ġ:    Tixtieq tagħmel l-awguri għas-sena 2021?

 

P:     Iva. Li noħorġu minn dil-kriżi, aħjar! Dan ifisser li nagħmlu kuraġġ, u naħsbu fl-oħrajn. Nawgura li ma jkunx hemm il-kultura tal-iskart u tal-indifferenza, imma l-kultura tal-fraternità. Li nkunu qrib. Kif nista’ nkun qrib tal-oħrajn biex ngħinhom? Tgħidli: imma jien ma nistax noqgħod qrib tal-oħrajn! Dażgur, fiżikament le! Imma kif tista’ tkun qrib l-oħrajn biex tgħin? Dan hu importanti. U li ma narmu lil ħadd.  U li ma jkunx hemm attitudnijiet egostiċi: dejjem jien! Le! U fuq kollox il-mexxejja kemm reliġjużi kif ukoll politiċi qatt ma jaħsbu fihom infushom, imma jaħsbu fl-oħrajn. L-unità. L-unità hija ikbar mill-konflitt. Fuq kollox nitolbu. Itolbu iktar. Grazzi!

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes.