Laikos

 

FRANĠISKU

KOSTITUZZJONI APPOSTOLIKA

EPISCOPALIS COMMUNIO

FUQ IS-SINODU TAL-ISQFIJIET

 

1. Il-komunjoni episkopali (Episcopalis communio), ma’ Pietru u taħt Pietru, tidher b’mod partikulari fis-Sinodu tal-Isqfijiet, li, imwaqqaf minn Pawlu VI fil-15 ta’ Settembru 1965, huwa fost l-aktar wirt prezzjuż tal-Konċilju Vatikan II.[1] Minnu ’l quddiem is-Sinodu, ġdid fit-twaqqif tiegħu imma antikissmu fl-ispirazzjoni, qed joffri kollaborazzjoni effikaċi lill-Papa, skont il-modi stabbiliti minnu stess, fil-kwistjonijiet ta’ importanza maġġuri, jiġifieri dawk li jitolbu għerf u prudenza speċjali għall-ġid tal-Knisja kollha. B’dan il-mod, is-Sinodu tal-Isqfijiet, “filwaqt li jirrappreżenta l-Episkopat kollu, juri li l-Isqfijiet kollha f’għaqda ġerarkika jerfgħu flimkien il-piż tar-responsabbiltà għall-Knisja universali”.[2]

 

Matul il-medda ta’ iktar minn ħamsin sena, l-Assemblej tas-Sinodu kienu għodda valida ta’ għarfien reċiproku bejn l-Isqfijiet, talb komuni, konfront leali, approfondiment fit-tagħlim Nisrani, riforma tal-istrutturi ekkleżjastiċi, promozzjoni tal-ħidma pastorali fid-dinja kollha. B’dan il-mod, dawn l-Assemblej mhux biss issawru f’post ipprivileġġjat ta’ interpretazzjoni u għarfien tal-maġisteru għani tal-Konċilju, imma offrew ukoll impuls qawwi għall-maġisteri tal-Papiet li ġew wara.

 

Illum ukoll, f’mument storiku li fih il-Knisja qed tmidd “pass ġdid ta’ evanġelizzazzjoni”,[3] li qed jitlob minna li “fir-reġjuni kollha tad-dinja […] inwaqqfu preżenza fi ‘stat permanenti ta’ missjoni’”,[4] is-Sinodu tal-Isqfijiet, bħal kull istituzzjoni ekkleżjastika oħra, hu msejjaħ biex isir dejjem iżjed “kanal tajjeb għall-evanġelizzazzjoni tad-dinja tal-lum, iktar milli għall-awtopreservazzjoni”.[5] Fuq kollox, kif diġà kien awgura l-Konċilju, hemm bżonn li s-Sinodu, fl-għarfien li “l-ħsieb li jixxandar il-Vanġelu mad-dinja kollha huwa qabelxejn dmir tal-korp tal-Isqfijiet”, iħabrek biex “jagħti ħsieb speċjali lill-ħidma missjunarja li hi l-akbar u l-eqdes dmir tal-Knisja”.[6] 

 

2. Hu providenzjali li t-twaqqif tas-Sinodu tal-Isqfijiet seħħ fil-kuntest tal-aħħar laqgħa ekumenika. Fil-fatt, il-Konċilju Vatikan II, “fuq il-passi tal-Konċilju Vatikan I”,[7] niżżel aktar fil-fond tat-Tradizzjoni ġenwina ekkleżjali t-tagħlim dwar l-Ordni Episkopali, u kkonċentra b’mod partikulari fuq is-sagramentalità tiegħu u fuq in-natura kolleġġjali tiegħu.[8] U hekk deher definittivament ċar li kull Isqof għandu, fl-istess ħin u b’mod li ma jinfiridx, sew ir-responsabbiltà għall-Knisja partikulari fdata lill-kura pastorali tiegħu u sew l-għożża għall-Knisja universali.[9]

 

Din l-attenzjoni, li tesprimi d-dimensjoni sopradjoċesana tal-munus episkopali, titħaddem b’mod solenni fl-istituzzjoni meqjuma tal-Konċilju ekumeniku u tesprimi ruħha fl-azzjoni flimkien tal-Isqfijiet imxerrda mad-dinja kollha, azzjoni li tiġi mxandra jew milqugħa liberament mill-Papa.[10] Imbagħad ma nistgħux ninsew li hi l-missjoni ta’ dan tal-aħħar, skont il-ħtiġijiet tal-Poplu ta’ Alla, li jindividwa u jippromovi l-għamliet ta’ kif il-Kulleġġ Episkopali jista’ jħaddem l-awtorità tiegħu fuq il-Knisja universali.[11]

 

Matul id-dibattitu konċiljari, pass pass mal-maturazzjoni tat-tagħlim dwar il-kolleġġjalità episkopali, ħarġet ukoll iżjed minn darba t-talba li l-ministeru universali tal-Papa jkollu mseħbin miegħu xi Isqfijiet, fl-għamla ta’ organiżmu ċentrali permanenti, estern għad-Dikasteri tal-Kurja Rumana, li seta’ jimmanifesta, anki ’l barra mill-forma solenni u straordinarja tal-Konċilju ekumeniku, l-attenzjoni tal-Kulleġġ Episkopali għall-ħtiġijiet tal-Poplu ta’ Alla u l-komunjoni bejn il-Knejjes kollha.

 

3. Biex jilqa’ dawn it-talbiet, fl-14 ta’ Settembru 1965 Pawlu VI ħabbar minn qabel lill-Padri Konċiljari, miġbura għas-sessjoni tal-ftuħ tar-raba’ perjodu tal-Konċilju ekumeniku, id-deċiżjoni li b’inizjattiva tiegħu u bis-setgħa li kellu jwaqqaf organiżmu msejjaħ Sinodu tal-Isqfijiet, li, “magħmul minn Isqfijiet, maħtura fil-parti l-kbira mill-Konferenzi Episkopali, bl-approvazzjoni Tagħna, jiġi msejjaħ, skont il-ħtiġijiet tal-Knisja, mill-Papa, għall-konsultazzjoni tiegħu u l-kollaborazzjoni miegħu, meta, għall-ġid ġenerali tal-Knisja, hu jidhirlu opportun”.

 

Fil-Motu proprju Apostolica sollicitudo, ippromulgat l-għada, l-istess Papa waqqaf is-Sinodu tal-Isqfijiet, fejn stqarr li dan, li permezz tiegħu “Isqfijiet magħżulin mid-diversi partijiet tad-dinja jwasslu lir-Ragħaj suprem tal-Knisja għajnuna iżjed effikaċi, ikun magħmul b’mod li jkun: 1) istituzzjoni ekkleżjastika ċentrali; 2) rappreżentant tal-Episkopat Kattoliku kollu; 3) perpetwu min-natura tiegħu; 4) f’dik li hi struttura, jiżvolġi d-dmirijiet tiegħu b’mod temporanju u okkażjonali”.[12]

 

Is-Sinodu tal-Isqfijiet, li fl-isem tiegħu ntrabat fl-ideal mat-tradizzjoni sinodali antika u mill-aktar għanja tal-Knisja, miżmuma b’ġieħ kbir fuq kollox mill-Knisja tal-Lvant, normalment kellu jkollu funzjoni konsultattiva, billi joffri lill-Papa, taħt id-dawl tal-Ispirtu s-Santu, tagħrif u pariri dwar id-diversi kwistjonijiet ekkleżjali. Fl-istess waqt, is-Sinodu seta’ jgawdi wkoll minn setgħat deċiżjonali, skont kemm xtaq jagħtih il-Papa.[13]

 

4. Pawlu VI, meta waqqaf is-Sinodu bħala “kunsill permanenti speċjali ta’ Ragħajja mqaddsa”, wera wkoll l-għarfien li hu, “bħal kull istituzzjoni umana, mal-medda taż-żmien jista’ jiġi pperfezzjonat aktar”.[14] F’dan l-iżvilupp li kellu jseħħ wara, kellhom sehem, minn naħa, l-għarfien progressiv tat-tagħlim għani tal-Konċilju dwar il-kolleġġjalità episkopali u, min-naħa l-oħra, l-esperjenza tal-għadd kbir ta’ Assemblej Sinodali ċċelebrati f’Ruma sa mill-1967, sena li fiha ġie ppubblikat ukoll Ordo Synodi Episcoporum.

 

Anki wara l-promulgazzjoni tal-Kodiċi tad-Dritt Kanoniku u tal-Kodiċi tal-Kanoni tal-Knejjes Orjentali, li integraw is-Sinodu tal-Isqfijiet fid-dritt universali,[15] dan baqa’ jevolvi ftit ftit, sal-aħħar edizzjoni tal-Ordo Synodi, ippromulgata minn Benedittu XVI fid-29 ta’ Settembru 2006. B’mod partikulari, ġiet imwaqqfa u qed tkompli tissaħħaħ fil-funzjonijiet tagħha s-Segreterija Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet, magħmula mis-Segretarju Ġenerali u minn Kunsill speċjali ta’ Isqfijiet, sakemm l-istabbiltà kostituttiva tas-Sinodu nnifsu ġiet żgurata aktar matul iż-żmien bejn Assemblea Sinodali u oħra.

 

F’dawn is-snin, meta rajna l-effikaċja tal-azzjoni sinodali quddiem il-kwistjonijiet li jitolbu intervent minnufih u id f’id tar-Ragħajja tal-Knisja, kibret ix-xewqa li s-Sinodu jsir iżjed manifestazzjoni partikulari u twettiq effikaċi tal-attenzjoni tal-Episkopat għall-Knejjes kollha. Diġà Ġwanni Pawlu II kien stqarr li “forsi dan l-istrument jista’ jitjieb iżjed. Forsi r-responsabbiltà kolleġġjali pastorali tista’ tesprimi ruħha fis-Sinodu b’mod iżjed sħiħ”.[16]

 

5. Għal dawn ir-raġunijiet, sa mill-bidu tal-ministeru Petrin tiegħi tajt attenzjoni speċjali lis-Sinodu tal-Isqfijiet, fiduċjuż li jistgħu jsiru fih “aktar żviluppi biex jisseddqu iżjed id-djalogu u l-kollaborazzjoni bejn l-Isqfijiet infushom kif ukoll bejnhom u l-Isqof ta’ Ruma”.[17] Biex din l-opra ta’ tiġdid tkun tassew ħajja jrid ikun hemm il-konvinzjoni soda li r-Ragħajja kollha qegħdin hemm għall-qadi tal-Poplu qaddis ta’ Alla, li minnu huma stess jagħmlu parti bis-sagrament tal-Magħmudija.

 

M’hemmx dubju li huwa minnu, kif jgħallem il-Konċilju Vatikan II, li “meta l-Isqfijiet jgħallmu f’għaqda mal-Isqof ta’ Ruma huma għandhom ikunu mismugħa minn kulħadd b’venerazzjoni bħala xhieda tal-verità divina u kattolika; il-fidili għandhom jaċċettaw il-ġudizzju tal-Isqof tagħhom, mogħti f’isem Kristu, fi ħwejjeġ ta’ fidi u morali u joqogħdu għalih b’qima reliġjuża”.[18] Imma hu daqshekk ieħor minnu li “l-ħajja tal-Knisja u l-ħajja fil-Knisja hi għal kull Isqof il-kundizzjoni għat-tħaddim tal-missjoni tiegħu li jgħallem”.[19]

 

Hekk l-Isqof hu fl-istess waqt għalliem u dixxiplu. Hu għalliem meta, mogħni bl-għajnuna speċjali tal-Ispirtu s-Santu, iħabbar lill-fidili l-Kelma tal-verità f’isem Kristu r-ras u r-ragħaj. Imma huwa wkoll dixxiplu meta, billi jaf li l-Ispirtu hu msawwab fuq kull imgħammed, jagħti widen għal-leħen ta’ Kristu li jitkellem permezz tal-Poplu kollu ta’ Alla, u hekk jagħmlu infallibbli ‘in credendo’”.[20] Fil-fatt, “il-ġemgħa tal-fidili li għandhom l-unzjoni minn Alla l-Qaddis (ara 1 Ġw 2:20,27) ma tistax tiżbalja fit-twemmin. Hija turi din in-nota karatteristika permezz tas-sens sopranaturali tal-fidi tal-poplu kollu meta l-fidili kollha ‘mill-isqfijiet sa l-anqas fost il-lajċi’ jagħtu l-kunsens tagħhom fi ħwejjeġ ta’ fidi u ta’ morali”.[21] L-Isqof, għalhekk, hu msejjaħ fl-istess ħin biex “jimxi quddiem, juri l-mixja, juri t-triq; jimxi fin-nofs, biex isaħħaħ [lill-Poplu ta’ Alla] fl-għaqda; jimxi wara, kemm biex ħadd ma jaqa’ lura, imma, fuq kollox, biex ikollu x-xamma li għandu l-Poplu ta’ Alla li jsib toroq ġodda. Isqof li jgħix qalb il-fidili tiegħu għandu widnejh miftuħa biex jisma’ ‘x’jgħid l-Ispirtu lill-Knejjes’ (Apok 2:7) u l-‘leħen tan-nagħaġ’, anki permezz ta’ dawk l-organiżmi djoċesani li għandhom ix-xogħol li jagħtu l-parir lill-Isqof, waqt li jippromovu djalogu leali u kostruttiv”.[22] 

 

6. Is-Sinodu tal-Isqfijiet irid ukoll isir dejjem iżjed strument ipprivileġġjat ta’ smigħ tal-Poplu ta’ Alla: “Qabelxejn, lill-Ispirtu s-Santu nitolbuh jagħti lill-Padri Sinodali d-don tas-smigħ: smigħ ta’ Alla, sa ma jaslu biex flimkien miegħu jisimgħu l-karba tal-poplu; smigħ tal-poplu, sa ma jaslu biex jieħdu l-istess nifs tar-rieda li Alla jsejħilna għaliha”.[23]

 

Għalkemm fil-mod kif inhu mfassal jidher bħala organiżmu essenzjalment episkopali, is-Sinodu xorta ma jaħdimx b’mod separat mill-bqija tal-fidili. Għall-kuntrarju, hu għodda adatta biex tagħti leħen lill-Poplu kollu ta’ Alla proprju permezz tal-Isqfijiet, magħżula minn Alla bħala “ħarriesa awtentiċi, interpreti u xhieda tal-fidi tal-Knisja kollha”,[24] u li minn Assemblea għall-oħra juru li huma espressjoni elokwenti tas-sinodalità bħala “dimensjoni kostituttiva tal-Knisja”.[25]

 

Għalhekk, kif stqarr Ġwanni Pawlu II, “kull Assemblea Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet hija esperjenza ekkleżjali qawwija, imqar jekk fil-modalitajiet tal-proċeduri tagħha tibqa’ dejjem suġġetta għal perfezzjonament. L-Isqfijiet miġbura f’Sinodu jirrappreżentaw qabelxejn lill-Knejjes tagħhom, imma jżommu quddiem għajnejhom ukoll il-kontributi tal-Konferenzi Episkopali tagħhom u li huma messaġġiera tal-pariri tagħhom dwar il-kwistjonijiet li jkunu jiġu ttrattati. Hekk huma jesprimu l-vot tal-Ġisem ġerarkiku tal-Knisja u, b’xi mod, dak tal-Poplu Nisrani, li tiegħu huma r-Ragħajja”.[26]

 

7. L-istorja tal-Knisja toffri xhieda wiesgħa tal-importanza tal-proċess konsultattiv, biex wieħed ikun jaf x’inhi l-fehma tar-Ragħajja u tal-fidili f’dak li jolqot il-ġid tal-Knisja. U għalhekk hu ta’ importanza kbira li, anki fil-preparazzjoni tal-Assemblej Sinodali, tingħata attenzjoni speċjali lill-konsultazzjoni tal-Knejjes partikulari kollha. F’din l-ewwel fażi l-Isqfijiet, skont l-indikazzjonijiet tas-Segreterija Ġenerali tas-Sinodu, iqiegħdu l-mistoqsijiet li jridu jiġu ttrattati fl-Assemblea Sinodali għall-attenzjoni tal-Presbiteri, id-Djakni u l-fidili lajċi tal-Knejjes tagħhom, kemm individalment u kemm imseħbin flimkien, mingħajr ma jittraskuraw is-sehem prezzjuż tal-Ikkonsagrati rġiel u nisa. Fuq kollox, jista’ jkun fundamentali l-kontribut tal-organiżmi ta’ parteċipazzjoni tal-Knisja partikulari, speċjalment il-Kunsill presbiterali u l-Kunsill pastorali, illi ibda minnhom li verament “tista’ tibda tissawwar Knisja sinodali”.[27]

 

Wara l-konsultazzjoni tal-fidili jkun imiss, tul iċ-ċelebrazzjoni ta’ kull Assemblea Sinodali, id-dixxerniment min-naħa tar-Ragħajja magħżula apposta, imxierka mat-tiftix ta’ kunsens li joħroġ mhux mil-loġika umana, imma mill-ubbidjenza lejn l-Ispirtu ta’ Kristu. Attenti għas-sensus fidei tal-membri tal-Poplu ta’ Alla – “li għandhom b’attenzjoni jagħrfu jagħżlu ruħhom mill-kurrenti tal-opinjoni pubblika li spiss jinbidlu” –,[28] il-Membri tal-Assemblea joffru lill-Papa l-parir tagħhom, biex dan jista’ jiswielu ta’ għajnuna fil-ministeru tiegħu ta’ Ragħaj universali tal-Knisja. F’din il-perspettiva, il-fatt li “s-Sinodu normalment għandu funzjoni konsultattiva biss ma jnaqqas xejn mill-importanza tiegħu. Fil-fatt, fil-Knisja l-għan ta’ kull organu, ikunx kolleġġjali, konsultattiv jew deċiżjonali, hu dejjem it-tifitx tal-verità jew tal-ġid komuni tal-Knisja. Meta mbagħad niġu għall-verifika tal-istess fidi, il-consensus Ecclesiæ ma jingħatax mill-għadd tal-voti, imma hu frott tal-Ispirtu, li hu r-ruħ tal-Knisja waħda ta’ Kristu”.[29] Għalhekk, il-vot tal-Padri Sinodali, “jekk moralment unanimi, għandu piż kwalitattiv ekkleżjali li jissupera l-aspett sempliċiment formali tal-vot konsultattiv”.[30]

 

Fl-aħħar nett, wara ċ-ċelebrazzjoni tal-Assemblea tas-Sinodu għandu jkun hemm il-fażi tat-twettiq tiegħu, bl-għan li fil-Knejjes partikulari kollha jibdew jiġu milqugħa l-konklużjonijiet sinodali, milqugħin l-ewwel mill-Papa fil-modi li hu jkun iġġudika l-iżjed konvenjenti. F’dan ir-rigward irridu nżommu tajjeb quddiem għajnejna li “l-kulturi huma differenti ħafna minn xulxin u kull prinċipju ġenerali […] hemm bżonn jiġi inkulturat, jekk irridu li jkun osservat u applikat”.[31] B’dan il-mod, jidher kif il-proċess sinodali għandu mhux biss il-punt tat-tluq tiegħu, imma anki l-punt tal-wasla fi ħdan il-Poplu ta’ Alla, li fuqu jridu jissawbu d-doni tal-grazzja mill-Ispirtu s-Santu permezz tal-miġemgħa tar-Ragħajja flimkien.

 

8. Is-Sinodu tal-Isqfijiet, li mill-Konċilju ekumeniku jieħu “b’xi mod ix-xbieha” u jirrifletti “l-ispirtu u l-metodu”,[32] hu magħmul minn Isqfijiet. Madankollu, kif diġà seħħ fil-Konċilju,[33] għall-Assemblea tas-Sinodu jistgħu jiġu msejħa wkoll xi oħrajn li mhumiex mogħnija bil-munus episkopali, li r-rwol tagħhom jiġi determinat kull darba mill-Papa. Dwar dan, irridu nqisu b’mod speċjali l-kontribut li jistgħu jagħtu dawk li jagħmlu parti mill-Istituti ta’ ħajja kkonsagrata u mis-Soċjetajiet ta’ ħajja appostolika.

 

Barra l-Membri, fl-Assemblea tas-Sinodu jistgħu jieħdu sehem, bħala mistednin u mingħajr id-dritt tal-vot, Esperti (Periti), li jikkoperaw fit-tfassil tad-dokumenti; Udituri (Auditores), li għandhom kompetenza partikulari fuq il-kwistjonijiet li jiġu ttrattati; Delegati Fraterni (Delegati Fraterni), minn Knejjes u Komunitajiet ekkleżjali li għadhom mhumiex f’komunjoni sħiħa mal-Knisja Kattolika. Ma’ dawn jistgħu jiżdiedu xi Mistiedna Speċjali (Invitati Speciales), magħżula minħabba l-awtorevolezza magħrufa tagħhom.

 

Is-Sinodu tal-Isqfijiet jiltaqa’ f’diversi għamliet ta’ Assemblea.[34] Jekk iċ-ċirkustanzi jkunu jissuġġerixxu hekk, l-istess Assemblea tas-Sinodu tista’ tiżvolġi f’iktar minn perjodu wieħed magħżulin minn xulxin. Kull Assemblea, indipendentement mill-modalitajiet ta’ kif tiżvolġi, hija mumenti importanti ta’ smigħ komunitarju ta’ dak li l-Ispirtu s-Santu “jgħid lill-Knejjes” (Apok 2:7). Għalhekk hu meħtieġ li, matul il-ħidmiet sinodali, jingħataw importanza partikulari ċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi u l-għamliet l-oħra ta’ talb korali, biex jinvokaw fuq il-Membri tal-Assemblea d-don tad-dixxerniment u tal-fehma waħda. Daqstant ieħor ikun xieraq li, skont it-tradizzjoni antika sinodali, il-ktieb tal-Vanġeli jiġi solennement intronizzat fil-bidu ta’ kull ġurnata, biex simbolikament il-parteċipanti kollha jiġu mħeġġa jaħsbu fil-ħtieġa li jkunu doċli għall-Kelma divina, li hi “Kelma tas-sewwa” (Kol 1:5).

 

9. Is-Segreterija Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet – magħmula mis-Segretarju Ġenerali, li jippresediha, mis-Sottosegretarju, li jgħin lis-Segretarju ġenerali fil-funzjonijiet kollha tiegħu, u minn xi Kunsilli speċjali ta’ Isqfijiet – tieħu ħsieb l-ewwel u qabel kollox il-ħidmiet marbuta mal-Assemblea Sinodali li ġiet iċċelebrata u dik li ħa tiġi ċċelebrata. Fil-fażi ta’ qabel l-Assemblea hi taħdem biex jintgħażlu t-temi għad-diskussjoni fl-Assemblea tas-Sinodu minn fost dawk proposti mill-Episkopat, għad-determinazzjoni eżatta tagħhom f’rabta mal-ħtiġijiet tal-Poplu ta’ Alla, għall-ftuħ tal-proċess konsultattiv u għat-tfassil tad-dokumenti preparatorji skont ir-riżultati tal-konsultazzjoni. Fil-fażi ta’ wara l-Assemblea, imbagħad, min-naħa tagħha hi tippromovi, flimkien mad-Dikasteru kompetenti tal-Kurja Rumana, it-twettiq tal-orjentamenti sinodali approvati mill-Papa.

 

Fost il-Kunsilli li jagħmlu parti mis-Segreterija Ġenerali, u hekk jagħtuha struttura partikulari tagħha, hemm qabelxejn il-Kunsill Ordinarju, magħmul fil-parti l-kbira tiegħu minn Isqfijiet djoċesani eletti mill-Padri tal-Assemblea Ġenerali Ordinarja. Minn meta twaqqaf fl-1971 għat-tħejjija u t-twettiq tal-Assemblea Ġenerali Ordinarja, hu wera biċ-ċar is-siwi tiegħu, billi wieġeb b’ċertu mod għax-xewqa ta’ dawk il-Padri Konċiljari li talbu li jiġu maħtura fuqu xi Isqfijiet, impenjati fil-ministeru pastorali fid-diversi reġjuni tad-dinja, bħala koperaturi stabbli tal-Papa fil-ministeru tiegħu ta’ Ragħaj universali. Barra l-Kunsill Ordinarju, jistgħu jitwaqqfu wkoll fi ħdan is-Segreterija Ġenerali Kunsilli oħra għat-tħejjija u t-twettiq tad-diversi Assemblej Sinodali tal-Assemblea Ġenerali Ordinarja.

 

Fl-istess waqt, is-Segreterija Ġenerali qiegħda għad-dispożizzjoni tal-Papa fil-kwistjonijiet kollha li hu jkun jixtieq iressaq għall-attenzjoni tagħha, biex hekk ikun jista’ jgawdi mill-parir żgur ta’ Isqfijiet li ta’ kuljum ikunu f’kuntatt mal-Poplu ta’ Alla anki ’l barra mil-laqgħat sinodali.

 

10. Grazzi wkoll għas-Sinodu tal-Isqfijiet jidher dejjem iżjed ċar li, fil-Knisja ta’ Kristu, hemm komunjoni profonda kemm bejn ir-Ragħajja u l-fidili, billi kull ministru ordnat hu mgħammed fost l-imgħammdin, magħżul minn Alla biex jirgħa l-Merħla tiegħu, u kemm bejn l-Isqfijiet u l-Papa, ladarba l-Papa hu “Isqof fost l-Isqfijiet, imsejjaħ fl-istess waqt – bħala Suċċessur tal-Appostlu Pietru – biex imexxi lill-Knisja ta’ Ruma li tmexxi fl-imħabba lill-Knejjes kollha”.[35] Dan ma jħalli lil ebda suġġett jeżisti mingħajr l-ieħor.

 

B’mod partikulari, il-Kulleġġ Episkopali qatt ma jista’ jeżisti mingħajr il-Kap tiegħu;[36] imma mqar l-Isqof ta’ Ruma, li għandu “fuq il-Knisja s-setgħa sħiħa, l-iżjed għolja u universali li hu jista’ jeżerċita l-ħin kollu bil-libertà kollha”,[37] “hu dejjem marbut fil-komunjoni mal-Isqfijiet l-oħra u mal-Knisja kollha”.[38] Dwar dan, “m’hemmx dubju li l-Isqof ta’ Ruma għandu bżonn tal-preżenza ta’ Ħutu l-Isqfijiet, tal-parir tagħhom u tal-prudenza u l-esperjenza tagħhom. Is-Suċċessur ta’ Pietru għandu, iva, ixandar lil kulħadd li hu ‘l-Messija, l-Iben ta’ Alla l-ħaj’, imma, fl-istess waqt, għandu jagħti attenzjoni lil dak li l-Ispirtu s-Santu jqanqal fuq fomm dawk li, għax laqgħu l-kelma ta’ Ġesù li tistqarr: ‘Inti Pietru…’ (ara Mt 16:16-18), għandhom sehem sħiħ fil-Kulleġġ appostoliku”.[39]

 

Għandi wkoll fiduċja li, waqt li tħeġġeġ sewwasew għal “konverżjoni tal-papat […] b’mod li [tagħmlu] iktar fidil lejn it-tifsira li ried jagħtih Ġesù Kristu u lejn il-ħtiġijiet tal-evanġelizzazzjoni llum il-ġurnata”,[40] il-ħidma tas-Sinodu tal-Isqfijiet tista’ bil-mod tagħha tgħin biex titwaqqaf mill-ġdid l-għaqda bejn l-Insara kollha, skont ir-rieda tal-Mulej (ara Ġw 17:21). B’dan il-mod hija tgħin lill-Knisja Kattolika, skont l-awgurju li għamel snin ilu Ġwanni Pawlu II, biex issib sura tat-tħaddim tal-Primat li mingħajr ma jitwarrab xejn minn dak li hu essenzjali fih, ikun miftuħ għal din il-qagħda ġdida”.[41]

 

Fl-ispirtu tal-kanoni 342 tal-CIC u jiena u nżomm quddiem għajnejja dak kollu meqjus sa issa, niddisponi u nistabbilixxi dan li ġej.

 

I. Assemblej tas-Sinodu

 

Art. 1

Presidenza u tipoloġija tal-Assemblej tas-Sinodu

§ 1. Is-Sinodu tal-Isqfijiet joqgħod direttament għall-Papa, li hu l-president tiegħu.

§ 2. Hu jiltaqa’

1. f’Assemblea Ġenerali Ordinarja, jekk jiġu ttrattati materji dwar il-ġid tal-Knisja universali;

2. f’Assemblea Ġenerali Straordinarja, jekk il-materji ttrattati, dwar il-ġid tal-Knisja universali, jesiġu kunsiderazzjoni urġenti;

3. f’Assemblea Speċjali, jekk jiġu ttrattati materji li iktar jolqtu reġjun wieħed jew iżjed ġeografikament determinati.

§ 3. Jekk iħoss li hu opportun, partikularment għal raġunijiet ta’ natura ekumenika, il-Papa jista’ jsejjaħ Assemblea Sinodali skont modalitajiet oħra stabbiliti minnu stess.

 

Art. 2

Membri u parteċipanti oħra tal-Assemblej tas-Sinodu

§ 1. Il-Membri tal-Assemblej tas-Sinodu huma dawk previsti mill-kan. 346 tal-CIC.

§ 2. Skont it-tema u ċ-ċirkustanzi, jistgħu jiġu msejħa għall-Assemblea tas-Sinodu anki xi oħrajn, li mhumiex mogħnija bil-munus episkopali, li r-rwol tagħhom jiġi determinat kull darba mill-Papa.

§ 3. L-għażla tal-Membri u tal-parteċipanti l-oħra għal kull Assemblea ssir skont in-norma tad-dritt partikulari.

 

Art. 3

Perjodi tal-Assemblea tas-Sinodu

§ 1. Skont it-tema u ċ-ċirkustanzi, l-Assemblea tas-Sinodu tista’ tiġi ċċelebrata f’iżjed perjodi magħżulin minn xulxin skont id-diskrezzjoni tal-Papa.

§ 2. Fiż-żmien bejn id-diversi perjodi, is-Segreterija Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet, flimkien mar-Relatur Ġenerali u s-Segretarju Speċjali tal-Assemblea, għandha l-ħidma li tippromovi l-iżvilupp tar-riflessjoni fuq it-tema jew fuq xi aspetti ta’ importanza partikulari li jkunu ħarġu mill-ħidmiet tal-assemblej.

§ 3. Il-Membri u l-parteċipanti l-oħra jibqgħu fil-kariga bla waqfien sax-xoljiment tal-Assemblea tas-Sinodu.

 

Art. 4

Fażijiet tal-Assemblea tas-Sinodu

Kull Assemblea tas-Sinodu tiżviluppa skont fażijiet wara xulxin: il-fażi preparatorja, il-fażi ċelebrattiva u l-fażi tal-attwazzjoni.

 

II. Fażi preparatorja tal-Assemblea tas-Sinodu

 

Art. 5

Ftuħ u għan tal-fażi preparatorja

§ 1. Il-fażi preparatorja tibda meta l-Papa jsejjaħ l-Assemblea tas-Sinodu, u jassenjalha tema waħda jew iżjed.

§ 2. Ikkordinata mis-Segreterija Ġenerali tas-Sinodu, il-fażi preparatorja għandha bħala għan tagħha l-konsultazzjoni tal-Poplu ta’ Alla fuq it-tema tal-Assemblea tas-Sinodu.

 

Art. 6

Konsultazzjoni tal-Poplu ta’ Alla

§ 1. Il-konsultazzjoni tal-Poplu ta’ Alla ssir fil-Knejjes partikulari, permezz tas-Sinodi tal-Isqfijiet tal-Knejjes patrijarkali u arċiveskovili maġġuri, tal-Kunsilli tal-Ġerarki u tal-Assemblej tal-Ġerarki tal-Knejjes sui iuris u tal-Konferenzi Episkopali.

F’kull Knisja partikulari l-Isqfijiet jiżvolġu l-konsultazzjoni tal-Poplu ta’ Alla billi jinqdew bl-Organiżmi ta’ parteċipazzjoni previsti mid-dritt, mingħajr jeskludu kull modalità oħra li jiġġudikaw f’lokha.

§ 2. L-Unjonijiet, il-Federazzjonijiet u l-Konferenzi maskili u femminili tal-Istituti ta’ Ħajja Kkonsagrata u tas-Soċjetà ta’ Ħajja Appostolika jikkonsultaw mas-Superjuri Maġġuri, li min-naħa tagħhom jistgħu jinvolvu l-Kunsilli tagħhom u anki Membri oħra tal-imsemmija Istituti u Soċjetajiet.

§ 3. Bl-istess mod anki l-Assoċjazzjonijiet tal-fidili rikonoxxuti mis-Santa Sede jikkonsultaw mal-Membri tagħhom.

§ 4. Id-Dikasteri tal-Kurja Rumana joffru l-kontribut tagħhom waqt li jżommu quddiem għajnejhom il-kompetenzi speċifiċi rispettivi.

§ 5. Is-Segereterija Ġenerali tas-Sinodu tista’ tindividwa wkoll għamliet oħra ta’ konsultazzjoni tal-Poplu ta’ Alla.

 

Art. 7

Trasmissjoni tal-kontributi preparatorji lis-Segreterija Ġenerali tas-Sinodu

§ 1. Kull Knisja partikulari tibgħat il-kontribut tagħha lis-Sinodu tal-Isqfijiet tal-Knejjes patrijarkali u arċiveskovili maġġuri, jew inkella lill-Kunsill tal-Ġerarki jew lill-Assemblea tal-Ġerarki tal-Knejjes sui iuris, inkella lill-Konferenza Episkopali tat-territorju tagħha.

Dawn l-organiżmi, min-naħa tagħhom, jittrasmettu lis-Segreterija Ġenerali tas-Sinodu ġabra fil-qosor tat-testi li waslulhom.

L-istess jagħmlu l-Unjoni tas-Superjuri Ġenerali u l-Unjoni Internazzjonali tas-Superjuri Ġenerali Nisa bil-kontributi elaborati mill-Istituti ta’ Ħajja Kkonsagrata u mis-Soċjetajiet ta’ Ħajja Appostolika.

Id-Dikasteri tal-Kurja Rumana jittrasmettu direttament il-kontributi tagħhom lis-Segreterija Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet.

§ 2. Jibqa’ sħiħ id-dritt tal-fidili, individwalment jew imseħbin flimkien, li jibagħtu direttament il-kontributi tagħhom lis-Segreterija Ġenerali tas-Sinodu.

 

Art. 8

Sejħa għal Laqgħa presinodali

§ 1. Skont it-tema u ċ-ċirkustanzi, is-Segreterija Ġenerali tas-Sinodu tista’ tippromovi s-sejħa għal Laqgħa presinodali bis-sehem ta’ xi fidili magħżulin minnha, biex huma wkoll, fid-diversi kundizzjonijiet tagħhom, joffru l-kontribut tagħhom lill-Assemblea tas-Sinodu.

Xi oħrajn jistgħu jiġu mistiedna wkoll.

§ 2. Din il-Laqgħa tista’ tinżamm fuq livell reġjonali, bis-sehem jekk meħtieġ tas-Sinodi tal-Isqfijiet tal-Knejjes patrijarkali u arċiveskovili maġġuri, il-Kunsilli tal-Ġerarki u tal-Assemblej tal-Ġerarki tal-Knejjes sui iuris u l-Konferenzi Episkopali tat-territorju interessat, kif ukoll tal-Laqgħat Internazzjonali relattivi tal-Konferenzi Episkopali, biex tingħata attenzjoni lill-partikularitajiet storiċi, kulturali u ekkleżjali tad-diversi reġjuni ġeografiċi.

 

Art. 9

Sehem tal-Istituti ta’ Studji Superjuri

L-Istituti ta’ Studji Superjuri, fuq kollox dawk li għandhom kompetenza speċjali fuq it-tema tal-Assemblea tas-Sinodu u fuq kwistjonijiet speċifiċi marbutin magħha, jistgħu joffru studji, jew b’inizjattiva tagħhom jew fuq talba tas-Sinodi tal-Isqfijiet tal-Knejjes patrijarkali u arċiveskovili maġġuri, tal-Kunsilli tal-Ġerarki u tal-Assemblej tal-Ġerarki tal-Knejjes sui iuris u tal-Konferenzi Episkopali, jew fuq talba tas-Segreterija Ġenerali tas-Sinodu.

Dawn l-istudji jistgħu jiġu trasmessi dejjem lis-Segreterija Ġenerali tas-Sinodu.

 

Art. 10

Twaqqif ta’ Kummissjoni preparatorja

§ 1. Għall-approfondiment tat-tema u t-tfassil ta’ Dokumenti qabel l-Assemblea tas-Sinodu, is-Segreterija Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet tista’ tinqeda b’Kummissjoni preparatorja, magħmula minn esperti.

§ 2. Din il-Kummissjoni hi maħtura mis-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu, li jippresediha.

 

III. Fażi ċelebrattiva tal-Assemblea tas-Sinodu

 

Art. 11

President Delegat, Relatur Ġenerali u Segretarju Speċjali

Qabel ma tiftaħ l-Assemblea tas-Sinodu, il-Papa jaħtar:

1. President Delegat jew iżjed, li jippresiedu l-Assemblea f’ismu u bl-awtorità tiegħu;

2. Relatur Ġenerali, li jikkordina d-diskussjoni fuq it-tema tal-Assemblea tas-Sinodu u l-elaborazzjoni ta’ dokumenti li jridu jitqiegħdu għall-attenzjoni ta’ din l-Assemblea;

3. Segretarju Speċjali jew iżjed, li jassistu lir-Relatur Ġenerali fil-funzjonijiet kollha tiegħu.

 

Art. 12

Esperti, Udituri, Delegati Fraterni u Mistiedna speċjali

§ 1. Fl-Assemblea tas-Sinodu jistgħu jiġu mistiedna, mingħajr id-dritt tal-vot:

1. Esperti, li jikkoperaw mas-Segretarju Speċjali skont il-kompetenza tagħhom fuq it-tema tal-Assemblea tas-Sinodu, li magħhom jistgħu jiżdiedu xi Konsulturi tas-Segreterija Ġenerali.

2. Udituri, li jikkontribwixxu fix-xogħlijiet assembleari skont l-esperjenza u l-għarfien tagħhom.

3. Delegati Fraterni, li jirrappreżentaw il-Knejjes u l-Komunitajiet ekkleżjali li għadhom mhumiex f’komunjoni sħiħa mal-Knisja Kattolika.

§ 2. F’ċirkustanzi partikulari jistgħu jintgħażlu, mingħajr id-dritt tal-vot, xi Mistiedna Speċjali, minħabba l-awtorevolezza partikulari tagħhom f’riferiment għat-tema tal-Assemblea tas-Sinodu.

 

Art. 13

Ftuħ u għeluq tal-Assemblea tas-Sinodu

L-Assemblea tas-Sinodu tiftaħ u tagħlaq biċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija ppreseduta mill-Papa, li fiha l-Membri u l-parteċipanti tal-Assemblea jieħdu sehem fid-diversità tal-kundizzjonijiet tagħhom.

 

Art. 14

Kongregazzjonijiet Ġenerali u Sessjonijiet taċ-Ċrieki minuri

L-Assemblea tas-Sinodu tiltaqa’ f’seduti plenarji, imsejħa Kongregazzjonijiet Ġenerali, li fihom jieħdu sehem il-Membri, l-Esperti, l-Udituri, id-Delegati Fraterni u l-Mistiedna Speċjali, jew f’Sessjonijiet taċ-Ċrieki minuri, li fihom il-parteċipanti tal-Assemblea jinqasmu skont in-norma tad-dritt partikulari.

 

Art. 15

Diskussjoni tat-tema tal-Assemblea tas-Sinodu

§ 1. Fil-Kongregazzjonijiet Ġenerali l-Membri jagħmlu l-interventi tagħhom skont in-norma tad-dritt partikulari.

§ 2. Perjodikament iseħħ ukoll skambju ħieles ta’ opinjonijiet bejn il-Membri fuq l-argumenti li jkunu jiġu ttrattati.

§ 3. Anki l-Udituri, id-Delegati Fraterni u l-Mistiedna Speċjali jistgħu jiġu mistiedna jieħdu l-kelma f’idejhom dwar it-tema tal-Assemblea tas-Sinodu.

 

Art. 16

Twaqqif ta’ Kummissjonijiet ta’ studju

Skont it-tema u ċ-ċirkustanzi, skont in-norma tad-dritt partikulari jistgħu jitwaqqfu xi Kummissjonijiet ta’ studju, magħmula minn Membri u parteċipanti oħra tal-Assemblea tas-Sinodu.

 

Art. 17

Elaborazzjoni u approvazzjoni tad-Dokument finali

§ 1. Il-konklużjonijiet tal-Assemblea jinġabru f’Dokument finali.

§ 2. Għat-tfassil tad-Dokument finali, titwaqqaf Kummissjoni apposta, magħmula mir-Relatur Ġenerali, li jippresediha, mis-Segretarju Ġenerali, mis-Segretarju Speċjali u minn xi Membri eletti mill-Assemblea tas-Sinodu, b’attenzjoni għad-diversi reġjuni, li magħhom jiżdiedu persuni oħra maħtura mill-Papa.

§ 3. Id-Dokument finali jingħadda għall-approvazzjoni tal-Membri skont in-norma tad-dritt partikulari, u possibbilment tiġi mfittxija l-unanimità morali.

 

Art. 18

Konsenja tad-Dokument finali lill-Papa

§ 1. Wara l-approvazzjoni tal-Membri, id-Dokument finali tal-Assemblea jiġi offrut lill-Papa, li jiddeċiedi dwar il-pubblikazzjoni tiegħu.

Jekk approvat espressament mill-Papa, id-Dokument finali jsir parti mill-Maġisteru ordinarju tas-Suċċessur ta’ Pietru.

§ 2. Jekk il-Papa jkun ta lill-Assemblea tas-Sinodu s-setgħa li tiddeċiedi hi, skont in-norma tal-kan. 343 tal-Kodiċi tad-Dritt Kanoniku, id-Dokument finali jidħol fil-Maġisteru ordinarju tas-Suċċessur ta’ Pietru meta jkun irratifikah u ppromulgah hu.

F’dan il-każ, id-Dokument finali jiġi ppubblikat bil-firma tal-Papa flimkien ma’ dik tal-Membri.

 

IV. Fażi ta’ attwazzjoni tal-Assemblea tas-Sinodu

 

Art. 19

Lqigħ u attwazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Assemblea

§ 1. L-Isqfijiet djoċesani jew eparkjali jieħdu ħsieb li l-konklużjonijiet tal-Assemblea tas-Sinodu, kif milqugħa mill-Papa, jiġu wkoll milqugħa u mwettqa, bl-għajnuna tal-organiżmi ta’ parteċipazzjoni previsti mid-dritt.

§ 2. Is-Sinodi tal-Isqfijiet tal-Knejjes patrijarkali u arċiveskovili maġġuri, il-Kunsilli tal-Ġerarki u tal-Assemblej tal-Ġerarki tal-Knejjes sui iuris u l-Konferenzi Episkopali jikkordinaw l-attwazzjoni tal-konklużjonijiet imsemmija fit-territorju tagħhom u għal dan il-għan jistgħu jippredisponu inizjattivi komuni.

 

Art. 20

Dmirijiet tas-Segreterija Ġenerali tas-Sinodu

§ 1. Flimkien mad-Dikasteru kompetenti tal-Kurja Rumana, kif ukoll, skont it-tema u ċ-ċirkustanzi, Dikasteri oħra b’diversi modi interessati, is-Segreterija Ġenerali tas-Sinodu min-naħa tagħha tippromovi l-attwazzjoni tal-orjentamenti sinodali approvati mill-Papa.

§ 2. Is-Segreterija Ġenerali tista’ tiddisponi minn qabel għal studji u inizjattivi oħra idonji mal-għan.

§ 3. F’ċirkustanzi partikulari s-Segreterija Ġenerali, bil-mandat tal-Papa, tista’ toħroġ dokumenti applikattivi, wara li tkun semgħet il-fehma tad-Dikasteru kompetenti.

 

Art. 21

Twaqqif ta’ Kummissjoni għall-attwazzjoni

§ 1. Skont it-tema u ċ-ċirkustanzi, is-Segreterija Ġenerali tas-Sinodu tista’ tinqeda b’Kummissjoni għall-attwazzjoni, magħmula minn esperti.

§ 2. Is-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu jaħtar fuqha l-Membri, wara li jkun ħa l-parir tal-Kap tad-Dikasteru kompetenti tal-Kurja Rumana, u jippresediha.

§ 3. Il-Kummissjoni tgħin bi studji apposta lis-Segreterija Ġenerali fil-ħidma msemmija fl-art. 20 § 1.

 

V. Segreterija Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet

 

Art. 22

Twaqqif tas-Segreterija Ġenerali

§ 1. Is-Segreterija Ġenerali hija istituzzjoni permanenti għas-servizz tas-Sinodu tal-Isqfijiet, li twieġeb direttament lill-Papa.

§ 2. Hi magħmula mis-Segretarju Ġenerali, mis-Sottosegretarju, li jgħin lis-Segretarju Ġenerali fil-funzjonijiet kollha tiegħu, u mill-Kunsill Ordinarju, kif ukoll, jekk ikunu twaqqfu, mill-Kunsilli msemmija fl-art. 25.

§ 3. Is-Segretarju Ġenerali u s-Sottosegretarju jinħatru mill-Papa u huma Membri tal-Assemblea tas-Sinodu.

§ 4. Għall-ħidmiet tagħha s-Segreterija Ġenerali tinqeda b’għadd xieraq ta’ uffiċċjali u ta’ konsulturi.

 

Art. 23

Dmirijiet tas-Segreterija Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet

§ 1. Is-Segreterija Ġenerali hi kompetenti fit-tħejjija u fit-twettiq tal-Assemblej tas-Sinodu, kif ukoll fil-kwistjonijiet l-oħra li l-Papa jkun irid iqegħdilha taħtha għall-ġid tal-Knisja universali.

§ 2. Għal dan il-għan, hi tikkopera mas-Sinodi tal-Isqfijiet tal-Knejjes patrijarkali u arċiveskovili maġġuri, il-Kunsilli tal-Ġerarki u tal-Assemblej tal-Ġerarki tal-Knejjes sui iuris u l-Konferenzi Episkopali, kif ukoll mad-Dikasteri tal-Kurja Rumana.

 

Art. 24

Il-Kunsill Ordinarju tas-Segreterija Ġenerali

§ 1. Il-Kunsill Ordinarju tas-Segreterija Ġenerali hu kompetenti għat-tħejjija u t-twettiq tal-Assemblea Ġenerali Ordinarja.

§ 2. Hu magħmul fil-parti l-kbira tiegħu minn Isqfijiet djoċesani, eletti mill-Assemblea Ġenerali Ordinarja f’rappreżentanza tad-diversi reġjuni ġeografiċi skont in-norma tad-dritt partikulari, li fosthom ikun hemm wieħed mill-Kapijiet jew l-Isqfijiet eparkjali tal-Knejjes Kattoliċi tal-Lvant; kif ukoll mill-Kap tad-Dikasteru tal-Kurja Rumana kompetenti fit-tema tas-Sinodu stabbilit mill-Papa u minn xi Isqfijiet maħtura mill-Papa.

§ 3. Il-Membri tal-Kunsill Ordinarju jidħlu fil-kariga għat-terminu tal-Assemblea Ġenerali Ordinarja li eleġġiethom, huma Membri tal-Assemblea Ġenerali Ordinarja ta’ wara u jieqfu mill-mandat tagħhom max-xoljiment ta’ din tal-aħħar.

 

Art. 25

Il-Kunsilli l-oħra tas-Segreterija Ġenerali

§ 1. Il-Kunsilli tas-Segreterija Ġenerali għat-tħejjija tal-Assemblea Ġenerali Straordinarja u tal-Assemblea Speċjali huma magħmula minn Membri maħtura mill-Papa.

§ 2. Il-Membri ta’ dawn il-Kunsilli jipparteċipaw fl-Assemblea tas-Sinodu skont id-dritt partikulari u jtemmu l-mandat tagħhom max-xoljiment ta’ din tal-aħħar.

§ 3. Il-Kunsilli tas-Segreterija Ġenerali għat-twettiq tal-Assemblea Ġenerali Straordinarja u tal-Assemblea Speċjali huma magħmula fil-parti l-kbira minn Membri eletti mill-Assemblea tas-Sinodu skont in-norma tad-dritt partikulari, li magħhom jiżdiedu Membri oħra maħtura mill-Papa.

§ 4. Dawn il-Kunsilli jibqgħu fil-kariga għal ħames snin mix-xoljiment tal-Assemblea tas-Sinodu, sakemm il-Papa ma jistabbilix mod ieħor.

 

Dispożizzjonijiet finali

 

Art. 26

Is-Segreterija Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet toħroġ, skont l-ispirtu u n-normi ta’ din il-Kostituzzjoni appostolika, Istruzzjoni fuq iċ-ċelebrazzjoni tal-Assemblej Sinodali u fuq il-ħidma tas-Segreterija Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet u, fl-okkażjoni ta’ kull Assemblea tas-Sinodu, Regolament fuq l-iżvolġiment tagħha.

 

Art. 27

Fl-ispirtu tal-kan. 20 tal-CIC u tal-kan. 1502 § 2 tal-CCEO, bil-promulgazzjoni u l-pubblikazzjoni ta’ din il-Kostituzzjoni appostolika ma jibqgħux fis-seħħ id-dispożizzjonijiet kollha kuntrarji, b’mod partikulari:

1. il-kanoni tal-CIC u tal-CCEO li, kollha jew parti minnhom, jirriżultaw direttament kuntrarji għal xi artiklu ta’ din il-Kostituzzjoni appostolika;

2. l-artikli tal-Motu proprju Apostolica sollicitudo ta’ Pawlu VI, 15 ta’ Settembru 1965;

3. l-Ordo Synodi Episcoporum, 29 ta’ Settembru 2006, inkluż l-Adnexum de modo procedendi in Circulis minoribus.

 

Nistabbilixxi li dak li qed jiġi deċiż b’din il-Kostituzzjoni appostolika jkollu effett sħiħ sa mill-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fuq L’Osservatore Romano, minkejja kull ħaġa kuntrarja, anki jekk jixirqilha tissemma b’mod speċjali, u li jiġi ppubblikat fil-Kummentarju uffiċjali tal-Acta Apostolicæ Sedis.

 

Nistieden lil kulħadd biex b’qalb sinċiera u disponibbiltà pronta jilqa’ d-dispożizzjonijiet ta’ din il-Kostituzzjoni appostolika, bl-għajnuna tal-Verġni Marija, Sultana tal-Appostli u Omm il-Knisja.

 

Mogħtija Ruma, f’San Pietru, fil-15 ta’ Settembru 2018, is-sitt sena tal-Pontifikat.

 

Franġisku

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 


 

[1] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Digriet Christus Dominus (28 ta’ Ottubru 1965), 5.

[2] Ibid.; ara San Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Pastores gregis (16 ta’ Ottubru 2003), 58.

[3] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 1.

[4] Ibid., 25.

[5] Ibid., 27.

[6] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Digriet Ad gentes (7 ta’ Ottubru 1965), 29; ara Id., Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium (21 ta’ Novembru 1964), 23.

[7] Ibid., 18.

[8] Ara ibid., 21-22; Digriet Christus Dominus, 4.

[9] Ara Lumen gentium, 23; Christus Dominus, 3.

[10] Ara Lumen gentium, 22; Christus Dominus, 4; Codex Iuris Canonici (25 ta’ Jannar 1983), kan. 337, §§ 1-2; Codex Canonum Ecclesiarum Orientalium (18 ta’ Ottubru 1990), kan. 50, §§ 1-2.

[11] Ara Codex Iuris Canonici, kan. 337, § 3; Codex Canonum Ecclesiarum Orientalium, kan. 50, § 3.

[12] N. I.

[13] Ara ibid., II.

[14] Ibid., Prœmio.

[15] Ara Codex Iuris Canonici, kan. 342-348; Codex Canonum Ecclesiarum Orientalium, kan. 46.

[16] Omelija fil-Quddiesa tal-għeluq tas-VI Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet (29 ta’ Ottubru 1983).

[17] Diskors lill-Membri tat-XIII-il Kunsill Ordinarju tas-Segreterija Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet (13 ta’ Ġunju 2013).

[18] Lumen gentium, 25.

[19] Eżortazzjoni appostolika postsinodali Pastores gregis, 28.

[20] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 119.

[21] Lumen gentium, 12.

[22] Diskors lill-Parteċipanti fil-Konvenju għall-Isqfijiet ġodda organizzat mill-Kongregazzjoni għall-Isqfijiet u mill-Kongregazzjoni għall-Knejjes Orjentali (19 ta’ Settembru 2013). Ara Evangelii gaudium, 31.

[23] Diskors fil-Velja ta’ talb bi tħejjija għas-Sinodu fuq il-familja (4 ta’ Ottubru 2014).

[24] Diskors fil-50 anniversarju tas-Sinodu tal-Isqfijiet (17 ta’ Ottubru 2015).

[25] Ibid.

[26] Eżortazzjoni appostolika postsinodali Pastores gregis, 58.

[27] Diskors fil-50 anniversarju tas-Sinodu tal-Isqfijiet. Ara Evangelii gaudium, 31.

[28] Diskors fil-50 anniversarju tas-Sinodu tal-Isqfijiet.

[29] Eżortazzjoni appostolika postsinodali Pastores gregis, 58.

[30] San Ġwanni Pawlu II, Diskors lill-Kunsill tas-Segreterija Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet (30 ta’ April 1983).

[31] Diskors tal-għeluq tal-XIV-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet (24 ta’ Ottubru 2015).

[32] Il-Beatu Pawlu VI, Diskors għall-ftuħ tal-ħidmiet tal-I Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet (30 ta’ Settembru 1967).

[33] Ara Codex Iuris Canonici, kan. 339, § 2; Codex Canonum Ecclesiarum Orientalium, kan. 52, § 2.

[34] Ara Codex Iuris Canonici, kan. 346.

[35] Diskors fil-50 anniversarju tas-Sinodu tal-Isqfijiet.

[36] Ara Lumen gentium, 22.

[37] Ibid.

[38] Codex Iuris Canonici, kan. 333, § 2; ara Codex Canonum Ecclesiarum Orientalium, kan. 45, § 2; Pastores gregis, 58.

[39] Ittra lis-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet fl-okkażjoni tal-elevazzjoni tas-Sottosegretarju għad-dinjità episkopali (1 ta’ April 2014).

[40] Evangelii gaudium, 32.

[41] Enċiklika Ut unum sint (25 ta’ Mejju 1995), 95.