DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

LILL-KOMUNITÀ TAL-PATRIJIET MINURI TA’ LA VERNA

U TAL-PROVINĊJA TOSKANA

Sala Clementina

Il-Ġimgħa 5 ta’ April 2024

 

Għeżież ħuti, merħba bikom!

 

Insellem lill-Isqof ta’ Arezzo-Cortona-Sansepolcro, li qiegħed magħkom, u lilkom kollha. Qed nieħu pjaċir niltaqa’ magħkom, fis-sena li fiha qed infakkru t-tmien ċentinarju tad-don tal-istimmati, li San Franġisk irċieva fuq il-Verna fl-14 ta’ Settembru 1224, sentejn qabel mewtu. Grazzi li ġibtu hawn ir-relikwa tad-demm tiegħu li qed tagħmel pellegrinaġġ twil f’diversi komunitajiet, biex tfakkar l-importanza tat-twaħħid tiegħu ma’ “Kristu fqir u Mislub” (Tumas ta’ Celano, Vita Seconda, n. 105).

 

U proprju ta’ dan it-twaħħid l-istimmati huma wieħed mis-sinjali l-iżjed elokwenti li l-Mulej ta, matul il-medda tas-sekli, lil ħutna fil-fidi ta’ kundizzjonijiet, stati u provenjenzi differenti. Lil kulħadd, fi ħdan il-Poplu qaddis ta’ Alla, ifakkruh fit-tbatija li bata għall-imħabba u għas-salvazzjoni tagħna Ġesù fil-ġisem tiegħu; imma huma wkoll sinjal tar-rebħa tal-Għid: huwa proprju permezz tal-pjagi li l-ħniena tal-Mislub Irxoxt, bħal minn kanali, tgelgel għal għandna. Ejjew nieqfu u nirriflettu fuq it-tifsira tal-istimmati, l-ewwel fil-ħajja tan-Nisrani u mbagħad fil-ħajja tal-Franġiskan.

 

L-istimmati fil-ħajja tan-Nisrani. Id-dixxiplu ta’ Ġesù jsib f’San Franġisk stimmatizzat mera tal-identità tiegħu. Fil-fatt, min jemmen, ma jagħmilx parti minn grupp ta’ ħsieb jew ta’ azzjoni li jżomm flimkien biss bis-saħħa tal-bnedmin, imma minn Ġisem ħaj, il-Ġisem ta’ Kristu li hija l-Knisja. U din l-appartenenza mhijiex biss fl-isem, imma reali: in-Nisrani ġie mmarkat biha fil-Magħmudija, li qiegħdet fina l-marka tal-Għid tal-Mulej. Hekk, fil-komunjoni tal-imħabba tal-Knisja, kull wieħed u waħda minna jiskopri mill-ġdid min hu: iben maħbub, imbierek, u rrikonċiljat, mibgħut biex jagħti xhieda tal-għeġubijiet tal-grazzja u jkun bennej tal-fraternità. Għalhekk in-Nisrani hu msejjaħ idur b’mod speċjali fuq l-“istimmatizzati” li jiltaqa’ magħhom: fuq l-“immarkati” mill-ħajja, li jġorru l-feriti tat-tbatija u l-inġustizzji li ġarrbu jew ta’ żbalji li għamlu. U f’din il-missjoni l-Qaddis tal-Verna hu seħibna fil-mixja, li jweżinna u jgħinna biex ma nħallux id-diffikultajiet, il-biżgħat u l-kontradizzjonijiet tagħna u ta’ ħaddieħor jgħaffġuna. Dan hu li Franġisku għamel ta’ kuljum, mil-laqgħa mal-imġiddem ’il quddiem, nesa lilu nnifsu fid-don u fil-qadi, sa wasal, fl-aħħar snin, biex “jiddiżapproprja ruħu” – din il-kelma hi muftieħ – jiddiżapproprja ruħu f’ċert sens minn dak li kien ta bidu għalih, u jinfetaħ b’kuraġġ u umiltà għal toroq ġodda, doċli għall-Mulej u għal ħutu. Fil-faqar tiegħu fl-ispirtu – dan importanti: Franġisku, il-faqar fl-ispirtu – u fl-affidament tiegħu lill-Missier hu ħalla lil kulħadd xhieda dejjem attwali tal-Vanġelu. Jekk trid taf tajjeb lil Kristu fit-tbatija tiegħu, fittex Franġiskan. U intom, aħsbu ftit intomx xhieda ta’ dan.

 

U niġu għat-tieni punt: l-istimmati fil-ħajja tal-Franġiskan. Il-Qaddis fundatur tagħkom joffrilkom sejħa qawwija biex tingħaqdu fikom infuskom u fl-istorja tagħkom. Fil-fatt, il-Mislub li jidhirlu fuq il-Verna, u jħalli l-marki tiegħu fuq ġismu, huwa l-istess wieħed li kien ħalla l-marka tiegħu fuq qalbu fil-bidu tal-“konverżjoni” tiegħu u li kien urieh il-missjoni li “jsewwi d-dar tiegħu”.

 

F’dan il-punt tat-“tiswija”, nixtieq insemmi l-ħila li naħfru. Intom konfessuri tajbin: il-Franġiskan famuż għal dan. Aħfru kollox, aħfru dejjem! Alla ma jegħja qatt jaħfer: aħna li negħjew nitolbu maħfra. Aħfru dejjem. Komma wiesa’, iva, imma aħfru dejjem.

 

Fi Franġisku, bniedem li jsib is-sliem fis-sinjal tas-salib, li bih kien ibierek lil ħutu, l-istimmati jirrappreżentaw is-siġill tal-essenzjali. Din ifakkar lilkom ukoll biex terġgħu lura għall-essenzjal fid-diversi aspetti tal-ħajja tagħkom: fil-mixjiet ta’ formazzjoni, fil-ħidmiet appostoliċi u fil-preżenza tagħkom f’nofs in-nies; biex tkunu dawk li, maħfura, iwasslu l-maħfra; imfejqa, iwasslu l-fejqan; hienja u sempliċi fil-fraternità; bil-qawwa tal-imħabba li toħroġ mill-kustat ta’ Kristu u li tisseddaq fil-laqgħa personali tagħkom miegħu, li tiġġedded ta’ kuljum b’ħeġġa serafika li tkebbes fil-qalb.

 

Kemm hi ħaġa sabiħa li qed terġgħu tibdew minn hawn, għeżież ħuti Franġiskani, f’din is-sena ġubilari. Minn hawn qed terġgħu tibdew, b’mod partikulari intom, li tieħdu ħsieb il-Verna. Ħossukom imsejħa twasslu fil-komunitajiet u fraternitajiet tagħkom, fil-Knisja u fid-dinja, xi ftit minn dik l-imħabba bla tarf li wasslet lil Ġesù biex imut fuq is-salib għalina. L-intimità miegħu, kif ġralu Franġisku, tagħmilkom dejjem iżjed umli, iżjed magħquda, iżjed ferħana u essenzjali, tħobbu s-salib u attenti għall-foqra, xhieda ta’ paċi u profeti ta’ tama f’dan iż-żmien tagħna li tant isibha bi tqila jagħraf il-preżenza tal-Mulej. Ħa tkunu dejjem iżjed sinjal u xhieda, bil-ħajja kkonsagrata tagħkom, tas-Saltna ta’ Alla li tgħix u tikber fost il-bnedmin.

 

U hemm ħaġa li rrid ngħidilkom. Qed tiġini f’moħħi art twelidi: hemm dawk li ma jistgħux jaraw qassis u li malli jaraw wieħed ġej imissu l-ħadid, għax iġib l-isfortuna, imma qatt u qatt ma jagħmlu hekk quddiem iċ-ċoqqa Franġiskana! Kurjuża din. Franġiskan qatt ma jiġi insultat. Għaliex, ma nafx! Imma ċ-ċoqqa tagħkom tfakkar f’San Franġisk u fil-grazzji maqlugħa. Ibqgħu mexjin hekk, u ma jimpurtax jekk taħt it-tonka hemm il-jeans blu, mhix problema, imma ibqgħu mexjin!

 

U proprju biex nitolbu din il-grazzja ta’ konverżjoni kontinwa u ta’ ġid, nixtieq nagħlaq billi nitolbu lill-Missier Serafiku tagħkom b’din it-talba li qed nafdalkom, waqt li nitlobkom ukoll tiftakru fija quddiem il-Mulej:

 

San Franġisk,

bniedem immarkat bil-pjagi tal-imħabba Misluba fil-ġisem u fl-ispirtu,

lejk inħarsu, imżejjen bl-istimmati mqaddsa,

biex nitgħallmu nħobbu lill-Mulej Ġesù,

lil ħutna bl-imħabba tiegħek, bil-passjoni tiegħek.

Miegħek hu iżjed faċli nikkontemplaw u nimxu

wara Kristu fqajjar u Mislub.

Agħtina, Franġisku,

il-freskezza tal-fidi tiegħek,

iċ-ċertezza tat-tama tiegħek,

il-ħlewwa tal-imħabba tiegħek.

Idħol int għalina,

biex tkunilna ħaġa ħelwa li nġorru t-toqol tal-ħajja

u qalb il-provi nagħrfu nduqu

l-ħlewwa tal-Missier u l-balzmu tal-Ispirtu.

Ħa jkunu l-ġrieħi tagħna mfejqa mill-Qalb ta’ Kristu,

biex, bħalek, insiru xhieda tal-ħniena tiegħu,

li tissokta tfejjaq u ġġedded il-ħajja

ta’ dawk li jfittxuh b’qalb sinċiera.

O Franġisku, li l-Mislub tak xebh miegħu,

agħmel li l-istimmati tiegħek ikunu għalina u għad-dinja

sinjali jixegħlu ta’ ħajja u ta’ qawmien,

li juruna toroq ġodda ta’ paċi u ta’ rikonċiljazzjoni. Amen.

 

U issa nixtieq nagħtikom il-barka bir-relikwa ta’ San Franġisk.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard