VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

F’ĊIPRU U FIL-GREĊJA

(2-6 TA’ DIĊEMBRU 2021)

 

LAQGĦA MAS-SAĊERDOTI, RELIĠJUŻI, DJAKNI, KATEKISTI,

ASSOĊJAZZJONIJIET U MOVIMENTI EKKLEŻJALI TA’ ĊIPRU

 

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

 

Katidral Maronita ta’ Sidtna Marija tal-Grazzji f’Nicosia

Il-Ħamis 2 ta’ Diċembru 2021

 

Beatitudnijiet, għeżież ħuti Isqfijiet,

għeżież saċerdoti, reliġjużi,

għeżież katekisti, ħuti, Χαίρετε! [Is-sliem!]

 

Ninsab ferħan li qed fostkom. Nixtieq nesprimi l-gratitudni tiegħi lejn il-Kardinal Béchara Boutros Raï għall-kelmtejn tiegħu u nsellem bi mħabba lill-Patrijarka Pierbattista Pizzaballa. Grazzi lilkom kollha, tal-ministeru tagħkom u s-servizz tagħkom; b’mod partikulari lilkom, għeżież sorijiet, għall-opra edukattiva fl-iskola, tant iffrekwentata mit-tfal tal-gżira, post ta’ laqgħa, ta’ djalogu, taħriġ fl-arti li nibnu l-pontijiet. Grazzi! Grazzi lil kulħadd tal-qrubija tagħkom lejn il-persuni, speċjalment fil-kuntesti soċjali u ta’ xogħol fejn hu l-iktar iebes.

 

Naqasam magħkom il-ferħ tiegħi li qed inżur din l-art, nimxi bħala pellegrin fuq il-passi tal-Appostlu kbir Barnaba, iben dan il-poplu, dixxiplu li nnamra ma’ Ġesù, ħabbar qalbieni tal-Vanġelu li, huwa u għaddej minn fost il-komunitajiet Insara li kienu għadhom jitwieldu, lemaħ il-grazzja ta’ Alla taħdem u feraħ “u beda jħeġġiġhom biex jibqgħu b’rieda sħiħa magħqudin fil-Mulej” (Atti 11:23). U jiena ġejt hawn b’din l-istess xewqa: li nara l-grazzja ta’ Alla taħdem fil-Knisja tagħkom u fl-art tagħkom, nifraħ magħkom għall-għeġubijiet li l-Mulej jagħmel u nħeġġiġkom tipperseveraw dejjem, bla ma tegħjew, bla ma qatt taqtgħu qalbkom. Alla huwa ikbar! Alla hu ikbar mid-diffikultajiet tagħna. Nimxu ’l quddiem!

 

Inħares lejkom u nara l-għana tad-diversità tagħkom. Huwa minnu, taħlita tajba ta’ frott! Kollha differenti. Insellem lill-Knisja Maronita, li matul is-sekli waslet kemm-il darba f’din il-gżira u, minkejja l-ħafna provi li spiss għaddiet minnhom, żammet sħiħa fil-fidi. Meta naħsbu fil-Libanu nitħasseb ħafna fuq il-kriżi li għaddej minnha u nħoss it-tbatija ta’ poplu għajjien u mġarrab mill-vjolenza u mit-tbatija. Fit-talb tiegħi nġorr ix-xewqa tal-paċi li tielgħa mill-qalb ta’ dan il-pajjiż. Nirringrazzjakom għal dak li qed tagħmlu għall-Knisja, għal Ċipru. Iċ-ċedri tal-Libanu huma kkwotati tant drabi fl-Iskrittura bħala mudelli ta’ ġmiel u ta’ kobor. Imma anki ċedru kbir għandu l-bidu tiegħu fl-għeruq u jibda jwarrad ftit ftit. Intom dawn l-għeruq, trapjantati f’Ċipru biex ixxerrdu l-fwieħa u l-ġmiel tal-Vanġelu. Grazzi!

 

Insellem ukoll lill-Knisja Latina, li ilha preżenti hawn millennji sħaħ, li matul iż-żmien rat jikber, flimkien ma’ wliedha, l-entużjażmu tal-fidi u li llum, grazzi għall-preżenza ta’ tant aħwa migranti, hija poplu “ta’ ħafna lwien”, post veru u proprju ta’ laqgħa bejn gruppi etniċi u kulturi differenti. Dan il-wiċċ ta’ Knisja juri x’inhu r-rwol ta’ Ċipru fil-kontinent Ewropew: art bl-għelieqi dehbija, gżira mmellsa mill-imwieġ tal-baħar, imma fuq kollox storja li hi nisġa ta’ popli u mużajk ta’ laqgħat. Hekk ukoll hija l-Knisja: Kattolika, jiġifieri universali, spazju miftuħ li fih kulħadd hu milqugħ u milħuq mill-ħniena ta’ Alla u mill-istedina biex iħobb. Ma hemmx u m’għandux ikun hemm ħitan fil-Knisja Kattolika. U dan ma rridux ninsewh! Ħadd minna ma ġie msejjaħ hawn bi proselitiżmu ta’ predikatur, qatt. Il-proselitiżmu hu sterili, ma jagħtix ħajja. Aħna lkoll ġejna msejħin mill-ħniena ta’ Alla, li ma tehda qatt issejjaħ, ma tegħja qatt tkun qrib, ma tegħjiex taħfer. Fejn huma l-għeruq tal-vokazzjoni Nisranija tagħna? Fil-ħniena ta’ Alla. Dan ma għandna ninsewh qatt. Il-Mulej ma jqarraqx bina; il-ħniena tiegħu ma tqarraqx bina. Dejjem ħa nsibuha tistenniena. Ma hemmx u m’għandux ikun hemm ħitan fil-Knisja Kattolika, nitlobkom! Hija dar komuni, hija l-post tar-relazzjonijiet, hija l-konvivenza tad-diversitajiet: dak ir-rit, dak ir-rit l-ieħor…; wieħed jaħsibha hekk, dik is-soru ratha mod ieħor, dik l-oħra ratha hekk… Id-diversità ta’ kulħadd u, f’dik id-diversità, l-għana tal-għaqda. U min jagħmilha l-għaqda? L-Ispirtu s-Santu. U min jagħmel id-diversità? L-Ispirtu s-Santu. Min jista’ jifhem, ħa jifhem. Huwa l-awtur tad-diversità u hu l-awtur tal-armonija. San Bażilju qalu dan: Ipse harmonia est”. Huwa Dak li jagħmel id-diversità tad-doni u l-għaqda fl-armonija tal-Knisja.

 

Għeżież tiegħi, nixtieq issa naqsam magħkom xi ħaġa dwar San Barnaba, ħukom u Patrun tagħkom, billi nislet żewġ kelmiet minn ħajtu u mill-missjoni tiegħu.

 

L-ewwel waħda hi sabar. Dwar Barnaba jingħad li kien bniedem kbir ta’ fidi u ta’ bilanċ, li ġie magħżul mill-Knisja ta’ Ġerusalemm – tista’ tgħid mill-Knisja omm – bħala l-persuna l-iżjed idonja biex iżżur komunità ġdida, dik ta’ Antjokja, magħmula minn diversi kkonvertiti ġodda mill-paganiżmu. Ġie mibgħut biex imur jara x’kien qed jiġri, kważi bħala esploratur. Hawn sab persuni li kienu ġejjin minn dinja oħra, kultura oħra, sensibbiltà reliġjuża oħra; persuni li kienu għadhom kemm bidlu ħajjithom u allura kellhom fidi kollha mħeġġa, imma li kienet għadha dgħajfa, bħalma jkun fil-bidu. F’din is-sitwazzjoni kollha l-atteġġjament ta’ Barnaba kien ta’ sabar kbir. Jaf jistenna. Jaf jistenna s-siġra tikber. Huwa s-sabar ta’ min il-ħin kollu jinsab fi vjaġġ; is-sabar li nidħlu fil-ħajja tal-persuni li sa issa ma konniex għadna nafuhom; is-sabar li nilqgħu l-ġdid mingħajr ma ngħaġġlu niġġudikawh; is-sabar tad-dixxerniment, li jaf jaqra s-sinjali tal-opra ta’ Alla kullimkien; is-sabar li “nistudjaw” kulturi u tradizzjonijiet oħra. Barnaba fuq kollox għandu s-sabar tal-akkumpanjament: iħalli lil min jikber, billi jakkumpanjah. Ma jirfisx il-fidi dgħajfa tal-ġodda li waslu b’atteġġjamenti rigorużi, inflessibbli, jew b’talbiet esiġenti wisq dwar l-osservanza tal-preċetti. Le. Iħallihom jikbru, iseħibhom, jaqbdilhom idejhom, jiddjaloga magħhom. Barnaba ma jiskandalizzax ruħu, l-istess kif missier u omm ma jiskandalizzawx ruħhom b’uliedhom, imma jakkumpanjawhom, jgħinuhom jikbru. Żommuh f’moħħkom dan: il-firdiet, il-proselitiżmu fil-Knisja ma hux sew. Ħalli lil min jikber u sieħeb il-passi tiegħu. U jekk trid iċċanfar lil xi ħadd, ċanfru, imma bi mħabba, bil-paċi. Huwa l-bniedem tas-sabar.

 

Għandna bżonn ta’ Knisja li tistabar, għeżież ħuti. Ta’ Knisja li ma tħallix il-bidliet jifxluha u jħawduha, imma tilqa’ b’serenità dak li hu ġdid u tgħarbel is-sitwazzjonijiet fid-dawl tal-Vanġelu. F’din il-gżira hi prezzjuża l-ħidma li qed tagħmlu intom biex tilqgħu lill-aħwa ġodda li jaslu minn xtut oħra tad-dinja: bħal Barnaba, intom ukoll imsejħin trawmu ħarsa ta’ sabar u attenzjoni, u tkunu sinjali viżibbli u kredibbli tas-sabar ta’ Alla li ma jħalli qatt lil ħadd barra minn daru, ħadd qatt nieqes mit-tgħanniqa ħelwa tiegħu. Il-Knisja f’Ċipru għandha dawn id-dirgħajn miftuħa: tilqa’, tintegra, takkumpanja. Huwa messaġġ importanti anki għall-Knisja fl-Ewropa kollha, immarkata mill-kriżi tal-fidi: ma għandniex inkunu impulsivi, ma għandniex inkunu aggressivi jew nostalġiċi jew ingergru, imma tajjeb nimxu ’l quddiem billi naqraw is-sinjali taż-żminijiet u anki s-sinjali tal-kriżi. Jeħtieġ nerġgħu nibdew u nħabbru l-Vanġelu bis-sabar, nieħdu f’idejna l-Beatitudnijiet, fuq kollox inħabbruhom lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda. Lilkom, ħuti Isqfijiet, nixtieq ngħidilkom: kunu ragħajja paċenzjużi fil-qrubija, tegħjew qatt tfittxu lil Alla fit-talb, tfittxu s-saċerdoti fil-laqgħa, lil ħutkom ta’ konfessjonijiet Insara oħra b’rispett u attenzjoni, u lill-fidili fejn jgħixu. U lilkom, għeżież saċerdoti li tinsabu hawn, nixtieq ngħidilkom: stabru bil-fidili, kunu dejjem lesti li tagħmlulhom il-qalb, kunu ministri bla waqfien tal-maħfra u tal-ħniena ta’ Alla. Qatt imħallfin ibsin, imma dejjem missirijiet kollkom imħabba.

 

Meta naqra l-Parabbola tal-iben il-ħali: l-iben il-kbir kien imħallef iebes, imma l-missier kien ħanin, ix-xbieha tal-Missier li dejjem jaħfer, anzi, li dejjem qed jistenniena biex jaħfrilna! Is-sena l-oħra grupp ta’ żgħażagħ li jtella’ l-ispettakli, pop music, riedu jagħmlu l-parabbola tal-iben il-ħali, kantata b’mużika pop u bid-djalogi… Mill-isbaħ! Imma l-isbaħ ħaġa hija d-diskussjoni tal-aħħar, meta l-iben il-ħali jmur għand ħabib tiegħu u jgħidlu: “Jien ma nistax nibqa’ sejjer hekk. Irrid immur lura d-dar, imma nibża’ li missieri jsabbatli l-bieb f’wiċċi, ikeċċini. Nibża’ u ma nafx x’naqbad nagħmel” – “Imma missierek twajjeb!” – “Iva, imma taf int… hemm ħija hemm, iżommlu rasu sħuna”. Lejn tmiem dik l-opra pop fuq l-iben il-ħali, il-ħabib jgħidlu: “Int agħmel ħaġa: ikteb lil missierek u għidlu li tixtieq terġa’ lura d-dar, imma qed tibża’ li ma jeħodhiex tajjeb. Għidlu lil missierek li, jekk lest li jilqgħek lura, idendel maktur mal-ogħla tieqa tad-dar, hekk missierek ikun jurik minn qabel jekk iridx jilqgħek jew ikeċċik”. U jagħlaq dak l-att. Fl-att ta’ wara, l-iben ikun miexi lejn id-dar ta’ missieru. U meta huwa u miexi, idur, u jilmaħ id-dar ta’ missieru: kienet mimlija mkatar bojod! Mimlija! Dan hu Alla għalina. Dan hu Alla tagħna. Ma jegħja qatt jaħfrilna. U meta l-iben ibexxaq ħalqu biex jitkellem: “Aħ, sinjur, jiena għamilt…” – “Biżżejjed”, u jagħlaqlu ħalqu.

 

Lilkom is-saċerdoti: nitlobkom, tkunux rigoristi fil-qrar. Meta taraw li xi persuna qed issibha bi tqila, għidulha: “Fhimt, fhimt”. Dan ma jfissirx li jkollok “komma wiesgħa”, le. Ifisser li jkollok qalb ta’ missier, bħalma qalb ta’ missier hi dik ta’ Alla. L-opra li l-Mulej iwettaq fil-ħajja ta’ kull persuna hi storja mqaddsa: ejja ninnamraw magħha b’passjoni. Fil-firxa wiesgħa tal-poplu tagħkom, is-sabar ifisser ukoll li jkollkom widnejn u qalb għal diversi sensibbiltajiet spiritwali, diversi modi ta’ espressjoni tal-fidi, diversi kulturi. Il-Knisja ma tridx tagħmel kollox uniformi – nitlobkom, le! – imma tintegra l-kulturi kollha, il-psikoloġiji kollha tan-nies, bis-sabar ta’ omm, għax il-Knisja hija omm. Dan hu li nixtiequ nagħmlu bil-grazzja ta’ Alla fil-mixja sinodali: nitolbu bis-sabar, nisimgħu bis-sabar, Knisja doċli għal Alla u miftuħa għall-bniedem. Dan hu s-sabar, wieħed mill-aspetti ta’ Barnaba.

 

Fl-istorja ta’ Barnaba hemm aspett ieħor importanti li rrid insemmi: il-laqgħa tiegħu ma’ Pawlu ta’ Tarsu u l-ħbiberija fraterna tagħhom, li wasslithom biex jgħixu l-missjoni flimkien. Wara l-konverżjoni ta’ Pawlu, li qabel kien persekutur akkanit tal-Insara, “ilkoll kienu jibżgħu minnu, għax ma kinux emmnu li tassew ikkonverta” (Atti 9:26). Hawn il-Ktieb tal-Atti tal-Appostli jgħid ħaġa sabiħa ħafna: “Barnaba qabdu u ħadu miegħu” (v. 27). Jippreżentah lill-komunità, jirrakkonta xi ġralu, jidħol hu garanti tiegħu. “Qabdu u ħadu miegħu”. L-espressjoni tfakkar fl-istess missjoni ta’ Ġesù, li ħa miegħu lid-dixxipli fit-toroq tal-Galilija, li ħa fuqu l-umanità tagħna miġruħa mid-dnub. Huwa atteġġjament ta’ ħbiberija, atteġġjament ta’ qsim ta’ ħajja. Nieħdu magħna, nieħdu fuqna u nitgħabbew bl-istorja tal-ieħor, nagħtu ċans biex insiru nafuh mingħajr ma nittimbrawh – id-dnub ta’ min jagħti t-tikketti lin-nies, nitlobkom! –, nerfgħuh fuq spallejna meta hu għajjien jew midrub, kif jagħmel is-Samaritan it-tajjeb (ara Lq 10:25-37). Din tissejjaħ fraternità. U din hija t-tieni kelma li nixtieq ngħidilkom. L-ewwel, sabar; it-tieni, fraternità.

 

Barnaba u Pawlu, bħal aħwa, jivvjaġġaw flimkien biex ixandru l-Vanġelu, anki qalb il-persekuzzjonijiet. Fil-Knisja ta’ Antjokja, “għaddew sena sħiħa flimkien fil-knisja, u għallmu kotra kbira ta’ nies” (Atti 11:26). Imbagħad it-tnejn li huma, bir-rieda tal-Ispirtu s-Santu, ġew magħżula għal missjoni ikbar u “telqu bil-baħar għal Ċipru” (Atti 13:4). U l-Kelma ta’ Alla ġriet u kibret mhux biss minħabba fil-kwalitajiet umani tagħhom, imma fuq kollox għax kienu aħwa f’isem Alla u f’din il-fraternità ta’ bejniethom deher jilma l-kmandament tal-imħabba. Aħwa differenti – bħas-subgħajn ta’ id, kollha differenti –, imma kollha bl-istess dinjità. Aħwa. Imbagħad, kif jiġri fil-ħajja, seħħ fatt mhux mistenni: l-Atti jirrakkontaw li t-tnejn kellhom xi jgħidu bil-kbir u t-toroq tagħhom infirdu (ara Atti 15:39). Anki fost l-aħwa jkun hemm diskussjonijiet, u xi drabi tilwim. Imma Pawlu u Barnaba ma nfirdux għal raġunijiet personali, imma għax kienu qed jiddiskutu fuq il-ministeru tagħhom, fuq kif ikomplu bil-missjoni, u kellhom viżjoni differenti minn ta’ xulxin. Barnaba xtaq jieħu miegħu fil-missjoni anki liż-żagħżugħ Marku, u Pawlu ma riedx. Iddiskutew, imma minn xi ittri ta’ wara miktuba minn Pawlu nifhmu li bejn it-tnejn ma kien fadal ebda rabja għal xulxin. Saħansitra lil Timotju, li kellu jmur ħdejh wara, Pawlu jiktiblu: “Fittex ejja ħdejja malajr. […] Ħu ’l Marku [proprju Marku!] u ġibu miegħek, għax hu jiswieli ħafna għall-ministeru” (2 Tim 4:9,11). Din hija l-fraternità fil-Knisja: nistgħu niddiskutu fuq il-viżjoni, fuq perspettivi differenti – u sew nagħmlu, jaqbel, jagħmlilna tajjeb, xi ftit tad-diskussjoni tagħmel tajjeb –, fuq sensibbiltajiet u ideat differenti, għax kerha li ma tiddiskuti qatt. Meta jkun hemm din il-paċi wisq rigorista, din mhix ġejja minn Alla. F’familja l-aħwa jiddiskutu, jaqsmu ideat differenti. Jiena jiġini suspett minn dawk li ma jiddiskutu qatt, għax għandhom “aġendi” moħbija, dejjem. Din hija l-fraternità tal-Knisja: nistgħu niddiskutu fuq il-viżjoni, fuq is-sensibbiltajiet, fuq ideat differenti, u f’ċerti każi ngħidu l-affarijiet lil xulxin mingħajr ħafna tidwir, dan jgħinna f’ċerti każi, u ma ngħiduhomx minn wara dahar xulxin bit-tqassis li lil ħadd ma jiswa ta’ ġid. Hija okkażjoni biex nikbru u nibdlu d-diskussjoni. Imma niftakru dejjem: niddiskutu mhux biex nagħmlu gwerra lil xulxin, mhux biex nimponu ruħna, imma biex nesprimu u ngħixu l-vitalità tal-Ispirtu, li hu mħabba u komunjoni. Niddiskutu, imma nibqgħu aħwa. Nifakarni tifel, konna ħamsa. Konna niddiskutu bejnietna, xi drabi b’ton qawwi, mhux kuljum, u mbagħad fuq il-mejda konna kollha flimkien. Id-diskussjoni tal-familja li għandha omm, ommha l-Knisja: l-ulied jiddiskutu.

 

Għeżież ħuti, għandna bżonn ta’ Knisja fraterna li tkun strument ta’ fraternità għad-dinja. Hawn Ċipru jeżistu tant sensibbiltajiet spiritwali u ekkleżjali, diversi stejjer ta’ provenjenza, ta’ riti, ta’ tradizzjonijiet differenti; imma ma rridux naraw id-diversità bħala theddida għall-identità, lanqas għandna ngħiru u naraw kif ħa nipproteġu l-ispazji tagħna. Jekk naqgħu f’din it-tentazzjoni jikber il-biża’, il-biża’ jġib in-nuqqas ta’ fiduċja f’xulxin, in-nuqqas ta’ fiduċja jġib is-suspett, u llum jew għada jġib il-gwerra. Aħna aħwa, maħbuba minn Missier wieħed. Intom mgħaddsa fil-Mediterran: baħar ta’ stejjer differenti, baħar li kien benniena ta’ tant ċiviltajiet, baħar li minnu sal-lum għadhom jiżbarkaw persuni, popli u kulturi minn kull naħa tad-dinja. Bil-fraternità tagħkom tistgħu tfakkru lil kulħadd, lill-Ewropa kollha, li biex nibnu futur li jixraq lill-bniedem jeħtieġ naħdmu flimkien, negħlbu l-firdiet, inġarrfu l-ħitan u nikkultivaw il-ħolma tal-għaqda. Għandna bżonn nilqgħu lil xulxin u nintegraw lil xulxin, nimxu flimkien, inkunu lkoll aħwa!

 

Nirringrazzjakom ta’ dak li intom u ta’ dak li tagħmlu, tal-ferħ li bih tħabbru l-Vanġelu u tat-taħbit u ċ-ċaħdiet li bihom tweżnuh u tmexxuh ’il quddiem. Din hi t-triq li ħażżulna l-Appostli mqaddsa Pawlu u Barnaba. Nawguralkom li tkunu dejjem Knisja li tistabar, li tiddixxerni, li ma tibża’ qatt, tiddixxerni, li ssieħeb u li tintegra; u Knisja fraterna, li tagħmel wisa’ għall-ieħor, tiddiskuti imma tibqa’ magħquda, u tikber fid-diskussjoni. Inberikkom, lil kull wieħed u waħda minnkom. U nitlobkom, komplu itolbu għalija, għax għandi bżonn! Efcharistó! [Grazzi!]

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard