VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU F’BUDAPEST

FL-OKKAŻJONI TAL-QUDDIESA TA’ TMIEM IT-52 KUNGRESS EWKARISTIKU INTERNAZZJONALI,

U FIS-SLOVAKKJA
(12-15
ta’ SETTEMBRU, 2021)

LAQGĦA MAL-KOMUNITÀ ROM

 TISLIMA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Kwrtier Luník IX (Košice)
It-Tlieta, 14 ta’ Settembru, 2021

Għeżież ħuti il-waranofsinhar it-tajjeb!

Irroddilkom ħajr għal-laqgħa u għall-kliem mimli għozza li lqajtuni bihom.  Ján fakkar dak li kien qalilkom San Pawlu VI: “Intom m’intkomx fil-periferija tal-Knisja...Intom tinsabu fil-qalb tal-Knisja” (Omelija, 26 ta’ Settembru, 1965).  Fil-Knisja ħadd m’għandu jħossu barra minn postu jew imwarrab.  Dan mhux sempliċi diskors, dan hu l-mod kif inhi l-Knisja.  Għax li tkun Knisja jfisser li tkun imsejjaħ minn Alla, ifisser li tħossok sehem fiha, tifforma parti mill-istess għaqda.  Iva, għax Alla hekk irid, kulħadd differenti imma lkoll madwaru.  Il-Mulej jarana lkoll flimkien.  Ilkoll.

U jarana bħala wliedu: għandu l-ħarsa ta’ Missier, ħarsa preferenzjali għal kull wieħed u waħda minn uliedu.  Jekk dil-ħarsa jien nilqagħha fuqi, nitgħallem nara t-tajjeb f’ħaddieħor: niskopri li ħdejja hemm ulied Alla oħra u nagħrafhom bħala ħuti.

Din hi l-Knisja, familja ta’ aħwa tal-istess Missier, li tana lil Ġesù bħala ħuna sabiex aħan nifhmu kemm Hu jħobb il-fraternità.  U jixtieq li l-umanità kollha kemm hi ssir familja universali.  Intom għandkom imħabba kbira lejn il-familja, u tħarsu lejn il-Knisja ibda minn din l-esperjenza tagħkom.   Iva, il-Knisja hi dar, hi darkom.  Għalhekk - irrid ngħidhielkom minn qalbi – intom milqugħin, fil-Knisja ħossukom dejjem id-dar u xejn la tibżgħu tgħammru fiha.  Ħadd m’għandu jżomm barra mill-Knisja la lilkom u lanqas lil ħadd ieħor!

Ján, sellimli flimkien ma’ martu Beáta: flimkien, il-ħolma tal-familja qegħedtuha qabel id-diversitajiet li kien hemmm bejnietkom kemm fl-oriġini kif ukoll fid-drawwiet tagħkom.  Aktar minn ħafna kliem, iż-żwieġ tagħkom hu xhieda ta’ kemm il-konkretezza tal-għixien flimkien tista’ ġġarraf l-istereotipi li nkella jidhru li ma jistgħux jingħelbu.  Mhux ħafifa li tegħeleb il-preġudizzji, anki bejnietna l-insara.  Mhux ħafifa li tapprezza lill-oħrajn, spiss fihom naraw ostakli jew avversarji u ngħaddu ġudizzji bla ma nkunu nafu la wiċċhom u lanqas l-istejjer tagħhom.  Imma ejjew nisimgħu x’jgħid Ġesù fl-Evanġelju: “Tiġġudikawx” (Mt 7,1).  L-Evanġelju qatt m’għandna nżidulu z-zokkor, ngħammduh.  Kristu jgħidilna tiġġudikawx.  Imma kemm drabi mhux biss nitkellmu bla kont jew għax hekk smajna, iżda nħossu li għandna raġun meta nisru mħallfin inflessibbli tal-oħrajn.  Sodisfatti bina nfusna, iebsin żonqor mal-oħrajn.  Kemm drabi fil-verità, aktar minn ġudizzji dak li ngħidu jkun preġudizzji, kemm drabi nagħtu aġġettivi!  U nkunu qed nisfiguraw is-sbuħija ta’ wlied Alla, ta’ ħutna.  Ir-realtà tal-oħrajn ma nistgħux inpinġuha skont il-mudelli li nkunu fassalna minn qabel, il-persuni ma nistgħux infassluhom aħna.  Qabel kollox, biex inkunu nafuhom verament irridu nagħrfu min huma, nagħrfu li kull wieħed/waħda għandhom fihom is-sbuħija ta’ iben/bint Alla li ma tistax titħassar, li hu/hi mera tal-Ħallieq.

Għeżież ħuti, wisq darbi sibtu ruħkom vittmi ta’ preġudizzji u ta’ ġudizzji bla ħniena, ta’ kliem u ġesti libellużi.  B’hekk ilkoll kemm aħna ftaqarna, ftaqret l-umanità tagħna.  Biex nerġgħu niksbu d-dinjità jeħtieġ li mill-preġudizzji ngħaddu għad-djalogu, mill-għeluq għall-integrazzjoni.  Imma x’nagħmlu?  Nikola u René, intom għintuna; l-istorja ta’ mħabbitkom twieldet hawn u mmaturat bis-saħħa tal-qrubija u l-inkoraġġiment li kellkom.  Ħassejtukom responsabbli u ridtu x-xogħol; ħassejtukom maħbubin u kbirtu bix-xewqa li lil uliedkom ittuhom xi ħaġa aktar.

B’hekk tajtuna messaġġ prezzjuż: fejn hemm il-kura tal-persuna, fejn hemm il-ħidma pastorali, fejn hemm il-paċenzja u l-konkretezza, il-frott jinqata’.  Mhux mill-ewwel, maż-żmien, imma jinqata’.  Il-ġudizzji u l-preġudizzji ma jagħmlu xejn aktar ħlief iżidu d-distanzi.  It-tilwim u l-kliem iebes ma jgħinux.  Li nitfgħu lill-persuni f’ghetto ma jiswa għal xejn.  Meta ngħalfu l-għeluq, ħin jew ieħor tixgħel ir-rabja.  It-triq tal-konvivenza paċifika hi l-integrazzjoni.  Hu proċess organiku, proċess bil-mod u vitali, li jibda billi nagħrfu lil xulxin u jibqa’ għaddej bil-paċenzja jħares lejn il-ġejjieni.  U l-ġejjieni ta’ min hu?  Nistgħu nsaqsu lilna nfusna: ta’ min hu l-ġejjieni?  Tat-tfal.  Huma jtuna d-direzzjoni: il-ħolm kbir tagħhom m’għandux jitfarrak fuq il-barrieri tagħna.  Huma jridu jikbru flimkien mal-oħrajn, mingħajr ostakli, mingħjar esklużjoni.  Jixirqilhom ħajja integrata, ħajja ħielsa.  Ikunu huma li jnebbħulna għażliet li jħarsu fil-bogħod, li ma jfitxux kunsens minnufih, imma jħarsu lejn il-ġejjieni ta’ kulħadd.  Hemm bżonn ta’ għażliet kuraġġużi għat-tfal, għad-dinjità tagħhom, għall-edukazzjoni tagħhom, sabiex jikbru mħawlin sew fl-oriġini tagħhom imma fl-istess waqt bla ma jaraw ebda bieb magħluq għalihom.

Irrodd ħajr lil min qed jaħdem favur din l-integrazzjoni illi, minbarra li hu xogħol tqil ħafna, kultant isib ma’ wiċċu min ma jifhmux u ingratitudni, saħansitra anki fil-Knisja.  Għeżież saċerdoti, reliġjużi u lajċi, intom ħbieb li tiddedikaw ħinkom biex toffru żvilupp integrali lil ħutkom, grazzi!  Grazzi għax-xogħol kollu ma’ min hu emarġinat.  Qed niftakar ukoll fir-rifuġjati u l-ħabsin.  Nesprimi l-qrubija tiegħi b’mod partikolari lejn il-ħabsijiet tad-dinja kollha.  Grazzi, dun Peter, li kellimtna dwar iċ-ċentri pastorali, fejn ma tagħmlux biss assistenzjaliżmu soċjali imma akkumpanjament personali.  Grazzi lilkom Sależjani.  Ibqgħu mexjin f’dit-triq li ma tagħtix l-illużjoni li tista’ tagħti kollox u malajr, imma hija profetika għax tħaddan fiha lil tal-aħħar, tibni l-fraternità, tiżra’ l-paċi.  Tibżgħux toħorġu tfittxu lil min hu mwarrab.  Tiskopru li qed tmorru tiltaqgħu ma’ Ġesù.  Hu jistenniekom fejn hemm il-fraġillita, in-nuqqas ta kumdità; fejn hemm il-qadi mhux is-setgħa; fejn hemm bżonn immissu l-laħam mhux nifirħu bina nfusna.  Hu jinsab hemmhekk.

Nistiedinkom ilkoll biex tegħlbu l-biżgħat, tinsew il-ġrieħi tal-imgħoddi, bil-fiduċja, pass wara ieħor: bix-xogħol onest, bid-dinjità li taqilgħu l-ħobżna ta’ kuljum, billi tmantnu l-fiduċja reċiproka.  U bit-talb għal xulxin għax dan itina d-direzzjoni u l-qawwa.  Nagħmlilkom kuraġġ, inberikkom u ntikom it-tgħannieqa tal-Knisja kollha.  Grazzi.  Palikerav.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber