FTUĦ TAL-ISTATI ĠENERALI TAN-NATALITÀ

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Awditorju ta' Via della Conciliazione

Il-Ġimgħa, 14 ta' Mejju, 2021

 

Jekk il-familji ma jkunux iċ-ċentru tal-preżent, m'hemmx futur

Għeżież ħuti,

insellmilkom minn qalbi u nħossni grat lejn il-President tal-Forum tal-assoċjazzjonijiet tal-familji, Gianluigi De Palo, għall-istedina u għall-kliem ta' introduzzjoni.  Irrodd ħajr lil Prim Ministru, Dr Mario Draghi, għall-kliem ċar mimli tama.  Irrodd ħajr lilkom ilkoll, li llum qed tirriflettu dwar is-suġġett urġenti tan-natalità li hu fundamentali biex it-tendenza tinbidel u l-Italja terġa' tieħu r-ruħ ibda mill-ħajja, ibda mill-bniedem.  U huwa sabih li qed tagħmlu dan flimkien, li qed iddaħħlu magħkom l-intrapriżi, il-banek, il-kultura, il-mezzi tax-xandir, l-isports u d-dinja tal-ispettaklu.  Fil-fatt magħkom hawn ħafna nies oħra: fuq kollox hawn iż-żgħażagħ li joħolmu.  L-istatistika tgħidilna li l-biċċa l-kbira taż-żgħażagħ jixtiequ jkollhom it-tfal.  Imma l-ħolm ta' ħajjithom, li hu żerriegħa tat-twelid ġdid tal-pajjiz jaħbat ma' xitwa demografika li għadu kiesaħ u mudlam: nofs iż-żgħażagħ biss jemmnu li għad jista' jkollhom aktar minn żewġ ulied tul ħajjithom.

Minħabba f'dan, ilu snin li l-għadd tat-twelid fl-Italja hu l-aktar baxx fl-Ewropa, il-kontinent li qed isir "il vecchio continente" mhux aktar minħabba l-istorja glorjuża tiegħu iżda minħabba l-età tal-popolazzjoni.  Dal-pajjiz tagħna, li fih kull sena qisu qed tgħib belt ta' aktar minn mitejn elf abitant, fl-2020 kellu l-iżgħar għadd ta' twelida minn żmien l-Unità nazzjonali: mhux biss minħabba l-Covid, imma għax issaħħet it-tendenza li progressivament l-għadd tat-twelid jibqa' jitbaxxa, xitwa dejjem aktar iebsa.

Madankollu, donnu li dan għadu ma ġibidx l-attenzjoni ġenerali, li moħħha biss fil-preżent f'dak li hu immedjat.  Il-President tar-Repubblika insista dwar kemm it-twelid huwa importanti: sejjaħlu "l-punt l-aktar kritiku ta' dan l-istaġun", u qal li "l-familji mhumiex in-nisġa li tgħaqqad l-Italja, il-familji huma l-Italja" (Udjenza lill-Forum tal-assoċjazzjonijiet tal-familji, 11 ta' Frar, 2020).  Kemm familji tul dawn ix-xhur kellhom jissalbu biex ilaħħqu max-xogħol u mal-iskola, ġenituri li saru għalliema, tekniċi tal-internet, ħaddiema, psikologi!  U kemm intalbu sagrifiċċji min-nanniet, veru dgħajjes tas-salvataġġ tal-familji! Mhux biss: huma wkoll il-memorja li tiftħilna l-ġejjieni.

Għaldaqstant, biex il-ġejjieni jkun aħjar jeħtieġ nieħdu ħsieb il-familji, partikolarment dawk żgħażagħ, mikdudin bil-preokkupazzjonijiet li jirriskjaw li jipparaliżżawlhom il-proġetti tal-ħajja.  Qed naħseb fil-fixla tagħhom minħabba l-inċertezza dwar ix-xogħol, qed naħseb fil-biżgħat minħabba l-ispejjez dejjem jogħlew u li saru insostenibbli għat-trobbija tal-ulied:  huma biżgħat li jistgħu 'jibilgħu' il-ġejjieni, huma 'quicksands' li fihom tispiċċa tegħreq is-soċjetà.  U bi swied il-qalb qed naħseb f'dawk in-nisa li fuq ix-xogħol jagħmlu minn kollox biex jaqtgħulhom qalbhom li jkollhom it-tfal, jew inkella li jkollhom jaraw kif jaħbu żaqqhom.  Kif inhu possibbli li l-mara jkollha tistħi meta tkun qed iġġorr fiha l-aktar rigal sabih li tista' tagħti l-ħajja?  Mhux il-mara imma s-soċjetà għandha tistħi, għax soċjetà li ma tilqax  il-ħajja tieqaf tgħix, tmut.  It-tfal huma t-tama li terġa' twelled poplu!  Fl-aħħar, fl-Italja ittieħdet id-deċiżjoni li tgħaddi l-liġi li jingħata ċekk għal kull tarbija li titwieled.  Nesprimi l-apprezzament tiegħi lill-awtoritajiet u nawgura li dan iċ-ċekk ikun ilaħħaq mal-bżonnijiet konkreti tal-familji, li għamlu u għadhom jagħmlu tant sagrifiċċji, ikun il-bidu tar-riformi soċjali li ċ-ċentru tagħhom ikun it-tfal u l-familji.  Jekk il-familji ma jkunux iċ-ċentru tal-preżent, m'hemmx futur; imma jekk il-familji jerġgħu jieħdu r-ruħ, kollox jerġa' jibda jaħdem.

Issa rrid inħares ftit lejn dan it-tluq ġdid u noffrielkom tlett ħsibijiet li nittama jkunu utli fil-prospettiva tar- rebbiegħa ġdida li terfgħana minn dix-xitwa demografika.  L-ewwel ħsieb idur madwar il-kelma don.  Kull ma naqgħalu huwa don u l-ewwel don li rċevejna lkoll kemm aħna hija l-ħajja.  Ħadd ma jista' jakkwistah b'idejh.  Qabel kollox hemm id-don.  Dan hi l-ewwel ħaġa li tul ħajjitna ninsewha għax dejjem moħħna biex naraw x'għad irid jiġri, dak li nistgħu nagħmlu jew li nistgħu nakkwistaw.  Imma qabel kollox irċevejna rigal u s-sejħa tagħna hi li ngħadduh lil ta' warajna.  Il-wild hu l-akbar rigal li jista' jirċievi kulħadd u jiġi qabel kollox.  Dil-kelma torbot mal-wild, ma' kull wild: l-ewwel, qabel.  Bħalma l-wild hu mistenni u maħbub qabel ma jara d-dawl, bl-istess mod għandna nqiegħdu fl-ewwel post lit-tfal jekk irridu naraw id-dawl wara x-xitwa twila.  Iżda, "n-nuqqas ta' wlied li minħabba fih il-popolazzjoni tixjieħ, jafferma b'mod impliċitu li kollox jintemm magħna, li jgħoddu biss l-interessi individwali tagħna (Enċ. Fratelli tutti, 19).  Insejna l-primat tad-don - il-primat tad-don! - ir-regola li hi l-għajn tal-ħajja komuni.  Dan ġara l-aktar fis-soċjetajiet l-aktar affluwenti, l-aktar konsumisti.  Infatti naraw li fejn hemm il-ġid, spiss hemm l-indifferenza u s-solidarjetà hija nieqsa, hemm aktar għeluq u anqas ġenerożità.  Ejjew ngħinu lil xulxin biex ma nintilfux niġru wara l-ħwejjeġ tal-ħajja, ħalli nintebħu li l-ħajja hi s-sens ta' kull ħaġa, ta' kollox.

Ngħinu lil xulxin, għeżież ħbieb, biex insibu mill-ġdid il-kuraġġ li nagħtu, il-kuraġġ li nagħżlu l-ħajja.  Hemm sentenza fl-Evanġelju li tista' tkun ta' għajnuna għal kulħadd, anki lil min ma jemminx, biex jorjenta l-għażliet tiegħu.  Ġesù jgħid:  Fejn hemm it-teżor tiegħek hemm ukoll tinsab qalbek" (Mt 6,21).  Fejn jinsab it-teżor tagħna, it-teżor tas-soċjetà tagħna?  Fl-ulied jew fil-finanzi?  X'jiġbidna l-aktar, il-familja jew kemm se ndawru flus?  Għandu jkollna l-kuraġġ nagħżlu dak li jiġi l-ewwel, għax ma' dak tintrabat qalbna.  Il-kuraġġ li nagħżlu l-ħajja hu kreattiv, għax ma jiġġemmgħax jew ikattar dak li diġà jeżisti, imma jinfetaħ għan-novità, għas-sorpriżi: kull ħajja umana hi l-vera novità, li ma tafx il-qabel jew il-wara tal-istorja.  Ilkoll kemm aħna rċevejna dan id-don irripetibbli u t-talenti li għandna jiswew biex ngħadduhom lil ta' warajna, minn ġenerazzjoni għal oħra, l-ewwel don ta' Alla huwa d-don tal-ħajja.

Ma' dan il-ħsieb li ngħaddu t-talenti tagħna li ta' warajna, jintrabat ukoll it-tieni ħsieb li nixtieq noffrielkom.  Idur madwar il-kelma sostenibbiltà, kelma-muftih biex nibnu dinja aħjar.  Spiss nitkellem dwar sostenibbiltà ekonomika, teknoloġika u ambjentali u aktar.  Imma hemm bżonn nitkellmu wkoll dwar is-sostenibbiltà ġenerazzjonali.  Mhux se jkollna ħila nżommu l-produzzjoni għaddejja jew inħarsu l-ambjent jekk ma nkunux attenti għall-familji u għat-tfal.  Min hawn jgħaddi t-kabbir sostenibbli.  Tgħallimulna l-istorja.  Fi żmien ir-rikostruzzjoni wara l-gwerer li tas-sekli li għaddew, li farrku l-Ewropa u lid-dinja, qatt ma rġajna ħadna r-ruħ kieku ma kienx hemm splużjoni fl-għadd ta' twelid, kieku ma sibniex il-ħila li lill-ġenerazzjonijiet żgħażagħ inseddqulhom il-fiduċja u t-tama.  Illum ukoll ninsabu f'sitwazzjoni fejn irridu nerġgħu nibdew, sitwazzjoni tant diffiċli u tant mgħobbija bi stennija: ma nistgħuux nimxu fuq mudelli għomja ta' tkabbir, qiesu li biex inħejju għal għada biżżejjed xi ftit tibdil ta' malajr.  Le, iċ-ċifri drammatiċi tat-twelid u dawk tal-biża' tal-pandemija jitolbu minna tibdil u responsabbiltà.

Is-sostenibbiltà tirrima mar-responsabbiltà: hu żmien ir-responsabbiltà biex is-soċjetà terġa' twarrad.  Hawnhekk, minbarra r-rwol primarju tal-familja, hija fundamentali wkoll l-iskola.  Din ma tistax tkun fabbirka ta' kunċetti biex ngħabbuhom bihom lill-individwi; għandha tkun iż-żmien privileġġjat tal-laqgħa u t-tkabbir uman.  Fl-iskola ma nimmaturawx biss bil-marki imma permezz tal-uċuħ li niltaqgħu magħhom.  U huwa essenzjali għaż-żgħażagħ li jiltaqgħu ma' mudelli ta' ġieħ li minbarra l-moħħ jiffurmaw ukoll il-qalb.  Fl-edukazzjoni l-eżempju jkaxkar, u qed naħseb ukoll fl-ambjenti tal-ispettaklu u tal-isports.  Hu ta' swied il-qalb tara mudelli li jinteressahom biss li jidhru, dejjem sbieħ, b'dehra żgħażugħa u 'fit'.  Iż-żgħażagħ ma jikbrux biġ-ġiġġifogu tad-dehra, jimmaturaw jekk jinġibdu lejn min għandu l-kuraġġ jiġri wara ħolm kbir, jissagrifika ruħu għall-oħrajn, li fid-dinja li ngħixu fiha jagħmel il-ġid.  U ma nibqgħux żgħażagħ għax nieħdu xi selfie u nirtukkaw ruħna, imma nimmiraw li xi darba aħna għad inkunu mera f'għajnejn uliedna.  Kultant il-messaġġ ikun li biex naslu hemm bżonn nagħmlu l-flus u niksbu s-suċċess, filwaqt li wliedna jidhru qieshom distrazzjoni li m'għandhomx ifixklu l-aspirazzjonijiet personali.  Dil-mentalità hi l-kanċer tas-soċjetà u l-ġejjieni tirrendih insostenibbli.  Is-sostenibbiltà teħtieġ ruħ u dir-ruħ - it-tielet kelma li nixtieq nipproponielkom - hija s-solidarjetà.  Ma' din ukoll norbot aġġettiv: l-istess bħalma hemm bżonn sostenibbiltà ġenerazzjonali, hemm bżonn ta' solidarjetà strutturali.  Bis-solidarjetà spontanja u ġeneruża ta' ħafna, nosta familji, f'daż-żmien iebes, irnexxilhom jibqgħu għaddejjin u jaffaċċjaw il-faqar li qed jiżdied.  Madankollu ma nistgħux nibqgħu nimirħu fil-qasam tal-emerġenza u tal-proviżorju.  Hemm bżonn li l-istrutturi li jwieżnu lill-familji jkunu stabbli u jkunu ta' għajnuna biex jiżdied it-twelid.  Huwa indispensabbli li jkun hemm politika, ekonomija, informazzjoni u kultura li bil-kuraġġ ikattru n-natalità.

L-ewwel u qabel kollox hemm bżonn ta' politika tal-familja ferm aktar miftuħa, li tħares fil-bogħod: li ma tkunx imsejsa fuq il-kunsens immedjat imma fuq it-tkattir tal-ġid komuni għat-tul.  Din hi d-differenza bejn it-tmexxija tal-beni pubbliċi u l-politiċi tajbin.  Hemm ħtieġa urġenti li liż-żgħażagħ noffrulhom impjieg stabbli biżżejjed, sigurtà biex ikollhom dar, x'jiġbidhom biex ma jitilqux mill-pajjiz.  Dan hu dmir li jolqot ukoll id-dinja tal-ekonomija: kemm ikun sabih naraw l-għadd tal-imprendituri u tal-ażjendi joktor biex, minbarra l-produzzjoni ta' utilità, jippromwovu l-ħajja, ikunu attenti biex qatt ma jisfruttaw lill-bniedem b'kundizzjonijiet u ħinijiet insostenibbli, li jaslu jqassmu parti mill-qliegħ lill-ħaddiema bl-għan li jkun kontribut lejn żvilupp li m'għandux prezz, dak tal-familji!  Din mhix sfida għall-Italja biss imma wkoll għal ħafna pajjiżi, li spiss huma għonja bir-riżorsi, imma fqar fit-tama.

Is-solidarjetà jeħtieġ tidħol ukoll fl-ambjent tas-servizz prezzjuż tal-informazzjoni, li tant iħalli effett fuq il-ħajja u fuq kif nirrakkuntawha.  Illum il-moda hi xi 'scoop' u kliem qawwi, imma l-kriterju biex jifforma permezz tal-informazzjoni, m'għandux ikun l-għadd tas-semmiegħa, il-polemika, iżda t-tkabbir tal-bniedem.  Jeħtieġ li l-informazzjoni tkun "tifforma l-familja" turi rispett u delikatezza f'dak li jingħad fuq l-oħrajn, qiesu kulħadd jiġi minn xulxin mill-qrib.  U fl-istess ħin toħroġ għad-dawl l-intrigi li jagħmlu ħsara lill-ġid komuni, il-manuvri li jduru madwar il-flus għad-dannu tal-familji u tal-persuni.  Is-solidarjetà tiġbor ukoll magħha d-dinjiet tal-kultura, tal-isports u tal-ispettaklu biex jippromwovu u jivvaloriżżaw in-natalità.  Il-kultura tal-ġejjieni ma tistax tistrieħ fuq l-individwu jew fuq is-sempliċi sodisfazzjon tad-drittijiet u l-ħtiġijiet tiegħu.  Hemm bżonn urġenti ta' kultura li tikkultiva l-kimika tal-grupp, is-sbuħija tad-don, il-valur tas-sagrifiċċju.

Għeżież ħbieb fl-aħħar nixtieq ngħidilkom kelma aktar sempliċi, sinċiera: grazzi.  Grazzi lill-Istati Ġenerali tan-Natalità, grazzi lil kull wieħed u waħda minnkom u lil kull min jemmen fil-ħajja umana u fil-ġejjieni.  Kultant donnu jidhrilkom li qed tgħajtu f'nofs deżert, li qed titqabdu mal-imtieħen.  Imma ibqgħu għaddejjin, iċċedux, għax sabih li toħlom, li toħlom il-ġid u tibni l-futur.  U mingħajr natalità m'hemmx futur.  Grazzi.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber