VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISU
F’ĊIPRU U L-GREĊJA
(2-6
TA’ DIĊEMBRU, 2021)

TALB EKUMENIKU MAL-MIGRANTI

 Knisja parrokkjali tas-Salib Imqaddes, Nicosia
Il-Ġimgħa, 3 ta’ Diċembru, 2021

 

Għeżież ħuti!

Hu ta’ ferħ kbir għalija li ninsab hawn magħkom biex intemm iż-żjara tiegħi f’Ċipru b’dil-laqgħa ta’ talb.  Irrodd ħajr lill-Patrijarki Piazzaballa u Béchara Raï, kif ukoll lis-Sinjura Elisabeth tal-Caritas.  Insellem minn qalbi lir-rappreżentanti tad-diversi konfessjonijiet insara li hawn preżenti f’Ċipru.

Nixtieq ngħid grazzi kbira mill-qalb lilkom żgħażagħ migranti, li tajtu t-testimonjanzi tagħkom.  Kont irċevejthom minn qabel, madwar xahar ilu, u kienu laqtuni ħafna.  Illum ħassejtni mqanqal mill-ġdid jien u nerġa’ nismagħhom.  Imma mhijiex biss emozzjoni, hija xi ħaġa ferm aktar: hi t-tqanqil li jitnissel mis-sbuħija tal-verità.  Bħal dik ta’ Ġesù meta qal: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin” (Mt 11, 25).  Jien ukoll niżżi ħajr lill-Missier ċelesti għax dan qed iseħħ illum ukoll, hawnhekk – kif ukoll fid-dinja kollha:  Alla juri Saltnatu liċ-ċkejknin, Saltna ta’ mħabba, ta’ ġustizzja u paċi.

Wara li smajniekom, qed nifhmu aħjar il-qawwa profetika tal-Kelma t’Alla li permezz tal-Appostlu Pawlu, jgħid: “Għalhekk ma għadkomx aktar barranin u frustieri, imma intom ċittadini flimkien mal-qaddisin u nies tad-dar ta’ Alla” (Eph 2, 19).  Kliem indirizzat lill-insara ta’ Efesu – mhux bogħod minn hawn! -; kliem miktub żmien twil ilu imma qrib ħafna tagħna, attwali daqs qatt qabel, qiesu miktub illum għalina:  “Intom m’intomx barranin imma konċittadini”.  Din hi l-profezija tal-Knisja “komunità” li – bil-limitiazzjonijiet umani kollha – tinkarna l-ħolma t’Alla.  Għax Alla wkoll joħlom, bħalek Mariamie, li ġejja mir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u stqarrejt li int “mimlija ħolm”.  Bħalek, Alla joħlom dinja fil-paċi li fiha uliedu jgħixu bħal aħwa.  Alla dan irid, Alla dan joħlom.  Huwa aħna li dan ma ngħixuhx.

Il-preżenza tagħkom, ħuti migranti, tfisser ħafna għal diċ-ċelebrazzjoni.  It-testimonjanzi tagħkom huma bħal “mera” għalina, il-komunitajiet insara.  Meta int, Thamara, li ġejja mis-Sri Lanka, tgħid: “Spiss jistaqsuni min jien”: il-brutalità tal-migrazzjoni żżeffen fin-nofs l-identità personali.  “Imma jien dan?”  Ma nafx... Fejn jinsabu għeruqi?  Min jien?”  U meta tgħid dan, tfakkarna li lilna wkoll kultant issirilna dil-mistoqsija: “Int min int?”  U, sfortunatament, spiss tkun tifsser: “Int ma liema naħa int?  Minn liema grupp tifforma parti?”  Imma kif għidtilna int, aħna m’aħniex numri, m’aħniex individwi biex nidħlu f’xi klassifika; aħna “aħwa”, “ħbieb”, “nemmnu”, “proxxmu” għal xulxin.  Imma meta l-interessi tal-grupp jew l-interessi politiċi, anki tan-nazzjonijiet, jimbuttaw, bosta minna jsibu ruħhom imwarrbin bla ma jridu, ilsiera.  Għax l-interessi dejjem joħolqu l-jasar.  L-imħabba li hi wiesa, li hi l-maqlub tal-mibegħda, l-imħabba teħlisna.

Meta inti, Maccolins, li ġej mill-Kamerun, tgħid li tul ħajtek sfajt “miġrugħ mill-mibegħda”, dwar dan qed titkellem, dwar il-ġrieħi li jnixxu mill-interessi; u tfakkarna li l-mibegħda niġġset ukoll ir-relazzjonijiet bejn l-insara.  U dan, kif għidt int, iħalli l-marka, marka fonda li tibqa’ fit-tul.  Huwa velenu.  Iva, ġagħaltna nħossuh inti, bil-passjoni tiegħek: il-mibegħda hi velenu li diffiċli bniedem jindaf minnu.  Il-mibegħda hi mentalità perversa, li minflok iġġagħalna nagħrfu lil xulxin bħala aħwa, iġġagħalna nħarsu lejn xulxin bħala rivali, jekk mhux ukoll bħal oġġetti għall-bejgħ jew li nistgħu nisfruttawhom.

Meta int, Rozh, li ġejja mill-Iraq, tgħid li int “persuna fi vjaġġ”, tfakkarna li aħna wkoll komunità li tinsab fi vjaġġ, aħna għaddejjin f’mixja biex mill-kunflitt naslu għall-komunjoni.  Tul dit-triq, li hi twila u miżgħuda tlajja u nżul, id-differenzi ta’ bejnietna m’għandhomx ibeżżgħuna, pjuttost, iva, għandna nibżgħu mill-għeluq tagħna, mill-preġudizzji, li ma jippermettulniex niltaqgħu verament u nimxu flimkien.  L-għeluq u l-preġudizzji bejnietna jtellgħu ħitan ta’ firda li Kristu ġie biex iġarraf, jiġifieri il-mibegħda ta’ bejnietna (cfr Eph 2, 14).  Allura l-vjaġġ tagħna lejn għaqda sħiħa jista’ jimxi ‘l quddiem fil-qies li bih, ilkoll flimkien, inżommu ħarsitna mwaħħla fuq Ġesù, fuqu, Hu li “hu l-paċi tagħna” (ibid.), “il-ġebla tax-xewka” (v. 20).  Hu, il-Mulej Ġesù, jiġi jiltaqa’ magħna bil-wiċċ ta’ ħuna emarġinat u skartat.  Bil-wiċċ tal-migrant iddisprezzat, irrifjutat, magħluq f’gaġġa, sfruttat...  Iżda wkoll - kif għidt int - tal-migrant li jinsab fi vjaġġ lejn xi ħaġa, lejn tama, lejn għixien aktar uman flimkien mal-oħrajn.

Hekk Alla jkellimna, permezz tal-ħolm tagħna.  Bosta drabi hemm il-perilklu li l-ħolm ma nħalluħx jidħol fina u nagħżlu li norqdu minflok noħolmu.  Faċli ħafna tħares in-naħa l-oħra.  B’hekk rabbejna l-kallu għall-kultura tal-indifferenza, il-kultura li ndawru wiċċna n-naħa l-oħra, u norqdu hekk, kalmi.  Imma fi triq bħal din ma nistgħux noħolmu.  Hija iebsa.  Alla jkellimna permezz tal-ħolm.  Alla ma jitkellimx permezz ta’ persuni li m’għandhom ebda ħila joħolmu xejn, għax għandhom kollox inkella għax qalbhom twebbset.  Alla jsejjaħ lilna wkoll biex ma nirrassenjawx ruħna u naċċettaw dinja mifruda, biex ma nirrassenjawx ruħna u naċċettaw komunitajiet insara mifrudin, imma biex nimxu għal-għonq l-istorja bil-ġibda lejn il-ħolma t’Alla, jiġifieri, umanità bla ħitan ta’ firda, meħlusa mil-mibegħda, mingħajr aktar stranġieri imma biss kon-ċittadini, kif kien qalilna Pawlu fis-silta li kkwotajt qabel.  Differenti, veru, imma kburin bil-karatteristiċi partikolari tagħna; kburin li aħna differenti, b’dawn il-karatteristiċi li huma rigal ta’ Alla.  Differenti, kburin li aħna hekk, imma dejjem fil-paċi, dejjem aħwa.

Jalla din il-gżira, bit-timbru ta’ firda ta’ niket kbir – qed nara l-ħajt minn hawn, hemmhekk (minn ġol bieb miftuħ tal-knisja) – bil-grazzja t’Alla ssir labratorju tal-fraternità.  Jien irrodd ħajr li kull min jaħdem għal dan il-għan.  Niftakru li dil-gżira tant ġeneruża, ma tistax tagħmel kollox, għax l-għadd tal-persuni li jaslu fiha hu akbar minn dak li tiflaħ tintegra, takkumpanja, tmexxi ‘l quddiem.  Il-qrubija ġjografika tagħha jiffaċilita...., imma mhux faċli.  Jeħtieġ nifhmu l-limitazzjonijiet li huma marbutin bihom il-mexxejja ta’ dil-gżira.  Imma f’dil-gżira hemm, rajtu jien fiż-żjara fost min hu responsabbli, (l-impenn) li bil-grazzja t’Alla ssir laboratorju tal-fraternità.  U dan jista’ jseħħ b’rabta ma’ żewġ kundizzjonijiet.  L-ewwel billi jingħata għarfien effettiv lid-dinjità ta’ kull persuna umana (cfr Enċ Fratelli tutti, 8).  Id-dinjità tagħkom mhix għall-bejgħ, mhix għall-kiri, m’għandhiex tintilef.  B’raskom merfugħa: jien iben dehen ta’ Alla.  L-għarfien effettiv tad-dinjità ta’ kull persuna umana: dan hu l-pedament etiku, pedament universali li jinsab ukoll fil-qalba tad-duttrina soċjali tal-Knisja.  It-tieni kundizzjoni hi ftuħ b’fiduċja sħiħa lejn Alla Missier ta’ kulħadd; u din hi “l-ħmira” li aħna mistednin inwasslu bħala nsara (cfr ibid. 272).

B’dawn il-kundizzjonijiet ikun possibbli li l-ħolma ssir vjaġġ tal-ħajja ta’ kuljum magħmul minn passi konkreti li mill-kunflitt iwassal għall-komunjoni, mill-mibegħda għall-imħabba, mill-ħarba għal-laqgħa.  Mixja paċenzjuża, li jum wara ieħor, tressaqna lejn l-art li Alla ħejja għalina, l-art fejn jekk jistaqsuk: “Min int?”, tkun tista’ twieġeb b’wiċċek minn quddiem: “Ara, jien ħuk: m’intix tagħrafni?”  U hekk nibqgħu mixjin bil-pass.

Jien u nismagħkom, inħares lejn wiċċkom, il-memorja tmur aktar ‘l hinn.  Intom wasaltu hawn: imma kemm ħutkom baqgħu mat-triq?  Kemm nies iddisprati jibdew il-mixja f’kundizzjonijiet diffiċlli ħafna, prekarji wkoll, u ma rnexxilhomx jaslu?  Nistgħu nitkellmu dwar dal-baħar li sar ċimiterju kbir.  Jien u nħares lejkom, jien u nara t-tbatijiet tat-triq, tant li sfaw maħtufin, mibjugħin, sfruttati..., għadhom fit-triq imma ma nafux fejn.  Hija l-istorja tal-jasar, jasar universali.  Aħna naraw dak li qed jiġri, u l-agħar ħaġa hi li dan kollu qed nidrawh.  “Ah, iva, illum għerqet dgħajsa, hemm... tant mitlufin...”  Imma niftakru li minkejja li drajnieha, xorta waħda hi marda gravi, hi marda gravi ħafna u m’hemm ebda antibjotiku għaliha!  Jeħtieġ nitqabdu kontra dal-vizzju tad-drawwa li naqraw dwar dawn it-traġedji fil-gażżetti jew nisimgħu dwarhom fuq mezzi oħra tax-xandir bl-indifferenza.  Jien u nħares lejkom niftakar fil-bosta li kellhom jerġgħu lura għax sfaw irrifjutati jew li sabu ruħhom f’xi lager, veri lager, fejn in-nisa jinbiegħu, l-irġiel jisfaw torturati, imjassra... Meta naqraw l-istejjer tal-lager nażisti tas-seku l-ieħor, dawk ta’ Stalin,  nitmeżmżu, nilmetnaw u ngħidu: “kif jista; jkun li ġara dan kollu?”  Ħuti: dan qed jiġri llum fix-xtut qrib tagħna!  Imkejjen ta’ skjavitù.  Rajt xi testimonjanzi fuq vidjow dwar dan: imkejjen ta’ tortura, ta’ bejgħ tal-persuni.  Dan qed ngħidu għax hi responsabbiltà tiegħi ngħin u niftaħ l-għajnejn.  Il-migrazzjoni forzata mhix drawwa qiesha turiżmu: jekk jogħġobkom!  U d-dnub li jinsab ġewwa fina jixprunana biex naħsbu b’dal-mod: “Imma, imsejknin, imsejkna nies!”  U b’dik il-kelma “imsejknin” inħassru, naċċettaw kollox.  Hija l-gwerra ta’ bħalissa, hi t-tbatija ta’ ħutna li ma nistgħux nibqgħu b’fommna magħluq dwarha.  Dawk li taw kull ma kellhom biex jitilgħu fuq dagħjsa, billejl, imbagħad... bla ma jafu jekk hux se jaslu...  U tant irrifjutati li jispiċċaw fil-lager, imkejjen ta’ iżolament u tortura u skjavitù.

Din hi l-istorja ta’ diċ-ċivilità żviluppata, li aħna nsejħulha l-Punent.  Imbagħad, skużawni, imma nixtieq ngħid dak li qed inħoss f’qalbi, tal-anqas biex nitolbu għal xulxin u nagħmlu xi ħaġa – imbagħad il-barbed wire.  Wieħed qed narah hawn: din hi gwerra ta’ mibegħda li qed tifred pajjiż.  Imma l-barbed wire, fil-postijiet l-oħra, kull fejn jinsabu,  jitqegħdu biex lir-rifuġjat ma jħalluhx jidħol, ma jħallux jidħol lil dak li jiġi biex jitlob il-libertà, il-ħobż, l-għajnuna, il-fratellanza, il-ferħ, li qed jaħrab mill-mibegħda u jsib quddiemu mibegħda oħra li jisimha barbed wire.  Jalla l-Mulej iqajjem mill-ġdid il-kuxjenza tagħna lkoll quddiem ħwejjeġ bħal dawn.

U skużawni jekk l-affarijiet għidthom kif inhuma, imma ma nistgħux inżommu fommna sieket u nħarsu n-naħa l-oħra, b’dil-kultura tal-indifferenza.

Jalla l-Mulej iberikkom ilkoll!  Grazzi.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber