Laikos

 

 ŻJARA PASTORALI TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIL BELT TA’ L’AQUILA

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU LILL-FAMILJARI TAL-VITTMI,

LILL-AWTORITAJIET U LIĊ-ĊITTADINI PREŻENTI FIL-PJAZZA

Zuntier tal-Katidral
Il-Ħadd, 28 ta’ Awwissu, 2022

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb, il-Ħadd it-tajjeb!

Jien kuntent li ninsab hawn fostkom u rrodd ħajr lill-Kardinal Arċisqof għat-tislima li tani f’isimkom ilkoll.  Flimkien magħkom hawn preżenti inħaddan miegħi b’għożża lill-belt kollha u d-djoċesi ta’ l’Aquila.  Irroddilkom ħajr tal-preżenza tagħkom, tal-awtoritajiet ukoll, tal-ħabsin, tat-tfal, ta’ kulħadd: il-poplu t’Alla.

F’dal-ħin ta’ laqgħa magħkom, partikolarment mal-qraba tal-vittmi tat-terremot, nixtieq nesprimi l-qrubija tiegħi mal-familji tagħhom u mal-komunità kollha kemm hi, li, b’dinjità kbira ffaċċjaw il-konsegwenzi ta’ dik il-ġrajja traġika.

Qabel kollox nixtieq irroddilkom ħajr għax-xhieda ta’ fidi tagħkom: minkejja n-niket u l-fixla, li huma parti mill-fidi tagħna bħala pellegrini, intom sammartu ħarsitkom f’Ġesù, imsallab u mqajjem, li b’imħabbtu feda t-tbatija u l-mewt mill-assurdità tagħhom.  U niftakar f’wieħed minnkom, li kien kitibli żmien ilu, u kien qalli li kien tilef liż-żewġ ulied adoloxxenti li kellu.  U bħal dan ħafna u ħafna oħrajn.  Ġesù reġġgħakom lura f’dirgħajn il-Missier, li ebda demgħa ma jħalliha ġġelben għalxejn, lanqas waħda!, imma jiġborhom kollha fil-qalb ħanina tiegħu.

F’dik il-qalb hemm miktubin l-ismijiet tal-għeżież tagħkom, li għaddew għaż-żmien tal-eternità.  L-għaqda magħhom għadha ħajja daqs qatt qabel.  Il-mewt ma tistax tkisser l-imħabba, tfakkarna dan il-liturġija tal-funerali: “Għal uliedek, Mulej, il-ħajja ma tintemmx imma tinbidel” (Prefazju I).  Imma xorta waħda hemm in-niket, il-kliem sabiħ jgħin, imma l-għafsa ta’ qalb tibqa’.  U l-kliem mhux se jnessi n-niket.  Hi biss il-qrubija, il-ħbiberija, l-għożża: nimxu flimkien, ngħinu lil xulxin bħal aħwa u nibqgħu mexjin.  Jew aħna poplu t’Alla inkella l-problemi li jnikktuna, bħalma huma dawn, mhux se jitilqu.

Nifirħilkom għall-attenzjoni kbira li biha bnejtu l-Kappella tal-Memorja.  Il-memorja hi l-forza ta’ popli, u meta dil-memorja tkun imdawla bl-fidi, dak il-poplu ma jibqax ilsir tal-imgħoddi, imma jimxi, jimxi fil-preżent b’ħarstu lejn il-ġejjieni, u dejjem jibqa’ marbut mal-għeruq billi jgħożż l-esperjenzi tal-imgħoddi, tajbin jew ħżiena.  U b’dat-teżor u b’dawn l-esperjenzi jibqa’ miexi!  Intom, nies ta’ l’Aquila, urejtu li għandkom karattru reżiljenti (li jaddatta ruħu malajr).  Imħawwel fit-tradizzjoni nisranija u ċivika tagħkom, (il-karattru tagħkom) ippermettielkom tilqgħu l-impatt tat-terremot u minnufih tibdew il-ħidma kuraġġuża u paċenzjuża li tibnu mill-ġdid.

Kollox kellu jerġa’ jinbena: id-djar, l-iskejjel, il-knejjes.  Iżda, intom dan tafuh tajjeb, dan isir flimkien mar-rikostruzzjoni spiritwali, kulturali u soċjali tal-komunità ċivika u ta’ dik ekkleżjali.

It-twelid ġdid personali u kollettiv wara t-traġedja, hu don tal-Grazzja u huwa wkoll frott l-impenn ta’ kull wieħed u waħda u ta’ kulħadd flimkien.  Nisħaq fuq il-kelma “flimkien”: mhux fi gruppi żgħar, le, flimkien, ilkoll flimkien.  Hu fundamentali li titħaddem u tissaħħaħ il-kollaborazzjoni organika, f’sinerġija, tal-istituzzjonijiet u tal-organiżmi assoċjattivi: armonija ħawtiela, impenn li jħares fit-tul, għax qed naħdmu għall-ulied, għan-neputijiet, għall-ġejjieni.

Fil-ħidma tar-rikostruzzjoni, il-knejjes jeħtieġu attenzjoni partikolari.  Huma patrimonju tal-komunità, mhux biss fis-sens storiku u kulturali, imma wkoll fis-sens tal-identità.  Dak il-ġebel hu mirfud mill-fidi u mill-valuri tal-poplu; u t-tempji huma wkoll imkejjen li jsuqu l-ħajja tagħha, tat-tama tagħha.

U, a propożitu tat-tama, irrid insellem u rrodd ħajr lid-delegazzjoni tad-dinja tal-ħabsijiet tal-Abruzzi, li jinsabu hawn preżenti.  Permezz tagħkom ukoll insellem sinjal ta’ tama għax fil-ħabsijiet ukoll hemm bosta, wisq vittmi.  Illum, hawnhekk, intom sinjal ta’ tama fil-bini mill-ġdid uman u soċjali.

Inġedded it-tislima tiegħi lil kulħadd, inberikkom minn qalbi, il-familji tagħkom u ċ-ċittadinanza kollha.  Jemmonnanzi?

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber