Laikos

 

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

LILL-MEMBRI TAL-KULLEĠĠ KARDINALIZJU U TAL-KURJA RUMANA,

GĦALL-PREŻENTAZZJONI TAL-AWGURI TAL-MILIED

 

Sala tal-Benedizzjoni

Il-Ħamis 23 ta’ Diċembru 2021

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Bħal kull sena, għandna okkażjoni li niltaqgħu ftit jiem qabel il-Milied. Hu mod kif nesprimu “b’vuċi għolja” l-fraternità tagħna fil-qsim tal-awguri tal-Milied, imma hu wkoll mument ta’ riflessjoni u ta’ verifika għal kull wieħed u waħda minna, għax id-dawl tal-Verb li jsir laħam jurina dejjem iżjed min aħna u l-missjoni tagħna x’inhi.

 

Ilkoll nafuh dan: il-misteru tal-Milied huwa l-misteru ta’ Alla li jiġi fid-dinja permezz tat-triq tal-umiltà. Sar laħam: dik is-synkatabasis kbira. In-nies ta’ żmienna donnhom insew x’inhi l-umiltà, jew donnu sempliċiment illimitawha għal għamla ta’ moraliżmu, u battluha mill-qawwa enormi li għandha.

 

Imma li kellna nesprimu l-misteru kollu tal-Milied f’kelma waħda, nemmen li l-kelma umiltà hi dik li l-aktar tista’ tgħinna. Il-Vanġeli jkellmuna fuq xenarju fqir, sobrju, ftit li xejn adatt biex jilqa’ mara li waslet biex tiled. Imma s-Sultan tas-slaten jiġi fid-dinja mhux billi jiġbed l-attenzjoni, imma billi jqanqal attrazzjoni misterjuża fil-qlub ta’ min iħoss il-preżenza tal-għaġeb ta’ dak il-ġdid li se jibdel l-istorja. Għalhekk nieħu pjaċir naħseb u anki ngħid li l-umiltà kienet il-bieb tad-dħul tiegħu u qed jistedinna, lilna lkoll, biex ngħaddu minnu. Taħbat ma’ moħħi dik is-silta mill-Eżerċizzi: ma tistax tibqa’ miexi mingħajr umiltà, u ma tistax timxi ’l quddiem fl-umiltà mingħajr umiljazzjonijiet. U Sant’Injazju jgħidilna nitolbu li jkollna l-umiljazzjonijiet.

 

Mhux faċli nifhmu x’inhi l-umiltà. Hija r-riżultat ta’ bidla li l-Ispirtu nnifsu jwettaq fina permezz tal-istorja li ngħixu, bħalma ngħidu aħna ġralu Nagħman tas-Sirja (ara 2 Slat 5). Dan il-persunaġġ, fi żmien il-profeta Eliżew, kien igawdi fama kbira. Kien ġeneral mill-aqwa tal-eżerċtu tal-Aramin, li iktar minn darba kien wera l-qlubija u l-kuraġġ tiegħu. Imma mal-fama, il-qawwa, l-istima, l-unuri, il-glorja, dan ir-raġel kellu jgħix ukoll ma’ traġedja terribbli: kien imġiddem. L-armatura tiegħu, dik l-istess waħda li kienet iġġiblu l-fama, fir-realtà kienet qed tgħatti umanità dgħajfa, midruba, marida. Din il-kontradizzjoni spiss nerġgħu nsibuha fil-ħajjiet tagħna: xi drabi d-doni kbar huma l-armatura biex ngħattu dgħufijiet kbar.

 

Nagħman jifhem verità fundamentali: ma tistax tgħaddi ħajtek tinħeba wara armatura, rwol, rikonoxximent soċjali: fl-aħħar mill-aħħar, ħsara ħa tagħmillek. Jasal il-mument, fil-ħajja ta’ kull persuna, fejn ikollha xewqa li ma tibqax tgħix wara l-libsa li biha tgħattiha l-glorja ta’ din id-dinja, imma fil-milja ta’ ħajja sinċiera, mingħajr ebda bżonn ta’ armaturi u ta’ maskri. Din ix-xewqa ġġagħal lill-ġeneral qalbieni Nagħman biex jimxi u jfittex lil min jista’ jgħinu, u dan jagħmlu billi jagħti widen għas-suġġeriment ta’ lsira, priġuniera Lhudija tal-gwerra li tirrakkontalu dwar Alla li kellu l-ħila jfejjaq kontradizzjonijiet bħal tiegħu.

 

Nagħman tgħabba b’kemm kellu fidda u deheb, u telaq fi vjaġġ u hekk wasal quddiem il-profeta Eliżew. Dan, bħala l-kundizzjoni waħdanija għall-fejqan tiegħu, talab minn Nagħman il-ġest sempliċi li jinża’ ħwejġu u jinżel jinħasel seba’ darbiet fix-xmara Ġordan. Ebda fama, ebda unur, u la deheb u lanqas fidda! Il-grazzja li ssalva tiġi b’xejn, u ma tistax tirriduċiha għall-prezz tal-ħwejjeġ ta’ din id-dinja.

 

Nagħman irreżista għal din it-talba, dehritlu wisq banali, wisq sempliċi, wisq aċċessibbli. Donnu l-qawwa tas-sempliċità ma kellhiex wisa’ fl-immaġinazzjoni tiegħu. Imma l-kelmiet tal-qaddejja tiegħu jġagħluh jaħsibha: “Li kieku l-profeta qallek xi ħaġa kbira ma kontx tagħmilha? Mela kemm iżjed meta qallek: ‘Inħasel u tindaf’?” (2 Slat 5:13). Nagħman iċedi l-armi, u b’ġest ta’ umiltà “jinżel”, jinża’ l-armatura tiegħu, jogħdos fl-ilmijiet tal-Ġordan, “u ġismu raġa’ sarlu qisu l-ġisem ta’ tfajjel żagħżugħ, u ndaf mil-lebbra tiegħu” (2 Slat 5:14). Il-lezzjoni hi kbira! L-umiltà li jneżża’ l-umanità tiegħu, skont il-kelma ta’ Alla, tikseb il-fejqan għal Nagħman.

 

L-istorja ta’ Nagħman tfakkarna li l-Milied huwa żmien li fih kull wieħed u waħda minna għandu jkollu l-kuraġġ li jinża’ l-armatura tiegħu, ineħħi minn fuqu d-drapp tar-rwol tiegħu, tar-rikonoxximent soċjali, tad-dawl għammiexi tal-glorja ta’ din id-dinja, u jieħu fuqu l-istess umiltà tiegħu. Dan nistgħu nagħmluh billi nibdew minn eżempju iżjed qawwi, iżjed konvinċenti, iżjed awtorevoli: dak tal-Iben ta’ Alla, li ma ħarabx mill-umiltà li “jinżel” fl-istrorja billi sar bniedem, sar tarbija, dgħajfa, imfisqija fil-faxex u mqiegħda f’maxtura (ara Lq 2:16). Meta ninżgħu l-ħwejjeġ ta’ fuqna, il-prerogattivi tagħna, ir-rwoli, it-titli, aħna lkoll lebbrużi, ilkoll kemm aħna, fil-bżonn li niġu mfejqa. Il-Milied huwa l-memorja ħajja ta’ dan l-għarfien u jgħinna nifhmuh iżjed fil-fond.

 

Għeżież ħuti, jekk ninsew l-umanità tagħna, ngħixu biss bl-unuri tal-armaturi tagħna, imma Ġesù jfakkarna f’verità skomda u li ġġibna f’sensina: “X’jiswa li wieħed jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu?” (ara Mk 8:36).

 

Din hi t-tentazzjoni perikoluża – kemm-il darba fakkartkom fiha – tal-mondanità spiritwali, li b’differenza mit-tentazzjonijiet l-oħra kollha, diffiċli tikxifha, għax hi mgħottija b’dak kollu li normalment jagħtina ċertrezza: ir-rwol tagħna, il-liturġija, id-duttrina, ir-reliġjożità. Fl-Evangelii gaudium ktibt hekk: “F’dan il-kuntest, issib art fejn tinbet il-vanaglorja ta’ dawk li jikkuntentaw ruħhom li jkollhom xi poter u jippreferu jkunu ġenerali ta’ armati mirbuħa milli sempliċi suldati ta’ grupp żgħir li jkompli jiġġieled. Kemm drabi noħolmu bi pjanijiet appostoliċi ta’ espansjoni, metikolużi u mirquma tajjeb, tipiċi ta’ ġenerali mirbuħa! Hekk inkunu niċħdu l-istorja tagħna ta’ Knisja, li hi glorjuża daqskemm hi storja ta’ sagrifiċċji, ta’ tama, ta’ ġlieda ta’ kuljum, ta’ ħajja kkunsmata fis-servizz, ta’ perseveranza fil-ħidma iebsa, għax kull ħidma hi ‘għaraq ta’ ġbinna’. Minflok, kollna vanitużi nintilfu nparlaw fuq ‘dak li għandu jsir’ – id-dnub ta’ ‘dak li messu jsir’ – qisna għalliema spiritwali u esperti tal-pastorali li jagħtu l-istruzzjonijiet imma jibqgħu barra. Nintilfu f’immaġinazzjoni bla ebda limiti u nitilfu l-kuntatt mar-realtà ta’ tbatija li qed jgħix il-poplu fidil” (n. 96).

 

L-umiltà hija l-ħila li nagħrfu ngħixu bla ma niddispraw, b’realiżmu, ferħ u tama, l-umanità tagħna; din l-umanità maħbuba u mbierka mill-Mulej. L-umiltà tfisser li nifhmu li ma għandniex minn xiex nistħu mid-dgħufija tagħna. Ġesù jgħallimna nħarsu lejn il-faqar tagħna bl-istess imħabba u ħlewwa li biha nħarsu lejn tarbija ċkejkna, dgħajfa, fil-ħtieġa ta’ kollox. Mingħajr umiltà nibdew infittxu ċertezzi, u forsi nsibuhom ukoll, imma żgur ma nsibux dak li jista’ jsalvana, dak li jista’ jfejjaqna. Iċ-ċertezzi li jiżgurawna fil-ħajja huma l-frott l-iżjed pervers tal-mondanità spiritwali, li tikxef in-nuqqas ta’ fidi, ta’ tama u ta’ mħabba, u jsiru nuqqas ta’ ħila li nagħrfu ngħarblu l-verità tal-affarijiet. Kieku Nagħman kompla biss iġemma’ midalji għal fuq sidru, fl-aħħar il-ġdiem kien jieklu ħaj: minn barra kien jidher ħaj, iva, imma magħluq u iżolat fil-mard tiegħu. Hu bil-kuraġġ kollu fittex dak li seta’ jsalvah u mhux dak li jagħtih gratifikazzjoni ta’ dak il-ħin.

 

Ilkoll nafu li l-maqlub tal-umiltà hija s-suppervja. Vers qasir mill-profeta Malakija, li messli qalbi ħafna, jista’ jgħinna nifhmu b’kuntrast x’differenza hemm bejn it-triq tal-umiltà u dik tas-suppervja: “‘Għax, ara, jiġi l-Jum, jaqbad qisu forn, u l-kburin kollha u dawk kollha li jagħmlu l-ħażen ikunu tiben, u l-jum li ġej għad jaħraqhom’, jgħid il-Mulej tal-eżerċti, ‘hekk li ma jħallilhom la għerq u lanqas fergħa” (3:19).

 

Il-Profeta jinqeda bi xbieha suġġestiva li tfisser tajjeb x’inhi s-suppervja: hi – jgħid – tixbah lit-tiben. Allura, meta jasal in-nar, it-tiben isir irmied, jinħaraq, jgħib fix-xejn. U jgħidilna wkoll li min jgħix jafda fis-suppervja jsib ruħu mċaħħad mill-aktar ħwejjeġ importanti li għandna: l-għeruq u r-rimjiet. L-għeruq huma r-rabta ħajja tagħna mal-imgħoddi li minnu nieħdu l-ħajja biex nistgħu ngħixu l-preżent. Ir-rimjiet huma l-preżent li ma jmutx, imma li jsir il-jum ta’ għada, isir il-futur. Li ngħixu preżent li m’għadx għandu għeruq u rimjiet ifisser li nkunu wasalna fl-aħħar. Hekk is-supperv, magħluq fid-dinja ċkejkna tiegħu, la għad fadallu passat u lanqas futur, la għandu għeruq u lanqas rimjiet, u jgħix bit-togħma morra tad-diqa sterili li taħkimlu qalbu bħall-“iktar eliżir preġjat tad-Demonju”.[1] Imma l-umli jgħix il-ħin kollu mdawwal minn żewġ verbi: infakkru – l-għeruq – u nnisslu, frott tal-għeruq u tar-rimjiet li jwarrdu, u hekk jgħix il-ftuħ hieni għal ħajja għammiela.

 

Infakkru etimoloġikament tfisser “inreġġgħu lura għall-qalb”, ri-cordare. Il-memorja ħajja li għandna tat-Tradizzjoni, tal-għeruq, mhijiex kult tal-passat, imma ġest interjuri li permezz tiegħu nreġġgħu lura l-ħin kollu għall-qalb dak li ġie qabilna, dak li seħħ fl-istorja tagħna, dak li wassalna sa hawn. Tfakkar ma jfissirx tirrepeti, imma tagħmel teżor minn xi ħaġa, terġa’ tgħix u, bi gratitudni, tħalli l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu tkebbes fil-qalb tiegħek, bħall-ewwel dixxipli (ara Lq 24:32).

 

Imma biex it-tifkira li nagħmlu ma ssirx ħabs tal-imgħoddi, għandna bżonn ta’ verb ieħor: innisslu. L-umli – ir-raġel umli, il-mara umli – għandu għal qalbu wkoll il-futur, mhux biss il-passat, għax jaf iħares ’il quddiem, jaf jara r-rimjiet, bil-memorja mimlija gratitudni. L-umli jnissel, jistieden u jħeġġeġ lejn dak li ma jafx. Imma s-supperv jirrepeti, iwebbes rasu – ir-riġidità hija perverżjoni, perverżjoni ta’ żmienna – u jingħalaq fir-ripetizzjoni tiegħu, iħossu fiż-żgur minn dak li jaf u jibża’ minn kulma hu ġdid għax ma jistax jikkontrollah, iħossu destabbilizzat minnu… għax tilef il-memorja.

 

L-umli jaċċetta li jkun hemm min jisfidah, jiftaħ qalbu għall-ġdid u dan jagħmlu msaħħaħ minn dak li ġie qablu, l-għeruq tiegħu, l-appartenenza tiegħu. Il-preżent tiegħu hu mgħammar minn passat li jiftħu għall-futur bit-tama. B’differenza mis-supperv, jaf li la l-merti tiegħu u lanqas id-“drawwiet tajba” tiegħu ma huma l-bidu u l-fundament ta’ ħajtu; għalhekk hu kapaċi jafda; is-supperv ma jafdax.

 

Aħna lkoll imsejħin għall-umiltà għax aħna msejħin niftakru u nnisslu, aħna msejħin insibu mill-ġdid ir-relazzjoni tajba tagħna mal-għeruq u mar-rimjiet. Mingħajrhom nimirdu, u d-destin tagħna jkun li ngħibu fix-xejn.

 

Ġesù, li ġej fid-dinja mit-triq tal-umiltà, jiftħilna triq, jindikalna mod, jurina destinazzjoni.

 

Għeżież ħuti, jekk hu minnu li mingħajr umiltà ma nistgħux niltaqgħu ma’ Alla, u ma nistgħux nagħmlu esperjenza tas-salvazzjoni, daqstant ieħor mingħajr umiltà ma nistgħux niltaqgħu lanqas mal-proxxmu, ma’ ħutna li qed jgħixu biswitna.

 

Fis-17 ta’ Ottubru li għadda tajna bidu għall-mixja sinodali li se tarana impenjati għas-sentejn li ġejjin. F’dan il-każ ukoll, l-umiltà biss tista’ tqegħidna fil-kundizzjoni t-tajba biex nistgħu niltaqgħu u nisimgħu, biex niddjalogaw u niddixxernu, biex nitolbu flimkien, kif qalilna l-Kardinal Dekan. Jekk kull wieħed jibqa’ magħluq fil-konvinzjonijiet tiegħu, fil-ħajja tiegħu, fil-qoxra ta’ kif iħoss u jaħseb hu, diffiċli jagħmel wisa’ għal dik l-esperjenza tal-Ispirtu li, kif jgħid l-Appostlu, hi marbuta mal-konvinzjoni li aħna lkoll ulied “Alla wieħed u Missier ta’ kulħadd, li hu fuq kulħadd, b’kulħadd u f’kulħadd” (Efes 4:6).

 

“Kulħadd” mhijiex kelma li tista’ tifhimha b’mod żbaljat! Il-klerikaliżmu li bħala tentazzjoni – perversa – iserrep ta’ kuljum fostna, iġagħalna naħsbu dejjem f’Alla li jkellem biss lil xi wħud, waqt li l-oħrajn ikollhom biss jisimgħu u jagħmlu kif jgħidulhom. Is-Sinodu qed ifittex li jkun l-esperjenza li nħossuna lkoll membri ta’ poplu ikbar: il-Poplu Qaddis u fidil ta’ Alla, u għalhekk dixxipli li jisimgħu u, proprju b’dan is-smigħ, jistgħu wkoll jifhmu r-rieda ta’ Alla, li tidher dejjem b’mod imprevedibbli. Imma jkun żball jekk naħsbu li s-Sinodu huwa ġrajja riservata biss għall-Knisja bħala entità astratta, maqtugħa minna. Is-sinodalità hija stil li lejh jeħtieġ nikkonvertu qabelxejn aħna li ninsabu hawn u li ngħixu l-esperjenza tas-servizz lill-Knisja universali permezz tal-ħidma tagħna fil-Kurja Rumana.

 

U l-Kurja – ma ninsewhx dan – mhijiex biss strument loġistiku u burokratiku għall-bżonnijiet tal-Knisja universali, imma hija l-ewwel organiżmu msejjaħ għax-xhieda, u proprju għalhekk takkwista dejjem iżjed awtorevolezza u effikaċja meta tassumi hi stess l-isfidi tal-konverżjoni sinodali li għaliha hi wkoll hi msejħa. L-organizzazzjoni li rridu nwettqu mhix ta’ għamla azjendali, imma ta’ bixra evanġelika.

 

Għalhekk, jekk il-Kelma ta’ Alla tfakkar lid-dinja kollha fil-valur tal-faqar, aħna, membri tal-Kurja, irridu nkunu l-ewwel li nħabirku għal konverżjoni lejn is-sobrjetà. Jekk il-Vanġelu jħabbar il-ġustizzja, aħna l-ewwel nies li rridu nfittxu li ngħixu bi trasparenza, mingħajr favoritiżmi u partiti. Jekk il-Knisja miexja fit-triq tas-sinodalità, aħna l-ewwel li rridu nikkonvertu għal stil differenti ta’ xogħol, ta’ kollaborazzjoni, ta’ komunjoni. U dan huwa possibbli biss permezz tat-triq tal-umiltà. Mingħajr umiltà ma nistgħux nagħmluh dan.

 

Fil-ftuħ tal-assemblea sinodali użajt tliet kelmiet-muftieħ: parteċipazzjoni, komunjoni u missjoni. U dawn jitwieldu minn qalb umli: mingħajr umiltà la nistgħu nagħmlu parteċipazzjoni, la komunjoni, lanqas missjoni. Dawn il-kelmiet huma t-tliet esiġenzi li nixtieq nindika bħala stil ta’ umiltà li għandu jkollna hawn fil-Kurja. Tliet modi kif nagħmlu mit-triq tal-umiltà triq konkreta biex inpoġġuha fil-prattika.

 

Qabelxejn il-parteċipazzjoni. Din għandha tidher fi stil ta’ korresponsabbiltà. Ċertament fid-diversità tar-rwoli u ministeri r-responsabbiltajiet huma differenti, imma importanti li kulħadd iħossu jipparteċipa, korresponsabbli fil-ħidma mingħajr ma jgħix biss l-esperjenza spersonalizzanti tat-twettiq ta’ programm stabbilit minn xi ħadd ieħor. Dejjem inħossni milqut meta fil-Kurja niltaqa’ mal-kreattività – ħafna nieħu gost –, u mhux darba u tnejn din tidher qabelxejn hemm fejn wieħed iħalli u jsib spazju għal kulħadd, anki għal min ġerarkikament jidher qed jokkupa post fil-ġenb. Ngħid grazzi għal dawn l-eżempji – jien narahom, u jogħġbuni –, u nħeġġiġkom taħdmu biex inkunu kapaċi nnisslu dinamiċi konkreti li fihom kulħadd iħossu qed jipparteċipa b’mod attiv fil-missjoni li jrid jiżvolġi. L-awtorità ssir servizz meta taqsam, tinvolvi u tgħin lil kulħadd jikber.

 

It-tieni kelma hi komunjoni. Din ma tesprimix ruħha f’maġġoranzi jew minoranzi, imma titwieled essenzjalment mir-relazzjoni ma’ Kristu. Qatt mhu ħa jkollna stil evanġeliku fl-ambjenti tagħna jekk ma nerġgħux inpoġġu lil Kristu fiċ-ċentru, u mhux dak il-partit jew l-ieħor, dik l-opinjoni jew l-oħra: Kristu fiċ-ċentru. Ħafna minna naħdmu flimkien, imma dak li jsaħħaħ il-komunjoni huwa meta nistgħu wkoll nitolbu flimkien, nisimgħu l-Kelma flimkien, nibnu relazzjonijiet li jmorru lil hemm mis-sempliċi xogħol u jsaħħu r-rabtiet tajbin, rabtiet ta’ dak li hu tajjeb bejnietna, u jgħinuna lit-tnejn li aħna. Mingħajr dan nirriskjaw li nkunu biss barranin li qed jikkollaboraw, konkorrenti li jfittxu post aħjar jew, agħar minn hekk, hemm fejn jinħolqu relazzjonijiet, donnhom ifittxu iktar il-kompliċità għall-interessi personali waqt li jinsew il-kawża komuni li żżommna flimkien. Il-kompliċità toħloq firdiet, toħloq fazzjonijiet, toħloq għedewwa; il-kollaborazzjoni tesiġi l-kobor li naċċettaw il-parzjalità tagħna u l-ftuħ għall-ħidma fi grupp, anki ma’ dawk li ma jaħsbuhiex bħalna. Fil-kompliċità nkunu flimkien sempliċiment biex niksbu riżultat estern. Fil-kollaborazzjoni nkunu flimkien għax għandna għal qalbna l-ġid tal-ieħor u, għalhekk, tal-Poplu kollu ta’ Alla li aħna msejħin naqdu: ma nisewhx il-wiċċ konkret tal-persuni, ma ninsewx l-għeruq tagħna, il-wiċċ konkret ta’ dawk li kienu l-ewwel għalliema tagħna fil-fidi. Pawlu lil Timotju qallu: “Ftakar f’ommok, ftakar f’nanntek”.

 

Il-perspettiva tal-komunjoni fl-istess waqt titlob li nagħrfu d-diversità li hemm fina bħala don tal-Ispirtu s-Santu. Kull darba li nitbiegħdu minn din it-triq u ngħixu komunjoni u uniformità bħala sinonimi, inkunu ndgħajfu u nsikktu l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu f’nofsna li tagħti l-ħajja. L-atteġġjament ta’ servizz jitlobna, irrid ngħid, jesiġi minna l-qalb miftuħa u l-ġenerożità biex nagħrfu u ngħixu bil-ferħ l-għana ta’ diversi xejriet li għandu l-Poplu ta’ Alla; u mingħajr umiltà dan mhux possibbli. Kemm jagħmilli ġid nerġa’ naqra l-ftuħ tal-Lumen gentium, dawk in-numri 8, 12…: il-poplu qaddis u fidil ta’ Alla. Huwa ossiġnu għar-ruħ li nerġgħu nsibu dawn il-veritajiet.

 

It-tielet kelma hija missjoni. Hija dak li jsalvana milli ningħalqu fina nfusna. Min jingħalaq fih innifsu “jħares mill-għoli u mill-bogħod, jirrifjuta l-profezija tal-aħwa, jieħu biċ-ċajt lil min jistaqsi, iperreċ il-ħin kollu l-iżbalji tal-oħrajn u hu ossessjonat b’dak li jidher minn barra. Qalbu għalaqha għax-xefaq magħluq tal-immanenza u l-interessi tiegħu u, minħabba f’dan, ma jitgħallimx mid-dnubiet tiegħu stess u lanqas hu awtentikament miftuħ għall-maħfra. Hi korruzzjoni tremenda li minn barra tidher xi ħaġa tajba. Din jeħtieġ nevitawha, u nqiegħdu lill-Knisja f’moviment ta’ ħruġ minnha nfisha, ta’ missjoni li ċ-ċentru tagħha hu Ġesù Kristu, ta’ impenn lejn il-foqra” (Evangelii gaudium, 97). Hija biss dik il-qalb miftuħa għall-missjoni li tagħmel li dak kollu li nagħmlu ad intra u ad extra jkun dejjem immarkat mill-qawwa li dejjem tagħti ħajja ġdida, dik tas-sejħa tal-Mulej. U l-missjoni dejjem iġġib fina passjoni għall-foqra, jiġifieri għan-“neqsin”: dawk li “tonqoshom” xi ħaġa mhux biss f’termini materjali, imma anki spiritwali, affettivi, morali. Min għandu ġuħ għall-ħobż u min għandu ġuħ għal sens fil-ħajja, xorta hu fqir l-istess. Il-Knisja hi mistiedna toħroġ tiltaqa’ mal-faqar kollu, u hi msejħa tipprietka l-Vanġelu lil kulħadd għax ilkoll kemm aħna, b’xi mod jew ieħor, aħna foqra, neqsin minn xi ħaġa. Imma l-Knisja tiltaqa’ magħhom ukoll għax għandna bżonnhom: aħna neqsin mil-leħen tagħhom, il-preżenza tagħhom, il-mistoqsijiet u d-diskussjonijiet tagħhom. Il-persuna b’qalb missjunarja tħoss in-nuqqas ta’ ħuha u, bl-atteġġjament ta’ tallaba, tmur tiltaqa’ miegħu. Il-missjoni tagħmilna vulnerabbli – kemm hi ħaġa sabiħa, il-missjoni tagħmilna vulnerabbli –, tgħinna niftakru fil-kundizzjoni tagħna ta’ dixxipli u tippermettilna niskopru dejjem mill-ġdid il-ferħ tal-Vanġelu.

 

Parteċipazzjoni, missjoni u komunjoni huma l-karatteristiċi ta’ Knisja umli, li tisma’ lill-Ispirtu u ċ-ċentru tagħha tqiegħdu barra minnha nfisha. Henri de Lubac qal: “F’għajnejn id-dinja l-Knisja, bħall-Imgħallem tagħha, għandha dejjem id-dehra ta’ lsira. Hawn isfel teżisti f’għamla ta’ qaddejja. […] Hi la hi akkademja ta’ xjenzati, la ċenaklu ta’ nies raffinati spiritwalment, u lanqas ġemgħa ta’ bnedmin superjuri. Anzi, hi eżattament bil-maqlub ta’ dan. Jiffullaw fiha l-magħtuba, id-diżabbli, il-miżerabbli ta’ kull xorta, irossu fuqha l-medjokri […]; hu diffiċli, jew pjuttost impossibbli, għall-bniedem naturali, sakemm ma tkunx seħħet fih trasformazzjoni radikali, li jagħraf f’dan il-fatt it-twettiq tal-kenosi salvifika, il-ħjiel adorabbli tal-umiltà ta’ Alla” (Meditazioni sulla Chiesa, 352).

 

Bħala għeluq, nixtieq nawguralkom, lilkom u lili l-ewwel wieħed, li nħallu tevanġelizzana l-umiltà, l-umiltà tal-Milied, l-umiltà tal-presepju, tal-faqar u l-essenzjalità li bihom l-Iben ta’ Alla daħal f’din id-dinja. Saħansitra l-Maġi, li żgur nistgħu nistħajlu li ġew minn qagħda iktar komda minn dik ta’ Marija u Ġużeppi jew tar-ragħajja ta’ Betlehem, meta sabu ruħhom quddiem it-tarbija tbaxxew jadurawha (ara Mt 2:11). Tbaxxew jagħtuha qima. Dan mhuwiex biss ġest ta’ adorazzjoni, imma hu ġest ta’ umiltà. Il-Maġi jogħlew sa ħdejn Alla billi jitbaxxew mal-art għerja. U din il-kenosi, dan l-inżul, din is-synkatabasis hija l-istess waħda li Ġesù wettaq fl-aħħar għaxija tiegħu fuq din l-art, meta “qam minn fuq il-mejda, neħħa l-mantar minn fuqu, ħa fardal u rabtu ma’ qaddu. Imbagħad ferragħ l-ilma fil-lenbija, u beda jaħsel saqajn id-dixxipli u jixxuttahomlhom bil-fardal li kellu ma’ qaddu” (Ġw 13:4-5). L-għagħa li qajjem dan il-ġest qanqal ir-reazzjoni ta’ Pietru, imma fl-aħħar Ġesù stess ta lid-dixxipli tiegħu l-muftieħ biex setgħu jaqrawh tajjeb: “Intom issejħuli ‘l-Imgħallem’ u ‘l-Mulej’, u tgħidu sewwa, għax hekk jien. Mela jekk jien, li jien il-Mulej u l-Imgħallem, ħsiltilkom saqajkom, hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin. Għax jien tajtkom eżempju, biex kif għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll” (Ġw 13:13-15).

 

Għeżież ħuti, waqt li niftakru fil-ġdiem tagħna, u naħarbu l-loġika tal-mondanità li ċċaħħadna mill-għeruq u mir-rimjiet, inħallu tevanġelizzana l-umiltà ta’ Ġesù Tarbija. Huwa biss meta naqdu u meta naħsbu fil-ħidma tagħna bħala servizz, li nistgħu nkunu ta’ siwi għal kulħadd. Ninsabu hawn – jien l-ewwel wieħed – biex nitgħallmu ninżlu għarkupptejna u naduraw lill-Mulej fl-umiltà tiegħu, u mhux lil sidien oħra fl-għana vojt tagħhom. Aħna bħar-ragħajja, aħna bħall-Maġi, aħna bħal Ġesù. Din hi l-lezzjoni tal-Milied: l-umiltà hija l-kundizzjoni l-kbira tal-fidi, tal-ħajja spiritwali, tal-qdusija. Ħa jagħtihielna l-Mulej b’don, ibda mill-ewwel manifestazzjoni tal-Ispirtu ġewwa fina: ix-xewqa. Dak li ma għandniex, nistgħu almenu nibdew nixtiquh. U nitolbu lill-Mulej il-grazzja li nistgħu nixtiequ, li nsiru rġiel u nisa ta’ xewqat kbar. U x-xewqa hija diġà l-Ispirtu li qed jaħdem f’kull wieħed u waħda minna.

 

Il-Milied it-tajjeb lil kulħadd! U nitlobkom titolbu għalija. Grazzi!

 

Bħala tifkira ta’ dan il-Milied, nixtieq inħallilkom xi kotba… Imma biex taqrawhom, mhux biex tħalluhom fil-librerija, għal ta’ warajna biex jeħduhom b’wirt! Qabelxejn, wieħed ta’ teologu kbir, mhux magħruf għax hu wisq umli, Sottosegretarju tad-Duttrina tal-Fidi, Mons. Armando Matteo, li jirrifletti ftit fuq fenomenu soċjali u fuq kif jipprovoka l-ministeru pastorali. Jismu Convertire Peter Pan. Fuq id-destin tal-fidi f’din is-soċjetà taż-żgħożija eterna. Hu provokatorju, jiswa ta’ ġid. It-tieni hu ktieb fuq il-persunaġġi sekondarji jew minsija tal-Bibbja, ta’ Dun Luigi Maria Epicoco: La pietra scartata, u bħala sottotitlu għandu Quando i dimenticati si salvano. Sabiħ. Għall-meditazzjoni, għat-talb. Jiena u naqrah ġiet f’moħħi l-istorja ta’ Nagħman tas-Sirja li dwarha kellimtkom. U t-tielet hu ta’ Nunzju Appostoliku, Mons. Fortunatus Nwachukwu, li intom tafuh tajjeb. Hu għamel riflessjoni fuq is-seksik, u jogħġobni dak li pinġa: is-seksiek “iħoll” l-identità. Se nħallilkom dawn it-tliet kotba, u nittama li jgħinuna lkoll nimxu ’l quddiem. Grazzi! Grazzi tal-ħidma tagħkom u l-kollaborazzjoni tagħkom. Grazzi.

 

U nitolbu lill-Omm tal-umiltà tgħallimna hi nkunu umli: “Sliema għalik, Marija…”.

 

[Barka]

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 


 

[1] G. Bernanos, Journal d’un curé de campagne, Paris 1974, 135.