DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
LILL-MEMBRI TAL-KULLEĠĠ TAL-KARDINALI U TAL-KURJA RUMANA,
FL-OKKAŻJONI TAL-AWGURI TAL-MILIED

Sala della Benedizione
it-Tnejn, 21 ta’ Diċembru 2020

Għeżież ħuti,

1. Il-Milied  ta’ Ġesù ta’ Nażżaret huwa l-misteru ta’ twelid li jfakkarna li «l-bnedmin, anke jekk għandhom imutu, ma twieldux biex imutu, imma biex jibdew mill-ġdid»,[1] kif tosserva b’mod tant brillanti u inċiżiv  Hannah Arendt, filosofa lhudija li taqleb ta’ taħt fuq il-ħsieb tal-għalliem tagħha Heidegger, għax skont hu (Heidegger) il-bniedem jitwieled biex imbagħad jitwaddab fil-mewt. Fuq il-fdalijiet tat-totalitarjaniżmu tas-seklu għoxrin, Arendt tagħraf din il-verità mimlija dawl: «Il-miraklu li jsalva d-dinja,  l-isfera ta’ dak li hu uman, mill-qerda  “naturali” tagħha, huwa definittivament il-fatt tat-twelid. […] U din il-fidi u t-tama fid-dinja ssib l-ikbar espressjoni tagħha fil-ftit kliem li bih il-Vanġelu ħabbar il-“ferh kbir”:  “Tweldilna tifel”».[2]

2. Quddiem il-Misteru tal-Inkarnazzjoni, ħdejn il-Bambin mimdud f’maxtura (ara Lq 2,16), kif ukoll quddiem il-Misteru tal-Għid, fil-preżenza tal-bniedem imsallab, insibu postna biss jekk inkunu diżarmati, umli, essenzjali; wara li nkunu għamilna, fl-ambjent li ngħixu fih – inkluża l-Kurja Rumana – il-programm tal-ħajja li jissuġġerielna San Pawl: «Imrar, saħna, korla, tagħjir, għajjat, dan kollu warrbuh minnkom, kif ukoll kull ħażen ieħor. Kunu twajba ma’ xulxin, ħennu għal xulxin, aħfru lil xulxin, bħalma Alla ħafer lilkom fi Kristu.» (Ef 4,31-32); biss jekk “nilbsu l-umiltà” (cfr 1 Pt 5,5), billi nimitaw lil Ġesù “ta’ qalb ħelwa u umli” ( Mt11, 29); biss wara li npoġġu lilna nfusna “fl-aħħar post” ( Lq 14,10) u nsiru “qaddejja ta’ kulħadd" (ara Mk 10,44). U f’dan ir-rigward, San Injazju fl- Eżerċizzi tiegħu jasal biex jitlobna nimmaġinaw lilna nfusna fix-xena tat-twelid, “nagħmel lili nnifsi – jikteb – qaddej fqir u mhux denju li nħarishom, nikkontemplahom u naqdihom fil-ħtiġijiet tagħhom” (114 2).

Nirringrazzja lill-Kardinal Dekan għall-kliem tiegħu ta’ merħba f’dan il-Milied, li esprima s-sentimenti ta’ kulħadd. Grazzi, Kardinal Re, grazzi.

3. Dan il-Milied huwa l-Milied tal-pandemija, tal-kriżi fil-qasam tas-saħħa, tal-kriżi ekonomika, soċjali u anke ekkleżjali li laqtet għalgħarrieda lid-dinja kollha. Il-kriżi ma baqgħetx il-post komuni tal-ħafna diskorsi jew tal-establishment intellettwali, għax saret ħaġa li qed jesperjenzaha kulħadd.

Din il-pjaga kienet eżami importanti u, fl-istess ħin, opportunità kbira biex nikkonvertu u nerġgħu niksbu l-awtentiċità.

Meta fis-27 ta’ Marzu, fil-Pjazza ta’ San Pietru, quddiem pjazza vojta min-nies, iżda li, minkejja kollox, ġabritna lkoll flimkien minn kull rokna tad-dinja, meta hemmhekk ridt nitlob għal kulħadd u ma’ kulħadd, kelli l-opportunità li ngħid b'leħen għoli t-tifsira tat-"tempesta" (ara Mk 4.35-41) li laqtet lid-dinja: «It-tempesta tikxef il-vulnerabbiltà tagħna u dawk iċ-ċertezzi foloz u tal-qoxra li bihom bnejna l-aġendi tagħna, il-proġetti tagħna, id-drawwiet u l-prijoritajiet tagħna. Turina kif ħallejna jorqod u warrabna għall-ġenb dak li jagħti l-ħajja, iwieżen u jqawwi lil ħajjitna u l-komunità tagħna. It-tempesta tikxef il-fehmiet kollha tagħna li “ngeżwru” u ninsew dak li żamm ħajja r-ruħ tal-popli tagħna; dawk it-tentattivi kollha li ppruvaw jilluppjawna bi drawwiet li minn barra jidhru li jistgħu “jsalvaw”, imma li m’għandhomx ħila jżommuna marbuta mal-għeruq tagħna u jqanqlu l-memorja tal-anzjani tagħna, għax ċaħħduna mill-immunità meħtieġa biex nieqfu sodi f’wiċċ il-kuntrarju.  Bit-tempesta, waqgħet il-maskra tal-isterjotipi li biha għattejna l-“jien” tagħna dejjem ħsiebu kif ħa jidher; u baqgħet mikxufa, għal darb’oħra, dik l-(imbierka) appartenenza komuni li ma nistgħux naħarbu minnha: l-appartenenza bħala aħwa ta’ xulxin.».

4. Il-Providenza riedet li propju f’dan iż-żmien diffiċli, stajt nikteb l-Enċiklika Fratelli tutti, dedikata għat-tema tal-fraternità u tal-ħbiberija soċjali. Waħda mit-tagħlimiet li nieħdu mill-Vanġeli tat-tfulija ta’ Ġesù, fejn hemm irrakkuntat it-twelid ta’ Ġesù, hija t-tagħlima tas-solidarjetà – solidarjetà ġdida!  – li tgħaqqad lil dawk kollha li kienu preżenti: Marija, Ġużeppi, ir-rgħajja, il-maġi u dawk kollha li, b’xi mod jew ieħor, offrew il-fraternità tagħhom, il-ħbiberija tagħhom, sabiex fid-dalma tal-istorja, il-Verb seta’ jintlaqa’ u jsir bniedem (cfr Ġw 1,14).

Hekk ktibt fil-bidu ta’ din l-Enċiklika: «Nixtieq ħafna li, f’dan iż-żmien li ngħatajna li ngħixu, waqt li nagħrfu d-dinjità ta’ kull persuna umana, nistgħu nwelldu fost kulħadd xewqa dinjija għall-fraternità. Fost kulħadd: “Dan hu sigriet sabiħ biex nistgħu noħolmu u nagħmlu minn ħajjitna avventura sabiħa. Ħadd ma jista’ jaffronta l-ħajja b’mod iżolat […]. Hemm bżonn ta’ komunità li tweżinna, li tgħinna u li fiha ngħinu lil xulxin inħarsu ’l quddiem. Kemm hu importanti noħolmu flimkien! […] Waħidna nkunu nirriskjaw li jkollna l-illużjonijiet, għax nibda nara dak li ma hemmx; imma flimkien nistgħu nibnu l-ħolm”. [3] Noħolmu bħala umanità waħda, bħala vjaġġaturi mlibbsa bl-istess ġisem uman, bħala wlied ta’ din l-istess art li tilqagħna lkoll kemm aħna, kull wieħed u waħda bl-għana tal-fidi tiegħu jew tal-konvinzjonijiet tiegħu, kull wieħed u waħda bil-leħen tiegħu, ilkoll aħwa!» (n. 8).

5. Il-kriżi tal-pandemija hija okkażjoni tajba biex nirriflettu fil-qosor dwar xi tfisser kriżi, li tista’ tgħin lil kulħadd.

Il-kriżi hija fenomenu li jaffettwa lil kulħadd u lil kollox. Issibha kullimkien u f’kull perjodu tal-istorja, u ssibha f’kollox: fl-idejoloġiji, fil-politika, fl-ekonomija, fit-teknoloġija, fl-ekoloġija, fir-reliġjon. Hija mument importanti fl-istorja personali u fl-istorja soċjali.  Turi ruħha bħala xi ħaġa straordinarja, li dejjem toħloq sensazzjoni ta’ inkwiet, dwejjaq, żbilanċ u inċertezza fl-għażliet li jridu jsiru. Bħalma jurina l-għerq tal-verb krino: il-kriżi hija dak l-għarbiel li jsaffi l-qamħ wara l-ħsad.

Anke l-Bibbja hija mimlija b’nies li ġew “magħrbula”, ta’ persuni fi kriżi” li propju permezz tal-kriżi, iwettqu l-istorja tas-salvazzjoni.

Il-kriżi ta ’ Abraham, li abbanduna artu (ara Ġen 12 : 1-2) u kellu jgħix il-prova kbira li jissagrifika lil ibnu l-waħdieni lil Alla (ara Ġen 22 : 1-19). Din il-kriżi ħalliet frott mill-perspettiva teoloġika, permezz tat-twelid ta’ poplu ġdid. Iżda dan it-twelid ma ffrankax lil Abraham milli jgħix storja diffiċli li fiha l-konfużjoni u t-taħwid ma ma rebħux lil Abraham biss miħabba l-fidi tiegħu.

Il-kriżi ta’ Mosè narawha fin-nuqqas ta’ fiduċja li kellu fih innifsu: «Min jien jien biex immur għand il-Fargħun u noħroġ lill-poplu lhudi mill-Eġittu?» (Es 3,11); «jien ma nafx nitkellem, […] intemtem» (Es 4,10); «għandi xufftejja mniġġsa» (Es 6,12.30). Minħabba hekk, hu pprova jevita l-missjoni li fdalu Alla: “Mulej, ibgħat lil ħaddieħor” (cfr Es 4,13). Imma permezz ta’ din il-kriżi, Alla għamel lil Mosè qaddej tiegħu, li ħareġ il-poplu mill-Eġittu.

Elija, il-profeta tant qawwi li tqabbel man-nar (ara Sir 48,1), f’mument ta’ kriżi kbira xtaq saħansitra li jmut, imma mbagħad ħass il-preżenza ta’ Alla mhux fir-riħ qawwi, lanqas fit-terremot, u lanqas fin-nar, imma f’ “żiffa ħelwa” (ara 1 Slat 19,11-12). Il-leħen ta’ Alla qatt mhu fil- ħoss tal-kriżi, imma fil-vuċi siekta li tkellimna fi ħdan il-kriżi nnifisha.

Ġwanni l-Battista kien imkisser minħabba d-dubju li kellu jekk Ġesù kienx il-messija (ara Mt 11.2-6), minħabba li Ġesù ma ppreżentax ruħu bħala wieħed li ġej jeħlishom bis-saħħa bħalma Ġwanni kien qed jistenna (ara Mt 3.11-12); madankollu, kienet preċiżament il-priġunerija ta’ Ġwanni li wasslet lil Ġesù biex jibda l-predikazzjoni tal-Vanġelu ta’ Alla (ara Mk 1,14).

U fl-aħħarnett, il-kriżi teoloġika ta’ Pawlu ta’ Tarsu: milqut mil-laqgħa għal għarrieda ma’ Kristu fit-triq ta’ Damasku (ara Atti 9,1-19; Gal 1,15-16), kellu jħalli s-sigurtajiet tiegħu biex jimxi wara Ġesù (ara Fil 3,4-10). San Pawl kien tassew raġel li ħalla lilu nnifsu jinbidel permezz tal-kriżi u, għal din ir-raġuni, hu kien il-kawża li permezz ta’ dik l-istess l-kriżi,  il-Knisja seħħilha toħroġ ʼil barra mill-fruntieri ta’ Israel biex tilħaq it-truf tad-dinja.

Aħna nistgħu nwessgħu l-lista ta’ persuni mill-Bibbja, u f’din il-lista kull wieħed minna jista' jsib postu. Hemm lista twila...

Imma l-iktar kriżi qawwija kienet dik ta ’ Ġesù . Il-Vanġeli Sinottiċi jenfasizzaw li Huwa inawgura l-missjoni pubblika tiegħu permezz tal-esperjenza tal-kriżi li għex fit-tentazzjonijiet. Għalkemm jidher li l-protagonist ta’ dik is-sitwazzjoni kien ix-xitan bil-proposti foloz tiegħu, fir-realtà l-protagonist veru kien l-Ispirtu s-Santu. Fil-fatt, kien Hu li kien qed imexxi lil Ġesù f'dak il-mument deċiżiv ta’ ħajtu: “Imbagħad l-Ispirtu ħa lil Ġesù fid-deżert biex ix-Xitan iġarrbu."  Mt 4,1).

L-Evanġelisti jenfasizzaw li l-erbgħin jum li Ġesù qatta’ fid-deżert kienu karatterizzati mill-esperjenza tal-ġuħ u tad-dgħufija (ara Mt 4,2; Lq 4,2). U huwa preċiżament fil-fond ta’ dik il-ġuħ u dik id-dgħjufija li x-Xitan ipprova jilgħab l-aħjar karta tiegħu, billi ħa vantaġġ mill-għajja ta’ Ġesù. Iżda, f'dak il-bniedem ippruvat bis-sawm, it-Tentatur esperjenza l-preżenza tal-Iben ta’ Alla li kien jaf jirbaħ it-tentazzjoni permezz tal-Kelma ta’ Alla, mhux permezz tal-kelma tiegħu. Ġesù qatt ma ddiskuta max-xitan, qatt; u rridu nitgħallmuha din. Max-Xitan m’għandek qatt tiddiskuti. Ġesù jew ikeċċieh, jew ġiegħlu jikxef ismu; imma max-xitan ma tiddiskutix.

Aktar tard, Ġesù kellu jħabbat wiċċu ma’ kriżi indeskrivibbli fil-Ġetsemani: solitudni, biża’, dwejjaq, it-tradiment ta’ Ġuda u l-abbandun tal-Appostli (ara Mt 26,36-50). Fl-aħħarnett, kien hemm il-kriżi estrema  fuq is-Salib: is-solidarjetà mal-midinbin sal-punt li ħassu abbandunat mill-Missier (ara Mt 27,46). Minkejja dan kollu, Hu, b’fiduċja sħiħa, “reħa l-ispirtu tiegħu f’idejn il-Missier” (ara Lq 23,46). U dan l-abbandun sħiħ u mimli fiduċja tiegħu fetaħ it-triq għall-Qawmien (ara Lhud 5,7).

6. Ħuti, din ir-riflessjoni dwar il-kriżi iġġiegħlna noqogħdu għassa kontra l-periklu li niġġudikaw bil-għaġġla lill-Knisja fil-kriżijiet ikkawżati mill-iskandli tal-bieraħ u tal-lum, bħalma għamel il-profeta Elija li, meta fetaħ qalbu mal-Mulej , huwa ppreżenta narrattiva ta’ realtà mingħajr tama: «Għandi qalbi tħeġġeġ għall-aħħar għall-Mulej, Alla tal-eżerċti, għaliex ulied Iżrael ħallew il-patt tiegħek, farrku l-artali tiegħek, u ’l-profeti tiegħek qatluhom bix-xabla. Jien waħdi bqajt, u qegħdin ifittxu jneħħuli ħajti.» ( 1 Slat 19.14). U kemm-il darba anke l-analiżi li nagħmlu dwar il-Knisja tidher qisha bla tama. Meta naraw ir-realtà mingħajr tama, ma nistgħux insejħulha rejalistika. It-tama tagħti lill-analiżi li nagħmlu, dak li l-ħarsa mċajpra tagħna ma tkunx kapaċi tara. Alla jwieġeb lil Elija li r-realtà mhijiex kif raha hu: «Itlaq u erġa’ aqbad triqtek lejn id-deżert ta’ Damasku. [...] Jiena nħalli f’Iżrael sebat elef, jiġifieri dawk kollha li ma niżlux għarkupptejhom quddiem Bagħal, u dawk kollha li ma bisuhx b’xufftejhom.» ( 1 Slat 19:15, 18). Mhux veru li kien waħdu: biss kien jinsab fi kriżi.

Alla jkompli jkabbar iż-żerriegħa tas-Saltna tiegħu fostna. Hawnhekk fil-Kurja hemm bosta li jagħtu xhieda  bix-xogħol umli, diskret, bla tqassis fuq l-oħrajn, ma jippretenduhiex, leali, professjonali u onesti. Hemm ħafna minn dawn fostkom, grazzi. Iż-żmien li qed ngħixu wkoll għandu l-problemi tiegħu, iżda għandu wkoll ix-xhieda ħajja tal-fatt li l-Mulej ma jitlaqx lin-nies tiegħu, bid-differenza li l-problemi jispiċċaw fuq il-gazzetti – din  ħaġa ta’ kuljum – iżda s-sinjali ta’ tama jagħmlu ħoss wara ħafna żmien, u mhux dejjem.

Min ma jħarisx lejn il-kriżi fid-dawl tal-Vanġelu, ikun qed jillimita ruħu li jagħmel biss awtopsja ta’ katavru: iħares lejn il-kriżi, imma mingħajr it-tama tal-Vanġelu, mingħajr id-dawl tal-Vanġelu. Il-kriżi tbeżżagħna mhux biss għax insejna kif nagħtuha valur bħalma jistedinna l-Vanġelu, imma għax insejna li l-Vanġelu kien l-ewwel wieħed li poġġiena fi kriżi [4]. Huwa l-Vanġelu li jpoġġina fi kriżi. Imma jekk nerġgħu niskopru l-kuraġġ u l-umiltà biex ngħidu b’leħen għoli li l-mument tal-kriżi huwa l-mument l-Ispirtu, allura anke quddiem l-esperjenza tad-dlam, tad-dgħjufija, tal-fraġilità, tal-kontradizzjonijiet, tal-konfużjoni, m’għadniex inħossuna mgħaffġin, imma aħna nżommu l-ħin kollu t-tama ġo fina li l-affarijiet se jinbidlu, u li din il-bidla tiġi mill-esperjenza ta’ Grazzja li tkun moħbija. "Għax id-deheb jippruvawh fin-nar, u n-nies magħżula fil-forn tal-umiljazzjoni. (Sir, 2,5)

7. Fl-aħħarnett, nixtieq inħeġġiġkom biex ma tħawdux il-kriżi mal-kunflitt : huma żewġ affarijiet  differenti. Il-kriżi ġeneralment għandha riżultat pożittiv, filwaqt li l-kunflitt dejjem joħloq kuntrast, rivalità, antagoniżmu li diffiċli jissolva, bejn suġġetti maqsuma fi ħbieb li trid tħobb u għedewwa li trid tiġġieldilhom, fejn ir-rebbieħ ikun wieħed biss.

Il-loġika tal-kunflitt dejjem tfittex f’min twaħħal biex tista’ tagħtihom timbru u biex tiddisprezzahom, u dejjem tfittex min għandu raġun. Dan jiffavorixxi li jikber is-sens elitista ta’ “gruppi magħluqa fihom infushom” "Meta nieqfu fil-mument tal-kunflitt, ikunu nitilfu s-sens tal-unità profonda tar-realtà" (Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Gaudium , 226).

Il-Knisja, mifhuma bil-kategoriji tal-kunflitt - lemin u xellug, progressivi u tradizzjonali – hija knisja li tifred, tpolarizza u tittradixxi n-natura vera tagħha. Il-Knisja hija Ġisem li hu dejjem fi kriżi, preċiżament għax hija ħajja, imma qatt m’għandha ssir Ġisem f’kunflitt, fejn xi wħud huma rebbieħa u oħrajn telliefa. B’dan il-mod ikun hemm il-biża’, issir iktar riġida, inqas sinodali, u timponi loġika uniformi u li ġġiegħel lil kulħadd ikun l-istess, u titbiegħed mir-rikkezza tal-pluralità li l-Ispirtu ta lill-Knisja tiegħu.

It-tibdil li ġabet il-kriżi u li jixtieq l-Ispirtu, qatt mhu tibdil li hu fl-oppożizzjoni għall-qadim, iżda tibdil li joħroġ mill-qadim u li jgħinu biex jagħmel iktar frott. Ġesù juża espressjoni li tispjega din is-silta b’mod sempliċi u ċar: “Jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u jmut, tibqa’ waħedha; imma jekk tmut, tagħmel  ħafna frott” ( Ġw 12:24).  Il-fatt li ż-żerriegħa tmut huwa att li għandu żewġ tifsiriet, għax fl-istess ħin jimmarka t-tmiem ta’ xi ħaġa u l-bidu ta’ oħra. Fl-istess mument hemm il-mewt, dekompożizzjoni u hemm twelid, iż-żerriegħa li tinbet. Huma l-istess realtà. Quddiem għajnejna naraw tmiem, u f'dak l-istess tmiem jidher bidu ġdid.

F’dan is-sens, ir-reżistenza kollha li nagħmlu meta nidħlu fi kriżi, u nħallu lill-Ispirtu jmexxina fil-mument  tal-prova, tikkundannana biex nibqgħu weħidna u bla frott, jew l-iżjed li nkunu f’kunflitt. Meta niddefendu lilna nfusna mill-kriżi, inkunu qed inwaqqfu l-ħidma tal-Grazzja ta’ Alla li trid turi ruħha fina u permezz tagħna. Għalhekk, jekk f’ċertu realiżmu naraw l-istorja riċenti tagħna biss bħala ġabra ta’ sforzi li mhux dejjem irnexxew, ta’ skandli, waqgħat, dnubiet, kontradizzjonijiet, nuqqas ta’ xhieda, m’għandniex nibżgħu.  U lanqas m’għandna niċħdu dak kollu li fina jew fil-komunitajiet tagħna hu imċappas bil-mewt u li allura jeħtieġ konverżjoni. Dak kollu li hu ħażin, kontradittorju, dgħajjef u fraġli jidher ċar; dan ifakkarna b’qawwa ikbar fil-ħtieġa li mmutu għall-mod kif qed ngħixu, kif nirraġunaw u kif naġixxu li mhux dejjem jirrifletti l-Vanġelu. Huwa biss meta tmut għal ċerta mentalità li jkun possibbli li tagħmel spazju għal dak li hu ġdid, dak li l-Ispirtu jqajjem kontinwament fil-qalba tal-Knisja. Il-Missirijiet tal-Knisja kienu konxji ta’ dan, li huma sejħu “metanoia.”

8. Ma’ kull kriżi, dejjem joħroġ il-bżonn ta’ tiġdid, u li tagħmel pass ʼil quddiem. Imma jekk verament irridu tiġdid, irid ikollna l-kuraġġ li nkunu lesti għal kull ħaġa; Irridu nieqfu naħsbu fir-riforma tal-Knisja bħala xi roqgħa fuq libsa qadima, jew billi sempliċiment tinkiteb xi Kostituzzjoni Appostolika ġdida. Ir-riforma tal-Knisja hija ħaġa oħra.

Mhix kwistjoni li “inraqqgħu xi libsa”, għax il-Knisja mhix sempliċement “libsa” ta’ Kristu, iżda Ġismu stess li jiġbor fih l-istorja kollha (ara 1 Kor 12, 27). Aħna mhux imsejħin biex inbiddlu jew nirriformaw il-Ġisem ta’ Kristu – “Ġesù Kristu huwa l-istess ilbieraħ, illum u għal dejjem" ( Lhud 13,8) – imma aħna msejħin biex inlibbsu dak l-istess Ġisem b’libsa ġdida, sabiex ikun jista’ jidher ċar li l-Grazzja ma tiġix minna, imma minn Alla: għax “aħna nġorru dan it-teżor f’ġarar tal-fuħħar, sabiex jidher ċar li din il-qawwa straordinarja ġejja minn Alla u mhux minna” ( 2 Kor.4.7). Il-Knisja hija dejjem ġarra tal-fuħħar, prezzjuża għal dak li fiha u mhux għal dak li kultant turi li hi. Fl-aħħar, ser ikolli l-pjaċir li nagħtikom ktieb, rigal ta’  Patri Ardura, li fih juri l-istorja ta’ ġarra tal-fuħħar, li biha stajna naraw il-kobor ta’ Alla u r-riformi tal-Knisja. Dan li qed ngħixu huwa mument meta jidher ċar li t-tafal li aħna  maħduma minnu ixxaqqaq, inkiser. Irridu nagħmlu ħilitna biex id-dgħufija tagħna ma ssirx ostaklu għat-tħabbir tal-Vanġelu, anzi tkun pjuttost xhieda tal-imħabba kbira li biha Alla, għani fil-ħniena, ħabbna u jħobbna (ara Ef 2,4 ). Jekk inneħħu lil Alla, li hu għani fil-ħniena, minn ħajjitna, ħajjitna tkun gidba, tkun falza.

Matul il-perjodu ta’ kriżi, Ġesù jwissina dwar xi tentattivi biex noħorġu minnha li huma destinati mill-bidu li ma jirnexxux, bħal meta “naqtgħu biċċa drapp minn libsa ġdida biex insewwu l-qadima”; ir-riżultat huwa prevedibbli: il-libsa l-ġdida tiċċarrat, għax “ir-roqgħa ma toqgħodx tajjeb fuq libsa ġdida.” Bl-istess mod, “ħadd ma jpoġġi nbid ġdid f’damiġġjani tal-inbid qodma. Jekk tagħmel dan, l-inbid il-ġdid jifqa’ d-damiġġani qodma, l-inbid jinxtered, u d-damiġġani jintilfu. Inbid ġdid jitqiegħed f’damiġġani ġodda!”  ( Lq 5,36-38).

L-imġieba korretta hija dik tal-“imgħallem tal-liġi li sar dixxiplu tas-Saltna tas-smewwiet”, li “jixbah lis-sid ta’ dar li mill-ħażna tiegħu joħroġ kemm il-ġdid kif ukoll il-qadim ( Mt 13,52). It-teżor huwa t-Tradizzjoni li, kif fakkarna Benedittu XVI , “hija x-xmara ħajja li tmur lura għall-oriġini, ix-xmara ħajja li fiha l-oriġini huma dejjem preżenti. Ix-xmara l-kbira li teħodna fil-port tal-eternità » ( Katekeżi, 26 ta’ April, 2006). Tiġi f'moħħi l-frażi ta 'dak il-mużiċist kbir Ġermaniż: “It-tradizzjoni hija l-garanzija tal-futur u mhux mużew...”  L-“affarijiet qodma” huma l-verità u l-grazzja li diġà għandna. L-affarijiet ġodda huma l-aspetti differenti tal-verità li nifhmuhom bil-mod il-mod. Dik il-frażi tal-ħames seklu: "Ut annis scilicet consolidetur, dilatetur tempore, sublimetur aetate": din hija t-tradizzjoni, u tikber b’dan il-mod. Jekk inħallu lilna nfusna nitmexxew mill-Ispirtu s-Santu, kuljum nersqu eqreb lejn “il-verità kollha” ( Ġw16.13). Għall-kuntrarju, mingħajr il-grazzja tal-Ispirtu s-Santu, nistgħu anke nibdew nimmaġinaw Knisja “sinodali”, li minflok tkun ispirata mill-komunjoni bil-preżenza tal-Ispirtu, nispiċċaw inħarsu lejha bħala assemblea demokratika bħall-oħrajn, magħmula minn maġġoranzi u minoranzi. Bħal ma jkun parlament, pereżempju; u din mhix sinodalità. Il-preżenza tal-Ispirtu s-Santu biss tagħmel differenza.

9. X'għandek tagħmel fi żmien ta’ kriżi? Fl-ewwel lok, aċċettaha bħala żmien ta’ grazzja li ngħatalna biex niskopru r-rieda ta’ Alla għal kull wieħed minna u għall-Knisja kollha. Jeħtieġ li nidħlu fil-loġika li tidher  kontradittorja li “meta jien dgħajjef, dak il-ħin inkun qawwi!” ( 2 Kor 12.10). Irridu niftakru fil-garanzija li San Pawl ta lill-Korintin: “Alla hu fidil u ma jħallikomx tiġġarrbu aktar milli tifilħu; jaħseb li mat-tiġrib jagħtikom il-qawwa u l-għajnuna biex tkunu tifilħu għalih.” ( 1 Kor 10 , 13).

Huwa essenzjali li ma naqtgħux id-djalogu ma 'Alla, anke jekk ikun diffiċli. It-talb mhux faċli. Ma rridux niddejqu li nitolbu dejjem (ara Lq 21,36; 1 Tess 5,17). Ma nafu l-ebda soluzzjoni oħra għall-problemi li qed nesperjenzaw ħlief li nitolbu aktar u, fl-istess ħin, nagħmlu dak kollu li nistgħu b’kunfidenza akbar. It-talb jippermettilna “nittamaw kontra kull tama” (ara Rum 4,18).

10. Għeżież ħuti: Ejjew inżommu fina paċi u serenità profonda, biċ-ċertezza sħiħa li lkoll, jien l-ewwel, aħna “qaddejja li ma niswew għal xejn” ( Lq.17,10), li magħna l-Mulej wera ħniena. Huwa għalhekk li jkun tajjeb għalina li nieqfu ngħixu f’kunflitt u minflok nerġgħu nibdew inħossuna f’mixja, miftuħin għall-kriżi. Il-mixja dejjem għandha x’taqsam mal-verbi ta’ moviment. Il-kriżi hija moviment, hija parti mill-mixja. Il-kunflitt, min-naħa l-oħra, huwa triq falza, huwa mixi mingħajr għan jew skop, u tibqa’ tagħqad fil-vojt, huwa biss ħela ta' enerġija u opportunità għall-ħażen. U l-ewwel ħażen li jġibilna l-kunflitt, u li minnu rridu noqogħdu b’seba’ għajnejn, huwa t-tqassis. Ejjew noqogħdu attenti minn dan! Din mhix manija li għandi li dejjem nitkellem fuq it-tqassis; jiena nikkundanna dan il-ħażen li jidħol fil-Kurja. Hawnhekk fil-Palazz hawn ħafna bibien u twieqi, u malajr jidħol, u aħna nidrawh. It-tqassis li jdaħħalna f’nassa li ma tantx hi sabiħa, hija diżgustanti u soffokanti, u kull kriżi jibdilha f’kunflitt. Il-Vanġelu jgħidilna li r-rgħajja emmnu l-aħbar  tal-anġlu u telqu lejn Ġesù (ara Lq 2,15-16). Erodi, għall-kuntrarju, ingħalaq fih innifsu quddiem l-istorja tal-maġi u l-qalb magħluqa tiegħu inbidlet f’gideb u vjolenza (ara Mt 2,1-16).

Kull wieħed minna, tkun xi tkun il-pożizzjoni tagħna fil-Knisja, irridu nistaqsu lilna nfusna jekk irridux insegwu lil Ġesù bil-ħlewwa li kellhom ir-rgħajja jew inkella bil-mod kif Erodi ddefenda lilu nnifsu. Jew nimxu warajh fil-kriżi, inkella niddefendu lilna nfusna kontrih f’kunflitt.

Ippermettuli nitlob espressament lil dawk kollha li, flimkien miegħi, huma għas-servizz tal-Vanġelu, qed nitlobkom ir-rigal tal-Milied, u dan huwa l-kollaborazzjoni ġeneruża tagħkom fix-Xandir tal-Vanġelu, speċjalment lill-fqar (ara Mt 11,5). Ejjew niftakru li huwa biss dak li jilqa’ lill-fqir li verament isir jaf lil Alla. Aħna ma nistgħux naraw il-wiċċ ta’ Alla, imma nistgħu narawh iħares lejna meta nonoraw il-wiċċ tal-proxxmu tagħna, ta’ dawk li jimpenjawna bil-bżonnijiet tagħhom [5]. Il-wiċċ tal-foqra. Il-foqra jinsabu fiċ-ċentru tal-Vanġelu. Jiġini f’moħħi dak li qal dak l-isqof qaddis Brażiljan: “Meta nieħu ħsieb il-foqra, jgħidu li jien qaddis; imma meta nistaqsi lili nnifsi u nistaqsi: “Għaliex għad hemm daqshekk faqar?”, jgħidu li jien ‘komunista’ ”.

Jalla ma jkun hemm ħadd li jfixkel minn jeddu x-xogħol li qed jagħmel il-Mulej f’dan il-mument, u aħna nitolbu r-rigal tal-umiltà fis-servizz sabiex jikber Hu u niċkienu aħna (ara Ġw 3:30).

Awguri lil kulħadd, lil kull wieħed minnkom, lill-familji tagħkom, lil ħbiebkom. U grazzi, grazzi tax-xogħol tagħkom. Grazzi ħafna. U jekk jogħġobkom itolbu dejjem għalija biex ikolli l-kuraġġ li nibqa’ fi kriżi. Il-Milied it-tajjeb. Grazzi.

 [Barka]

Insejt ngħidilkom li se nagħtikom żewġ kotba bħala rigal. Wieħed, il-ħajja ta’ Charles de Foucauld, mgħallem tal-kriżi, li ħallielna rigal, wirt sabiħ ħafna. Dan huwa rigal li tani Patri Ardura: grazzi. L-ieħor jismu “Olotropia: i verbi della familiarità cristiana”.  Biex jgħinuna ngħixu ħajjitna. Dan hu ktieb li ħareġ dan l-aħħar, miktub minn biblista, dixxiplu tal-Kardinal Martini; ħadem f'Milan, iżda huwa mid-Djoċesi ta’ Albenga-Imperia.

 



[1] The Human Condition, Chicago, University of Chicago Press, 1958, p. 246

[2] Ibid..

[3] Diskors fil-Laqgħa ekumenika u interreliġjuża maż-żgħażagħ, Skop­je – il-Maċedonja ta’ Fuq (7 ta’ Mejju 2019): L’Osservatore Romano, 9 ta’ Mejju 2019, p. 9.

[4] «Ħafna dixxipli tiegħu, meta semgħuh, qalu: “Iebes dan il-kliem! Min jiflaħ jisimgħu?” Ġesù ntebaħ waħdu li d-dixxipli tiegħu kienu qegħdin igergru fuq hekk, u qalilhom: “Dan il-kliem qiegħed ifixkilkom?”» (Ġw 6,60-61). Imma huwa biss meta nitilqu minn din il-kriżi, li tista’ titwieled stqarrija ta’ fidi: «“Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.”» (Ġw 6,68).

[5] Cfr E. Lévinas, Totalité et infini, Paris 2000, 76; ed. it. Totalità e infinito. Saggio sull’esteriorità, Milano 1977, 76.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes