DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

LILL-PARTEĊIPANTI TAR-IV LAQGĦA INTERNAZZJONALI

TAL-KORIJIET FIL-VATIKAN

Awla Pawlu VI

Is-Sibt 8 ta’ Ġunju 2024

 

L-għodwa t-tajba!

 

Rajtu kif l-ispontanjetà tat-tfal titkellem iktar mill-aqwa diskorsi? Huma hekk magħmula, jesprimu ruħhom kif inhuma. Irridu nieħdu ħsieb tat-tfal għax huma l-futur, huma t-tama, imma huma wkoll ix-xhieda tal-ispontanjetà, tal-innoċenza u tal-wegħda. U kien dejjem għalhekk li Ġesù qal li ried it-tfal qrib tiegħu. Meta l-Appostli qalulhom: “Morru ’l hemm!”, hu qalilhom: “Le, le, ħalluhom it-tfal jiġu għandi!”. It-tfal huma l-ipprivileġġjati. Għalhekk Ġesù qal: “Ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna ta’ Alla”. Hemm bżonn nitgħallmu minn din l-ispontanjetà li wrewna huma. U ma ġewx għall-ħelu – imbagħad indunaw li kien hawn il-ħelu – imma ġew għax ħadu pjaċir jiġu. Huma hekk. Ma ninsewx il-lezzjoni li tawna llum. Grazzi!

 

Merħba lil kulħadd u b’mod partikolari lil Mro Mons. Marco Frisina, u grazzi lil Nova Opera li ppromovew din l-inizjattiva, li qed issir fl-erbgħin sena mit-twaqqif tal-Kor tad-Djoċesi ta’ Ruma. Huwa anniversarju li jinkuraġġixxi lilkom ilkoll biex tibqgħu mexjin ’il quddiem fis-servizz prezzjuż li twettqu, f’Ruma u f’tant partijiet oħra tad-dinja.

 

Il-laqgħa tagħkom, li waslet fir-raba’ edizzjoni tagħha, tiġbor flimkien korijiet parrokkjali u djoċesani, scholæ cantorum, kappelli mużikali, diretturi u mużiċisti. Ġejtu l-Vatikan biex flimkien tinżlu iktar fil-fond tat-tifsira tal-mużika għas-servizz tal-liturġija; u kemm hu sabiħ tarakom hawn, anki għaliex, ġejjin minn diversi postijiet imma magħqudin mill-fidi u mill-passjoni mużikali, intom sinjal qawwi ta’ għaqda. Għalhekk nixtieq niġbed l-attenzjoni tagħkom fuq tliet aspetti essenzjali tas-servizz tagħkom, jiġifieri l-armonija, il-komunjoni u l-ferħ.

 

L-ewwel: l-armonija. Il-mużika tnissel armonija billi tilħaq lil kulħadd, tfarraġ lil min ibati, trodd il-ħeġġa lil min qalbu maqtugħa, u twarrad f’kull persuna valuri tal-għaġeb bħalma huma l-ġmiel u l-poeżija, mera tad-dawl armonjuż ta’ Alla. L-arti mużikali fil-fatt għandha lingwaġġ universali u immedjat, li ma għandux bżonn ta’ traduzzjonijiet, lanqas ta’ tant spjegazzjonijiet kunċettwali. Jistgħu japprezzawha s-sempliċi u l-għorrief, min jaqbad aspett u min ieħor, b’iktar jew inqas profondità, imma kulħadd jista’ jislet mill-għana tagħha. Barra minn hekk, il-mużika teduka għas-smigħ, għall-attenzjoni u għall-istudju, terfa’ ’l fuq l-emozzjonijiet, is-sentimenti u l-ħsibijiet (ara Efes 4:4-8), u tieħu lill-persuni lil hemm mill-ġenn tal-għaġla, tal-istorbju u ta’ viżjoni materjali biss tal-ħajja, u tgħinhom jikkontemplaw aħjar lilhom infushom u r-realtà ta’ madwarhom. Hekk, lil min jikkultivaha, tagħtih ħarsa mimlija għerf u serenità, li biha b’mod iktar faċli jingħelbu l-firdiet u l-mibegħda, biex ikun – proprju bħall-istrumenti ta’ orkestra u l-ilħna ta’ kor – f’armonija, biex ikun għassa għall-istunaturi u jikkoreġi d-dissonanzi, li huma utli wkoll għad-dinamika tal-kompożizzjonijiet, sakemm ikunu integrati f’nisġa għarfa ta’ armonija.

 

It-tieni: il-komunjoni. Il-kant f’kor isir flimkien, mhux waħidna. U dan ukoll ikellimna dwar il-Knisja u dwar id-dinja li fiha ngħixu. Fil-fatt, il-mixja tagħna magħqudin tista’ tirrappreżenta bħall-eżekuzzjoni ta’ “kunċert” kbir, fejn kull wieħed u waħda jipparteċipa bil-ħiliet tiegħu u joffri s-sehem tiegħu, billi jdoqq u jkanta l-“parti” tiegħu, u hekk jerġa’ jsib l-uniċità tiegħu mogħnija mis-sinfonija tal-komunjoni. F’kor u f’orkestra, wieħed għandu bżonn tal-ieħor, u l-eżekuzzjoni ta’ kulħadd tirnexxi skont l-impenn ta’ kull wieħed u waħda, skont kemm kull wieħed jikkontribwixxi mill-aħjar fir-rwol tiegħu, waqt li jirrispetta u jisma’ lil min għandu maġenbu, bla protagoniżmi, f’sintonija. Bħal fil-Knisja u fil-ħajja, fejn kull wieħed hu msejjaħ jagħmel tajjeb il-parti tiegħu għall-ġid tal-komunità sħiħa, biex mid-dinja kollha titla’ għanja ta’ tifħir lil Alla (ara Salm 47:2).

 

Fl-aħħar, it-tielet: il-ferħ. Intom għandkom f’idejkom teżor ta’ sekli sħaħ ta’ arti, ta’ ġmiel u ta’ spiritwalità. Tħallux li l-mentalità tad-dinja ċċappsu bl-interess, l-ambizzjoni, l-għira, il-firdiet, ħwejjeġ li kollha, kif tafu, jistgħu jinfiltraw fil-ħajja ta’ kor, bħal f’dik ta’ komunità, u jġibuhom spazji mhux ta’ ferħ, imma ta’ dwejjaq u peżanti, sa jispiċċaw ifarrkuhom. Minflok, tagħmlu sew jekk, għal dan il-għan, iżżommu għoli l-livell spiritwali tal-vokazzjoni tagħkom: bit-talb u bil-meditazzjoni tal-Kelma ta’ Alla, bis-sehem tagħkom, barra b’leħikom, anki bil-ħsieb u bil-qalb, fil-liturġiji li tanimaw, u billi tgħixu bil-ħeġġa l-kontenut tagħhom jum wara jum, biex il-mużika tagħkom tkun dejjem iżjed irfigħ hieni tal-qalb lejn Alla, li bl-imħabba tiegħu jiġbed, idawwal u jibdel kollox (ara 1 Kor 13:1-13). Hekk tkunu twettqu l-eżortazzjoni ta’ Santu Wistin: “Infaħħru lill-Mulej bil-ħajja u bl-ilsien, bil-qalb u bil-fomm, bil-leħen u bl-imġiba” (Diskorsi 256).

 

Għeżież ħuti, irroddilkom ħajr li ġejtu u fuq kollox tas-servizz tagħkom lit-talb tal-Knisja u lill-evanġelizzazzjoni. Inseħibkom bil-barka tiegħi. U nitlobkom, jekk jogħġobkom, intom u tkantaw, biex titolbu għalija. Grazzi!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard