Laikos

 

IL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

JSELLEM LILL-ĦADDIEMA TAL-VATIKAN

GĦALL-BDIL TAL-AWGURI TAL-MILIED

Sala Pawlu VI
Il-Ħamis, 23 ta’ Diċembru, 2021

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

 

Niżżu ħajr ‘l Alla li qed jerġa’ jlaqqgħana flimkien biex nagħtu l-awguri tal-Milied it-tajjeb lil xulxin.  Nawgura minn qalbi lilkom, missirijiet, ommijiet, ulied, nanniet, u lill-għeżież kollha tagħkom.  Jalla Ġesù jitwieled fi qlubkom u fil-familji tagħkom.  U kif jitwieled Ġesù?  Fl-imħabba.  M’hemmx triq oħra.  Dan jingħad ukoll f’innu sagru magħruf: “Fejn issib l-imħabba w l-għożża ‘l Alla wkoll issib”.  Hemmhekk jitwieled Alla, fejn l-imħabba tkun konkreta, tkun qrubija, issir tenerezza, kumpassjoni....  Hemmhekk ikun hemm Alla.

Jekk, per eżempju, fil-familja hemm in-nannu jew in-nanna li tkun iebsa għalihom biex joħorġu, allura mmorru nżuruh, inżuruha, bil-prekawzjonijiet li timponi l-pandemija, imma mmorru, ma nħalluhomx waħedhom.  U jekk ma nistgħux immorru, inċemplulhom u noqgħodu nitkellmu ftit.  Imma fuq kollox, malli jkun possibbli, immorru u noqgħodu ftit miegħu jew magħha.  Dwar din tan-nanniet qed nieqaf ftit għax f’dil-kultura tal-iskart in-nanniet huma wisq imwarbin.  “Iva, jinsabu tajbin, qiegħdin hemm....”: imma mhumiex parti mill-ħajja.  Tiġini f’moħħi storja li rrakkuntatli waħda min-nanniet meta kont tfal.  Kien hemm familja li magħha kien jgħix in-nannu li beda jixjieħ.  U waqt l-ikla ta’ nofsinhar jew ta’ filgħaxija, meta kien ikun qed jiekol il-brodu kien jitħammeġ.  U ħin minnhom il-missier qal: “Ma nistgħux ngħixu hekk għax lanqas nistgħu nistiednu  lill-ħbieb, minħabba n-nannu....  Se nara li n-nannu jibda jiekol fil-kċina waħdu.  Nagħmillu mejda żgħira”.  U hekk sar.  Ġimgħa wara x’ħin wasal id-dar sab lil ibnu ta’ għaxar snin jilgħab bl-injam u bl-imsiemer, bil-martell... “X’qed tagħmel?” – “Mejda żgħira, papà” – “Imma għalfejn?” – “Għalik għal meta tixjieħ”.  Ma ninsewx li dak li niżirgħu fit-tfal jagħmluh magħna.  Jekk jogħġobkom, tittraskurawhomx lin-nanniet, tittraskurawx lill-anzjani: huma l-għaqal.  “Iva, imma għamilli ħajti nfern....”  Aħfer, insa, kif Alla għad jaħfer lilek.  Imma tinsewhomx lill-anzjani għax dil-kultura tal-iskart titfagħhom fil-ġenb, dejjem.  Skużawni imma li nitkellem dwar in-nanniet hi wisq għal qalbi, u nixtieq li lkoll kemm aħna nimxu f’dit-triq.

Għeżież, nixtieq nawguralkom li l-Milied iġibilkom ftit tas-serenità, speċjalment jekk intom għaddejjin minn żmien tqil, bil-preokkupazzjonijiet... Kull familja għandha minnhom, imma kultant ikun hemm sitwazzjonijiet aktar diffiċli.  Nitlob biex min hu l-aktar fil-bżonn jirċievi d-don tas-serenità personali u familjari.  Il-pandemija ġabet ħafna problemi fi ħdan il-familji, problemi kemm ekonomiċi kif ukoll psikoloġiċi.  Qed niftakar fiż-żgħażagħ, fl-adoloxxenti li ħassew f’ġildhom b’mod partikolari l-perjodi ta’ iżolament u tagħlim online.  Imma kull età kellha d-diffikultajiet tagħha minħabba l-pandemija.

U f’dak li għandu x’jaqsam max-xogħol, kif kont għidtilkom sena ilu, ippruvajna niggarantuh; konna mpenjati biex ma nħallu lil ħadd bla xogħol.  Naturalment, iż-żmien tal-lockdown ma kienx ħafif; naf li kien hemm xi problemi, naf;  nittama li jinstabu soluzzjonijiet sodisfaċenti permezz tad-djalogu, billi nippruvaw insibu kompromess, dejjem bir-rispett lejn id-drittijiet tal-ħaddiema u tal-ġid komuni.

Għal dan nitolbu l-interċessjoni ta’ San Ġużepp: hu “tal-affari tiegħu” fil-qasam tax-xogħol!  Imma mhux biss.  Anzi, fir-realtà, qabel kollox, hu l-ħarries ta’ Ġesù u tal-Verġni Marija.  U għalhekk huwa wkoll il-patrun tal-Knisja.  Kif tafu, din is-sena kienet kollha ddedikata lil San Ġużepp: inħossni kuntent ħafna b’dak li ġara matul dis-sena u nittama li għinitkom biex tħossuh aktar qribkom, aktar preżenti f’ħajjitkom, fil-familji tagħkom.  Ċerti sitwazzjonijiet xi ftit aktar kumplikati tistgħu tafdawhom f’idejh, sitwazzjonijiet li fihom nindunaw li l-forzi tagħna mhumiex biżżejjed li m’hemmx soluzzjonijiet ready made.  Allura tistgħu dduru lejn San Ġużepp bit-talb.  Hu bniedem ta’ ftit kliem imma bniedem ta’ bosta fatti.  Ippruvaw.  Bniedem li jisma’ x’inhi r-rieda t’Alla u jqegħedha fis-seħħ, bla ma jittituba.  Jien nitolbu dejjem għal dal-bżonn, għal dak, għall-ieħor, u hu dejjem iwieġeb.

U tafu kif Alla kien inebbħu dwar ir-rieda tiegħu?  Waqt l-irqad, waqt li kien ikun rieqed.  Dan hu fatt li jirrakkuntawh l-Evanġelji, u fih ukoll sens simboliku: mhuwiex biss ħolm fis-sens psikoloġiku, imma huwa rivelazzjoni tal-pjan divin li hu kien jirċievi waqt l-irqad u mbagħad, meta jqum, iwettqu minnufih.  Naraw dan erba’ darbiet: l-ewwel waħda meta kellu jieħu b’għarustu lil Marija; it-tieni meta Erodi kien theddida għall-ħajja ta’ Ġesù u kien hemm bżonn jaħrab lejn l-Eġittu; it-tielet fil-mument li kellu jerġa’ lura lejn il-patrija; u r-raba’ meta kellu jibda jgħammar f’Nażaret.  Dawn l-indikazzjonijiet kollha l-Mulej tahom lil Ġużeppi fil-ħolm, permezz tal-anġlu.  Imma ma kienux fantasiji, alluċinazzjonijiet, bil-maqlub, kienu messaġġi marbutin sew mar-realtà, immirati biex jiggwidaw il-mixja tal-Familja Mqaddsa.  Kienu l-manifestazzjoni tal-Providenza t’Alla.

U ejjew nieqfu ftit dwar dil-kelma Providenza.  Kif tgħallimna l-istorja ta’ Ġużeppi u Marija, il-familja hi l-imkien privileġġjat li fih inġarrbu l-Providenza t’Alla.  Għalhekk irrid nawgura lilkom ukoll, lil kull waħda mill-familji tagħkom, propju dan: li ġġarbu l-esperjenza tal-id paterna ta’ Alla li jmexxi l-passi tagħna fit-toroq tiegħu, għall-ġid tal-miżżewġin, għall-ġid tal-ulied, għall-ġid tal-familja kollha.  Il-pjanijiet t’Alla mhux dejjem ċari; spiss jidhru maż-żmien, jeħtieġu l-paċenzja; jeħtieġu fuq kollox, il-fidi, ħafna fiduċja li Alla jrid biss u dejjem il-ġid, l-aħjar ġid għalina u għall-għeżież tagħna.  U allura hemm bżonn nagħmlu bħal San Ġużepp: nintelqu f’idejn Alla – dan ifisser l-irqad – biex nirċievu l-messaġġi tiegħu.

Jien nitlob għalikom.  Intom ukoll, itolbu għal xulxin, biex b’hekk, il-komunità tax-xogħol tissaħħaħ, issir aktar magħquda.  Irroddilkom ħajr li ġejtu għal dil-laqgħa.  Nitlob lil San Ġużepp u nitlob lill-Madonna biex jakkumpanjawkom fil-mixja tagħkom, u Ġesù, is-Salvatur, jimlielkom qlubkom u djarkom bil-ferħ u l-paċi.  Lilkom ilkoll u lill-familji tagħkom nawguralkom il-Milied it-Tajjeb.  U rroddilkom ħajr għax-xogħol kollu li tagħmlu hawn: grazzi ħafna!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber