TISLIMA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
LILL-ĦADDIEMA FIL-VATIKAN GĦALL-AWGURI TAL-MILIED

Sala Pawlu VI
It-Tnejn, il-21 ta’ Diċembru 2020

Niskopru mill-ġdid - Nikkontemplaw - Inħabbru

Ħuti għeżież,

Huwa ta’ ferħ għalija li qrib il-festi tal-Milied, niltaqa’ magħkom u mal-familji tagħkom, ħaddiema fil-Vatikan. Nirringrazzja lill-kollega tagħkom it-tabib li tkellem f’isimkom ilkoll: kliemu għamlulna l-ġid u jagħtuna tama. Ninsab grat lejn kull wieħed minnkom għax-xogħol li tagħmlu b’tant imħabba b’servizz lejn il-Kurja Rumana u lejn il-Belt tal-Vatikan. Il-pandemija kkawżat mhux biss sitwazzjoni kritika fil-qasam tas-saħħa, imma wkoll diffikultajiet ekonomiċi f’tant familji u istituzzjonijiet. Is-Santa Sede sofriet ukoll minn dan kollu, u qed tagħmel kull sforz biex tindirizza din is-sitwazzjoni prekarja bl-aħjar mod possibbli. Hija kwistjoni li tgħaqqad flimkien kemm il-bżonnijiet tagħkom bħala ħaddiema, kif ukoll dawk tas-Santa Sede: jeħtieġ li nagħtu każ il-bżonnijiet ta’ xulxin, u nimxu ‘l quddiem fix-xogħol tagħna flimkien, dejjem. Il-kollaboraturi tagħna, intom li taħdmu fis-Santa Sede, intom l-iktar ħaġa importanti: ħadd m’għandu jitħalla barra, ħadd m’għandu jitlef ix-xogħol; is-superjuri tal-Governornat u anke dawk tas-Segreterija tal-Istat, ilkoll kemm huma, qegħdin ifittxu modi biex ma titnaqqasx il-paga tagħkom u biex ma jitnaqqas xejn, xejn f’dan il-mument tant ikrah għall-frott tax-xogħol tagħkom. Qed ifittxu modi oħrajn, imma l-prinċipji jibqgħu l-istess: tħallux ix-xogħol tagħkom; ħadd m’għandu jitkeċċa mix-xogħol, ħadd m’għandu jsofri l-effett ekonomiku ikrah ta’ din il-pandemija. Jeħtieġ li lkoll flimkien naħdmu iktar biex ngħinu lil xulxin ħalli nsolvu din il-problema li mhijiex faċli, għax bħalma tafu intom, hawnhekk, kemm fil-Governorat, kif ukoll fis-Segreterija tal-Istat, m’għandniex lil Mandrake, m’għandniex il-bakketta maġika, u jeħtieġ li nsibu toroq biex insolvu dan kollu, u bir-rieda tajba, flimkien, insolvuh. Għinuni f’dan, u jien ngħin lilkom: flimkien ngħinu lil xulxin biex nimxu ‘l quddiem bħala familja waħda. Grazzi.

Il-Milied huwa festa ta’ ferħ «għaliex Ġesù twieled għalina» (cfr Is 9,5) u aħna lkoll imsejħin biex immorru lejh. L-eżempju jagħtuhulna r-rgħajja. Aħna wkoll għandna nduru lejn Ġesù: inneħħu t-telqa tagħna, id-dwejjaq tagħna, l-apatija tagħna, in-nuqqas ta’ interess tagħna u l-biża tagħna, l-iktar f’dan iż-żmien ta’ emerġenza fil-qasam tas-saħħa, meta huwa diffiċli  biex nerġgħu niskopru l-entużjażmu tal-ħajja u tal-fidi. Tgħejja: huwa żmien ta’ għejja. Nimitaw lir-rgħajja, aħna msejħin biex ikollna tliet atteġġamenti: tliet verbi: niskopru mill-ġdid, nikkontemplaw, inħabbru.  Kull wieħed minnkom jara kif f’ħajtu jista’ jiskopri mill-ġdid, kif jista’ jikkontempla, u kif jista’ jħabbar.

Huwa importanti li terġa’ tiskopri t-twelid ta’ l-Iben ta 'Alla bħala l-akbar ġrajja fl-istorja. Hija l-ġrajja imbassra mill-profeti sekli qabel ma seħħet. Hija l-ġrajja li għadna nitkellmu dwarha llum: min hu dak il-personaġġ storiku li jitkellmu dwaru bħalma jitkellmu dwar Ġesù? Għaddew għoxrin seklu u Ġesù huwa iktar ħaj minn qatt qabel – u wkoll huwa ħafna drabi aktar ippersegwitat; ukoll huwa aktar imtebba’ bin-nuqqas ta’ xhieda ta’ tant Insara. Għaddew għoxrin seklu. U dawk li jitbiegħdu minnu, bl-imġieba tagħhom, jagħtu aktar xhieda għal Ġesù: għax mingħajru l-bniedem jaqa’ fil-ħażen: fid-dnub, fil-vizzju, fl-egoiżmu, fil-vjolenza, fil-mibegħda. Il-Verb sar bniedem u għammar fostna: din hija l-ġrajja li rridu niskopru mill-ġdid.

It-tieni atteġġament huwa dak tal-kontemplazzjoni. L-ewwel wieħed kien li  niskopru mill-ġdid,  it-tieni li  nikkontemplaw. Ir-rgħajja jgħidu: “Imxu mmorru Betlehem, u naraw x'ġara kif għarrafna l-Mulej” ( Lq 2:15): jiġifieri, ejjew nimmeditaw, nikkontemplaw, nitolbu. U hawn l-isbaħ eżempju tagħtihulna omm Ġesù, Marija: żammet f’qalbha, immeditat ... U x’niskopru meta nimmeditaw? San Pawl jgħidilna: «Iżda meta feġġet it-tjieba ta’ Alla, Salvatur tagħna, u l-imħabba tiegħu għall-bnedmin, hu salvana bil-ħasil ta’ twelid ġdid u t-tiġdid tal-Ispirtu s-Santu, mhux minħabba l-opri tajba li stajna għamilna aħna, iżda minħabba l-ħniena tiegħu. »( Titu 3, 4-5). Niskopru li Alla juri t-tjieba tiegħu f’Ġesù Bambin. Huwa juri l-ħniena tiegħu għal kull wieħed minna, u kull wieħed minna jaf li lkoll għandna bżonn il-ħniena f’ħajjitna. Kull wieħed jaf u jista’ jagħti isem u kunjom lill-affarijiet li hemm f’qalbu u li għandhom bżonn il-ħniena ta’ Alla. Fil-Bambin Ġesù Alla juri lilu nnifsu li hu ta’ min iħobbu, mimli tjubija u ġentilezza. Min ma jitqanqalx bit-tenerezza quddiem tifel żgħir? Tabilħaqq, Alla bħal dan nistgħu tassew inħobbuh b’qalbna kollha. Alla juri t-tjubija tiegħu biex isalvana. U xi tfisser li tkun salvat? Ifisser li nidħlu fil-ħajja stess ta’ Alla, li nsiru ulied adottivi ta’ Alla permezz tal-Magħmudija. Din hija t-tifsira kbira tal-Milied: Alla jsir bniedem sabiex inkunu nistgħu nsiru wlied Alla.

It-Tieni Persuna tat-Trinità saret bniedem, biex isir ħuna l-kbir, l-ewwel fost għadd kbir ta’ aħwa. U Alla jsalvana permezz tal-magħmudija, u jdaħħalna lkoll bħala aħwa: ejjew nikkontemplaw dan il-misteru, nikkontemplaw lil dan it-Tfajjel. U għalhekk li l-katekeżi li jagħtina l-presepju hija tant sabiħa, għax turina dan il-Bambin ħelu li jħabbrilna l-ħniena ta’ Alla. Ikkontempla l-presepju. Meta lbieraħ berikt il-Bambini, kienet verament “kontemplazzjoni”. Il-Bambin tal-presepju huwa statwa, imma statwa li ġġegħelna naħsbu f’din il-ħniena kbira ta’ Alla li sar Tarbija.

U quddiem din ir-realtà, it-tielet atteġġament huwa li tħabbar. Dan hu l-atteġġament li jgħinna nimxu ʼl  quddiem. Dawn huma t-tliet atteġġamenti li jgħinuna biex nimxu 'l quddiem f’dan il-mument. X'għandna nagħmlu? Ejjew inħarsu għal darb’oħra lejn ir-rgħajja: “U r-ragħajja reġgħu lura, isebbħu u jfaħħru lil Alla għal dak kollu li kienu raw u semgħu, bħalma kien intqalilhom” ( Lq.2.20). Huma reġgħu lura għall-ħajja ta’ kuljum tagħhom. Aħna wkoll jeħtieġ li nerġgħu lura għall-ħajja tagħna ta’ kuljum: il-Milied jgħaddi. Imma rridu nerġgħu lura għall-ħajja tal-familja, għax-xogħol, mibdulin, irridu nerġgħu lura nsebbħu u nfaħħru lil Alla għal dak kollu li smajna u rajna. Irridu nġibu l-aħbar it-tajba lid-dinja: Ġesù huwa s-Salvatur tagħna. U dan huwa dmir tagħna. Għaliex għandi tama? Għax il-Mulej salva lili. Niftakru dak li nikkontemplaw u noħorġu biex inħabbruh.  Inħabbruh bil-kliem, bix-xhieda ta’ ħajjitna.  U, minkejja kollox, id-diffikultajiet u t-tbatijiet ma jistgħux iċajpru d-dawl tal-Milied, li jispira ferħ intern li ħadd ma jista’ jeħodulna.

Mela ejjew nimxu ʼl quddiem, b'dawn it-tliet atteġġamenti:  niskopru mill-ġdid, nikkontemplaw u nħabbru.

Għeżież ħuti, inġedded il-gratitudni tiegħi lejkom u nġedded l-apprezzament tiegħi għax-xogħol tagħkom. Ħafna minnkom huma eżempju għal ħaddieħor: taħdmu għall-familja, bi spirtu ta’ servizz lejn il-Knisja u dejjem bil-ferħ għax tafu li Alla huwa dejjem fostna u hu Alla magħna. U tinsewx: il-ferħ jittieħed. Il-ferħ jittieħed, u jagħmel tajjeb għall-komunità kollha tal-ħaddiema. L-istess pereżempju, bħad-dwejjaq li jiġi mill-tqassis fuq l-oħrajn, huwa ikrah u jnikktek. Il-ferħ jittieħed u jġiegħlek tikber. Kunu ferħanin, u kunu xhieda tal-ferħ! U minn qalbi nixteqilkom il-Milied it-Tajjeb lil kulħadd!

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes.