DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAPA FRANĠISKU
LILL-ASSEMBLEA PLENARJA TAL-

AKKADEMJA PONTIFIĊJA GĦALL-ĦAJJA

Sala Klementina
It-Tnejn, 27 ta’ Settembru 2021

Għeżież ħuti,

Ninsab kuntent li stajt niltaqa’ magħkom fl-okkażjoni ta’ l-Assemblea Ġenerali tagħkom u nirringrazzja lill-Arċisqof Paglia ta’ diskors tiegħu. Insellem ukoll lil diversi akkademiċi li jinsabu magħqudin magħna.

It-tema li għażiltu għal dawn il-jiem ta’ ħidma hija attwali ħafna: dik tas-saħħa pubblika fil-kuntest tal-globalizzazzjoni. Tabilħaqq, il-kriżi tal-pandemija ġiegħlet li “kemm l-għajta tad-dinja kif ukoll l-għajta tal-fqar” tinstema’ b’iktar saħħa (Enċiklika Laudato si' , 49). Ma nistgħux inkunu torox għal din l-għajta doppja, irridu nisimgħuha sew! U dan hu dak li intom tixtiequ tagħmlu.

Meta wieħed jiġi biex jilfli l-ħafna kwistjonijiet serji li qamu matul dawn l-aħħar sentejn, mhix xi biċċa xogħol ħafifa. Min-naħa l-waħda, aħna milqutin mill-pandemija tal-Covid-19 u mill-ħafna kwistjonijiet li tqajmu: kważi kważi ma rridux nisimgħu aktar biha, imma nippreferu nitkellmu fuq suġġetti oħrajn. Iżda min-naħa l-oħra, huwa importanti li wieħed jirrifletti bil-kalma biex jeżamina fil-fond dak li ġara u biex nistgħu naraw it-triq lejn futur aħjar għal kulħadd. Tabilħaqq, “agħar minn din il-kriżi hemm biss it-traġedja li nkunu ħlejnieha” ( Omelija ta’ Pentekoste, 31 ta’ Mejju, 2020). U aħna nafu li minn kriżi ma noħorġux l-istess: jew noħorġu aħjar, jew noħorġu agħar. Imma mhux l-istess. L-għażla tinsab f’idejna. U, nirrepeti, agħar minn din il-kriżi hemm biss it-traġedja li nkunu ħlejnieha. Inħeġġiġkom f’dan l-impenn; u naħseb li d-dinamika tad-dixxerniment li fih qed issir din il-laqgħa tagħkom hija għaqlija u f’waqtha: l-ewwelnett, li naraw sew is-sitwazzjoni li ninsabu fiha biex naslu għal konverżjoni vera, u biex anke naslu ħalli  nidentifikaw deċiżjonijiet konkreti sabiex noħorġu aħjar minn din il-kriżi.

Ir-riflessjoni li intom għamiltu f’dawn l-aħħar snin dwar il-bijoetika globali hija imprezzabbli. Jiena kont qawwejtilkom qalbkom biex tkomplu f’din it-triq bl-ittra Humana communitas, fl-okkażjoni tal-25 anniversarju tal-Akkademja tagħkom. It-tema tas-saħħa pubblika tagħmilha possibbli li wieħed jiffoka fuq aspetti li huma importanti għall-koeżistenza tal-familja umana u għat-tisħiħ tal-ħbiberija soċjali. Dawn huma temi ċentrali fl-Enċiklika Fratelli Tutti, l-iktar f’kapitlu 6.

Il-kriżi tal-pandemija urietna li aħna niddependu ħafna minn xulxin kemm bejnietna, kemm bejn il-familja umana kif ukoll id-dar komuni tagħna (ara Enċiklika Laudato sì, 86 ; 164). Is-soċjetà tagħna, speċjalment fil-Punent, għandha ħabta li tinsa din ir-rabta. U l-konsegwenzi qarsa nistgħu narawhom b’għajnejna. Għaldaqstant f’dan iż-żmien ta’ tibdil epokali huwa urġenti li nreġġgħu lura din it-tendenza ta’ ħsara, u huwa possibbli li dan isir permezz tas-sinerġija bejn dixxiplini differenti. Huwa meħtieġ għarfien tal-bijoloġija u l-iġjene, tal-mediċina u l-epidemjoloġija, iżda wkoll tal-ekonomija u s-soċjoloġija, l-antropoloġija u l-ekoloġija. Minbarra li nifhmu l-fenomeni, hija wkoll kwistjoni li jiġu identifikati kriterji teknoloġiċi, politiċi u etiċi għal azzjoni rigward is-sistemi tas-saħħa, tal-familja, tax-xogħol u l-ambjent.

Din il-prospettiva hija partikolarment importanti fil-qasam tas-saħħa, minħabba li s-saħħa u l-mard huma determinati mhux biss min-natura, imma wkoll mill-ħajja soċjali. Barra minn hekk, mhux biżżejjed li problema tkun serja biex din tiġbed l-attenzjoni tan-nies u tiġi indirizzata: ħafna problemi serji ħafna huma injorati minħabba nuqqas ta’ impenn adegwat. Ejjew naħsbu fl-impatt devastanti ta’ ċertu mard bħalma huma l-malarja u t-tuberkulożi: il-kundizzjonijiet imwiegħra tas-saħħa u l-iġjene jikkawżaw miljuni ta’ mwiet li jistgħu jiġu evitati fid-dinja kull sena. Jekk inqabblu din ir-realtà mat-tħassib li kkawżat il-pandemija Covid-19, naraw kif il-mod kif ħarisna lejn il-gravità tal-problema u l-enerġija u r-riżorsi li ntużaw, tara differenza kbira!

Naturalment, nagħmlu sew jekk nieħdu l-miżuri kollha biex inwaqqfu u negħlbu il-Covid-19 fuq livell globali, iżda dan il-mument storiku li fih aħna ninsabu mhedda direttament f’saħħitna għandu jagħmilna konxji ta’ xi tfisser li tkun vulnerabbli u li tgħix fl-inċertezza ta’ kuljum. B'dan il-mod inkunu nistgħu nagħmlu lilna nfusna responsabbli għal dawk il-kundizzjonijiet serji li fihom jgħix ħaddieħor u li s’issa ftit li xejn ħadna interess fihom. B’dan il-mod aħna nitgħallmu biex ma nipproġettawx il-prijoritajiet tagħna fuq popli li jgħixu f’kontinenti oħra, fejn għandhom ħtiġijiet oħra li huma aktar urġenti; fejn, pereżempju, mhux biss m’għandhomx il-vaċċin, imma lanqas għandhom ilma tax-xorb jew il-ħobża ta’ kuljum. Ma nafx jekk tidħaqx jew tibkix, aktarx jagħtik li tibki, meta nisimgħu mexxejja tal-gvernijiet jew mexxejja tal-komunitjiet jagħtu pariri lin-nies tagħhom li jgħixu f’kerrejjiet u fi kwartieri fqar biex jiddiżinfettaw idejhom ħafna drabi kuljum bl-ilma u s-sapun. Imma, għeżież, intom qatt mortu ġo kerrejja jew fi kwartieri tal-fqar?  La għandhom ilma, u s-sapun ma jafux x’ikun. “Le, titlaqx mid-dar!”: Imma hemmhekk id-dar tagħhom huwa l-kwartier kollu kemm hu, għax jgħixu hekk ... Jekk jogħġobkom, ejjew nieħdu ħsieb dawn ir-realtajiet, anke meta nirriflettu fuq is-saħħa. Għalhekk, l-impenn għal tqassim indaqs u universali tal-vaċċin huwa mixtieq – anzi huwa importanti – iżda ejjew inħarsu b’mod iktar wiesgħa u nużaw l-istess kriterji ta’ ġustizzja, għall-ħtiġijiet tas-saħħa u l-promozzjoni tal-ħajja.

Meta wieħed iħares lejn is-saħħa fil-ħafna oqsma tagħha u fuq livell globali, wieħed jasal biex jifhem u biex jassumi responsabbiltà tar-rabta li hemm bejn dawn l-oqsma. B’dan il-mod, nistgħu nosservaw aħjar  diversi oqsma li għandhom rabta bejniethom. B’hekk nistgħu nosservaw aħjar kif il-kundizzjonijiet tal-ħajja, li huma riżultat ta’ għażliet politiċi, soċjali u ambjentali, għandhom effett fuq is-saħħa tan-nies. Jekk naqbdu pajjiżi differenti u gruppi soċjali differenti u nistudjaw x’tama għandhom in-nies fil-ħajja, u f’ħajja b’saħħitha, nindunaw li hemm nuqqas kbir ta’ ugwaljanza. Dan jiddependi fuq fatturi differenti u li jvarjaw, bħalma huma l-kwalità tal-paga, il-livell ta’ edukazzjoni, l-inħawi fejn wieħed joqgħod, allavolja fl-istess belt. Aħna nemmnu li l-ħajja u s-saħħa huma valuri fundamentali li huma ndaqs għal kulħadd, ibbażati fuq id-dinjità inaljenabbli tal-persuna umana. Iżda, jekk dan li qed ngħidu ma norbtux miegħu l-impenn adegwat biex jingħelbu l-inugwaljanzi, inkunu de facto qed naċċettaw ir-realtà iebsa li mhux il-ħajjiet ta’ kulħadd  huma l-istess u mhux kulħadd għandu saħħtu mħarsa bl-istess mod. U hawn nixtieq nerġa’ nitkellem dwar it-tħassib tiegħi, li s-servizz tas-saħħa għandu dejjem ikun bla ħlas. Jalla l-pajjiżi li diġà għandhom ma jitilfuhx, bħalma hi l-Italja u oħrajn, li għandhom servizz tas-saħħa tajjeb u bla ħlas: titilfuhiex din, għax inkella nispiċċaw li jkunu dawk biss li jistgħu jħallsu għaliha li jkunu intitolati għall-kura tas-saħħa, l-oħrajn le. U din hija sfida kbira ħafna. Dan jgħin biex jingħelbu l-inugwaljanzi.

Għaldaqstant, inizjattivi internazzjonali għandhom jiġu appoġġati – qed naħseb pereżempju f’dawk promossi dan l-aħħar mill-G20 – immirati lejn il-ħolqien ta’ governanza globali fejn tidħol is-saħħa ta’ l-abitanti kollha tad-dinja, jiġifieri sett ta’ regoli ċari u miftiehma internazzjonalment, li jirrispettaw id-dinjità tal-bniedem. Tabilħaqq, ir-riskju ta’ pandemiji ġodda se jkompli jkun ta’ theddida anke għall-futur.

L-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja tista’ wkoll toffri kontribut prezzjuż f’dan is-sens, billi tqis lilha nnifisha bħala sieħba ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn impenjati f’dan l-istess għan. F’dan ir-rigward, huwa importanti li wieħed jieħu sehem f’inizjattivi komuni u, b’mod li jixraq anke fid-dibattitu pubbliku. Dan naturalment jirrikjedi li, mingħajr ma jitnaqqas il-kontenut, nippruvaw nikkomunikaw b’lingwaġġ u argumenti li jiftiehmu fil-kuntest soċjali attwali; sabiex il-proposta antropoloġika Nisranija, ispirata mir-Rivelazzjoni, tista’ tgħin ukoll lill-bniedem tal-lum biex jerġa’ jiskopri “d-dritt ewlieni għall-ħajja mill-konċepiment sat-tmiem naturali tagħha”. [1]

Hawnhekk nixtieq ukoll insemmi li aħna vittmi tal-kultura tal-iskart. Mons. Paglia, fil-preżentazzjoni tiegħu,  semma xi ħaġa: li jeżisti l-iskart tat-tfal, it-tfal li ma rridux naċċettaw, u b’dik il-liġi tal-abort tibgħathom lura minn fejn ġew biex jinqatlu. U llum din saret “normali”, drawwa kerha ħafna, dan huwa verament qtil. Biex nifhmu tajjeb din il-ħaġa, forsi tista’ tgħinna mistoqsija doppja: Huwa sewwa li toqtol, li ttemm ħajja umana biex issolvi problema? Huwa sewwa li tħallas qattiel (hitman) biex issolvi problema? Dan hu l-abort. U mbagħad, min-naħa l-oħra, hemm l-anzjani: l-anzjani huma wkoll meqjusin bħala skart, għax illum  mhemmx iktar bżonnhom ... Imma huma għerf, huma l-għeruq tal-għerf taċ-ċiviltà tagħna, u din iċ-ċiviltà twarrabhom ! Iva, f’ħafna inħawi hemm ukoll il-liġi tal-“ewtanasja moħbija”, kif inħobb insejħilha jien: hija dik li ġġiegħel lin-nies jgħidu: “il-mediċini jiswew ħafna flus, mela nagħtuhom biss in-nofs”; u dan ifisser li tqassar il-ħajja tal-anzjani. B’dan aħna qed niċħdu t-tama: it-tama tat-tfal li jġibulna l-ħajja li żżommna għaddejjin, u t-tama li tinsab fl-għeruq li huma l-anzjani. U aħna narmuhom it-tnejn. U dan ir-rimi jsir ta’ kuljum, il-ħajja li tintrema kuljum. Ejjew inkunu attenti għal din il-kultura tal-iskart: din mhix problema ta’ din jew dik il-liġi, hija problema tal-iskart. U fuq dan il-punt intom l-akkademiċi, l-universitajiet Kattoliċi u anke l-isptarijiet Kattoliċi ma tistgħux tmorru f’din id-direzzjoni. Din hija triq li fuqha ma nistgħux nimxu: it-triq tal-iskart. 

Għalhekk, l-istudju li l-Akkademja tagħkom għamlet f’dawn l-aħħar snin dwar is-suġġett tal-impatt li għandhom it-teknoloġiji ġodda fuq il-ħajja tal-bniedem u, b’mod partikulari, l-“algorethics” (l-użu etiku tal-intelliġenza artifiċjali), għandu jintlaqa’ b’tali mod li “x-xjenza tkun tabilħaqq għas-servizz tal-bniedem, u mhux il-bniedem għas-servizz tax-xjenza”. [2] F'dan ir-rigward, inħeġġeġ ix-xogħol tal-Fondazzjoni renAIssance li għadha kif twaqqfet, għat-tixrid u l-istudju ta’ Rome Call for AI Ethics, li nittama sinċerament li jkollha l-appoġġ ta' ħafna.

Fl-aħħarnett, nixtieq nirringrazzjakom għall-impenn u l-kontribuzzjoni li l-Akkademja pprovdiet billi pparteċipat attivament fil-Kummissjoni Covid tal-Vatikan. Grazzi għal dan. Kemm hu sabiħ meta tara l-kooperazzjoni li qed isseħħ fi ħdan il-Kurja Rumana fit-twettiq ta’ proġett komuni. Irridu niżviluppaw dejjem aktar din il-ħidma li nagħmlu flimkien, naf li ħafna minnkom ħadtu sehem. Inħeġġiġkom li nagħtu iktar attenzjoni għan-nies vulnerabbli, bħalma huma l-anzjani, il-persuni b’diżabilità u t-tfal.

B’dawn is-sentimenti ta’ gratitudni, nafda lill-Verġni Marija l-ħidma ta’ din l-Assemblea u wkoll l-attività kollha tagħkom bħala Akkademja għall-ħarsien u l-promozzjoni tal-ħajja. Inbierek minn qalbi lil kull wieħed u waħda minnkom u lill-maħbubin tagħkom. U nitlobkom, biex, jekk jogħġobkom, titolbu għalija, għax għandi bżonn. Grazzi!

 

 ________________________________________

[1] Diskors lill-parteċipanti fil-laqgħa promossa mill-Assoċjazzjoni Xjenza u Ħajja , 30 ta’ Mejju 2015.

[2]   Ibid .

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes