MUMENT TA’ RIFLESSJONI GĦALL-BIDU TAL-MIXJA SINODALI

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Awla Ġdida tas-Sinodu

Is-Sibt 9 ta’ Ottubru 2021

 

Għeżież ħuti,

 

Nirringrazzjakom li tinsabu hawn, għall-ftuħ tas-Sinodu. Ġejtu minn tant toroq u Knejjes, kull wieħed u waħda jġorr f’qalbu mistoqsijiet u tamiet, u jiena ċert li l-Ispirtu se jmexxina hu u jagħtina l-grazzja li nimxu ’l quddiem flimkien, li nisimgħu lil xulxin u li nibdew dixxerniment fi żmienna, u nsiru solidali mat-taħbit u x-xewqat tal-umanità. Intenni li s-Sinodu mhuwiex xi parlament, li s-Sinodu mhuwiex indaġni fuq l-opinjonijiet; is-Sinodu huwa mument ekkleżjali, u l-protagonista tas-Sinodu huwa l-Ispirtu s-Santu. Jekk ma hemmx l-Ispirtu, mhux sa jkun hemm Sinodu.

 

Ngħixu dan is-Sinodu fl-ispirtu tat-talba li Ġesù għamel b’ħerqa lill-Missier għal dawk li huma tiegħu: “Biex ikunu lkoll ħaġa waħda” (Ġw 17:21). Għal dan aħna msejħin: għall-għaqda, għall-komunjoni, għall-fraternità li titwieled meta nħossuna mħaddna mill-imħabba waħdanija ta’ Alla. Ilkoll kemm aħna, bla għażla bejnietna, u aħna r-Ragħajja b’mod partikulari, kif kiteb San Ċiprijanu: “Jeħtieġ inżommu u nesiġu bis-sħiħ din l-għaqda, fuq kollox aħna l-Isqfijiet li nippresiedu fil-Knisja, biex nagħtu prova li anki l-istess episkopat huwa wieħed u mhux maqsum” (De Ecclesiæ Catholicæ Unitate, 5). Fil-Poplu wieħed ta’ Alla, għalhekk, nimxu flimkien, biex nagħmlu l-esperjenza ta’ Knisja li tirċievi u tgħix id-don tal-għaqda u tinfetaħ għal-leħen tal-Ispirtu.

 

Il-kelmiet-muftieħ tas-Sinodu huma tlieta: komunjoni, parteċipazzjoni, missjoni. Komunjoni u missjoni huma espressjonijiet teoloġiċi li jfissru l-misteru tal-Knisja u li tajjeb niftakruhom. Il-Konċilju Vatikan II għamilha ċara li l-komunjoni tesprimi l-istess natura tal-Knisja u, fl-istess waqt, stqarr li l-Knisja rċiviet “il-missjoni li tħabbar is-Saltna ta’ Kristu u ta’ Alla u li twaqqafha fil-ġnus kollha; ta’ din is-Saltna hija l-ewwel nibta u l-bidu” (Lumen gentium, 5). Żewġ kelmiet li permezz tagħhom il-Knisja tikkontempla u timita l-ħajja tat-Trinità Qaddisa, misteru ta’ komunjoni ad intra u għajn ta’ missjoni ad extra. Wara żmien ta’ riflessjonijiet duttrinali, teoloġiċi u pastorali li kkaratterizzaw il-mod kif ġie milqugħ il-Konċilju Vatikan II, San Pawlu VI ried jiġbor sewwasew f’dawn il-kelmtejn – komunjoni u missjoni – “il-linji għalliema, artikulati mill-Konċilju”. Meta fakkar il-ftuħ tiegħu, fil-fatt stqarr li l-linji ġenerali kienu “l-komunjoni, jiġifieri r-rabta u l-milja interjuri, fil-grazzja, fil-verità, fil-kollaborazzjoni […] u l-missjoni, jiġifieri l-impenn appostoliku lejn id-dinja ta’ żmienna” (Angelus, 11 ta’ Ottubru 1970), li mhuwiex proselitiżmu.

 

Fl-għeluq tas-Sinodu tal-1985, għoxrin sena wara l-għeluq tal-ġemgħa konċiljari, anki San Ġwanni Pawlu II ried itenni li n-natura tal-Knisja hi l-koinonia: minnha toħroġ il-missjoni li nkunu sinjal ta’ għaqda intima tal-familja umana ma’ Alla. U żied: “Fuq kollox hemm bżonn li fil-Knisja jiġu ċċelebrati Sinodi ordinarji u, meta meħtieġ, anki straordinarji” li, biex jagħtu frott, għandhom ikunu mħejjija tajjeb: “jiġifieri hemm bżonn li fil-Knejjes lokali ssir ħidma għat-tħejjija tagħhom bil-parteċipazzjoni ta’ kulħadd” (Diskors fl-għeluq tat-II Assemblea Straordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, 7 ta’ Diċembru 1985). U hawn għandna allura t-tielet kelma, parteċipazzjoni. Komunjoni u missjoni jirriskjaw li jibqgħu termini xi ftit jew wisq astratti jekk ma nrawmux prassi ekkleżjali li tesprimi l-konkretezza tas-sinodalità ma’ kull pass tal-mixja u tal-ħidma, u hekk nippromovu s-sehem veru ta’ kulħadd. Nixtieq ngħid li ċ-ċelebrazzjoni ta’ Sinodu dejjem hi sabiħa u importanti, imma tħalli tassew frott jekk issir espressjoni ħajja tal-fatt li aħna Knisja, ta’ aġir ikkaratterizzat minn parteċipazzjoni vera.

 

U dan mhux għal esiġenzi ta’ stil, imma ta’ fidi. Il-parteċipazzjoni hi esiġenza tal-fidi mill-magħmudija. Kif jistqarr l-Appostlu Pawlu, “aħna wkoll, ilkoll tgħammidna fi Spirtu wieħed biex nagħmlu ġisem wieħed” (1 Kor 12:13). Il-punt tat-tluq, fil-ġisem ekkleżjali, dan hu u xejn aktar: il-Magħmudija. Minnha, l-għajn tal-ħajja tagħna, tiġi d-dinjità ugwali ta’ wlied Alla, imqar fid-differenza ta’ ministeri u kariżmi. Għalhekk, ilkoll aħna msejħin nieħdu sehem fil-ħajja tal-Knisja u fil-missjoni tagħha. Jekk hemm nieqsa parteċipazzjoni vera tal-Poplu kollu ta’ Alla, id-diskors kollu fuq il-komunjoni jirriskja li jibqa’ biss intenzjonijiet twajba. Fuq dan l-aspett għamilna passi ’l quddiem, imma għadna qed nitħabtu sew u qegħdin naraw id-diqa u t-tbatija ta’ tant operaturi pastorali, tal-organizzazzjonijiet ta’ parteċipazzjoni tad-djoċesijiet u tal-parroċċi, tan-nisa li spiss għadhom fil-ġnub. Kulħadd għandu sehem: huwa impenn ekkleżjali li ma nistgħux nerġgħu lura minnu! L-imgħammdin kollha, din hi l-karta tal-identità tagħna: il-Magħmudija.

 

Is-Sinodu, proprju huwa u joffrilna opportunità kbira għal konverżjoni pastorali f’dawl missjunarju u anki ekumeniku, mhux nieqes minn xi riskji. Ħa nsemmi tlieta. L-ewwel wieħed hu dak tal-formaliżmu. Nistgħu nirriduċu Sinodu għal ġrajja straordinarja, imma tal-faċċata, qisna nkunu waqafna nħarsu lejn faċċata sabiħa ta’ knisja mingħajr qatt ma mmiddu pass ġewwa. Imma s-Sinodu hu mixja ta’ dixxerniment spiritwali veru, li m’aħniex ħa nagħmluh biex nagħtu xi idea sabiħa tagħna nfusna, imma biex nikkollaboraw aħjar mal-ħidma ta’ Alla fl-istorja. Mela, jekk qed nitkellmu fuq Knisja sinodali ma nistgħux nikkuntentaw ruħna bil-forma, imma għandna bżonn ukoll tas-sustanza, ta’ strumenti u strutturi li jgħinu fid-djalogu u l-interazzjoni fi ħdan il-Poplu ta’ Alla, fuq kollox bejn saċerdoti u lajċi. Għaliex qed nagħfas fuq dan? Għax xi kultant issib xi elitiżmu fl-ordni presbiterali illi jaqtgħu mil-lajċi; u l-qassis fl-aħħar isir “sid il-barrakka” u mhux ir-ragħaj ta’ Knisja sħiħa li miexja ’l quddiem. Dan jitlob li nibdlu ċerti viżjonijiet oligarkiċi, mgħawġa u dejqa fuq il-Knisja, fuq il-ministeru presbiterali, fuq ir-rwol tal-lajċi, fuq ir-responsabbiltajiet ekkleżjali, fuq ir-rwol ta’ tmexxija, u l-bqija.

 

It-tieni riskju hu dak tal-intellettwaliżmu – l-astrazzjoni, ir-realtà qiegħda hemm u aħna bir-riflessjonijiet tagħna sejrin band’oħra –: is-Sinodu nibdluh fi speċi ta’ grupp ta’ studju, b’interventi infurmati imma astratti fuq il-problemi tal-Knisja u fuq il-ħażen tad-dinja; inkunu qisna qed inkellmu lilna nfusna, nimxu b’mod superfiċjali u mondan, u nispiċċaw biex nerġgħu naqgħu fl-istess klassifikazzjonijiet ideoloġiċi vojta tas-soltu u li jaqsmuna f’partiti, u ninqatgħu mir-realtà tal-Poplu qaddis ta’ Alla, tal-ħajja konkreta tal-komunitajiet imferrxa mad-dinja.

 

Fl-aħħar nett, jista’ jkun hemm it-tentazzjoni tal-immobiliżmu: billi “dejjem hekk sar” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 33) – din il-kelma hija velenu fil-ħajja tal-Knisja, “dejjem hekk sar” –, allura aħjar ma nibdlu xejn. Min jimxi f’din id-direzzjoni, anki bla ma jintebaħ, jaqa’ fl-iżball li ma jiħux bis-serjetà ż-żmien li qed ngħixu fih. Ir-riskju hu li fl-aħħar naddottaw soluzzjonijiet qodma għal problemi ġodda: inraqqgħu bid-drapp qadim, li fl-aħħar joħloq tiċrita ikbar (ara Mt 9:16). Għalhekk importanti li s-Sinodu jkun tassew dak li hu, proċess ta’ maturazzjoni; jinvolvi fih, f’fażijiet differenti u ibda minn isfel, il-Knejjes lokali, f’ħidma mqanqla u inkarnata, li tittimbra stil ta’ komunjoni u parteċipazzjoni li jwassal għall-missjoni.

 

Ejjew mela ngħixu din l-okkażjoni ta’ laqgħa, smigħ u riflessjoni bħala żmien ta’ grazzja, ħuti, żmien ta’ grazzja li, fil-ferħ tal-Vanġelu, jippermettilna nilqgħu tal-inqas tliet opportunitajiet. L-ewwel waħda hi dik li nimxu flimkien mhux okkażjonalment imma strutturalment lejn Knisja sinodali: post miftuħ, fejn kulħadd iħossu f’daru u jista’ jipparteċipa. Is-Sinodu joffrilna mbagħad l-opportunità li nsiru Knisja li tisma’: li nagħmlu waqfa mir-ritmi tagħna, li nsikktu t-tensjonijiet pastorali tagħna biex nieqfu nisimgħu. Nisimgħu lill-Ispirtu fl-adorazzjoni u fit-talb. Kemm aħna neqsin illum mit-talb ta’ adorazzjoni! Ħafna tilfu mhux biss id-drawwa, imma anki l-kunċett ta’ xi jfisser tadura. Nisimgħu lil ħutna dwar it-tamiet u l-kriżijiet tal-fidi fid-diversi rkejjen tad-dinja, dwar l-urġenzi ta’ tiġdid tal-ħajja pastorali, dwar is-sinjali li ġejjin mir-realtajiet lokali. Fl-aħħar nett, għandna l-opportunità li nsiru Knisja tal-qrubija. Nerġgħu dejjem lura għall-istil ta’ Alla: l-istil ta’ Alla hu qrubija, ħniena u ħlewwa. Alla dejjem hekk ħadem. Jekk aħna ma naslux għal din il-Knisja tal-qrubija b’atteġġjamenti ta’ ħniena u ħlewwa, ma nkunux il-Knisja tal-Mulej. U dan mhux biss bil-kliem, imma bil-preżenza, hekk li jinħolqu rabtiet ikbar ta’ ħbiberija mas-soċjetà u mad-dinja: Knisja li ma tinqatax mill-ħajja, imma titgħabba bid-dgħufijiet u bil-faqar ta’ żmienna, tikkura l-ġrieħi u tfejjaq il-qlub maqsuma bil-balzmu ta’ Alla. Ma ninsewx l-istil ta’ Alla li jrid jgħinna: qrubija, ħniena u ħlewwa.

 

Għeżież ħuti, ħa jkun dan is-Sinodu żmien li fih jgħammar l-Ispirtu! Għax tal-Ispirtu għandna bżonn, tan-nifs dejjem ġdid ta’ Alla, li jeħles minn kull għeluq, jerġa’ jagħti l-ħajja lil dak li hu mejjet, iħoll il-ktajjen, ixerred il-ferħ. L-Ispirtu s-Santu hu Dak li jmexxina fejn irid Alla u mhux fejn iwassluna l-ideat tagħna u l-gosti personali tagħna. Il-mibki Patri Congar kien ifakkarna: “Ma għandniex bżonn ta’ Knisja oħra, għandna bżonn ta’ Knisja differenti” (Vera e falsa riforma nella Chiesa, Milano 1994, 193). U din hija l-isfida. Għal “Knisja differenti”, miftuħa għall-ġdid li Alla jrid jgħidilha, nitolbu b’iżjed qawwa u iktar ta’ spiss lill-Ispirtu u b’umiltà nagħtuh widen, nimxu flimkien, kif hu, ħallieq tal-komunjoni u tal-missjoni, jixtieq, jiġifieri bi ħlewwa u kuraġġ.

 

Ejja, Spirtu s-Santu. Inti li tqajjem ilsna ġodda u tqiegħed fuq xofftejna kliem li jagħti l-ħajja, ħarisna milli nsiru Knisja tal-mużew, sabiħa imma muta, b’tant passat u ftit ġejjieni. Ejja fostna, biex fl-esperjenza sinodali ma ninġarrux mill-qtigħ il-qalb, ma nxejnux il-profezija, ma nispiċċawx nirriduċu kollox għal diskussjonijiet vojta. Ejja, Spirtu Qaddis ta’ mħabba, iftaħ il-qlub tagħna għas-smigħ. Ejja, Spirtu ta’ qdusija, ġedded il-Poplu qaddis u fidil ta’ Alla. Ejja, Spirtu ħallieq, u ġedded il-wiċċ tal-art. Amen.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard