DISKORS TA’ PAPA FRANĠISKU
LILL-PARTEĊIPANTI TAL-ASSEMBLEA ĠENERALI
T
AL-MOVIMENT TAL-FOKOLARI

Sala Pawlu VI
Is-Sibt, 6 ta’ Frar
, 2021

Eminenża,

Għeżież ħuti,

Kuntent li qed nilqagħkom fi tmiem l-Assemblea Ġenerali tagħkom, li matulha ddiskutejtu temi importanti u għażiltu l-mexxejja l-ġodda. Nirringrazzja lil Maria Voce li spiċċat il-mandat tagħha ta’ president. Grazzi Maria, kont tassew brava u umana. Grazzi! ukoll lil Margaret Karram, li għadha kemm ġiet eletta, għall-kliem ġentili tagħha u talli fakkret fil-laqgħa ta’ talb għall-unità u għall-paċi fl-Art Mqaddsa li kienet saret mal-President ta’ Iżrael u mal-President tal-Istat Palestinjan. Kienu żminijiet ta’ wegħda, imma l-wegħda dejjem tibqa’ hemm. Jeħtieġ nibqgħu nħarsu ‘l quddiem u nżommu l-Art Mqaddsa dejjem f’qalbnaU kif għidt lil Maria, ngħid lilek ukoll “grazzi” kbira u nawgura minn qalbi, lilek, lill-Ko-president u lill-kunsilliera. Kuntent li l-Kardinal Kevin Farrell u s-Sinjura Linda Ghisoni, is-sotto-segretarja qegħdin hawn ukoll. Insellem ukoll lilkom li tinsabu hawnhekk u lil dawk magħqudin magħna bl-istreaming. Irrid insellem ukoll lill-membri kollha tal-Opra ta’ Maria, li intom tirrappreżentaw. U biex nagħmlilkom il-qalb tkomplu l-mixja tagħkom, nixtieq noffrilkom xi riflessjonijiet, li ser naqsamhom fi tliet punti: (iż-żmien ta’) wara l-fundatriċi, l-importanza tal-kriżijiet, l-għajxien tal-ispiritwalità b’koerenza u realiżmu.

Wara l-fundatriċi: Tnax-il sena wara t-tluq ta’ Chiara Lubich lejn is-Sema, intom imsejħin tegħlbu t-taħwid li jiġi b’mod naturali u l-fatt li n-numri jonqsu, biex tkomplu tkunu espressjoni ħajja tal-kariżma. Kif nafu, dan jitlob fedeltà dinamika, kapaċi tinterpreta s-sinjali u l-ħtiġijiet taż-żmenijiet u twieġeb għat-talbiet ġodda tal-umanità. Kull kariżma hi kreattiva; mhijiex statwa f’mużew; le, hi kreattiva. Dan ifisser li wieħed irid jibqa’ fidil lejn l-għajn li minnha beda kollox, filwaqt li jagħmel kull sforz biex jaħseb dwarha u jesprimiha fi djalogu mas-sitwazzjonijiet soċjali u kulturali ġodda. Għandha għeruq sodi, imma s-siġra tikber fi djalogu mar-realtà. Aktar ma din il-ħidma ta’ aġġornament issir b’mod li jarmonizza l-kreattività, l-għerf, is-sensibbiltà lejn kulħadd u l-fedeltà lejn il-Knisja, aktar  tagħti  frott. Id-djalogu u l-ftuħ għal oqsma  kulturali, soċjali u reliġjużi differenti jimmarkaw l-ispiriwalità tagħkom u dawn il-karatteristiċi żgur li jiffavorixxu dan il-proċess. Il-ftuħ għall-oħrajn, huma min huma, hi xi ħaġa li dejjem tridu tieħdu ħsiebha: l-Evanġelju hu għal kulħadd, mhux bħala prożelitiżmu, le; hu ddestinat għal kulħadd, hu ħmira għal umanità ġdida f’kull post u f’kull żmien.

Dan l-attaġġament ta’ ftuħ u djalogu jgħinukom tevitaw kull awtoreferenzjalità, li dejjem hi dnub; hi tentazzjoni biex tħares fil-mera. Le, din hi ħaġa kerha; tħares fil-mera filgħodu biex tagħmel xagħrek, daqshekk biżżejjed. Nevitaw din l-awtoreferenzjalità li qatt ma tiġi minn spirtu tajjeb, u dan  nawgurawh lill-Knisja kollha: noqogħdu attenti li ma ningħalqux fina nfusna, għax  dan iwassal biex wieħed jiddefendi l-istituzzjoni bi ħsara għall-persuni u jista’ jwassal ukoll biex wieħed jiġġustifika u jgħatti forom ta’ abbuż. Tnikkitna ħafna meta għexna u skoprejna dan f’dawn l-aħħar snin. L-awtoreferenzjalità ma tħalliniex naraw l-iżbalji u n-nuqqasijiet, twaqqaf il-mixja, tfixkel il-verifika ta’ proċeduri istituzzjonali u l-istili ta’ tmexxija. Aħjar inkunu kuraġġjużi u naffrontaw il-problemi b’parresia u b’verità filwaqt li dejjem nimxu fuq dak li turina l-Knisja, li hi Omm, tassew Omm, u nwieġbu għal dak li titlob il-ġustizzja u l-imħabba. Biċ-ċelebrazzjoni tagħna nfusna  ma nkunux  ta’ servizz tajjeb għall-kariżma. Le. Minflok, hemm bżonn li kuljum tilqgħu bi stagħġib id-don gratwit li Alla takom meta lqajtu mal-ideal ta’ ħajjitkom, bla ma tinsew li l-istagħġib dejjem jindika l-preżenza t’Alla. U bil-għajnuna t’Alla fittxu li twieġbu b’fidi, umiltà u kuraġġ kif għamlet Marija wara t-tħabbira tal-Anġlu.

It-tieni punt li nixtieq nipproponilkom hu l-importanza tal-kriżijiet. Ma nistgħux ngħixu bla kriżijiet. Il-kriżijiet huma barka, anki fuq pjan naturali – il-kriżijiet ta’ tifel sakemm jasal għall-età matura huma importanti – u huma  importanti wkoll fil-ħajja tal-istituzzjonijiet. Tkellimt dwar dan fit-tul f’diskors li għamilt lill-Kurja Rumana. Dejjem ikun hemm it-tentazzjoni li kriżi tinbidel f’kunflitt. Il-kunflitt hu xi ħaġa kerha, jista’ jsir xi ħaġa kerha, iġib il-firda, imma l-kriżi hi opportunità biex wieħed jikber. Kull kriżi hi sejħa għal maturità ġdida; hi żmien tal-Ispirtu, li jqanqal l-ħtieġa ta’ aġġornament, bla ma wieħed jaqta’ qalbu quddiem il-kumplessità umana u l-kuntradizzjonijiet tagħha. Illum hemm enfasi kbira fuq l-importanza tar-reazzjoni quddiem id-diffikultajiet; jiġifieri li jkollok il-ħila  tiffaċċa d-diffikultajiet b’mod pożittiv u tara fihom opportunitajiet. Kull kriżi hi opportunità  biex wieħed jikber. Kull min hu fdat b’xi ħidma ta’ tmexxija, f’kull livell, irid jaffronta l-kriżijiet komunitarji u organizzattivi bl-aħjar mod u l-aktar wieħed kostruttiv; iżda fil-kriżijiet spiritwali tal-persuni, fejn tidħol l-intimità tal-individwu u l-kuxjenza, hemm bżonn li dawn ikunu affrontati b’ħafna prudenza minn dawk li m’għandhom ebda pożizzjoni ta’ tmexxija fil-Moviment, fil-livelli kollha. Din minn  dejjem kienet regola tajba tal-Knisja – tal-patrijiet, dejjem – li tiswa mhux biss meta l-persuni jkunu għaddejjin minn mumenti ta’ kriżi, imma b’mod ġenerali fl-akkumpanjament  waqt il-mixja spiritwali.  Din hi dik id-distinzjoni għaqlija li rridu nagħmlu  bejn sitwazzjoni esterna u dik interna  li l-esperjenza u t-tradizzjoni tal-Knisja jgħallmuna li hi indispensabbli. Fil-fatt, meta wieħed iħawwad l-aspett ta’ tmexxija u ma’ dak ta’ kuxjenza, dan jista’ jagħti lok għall-abbuż ta’ poter u abbużi oħra li sirna xhieda tagħhom meta nkixfet il-borma ta’ dawn il-problemi koroh.

Fl-aħħar, it-tielet puntl-għajxien tal-ispiritwalità b’koerenza u realiżmuKoerenza u realiżmu. “Din il-persuna hi ta’ min joqgħod fuqha.... Għaliex ta’ min joqgħod fuqha? Għax hi koerenti”. Ħafna drabi  ngħiduh dan. L-iskop  aħħari tal-kariżma tagħkom jaqbel  mal-ħsieb  li Ġesu’ ppreżenta lill-Missier fl-aħħar talba kbira tiegħu: “ħa jkunu lkoll ħaġa waħda” (Ġw 17:21), magħqudin,  meta kien jaf tajjeb  li din hi opra  tal-grazzja t’Alla wieħed fi tliet Persuni: “Kif int, Missier, fija u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina” (ibid). Din hi xi ħaġa li titlob impenn b’perspettiva doppja: ‘l barra mill-Moviment u ġewwa fih.

Dwar dak li għandu x’jaqsam mal-imġiba ‘l barra mill-Moviment, inħeġġiġkom tkunu xhieda tal- qrubija (viċinanza) – is-Serva t’Alla Chiara Lubich tat ħafna eżempji. Kunu qrib tal-oħrajn b’imħabba ta’ aħwa li tegħleb  kull firda  u tasal f’kull kundizzjoni umana. Tibżgħux tmorru ‘l hemm minn dak li jifred! Din hi t-triq tal-qrubija fraterna, li tittrażmetti l-preżenza ta’ Dak li qam mill-mewt lill-bnedmin ta’ żmienna, ibda mill-foqra, l-imwarrbin, fil-waqt li taħdmu ma’ nies ta’ rieda tajba biex tippromwovu l-ġustizzja u l-paċi. Tinsewx li l-qrubija kienet l-lingwaġġ l-aktar awtentiku t’ Alla.  Naħsbu f’dik is-silta tad-Dewteronomju  meta l-Mulej qal: “Aħsbu: liema poplu  kellu l-allat tiegħu daqshekk qrib bħalma jien qrib tagħkom?”. Dan il-mod kif Alla jġib ruħu, din il-qrubija dejjem kompliet, sakemm waslet għall-qrubija l-aktar kbira, dik l-aktar essenzjali: il-Kelma ħadet il-ġisem, Alla sar wieħed minna. Tinsewx: il-qrubija hi l-istil ta’ Alla; fl-opinjoni tiegħi hi l-lingwaġġ l-aktar awtentiku. 

Dwar l-impenn fil-Moviment, inħeġġiġkom li dejjem aktar tippromwovu s-sinodalità, sabiex il-membri kollha, li jġorru fihom l-istess kariżma, jkunu ko-responsabbli u jieħdu sehem fil-ħajja tal-Opra ta’ Marija u l-iskopijiet speċifiċi tagħha. Min għandu r-responsabbiltà ta’ tmexxija hu msejjaħ biex jiffavorixxi  u jwettaq konsultazzjoni trasparenti mhux biss fi ħdan l-organi direttivi, imma fil-livelli kollha, kif titlob il-loġika tal-komunjoni; skont din, kulħadd  jista’ jpoġġi d-doni tiegħu, l-opinjonijiet tiegħu għas-servizz tal-oħrajn u jagħmel dan fil-verità u bil-libertà.    

Għeżież ħuti, bħalma kienet tagħmel Chiara Lubich, ibqgħu isimgħu dejjem l-għajta ta’ Kristu abbandunat fuq is-salib, li turi l-kejl tal-imħabba l-aktar kbira. Il-grazzja li toħroġ minnha hi kapaċi tqanqal fina, dgħajfa u midinba, tweġibiet ġenerużi u xi drabi eroiċi. Hi kapaċi tibdel it-tbatijiet u anki t-traġedji f’għajn ta’ dawl u tama għall-umanità. F’dan il-passaġġ mill-mewt għall-ħajja tinsab il-qalba tal-Kristjaneżmu u anki tal-kariżma tagħkom. Nirringrazzjakom ħafna tal-mod ferrieħi kif tagħtu xhieda tal-Vanġelu, li intom qed tkomplu toffru lill-Knisja u lid-dinja. Xhieda bil-ferħ. Jingħad li l-fokolarini jitbissmu dejjem, dejjem ikollhom tbissima. Niftakar li darba smajt lil xi ħadd jitkellem dwar l-injoranza t’Alla. Qaluli: “Imma inti taf li Alla hu injorant? Hemm 4 affarijiet li Alla ma jistax ikun jafhom”.  – “Liema huma?” – “X’jaħsbu l-Ġiżwiti, kemm għandhom flus is-Salesjani, kemm hemm kongregazzjonijiet tas-sorijiet, u għalfejn il-fokolarini jitbissmu”.

Nafda l-proposti u l-pjanijiet tajba tagħkom fl-interċessjoni materna ta’ Marija Santissima, Omm il-Knisja, u minn qalbi nagħtikom il-barka tiegħi.

U jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija, għax għandi bżonn. Grazzi!   

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Vivienne Attard.