VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

F’BUDAPEST FL-OKKAŻJONI TAL-QUDDIESA TA’ TMIEM IT-52 KUNGRESS EWKARISTIKU INTERNAZZJONALI,

U FIS-SLOVAKKJA

(12-15 ta’ SETTEMBRU, 2021)

 

LAQGĦA MAR-RAPPREŻENTANTI TAL-KUNSILL EKUMENIKU TAL-KNEJJES U XI KOMUNITAJIET GĦEBRAJĊI TAL-UNGERIJA

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Museo delle Belle Arti (Budapest)
Il-Ħadd, 12 ta’ Settembru, 2021

 

Għeżież ħuti!

Jien kuntent li qed niltaqa’ magħkom.  Kliemkom, li għalih irroddilkom ħajr, il-preżenza tagħkom ħdejn xulxin, tesprimi xewqa kbira ta’ għaqda.  Kliemkom jirrakkonta mixja, ximindaqqiet għat-telgħa, fl-imgħoddi tqila, li intom qed taffronataw bil-kuraġġ u rieda tajba, billi tiweżnu lil xulxin taħt il-ħarsa tal-Aktar Għoli, li jbierek lil aħwa li jgħixu flimkien (cfr Salm 133, 1).

Qed narakom, ħuti fil-fidi fi Kristu, u nbierek il-mixja ta’ komunjoni li qed itterqu.  Laqatni ħafna kliem ħija l-kalvinista, grazzi.  Bi ħsiebi mmur lejn l-abazija ta’ Pannohalma, ċentru spiritwali li bih tħabbat il-qalb ta’ dal-pajjiz, fejn tliet xhur ilu ltqajtu biex tirriflettu u titolbu flimkien.  Talb flimkien, għal xulxin, u impenn biex flimkien tagħmlu l-karità, lil xulxin, għal din id-dinja tant maħbuba minn Alla (cfr Ġw 3,16): din hi l-aktar triq konkreta lejn għaqda sħiħa.

Nara lilkom, ħuti fil-fidi ta’ Abraham missierna, u grazzi lilek, Rabbi Zoltán Radnóti, għall-kliem tant profond li laqatli qalbi.  Napprezza ħafna l-impenn li tajtu xhieda tiegħu biex iġġarfu l-ħitan ta’ firda tal-imgħoddi: lhud u nsara, għandkom ix-xewqa li fl-ieħor ma tibqgħux taraw barrani, iżda ħabib; mhux aktar avversarju, imma ħukom.  Din hi l-bidla ta’ kif tħarsu lejn xulxin imbierka minn Alla, il-konverżjoni li tiftaħ bidu ġdid, il-purifikazzjoni li ġġedded il-ħajja.  Il-festi solenni ta’ Rosh Hashanah u tal-Yom Kippur li jaħbtu propju f’dawn il-ġranet u li nagħtikom l-isbaħ l-awguri tiegħi għalihom, huma okkażjonijiet ta’ grazzja biex iġġeddu r-rabta ma’ dawn l-istediniet spiritwali.  Alla tal-missirijiet dejjem jiftaħ toroq ġodda: kif bidel id-deżert fi triq lejn l-Art Imwiegħda, bl-istess mod jixtieq mid-deżerti niexfa tal-mibegħda u l-indifferenza joħodna lejn il-patrija tant mixtieqa tal-għaqda.

Mhix kumbinazzjoni li kulmin fl-Iskrittura kien imsejjaħ biex jimxi b’mod speċjali wara Ġesù dejjem kellu joħroġ, jimxi, jasal f’artijiet mhux esplorati u li qatt ħadd ma kien jaf bihom.  Niftakru f’Abram li telaq daru, qrabatu u l-patrija.  Min jimxi wara Alla għandu sejħa biex iħalli warajh, jitlaq.  Aħna għandna l-istedina biex ninsew in-nuqqas ta’ fehim reċiproku tal-imgħoddi, il-pretensjoni li aħna għandna raġun u nagħtu t-tort lill-oħrajn, biex  nibdew mixja lejn il-wegħda tiegħu tal-paċi, għax il-proġetti t’Alla huma dejjem proġetti ta’ paċi, qatt ta’ tħarbit (cfr Ġer 29,11).

Magħkom irrid nerġa’ nsemmi x-xbieha suġġestiva tal-‘Pont tal-Ktajjen’ li jgħaqqad iż-żewġ taqsimiet ta’ dil-belt: mhux qed iwaħħadhom flimkien, imma jżommhom magħqudin.  Hekk għandha tkun ir-rabta ta’ bejnietna.  Kull darba li kellna t-tentazzjoni li nassimilaw lill-ieħor qatt ma tela’ bini, anzi ġġarraf;  l-istess jiġri meta ridna ngħalquh f’ghetto minflok li nintegrawh.  Kemm drabi ġara dan tul l-istorja!  Jeħtieġ nishru, jeħtieġ nitolbu biex dan qatt ma jiġri aktar.  U nimpenjaw ruħna biex flimkien immexxu ‘l quddiem, insaħħu edukazzjoni lejn il-fraternità, ħalli ma jittrijonfawx l-emozzjonijiet tal-mibegħda li jridu jeqirduha.  Qed niftakar fit-theddida tal-anti-semitmu li għadha mifruxa kemm fl-Ewropa u wkoll f’postijiet oħra.  Hi theddida li jeħtieġ tintefa.  Imma l-aħjar mod biex ninnewtraliżżawha hu li naħdmu flimkien b’mod pożittiv u nseddqu l-fraternità.  Il-pont għadu jgħallimna: hu mdendel, b’tant ħoloq imdommin li jiffurmaw ktajjen ħoxnin.  Hawnhekk, aħna dawk il-ħoloq u kull waħda hi fundmentali: għaldaqstant ma nistgħux nibqgħu ngħixu bis-suspetti u l-injoranza, imbegħdin u bin-nuqqas ta’ qbil.

Il-pont jgħaqqad flimkien ħewġ partijiet.  F’das-sens ifakkarna fil-kunċett tal-allejanza, kunċett fundamentali fl-Iskrittura.  Alla tal-Patt jitlob minna li ma ngħotrux quddiem il-loġika tal-iżolament u tal-interessi tagħna.  Ma jixtieqx pattijiet ma’ xi ħadd għad-dertriment ta’ xi ħadd ieħor, imma jixtieq persuni u komunitajiet li jkunu pontijiet ta’ għaqda ma’ kulħadd.  F’dal-pajjiż, intom li tirrappreżentaw ir-reliġjoniet tal-maġġoranzi, għandkom id-dmir li taraw li toħolqu kundizzjonijiet sabiex ikun rispettat u mmexxi ‘l quddiem id-dritt tal-libertà reliġjuża ta’ kulħadd.  U għandkom rwol eżemplari lejn kulħadd: ħadd m’għandu jgħid li minn fomm bnedmin ta’ Alla joħroġ kliem ta’ firda, imma biss messaġġi ta’ ftuħ u ta’ paċi.  F’dinja mifluġa minn tant kunflitti din hi l-aħjar xhieda li għandu joffri min kellu l-grazzja jagħraf ‘l Alla tal-Patt u tal-paċi.

Minbarra li hu l-aktar magħruf, il-‘Pont tal-Ktajjen’ huwa wkoll l-aktar wieħed antik f’dil-belt.  Qasmu minn fuqu ġenerazzjonijiet sħaħ.  Għalhekk hu stedina biex tinżamm il-memorja tal-imgħoddi.  Fih insibu tbatija u dlam, nuqqas ta’ ftehim u persekuzzjonijiet, iżda, jekk immorru lejn l-għeruq, niskopru partimonju spiritwali komuni li hu ferm akbar.  Dan hu t-teżor li jippermettielna nibnu ġejjieni differenti flimkien.  Niftakar ukoll b’emozzjoni f’tant figuri ħbieb ta’ Alla li wasslu d-dawl tiegħu fl-iljieli tad-dinja.  Fost il-ħafna, nikkwota poeta kbir ta’ dal-pajjiż Miklós Radnóti, li l-karriera brillanti tiegħu tkissret minħabba l-mibegħda għamja ta’ min, sempliċiment għax hu kien ta’ oriġini għebrajċi, l-ewwel ma ħallihx jgħallem aktar u mbagħad firdu mill-familja tiegħu.

Maqful f’kamp tal-konċentrament, fl-abissi l-aktar mudlama u mneżża’ mill-umanità, issokta jikteb il-poeżiji sa mewtu.  Il-ġabra ta’ poeżiji tiegħu Taccuino di Bor hi l-unika waħda li waslet għandna mis-Shoah: xhieda tat-twemmin qawwi fis-sħana tal-imħabba fil-kesħa tal-lager, li ddawwal id-dlam tal-mibegħda bid-dawl tal-fidi.  L-awtur, fgat mill-ktajjen li kienu jgħafsu fuq qalbu sab il-kuraġġ f’ħelsien għola u kiteb: “Priġinier, jien sibt il-qies ta’ kull tama” (Taccuino di Bor, Ittra lil martu).  U għamel mistoqsija li tidwi wkoll għalina llum: “U int, kif qed tgħix?  Leħnek qed isib eku f’daż-żmien?” (Taccuino di Bor, l-ewwel Ekloga).  Leħinna, għeżież ħuti, ma jistax ma jkunx eku ta’ dil-Kelma mogħtija lilna mis-Sema, eku tat-tama u ta’ paċi.  U anki jekk leħinna ma jinstamax jew ma jifhmunhiex, qatt m’għandna niċħdu l-fatti tar-Rivelazzjoni li tagħha aħna lkoll xhieda.

Fl-aħħar, fis-solitudni miżerabbli tal-kamp ta’ konċentrament, filwaqt li kien qed iħoss li l-ħajja kienet qed tintefa, Radnóti kiteb: “Issa jien ukoll għerq.. Kont fjur, sirt għerq” (Taccuino di Bor, Radice).  Aħna wkoll għandna s-sejħa li nsiru għeruq.  Spiss infittxu l-frott, ir-riżultati, l-affermazzjoni.  Imma dak li bil-Kelma tiegħu jnissel fl-art bl-istess ħlewwa li biha x-xita tnibbet l-għalqa (cfr Iż 55,10), ifakkarna li l-mixi tagħna ta’ fidi huwa żerriegħa: żerriegħa li tinbidel f’għeruq taħt l-art, għeruq li jmantnu l-memorja u jnibbtu l-ġejjieni.  Dan hu li jitlob minna Alla ta’ missirijietna, għaliex – kif kien kiteb poeta ieħor – “Alla jistenna n-naħa l-oħra, jistenna propju fil-qiegħ ta’ kollox.  Hemm isfel.  Fejn hemm l-għeruq” (R.M. Rilke, Wladimir, il pittore di nuvole).  Jitilgħu fl-għoli biss jekk ikunu mħawlin fil-fond. Imħawlin fis-smigħ tal-Aktar Għoli u tal-oħrajn, aħna nkunu nistgħu ngħinu lill-bnedmin ta’ żmienna biex jilqgħu ‘l xulxin u jħobbu, llil xulxin.  Hu biss jekk inkunu għeruq tal-paċi u rimja tal-għaqda li nkunu kredibbli f’għajnejn id-dinja, li tħares lejna bil-nostalġija li tnibsbet it-tama.  Grazzi u l-mixja t-tajba flimkien, grazzi!  Skużawni li bqajt inkellimkom bilqiegħda, imma m’għadx għandi 15-il sena.  Grazzi.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber