VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 F’BUDAPEST FL-OKKAŻJONI TAL-QUDDIESA TA’ TMIEM

IT-52 KUNGRESS EWKARISTIKU INTERNAZZJONALI,

U FIS-SLOVAKKJA
(12-15
ta’ SETTEMBRU, 2021)

 

LAQGĦA EKUMENIKA

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU 

Nunzjatura Appostolika (Bratislava)
Il-Ħadd, 12 ta’ Settembru, 2021

 Għeżież Membri tal-Kunsill Ekumeniku tal-Knejjes tar-Repubblika Slovakka

Insellmilkom minn qalbi u rroddilkom ħajr li lqajtu l-istedina u ġejtu tiltaqgħu miegħi: jien pellegrin fis-Slovakkja, intom mistednin bil-ferħ fin-Nunzjatura!  Jien ferħan li l-ewwel laqgħa hija magħkom: huwa sinjal li l-fidi nisranija f’dal-pajjiż, hi – u trid tkun – żerriegħa ta’ għaqda u ħmira tal-fraternità.  Grazzi, Beatitudni, Ħija, Rastislav, tal-preżenza tiegħek; grazzi għażiż Isqof Ivan, President tal-Kunsill Ekumeniku, tal-kliem li ndirizzajtli li huma xhieda tal-impenn li flimkien tridu tkomplu mexjin biex mill-kunflitt taslu għall-komunjoni.

Il-mixja tal-komunitajiet tagħkom reġgħet bdiet wara snin ta’ persekuzzjoni ateista, meta l-libertà reliġjuża kienet miċħuda inkella għaddiet minn żminijiet iebsin ħafna.  Imbagħad fl-aħħar, waslet.  U issa tiġborkom flimkien f’waqt ta’ dil-mixja li fih intom qed iġġarbu kemm hu sabiħ imma fl-istess ħin diffiċli, li tgħixu l-fidi bħala nies ħielsa.  Infatti hemm it-tentazzjoni li terġgħu lura lejn il-jasar, ċertament mhux ta’ reġim, imma ta’ jasar aktar agħar, dak interjuri.

Fir-rakkont ċelebri, La Leggenda del Grande Inquisitore, Dostoevskij kien wissa biex ma naqgħux fin-nassa tiegħu.  Ġesù reġa’ ġie fid-dinja u nqabad priġunier.  L-inkwiżitur jagħmillu mistoqsijiet li jniggżu: l-akkuża li jagħmillu hi propju dik li Hu ta wisq importanza lil-libertà tal-bnedmin.  Jgħidlu: “Int trid tmur fid-dinja imma tmur b’idejk vojta bil-wegħda ta’ libertà li huma, fis-sempliċità tagħhom u fid-diżordni li twieldu bih, mank jistgħu jimmaġinaw, u li jibżgħu u jitwerwru minnha għax xejn qatt ma kien aktar intollerabbli mil-libertà tal-bniedem! (I Fratelli Karamzov, Milan, 2012, p. 338).  U jqawwi d-doża billi jżid li l-bnedmin lesti jinnegozjaw bla tlaqliq il-libertà tagħhom biex jiksbu jasar aktar komdu, dak li huma joqgħodu għal xi ħadd li jiddeċiedi għalihom, basta jkunu ċerti minn ħobżhom u mis-serħan ir-ras.  U b’hekk jasal biex iċanfar lil Ġesù għax ma riedx isir Ċesare biex ikun jista’ jaħkem il-kuxjenza tal-bnedmin u jġib il-paċi bil-forza.  Minflok, għażel li jkompli jagħti l-libertà lill-bniedem filwaqt li l-umanità qed tgħajjat “hobż u ftit li xejn aktar”.

Għeżież ħuti, ma jiġrix dan lilna; ngħinu lil xulxin biex ma naqgħux fin-nassa li nikkuntentaw bil-ħobż u ftit li xejn aktar.  Għaliex dan hu r-riskju meta s-sitwazzjoni terġa’ lura għan-normal, meta nkunu stabbilizzajna ruħna u nistrieħu, għax il-mira tagħna tkun li jkollna ħajja kwieta.  B’hekk, il-mira tagħna ma tibqax aktar “il-libertà li għandna fi Kristu Ġesù” (Gal 2,4), il-verità tiegħu li teħlisna (cfr Ġw 8,32), imma li nakkwistaw spazji u privileġġi, illi, skont l-Evanġelju huma “il-ħobż u ftit li xejn aktar”.  Hawnhekk, mill-qalba tal-Ewropa, jiġina li nistaqsu: aħna l-insara tlifna xi ftit il-ħeġġa tat-tħabbir u l-profezija tax-xhieda?  Hija l-verità tal-Evanġelju li tagħmilna ħielsa, jew meta nidħlu f’xi comfort zone li tħallina mmexxu u nixxaħxħu fil-kwiet bla wisq kontrattempi?  U wkoll, meta nikkuntentaw bil-ħobż u s-serħan ir-ras, forsi tlifna l-entużjażmu fit-tfittxija għall-għaqda li talab minna Ġesù, għaqda li żgur trid li jkollna libertà matura biex nagħmlu għażliet qawwija, ċaħda u sagrifiċċji, imma hija l-premessa biex id-dinja temmen (cfr Ġw 17,21)?  M’għandniex nibqgħu mehdijin biss b’dak li jista’ jkun ta’ fejda għall-komunitajiet individwali tagħna.  Il-libertà ta’ ħija u oħti hi wkoll il-libertà tagħna, għax il-libertà tagħna qatt mhi sħiħa mingħajru u mingħajrha.

Hawnhekk, l-evanġelizzazzjoni nibtet b’mod fratern, u għandha fuqha s-siġill tal-aħwa qaddisin minn Tessalonika Ċirillu u Metodju.  Huma, li kienu xhieda ta’ kristjanità li kient għadha magħquda u mħeġġa nar bit-tħabbir, jgħinuna nkomplu l-mixja billi f’isem Ġesù nseddqu l-fraternità ta’ bejnietna.  Mill-banda l-oħra kif nistgħu nittamaw f’Ewropa li terġa’ ssib l-għeruq insara tagħha jekk inkunu aħna l-ewwel li ninfirdu u ma nibqgħux komunjoni sħiħa?  Kif nistgħu noħolmu Ewropa ħielsa mill-ideoloġiji jekk ma jkollniex il-kuraġġ li minflok il-ħtiġijiet tal-gruppi tal-insara singoli, inqegħedu l-ewwel il-libertà ta’ Ġesù?  Huwa diffiċli nippretendu li l-Ewropa tkun fertilizzata bl-Evanġelju dment li ma nagħtux kas tal-fatt li aħna, f’dal-kontinent, għadna m’aħniex magħqudin għal kollox bejnietna, u jekk ma nurux li qed nieħdu ħsieb xulxin.  Kalkoli ta’ konvenjenza, raġunijiet storiċi u rbit politiku m’għandhomx ikunu ostakli li ma negħlbuhomx fil-mixja tagħna.  Jgħinuna l-Qaddisin Ċirillu u Metodju, “prekursuri tal-ekumeniżmu” (San Ġwanni Pawlu II, Enċik. Slavorum Apostoli, 14), biex nagħmlu ħilitna kollha ħalli niksbu r-rikonċiljazzjoni fid-diversità bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu; għal għaqda li bla ma tkun uniformità, tkun sinjal u xhieda tal-libertà ta’ Kristu, il-Mulej li jħoll il-qfiel tal-imgħoddi u jfejjaqna mill-biżgħat u d-diffidenza.

Fi żmienhom, Ċirillu u Metodju raw li l-Kelma divina titħawwel f’dawn l-artijiet (cfr Ġw 1,14).  F’dil-perspettiva, nixtieq naqsam magħkom żewġ suġġerimenti, pariri fraterni biex illum ixxerdu l-Evanġelju tal-libertà u tal-għaqda.  L-ewwel suġġeriment jirrigwarda l-kontemplazzjoni.  Karatteristika li tiddistingwi lill-popli slavi tmur ‘l hinn mill-kunċettwalizzazzjonijiet filosofiċi u teoloġiċi wkoll, ibda minn fidi esperjenzjali li taf tilqa’ l-misteru.  Għinu li xulxin biex tikkultivaw din it-tradizzjoni spiritwali, li l-Ewropa tant teħtieġha: hu bil-għatx għaliha b’mod partikolari il-Punent ekkleżjali, biex isib mill-ġdid is-sbuħija tal-adorazzjoni ta’ Alla u l-importanza li l-komunità tal-fidi ma tibqax tkun meqjusa a bażi tal-effiċjenza programmatika u funzjonali.

It-tieni parir jirrigwarda l-azzjoni.  L-għaqda ma tiġix tant bl-intenzjonijiet tajbin biss jew għax hemm xi valur komuni li jgħaqqad, imma billi ssir xi ħaġa flimkien għal dawk li l-aktar iressquna lejn il-Mulej.  Min huma?  Huma l-foqra għax fihom hemm preżenti Ġesù (cfr Mt 25,40).  Meta nagħmlu l-karità flimkien, jinfetħu ixqfa aktar wesgħin u tkun gġajnuna biex nimxu b’aktar ħeffa billi negħlbu l-preġudizzji u n-nuqqas ta’ ftehim.  U dan ukoll hu sinjal li f’dal-pajjiż hu milqugħ ġenwinament, fejn fl-iskola tkun mgħallma bl-amment poeżija li fiha, fost oħrajn, silta sabiħa ħafna: “Meta id stranġiera tħabbat fuq biebna b’fiduċja sinċiera, hi min hi, kemm jekk ġejja mill-qrib inkella mill-bogħod, binhar jew billejl, fuq il-mejda tagħna jkun hemm id-don t’Alla qed jistenniha” (Samo Chalupka, Mor ho!, 1864).  Id-don ta’ Alla għandu jkun preżenti fuq il-mejda ta’ kulħadd għax filwaqt li għadna ma nistgħux naqsmu flimkien il-mejda ewkaristika, flimkien nistgħu nilqgħu ‘il Ġesù bħala mistieden, u naqduh fil-foqra.  Ikun sinjal li jiswa aktar minn ħafna kliem, li jgħin lis-soċjetà civili tifhem, speċjalment f’dan il-waqt diffiċli, li hu biss jekk inkunu fuq in-naħa ta’ min hu l-aktar dgħajjef li nkunu nistgħu noħorġu mill-pandemija lkoll flimkien.

Għeżież ħuti, irroddilkom ħajr tal-preżenza tagħkom u tal-mixja li qed tagħmlu: il-karattru ħelu u akkoljenti tipiku tal-poplu slovakk, il-konvivenza paċifika tradizzjonali ta’ bejnietkom u l-kollaborazzjoni ta’ bejnietkom għall-ġid tal-pajjiż huma prezzjużi għall-ħmira tal-Evanġelju.  Ninkoraġġikom biex tibqgħu għaddejjin ‘il quddiem fil-mixja ekumenika, teżor prezzjuż u fundamentali.  Niżgurakom li niftakar fikom fit-talb tiegħi u nitlobkom, jekk jogħġobkom, titolbu għalija.  Grazzi.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber