DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

LILL-PARTEĊIPANTI FIL-PELLEGRINAĠĠ TA’ RADD IL-ĦAJR

TAL-BEATIFIKAZZJONI TA’ ARMIDA BARELLI

Pjazza San Pietru

Is-Sibt 22 ta’ April 2023

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Ninsab kuntent li ġejtu hekk fil-għadd biex troddu ħajr lil Alla għall-Beatifikazzjoni ta’ Armida Barelli, li seħħet sena ilu f’Milan. Irrodd ħajr lir-responsabbli għaż-żgħażagħ tal-Azzjoni Kattolika li saret il-“portavuċi” ta’ kulħadd, jiġifieri tat-tliet realtajiet li ppromovew il-kawża tal-beatifikazzjoni: l-Università Kattolika tal-Qalb ta’ Ġesù, l-Azzjoni Kattolika Taljana, u l-Missjunarji tar-Regalità ta’ Kristu.

 

Qabelxejn indur lejkom li ġejjin mill-Università Kattolika. Armida Barelli kienet fost il-fundaturi u minn hawn nistgħu nisiltu l-ewwel karatteristika tal-figura tagħha: kienet mara ġenerattiva. Nirriflettu ftit fuq dan l-aspett.

 

Il-mara hi ħarriesa pprivileġġjata tal-ġenerattività – dan nafuh – li tista’ tinkiseb grazzi għad-djalogu ta’ reċiproċità mar-raġel. Barelli kienet nissieġa ta’ opri kbar u dan għamlitu bin-nisġa formidabbli tar-relazzjonijiet, tiġri u ddur mal-Italja kollha u żżomm kuntatti ma’ kulħadd. Dan jiddokumentawh il-ħafna ittri mqanqla tagħha. Illum, b’xorti ħażina, ma jonqsux sforzi ta’ natura kuntrarja, jew aħjar de-ġenerattivi. Jagħmlu ħafna ħsara lill-ħajja tal-familja, imma nistgħu nosservawhom ukoll fuq livell soċjali, fil-polarizzazzjonijiet u fl-estremiżmi li ma jħallux spazju għad-djalogu u għandhom effett diżumanizzanti. Meta wieħed ma jħallix spazju għad-djalogu: naħsbu ftit f’dan.

 

Anki dwar it-tema tal-leadership femminili fil-qasam ekkleżjali u soċjali – li tiegħu Barelli tista’ titqies antiċipatriċi formidabbli – għandna bżonn ta’ mudell integrat, li jgħaqqad flimkien il-kompetenza u l-prestazzjoni, spiss assoċjati mar-rwol maskili, bl-għożża tar-rabtiet, is-smigħ, il-ħila tal-medjazzjoni, tal-inklużjoni u tat-tkabbir tar-relazzjonijiet, li ilhom meqjusa prerogattiva tal-ġeneru femminili u spiss huma ssottovalutati fil-valur produttiv tagħhom. F’kelma waħda, anki f’dan il-każ hija l-integrazzjoni, ir-reċiproċità tad-differenzi li tiggarantixxi ġenerattività anki fil-qasam soċjali u tax-xogħol. Din hi ħidma fdata b’mod partikulari lill-Università Kattolika tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, li proprju għada tiċċelebra d-99 Jum Nazzjonali tagħha bit-tema: “Lejn l-imħabba tal-għarfien. L-isfidi tal-umaniżmu ġdid”. Din l-istituzzjoni akkademika kbira hi msejħa jkollha llum ukoll l-istess ħeġġa edukattiva u l-istess intraprendenza formattiva li ggwidaw lil Patri Agostino Gemelli u lill-Beata Armida Barelli.

 

B’mod partikulari Barelli, permezz tal-Atenew, ikkontribwiet biex tiġi ffurmata l-kuxjenza ċivili f’mijiet ta’ eluf ta’ żgħażagħ, fosthom ħafna nisa. Opra li kellha ssir partikularment viżibbli fil-mument li fih, malli ntemmet il-gwerra, ġew biex jerġgħu jibnu l-Pajjiż bi proċess demokratiku. Illum ukoll għad għandna bżonn ta’ nisa li, immexxija mill-fidi, ikunu kapaċi jħallu l-marka tagħhom fil-ħajja spiritwali, fl-edukazzjoni u fil-formazzjoni professjonali.

 

Grazzi, ħbieb tal-Università Kattolika tal-Qalb ta’ Ġesù! Ħa tkompli l-Beata Armida tnebbaħ il-ħidma tagħkom.

 

U issa ndur fuqkom, ħuti tal-Azzjoni Kattolika, u nixtieq nuri karatteristika oħra tal-Beata: l-ewwel karatteristika kienet il-ġenerattività, it-tieni karatteristika tal-Beata hi li tkun appostlu. Hi differenti, hi ħaġa differenti. Wieħed jista’ jiġġenera l-affarijiet, imma ma jkunx appostlu; Barelli ġġenerat u kienet appostlu.

 

Nafu li s-Saltna ta’ Alla twarrad, tikber u tagħmel il-frott kontinwament ma’ kullimkien: il-ħajja ta’ Armida Barelli tesprimi din id-dinamika u tippermettilna nikkontemplaw kif il-Mulej iwettaq ħwejjeġ kbar meta l-persuni jkunu disponibbli u doċli għar-rieda tiegħu, u jħabirku b’umiltà, kreattività u intraprendenza. Il-bijografija tagħha tirrakkonta perseveranza kbira f’li tfittex li tibqa’ mal-Mulej, bħal fergħa maz-zokk, u turi x-xewqa tagħha li taqsam din l-esperjenza ma’ tant oħrajn. Tibqa’ fil-Mulej bħama fergħa tibqa’ magħquda maz-zokk.

 

Armida tikteb li, wara li laqgħet il-proposta tal-Papa li twaqqaf iż-Żgħażagħ Femminili fl-Italja, ħasset “li ma kinitx għadha tappartieni iżjed lilha nfisha”, li riedet tagħmel mill-ħajja tagħha don għall-oħrajn, li tkun hi stess “missjoni”, lil hemm mil-limitazzjonijiet u l-imperfezzjonijiet tagħha. Fil-verità, “il-fatt li m’aħniex perfetti m’għandux ikun skuża; għall-kuntrarju, il-missjoni hi tqanqil kostanti biex ma nintelqux fil-medjokrità u biex nissoktaw nikbru” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 121). Għadha tidwi sal-lum l-istedina tal-Beata biex ma nikkuntentawx b’ħajja komda, bejn kompromessi u awto-assoluzzjonijiet – “mhux ħa nasal”, “m’iniex kapaċi”, “ma għandix ħin”, u l-bqija –, imma ngħixu pjuttost bħala appostli tal- u fil-ferħ.

 

Li nkunu appostli jfisser inkunu lajċi b’passjoni, appassjonati għall-Vanġelu u għall-ħajja, nieħdu ħsieb tal-ħajja tajba ta’ kulħadd u nibnu mixjiet ta’ fraternità biex nagħtu r-ruħ lil soċjetà iżjed ġusta, iżjed inklużiva, iżjed solidali. U hu importanti li nagħmlu dan kollu flimkien, fil-ġmiel ta’ esperjenza assoċjattiva li, minn naħa, tħarriġna fis-smigħ u d-djalogu ma’ kulħadd u, mill-oħra, tesprimi dak l-“aħna ikbar” li jeduka għall-ħajja ekkleżjali, ħajja ta’ poplu li jimxi flimkien.

 

Fl-oqsma tal-ekonomija, tal-kultura, tal-politika, tal-iskola kif ukoll tax-xogħol, fl-attenzjoni kontinwa għall-iżjed ċkejkna, għad-dgħajfa u għall-foqra, inħeġġiġkom tfittxu toroq biex timxu ma’ kulħadd, tfittxu l-paċi u l-ġustizzja. Dan hu dak li l-Beata Armida Barelli għamlet fi żmienha bi spirtu ta’ fiduċja totali fil-Mulej u bi stil immarkat mill-konkretezza.

 

Fil-qalba tal-ħajja assoċjattiva jrid ikun hemm dejjem formazzjoni integrali, u fil-qalba tal-formazzjoni l-ispiritwalità evanġelika. Li tniżżlu għeruqkom u tkunu ddedikati għall-ħajja tal-Knejjes lokali tagħkom ikabbar dejjem iżjed fikom il-ħerqa missjunarja, biex tkomplu twessgħu iżjed il-qalb tagħkom u l-ħarsa kontemplattiva tagħkom fuq id-dinja. Ejjew nilqgħu s-sejħa tal-Beata Armida, “oħtna l-kbira”, biex inħobbu, inħobbu, inħobbu; inħobbu bla qies, imnissla mill-ġdid mill-imħabba ta’ Alla, li tibdel il-ħajja tal-persuni, b’mod konkret u kredibbli, u permezz tal-persuni twettaq proċessi u mixjiet ta’ tiġdid soċjali. Grazzi għalikom, membri tal-Azzjoni Kattolika!

 

U issa ndur fuq il-Missjunarji tar-Regalità ta’ Kristu, u hekk nistgħu nixħtu dawl fuq kif Armida kienet ikkonsagrata fid-dinja.

 

Il-konsagrazzjoni sekulari hija vokazzjoni, u vokazzjoni esiġenti. L-approvazzjoni tal-Istituti Sekulari minn Piju XII bil-Provida Mater Ecclesia kienet għażla rivoluzzjonarja fil-Knisja, sinjal profetiku. U minn dakinhar tant hu kbir il-ġid li intom qed tagħmlu fil-Knisja, intom u tagħtu bil-kuraġġ kollu x-xhieda tagħkom fid-dinja.

 

Il-konsagrazzjoni sekulari hi paradigma ta’ mod ġdid kif ngħixu bħala lajċi fid-dinja: lajċi li kapaċi jilmħu ż-żerriegħa tal-Verb qalb ix-xquq tal-istorja, impenjati biex jagħtuha l-ħajja minn ġewwa bħala ħmira, kapaċi jivvalorizzaw l-għeruq tat-tajjeb preżenti fir-realtajiet ta’ din l-art bħala preludju tas-Saltna li ġejja, promoturi tal-valuri umani, nissieġa ta’ relazzjonijiet, xhieda siekta u ħabrieka tar-radikalita evanġelika. San Pawlu VI qal: “Jekk jibqgħu fidili lejn il-vokazzjoni tagħhom, l-Istituti Sekulari jsiru kważi l-‘laboratorju sperimentali’ li fih il-Knisja tista’ tivverifika l-modi konkreti tar-relazzjonijiet tagħha mad-dinja”.[1]

 

Dan tagħkom, għeżież ħuti, hu Istitut sekulari femminili, u dan iqiegħed fiċ-ċentru lin-nisa u l-vokazzjoni partikulari tagħhom fil-Knisja u fid-dinja. Il-Beata Armida, b’din l-għamla ta’ ħajja, ippromoviethom b’mod ġdid, fuq l-eżempju ta’ tant nisa xhieda tal-Vanġelu tul is-sekli. Il-mudell li pproponiet anki fil-ħajja kkonsagrata hu xbieha ġdida ta’ mara, mhux li trid tiġi “mħarsa” u miżmuma għall-ġenb, imma li tiġi mibgħuta ħa tibni s-Saltna, billi tingħatalha l-fiduċja kollha.

 

Armida kienet kapaċi taqa s-sinjali ta’ żminijietha u l-ħtiġijiet l-aktar urġenti: ejjew naħsbu fil-bżonn ta’ kura mġedda tal-ispiritwalità; naħsbu fil-formazzjoni u fis-sejħa għall-impenn għan-nisa żgħażagħ; naħsbu fl-isfida edukattiva u fil-ħolma ta’ università Kattolika fl-Italja; naħsbu fil-passjoni għad-dinja, ibda miċ-ċertezza tal-universalità tal-messaġġ ta’ Kristu. Dawn il-bżonnijiet kienu għal Armida Barelli l-art tal-impenn u tal-missjoni.

 

Hekk hi antiċipat iż-żminijiet tal-Konċilju Vatikan II, u poġġiet fil-prattika stil komunitarju li fih nisa u rġiel, żgħażagħ u adulti, lajċi u saċerdoti, jikkollaboraw flimkien għall-għan appostoliku tal-Knisja, ilkoll flimkien protagonisti tal-istess missjoni ġejja mill-Magħmudija tagħhom. Spiss insibuha bi tqila nimxu fi triq ta’ impenn, għax naħsbu li m’aħna qatt kapaċi biżżejjed, fl-għażliet personali u f’dawk tas-servizz lill-komunità. Kieku Armida kienet hawn titkellem illum, kienet tgħidilna mill-ġdid li jekk nafdaw fil-Mulej xejn ma hu impossibbli. Nafdaw fih ma jfissirx li nkunu niddelegaw, imma hu att ta’ fidi li jagħti l-ħajja u l-ħeġġa lit-tama u l-azzjoni. Allura grazzi lilkom, Missjunarji tar-Regalità ta’ Kristu!

 

Għeżież ħuti, il-Beata Armida ġabritna hawn u għenitna nagħrfu dawn il-karatteristiċi essenzjali ta’ kif tkun Nisrani llum: il-ġenerattività, li nkunu appostli, u l-konsagrazzjoni fid-dinja. Ġenerattività, appostolat u konsagrazzjoni fid-dinja. Kull wieħed u waħda jilqa’ l-eżempju tagħha skont il-vokazzjoni tiegħu jew tagħha: hu għana għalina lkoll, għall-Knisja kollha. Għalhekk nirringrazzjakom ħafna ta’ din il-laqgħa. Inberikkom ilkoll u nitlobkom ma tinsewx titolbu għalija. Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 


 

[1] Diskors lill-Kunsill Eżekuttiv tal-Konferenza Dinjija tal-Istituti Sekulari (bil-Franċiż, 25 ta’ Awwissu 1976).