DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
LILL-MEMBRI TAL-KORP DIPLOMATIKU AKKREDITAT MAS-SANTA SEDE

SALA TAL-BENEDIZZJONIJIET
It-Tnejn, 10 ta’ Jannar, 2022

Eccellenzi, Sinjuri

Ilbieraħ intemm iż-żmien liturġiku tal-Milied, żmien privileġġjat biex jissaħħu r-relazzjonijiet fil-familji, li kultant isibuna aljenati u mbegħdin, bieżlin – kif spiss inkunu tul is-sena – minħabba ħafna impenji.  Illum irridu nkomplu l-ispirtu (tal-Milied) bil-laqgħa tagħna flimkien qiesna familja waħda li tiltaqa’ u tiddjaloga.  Wara kollox dan hu l-għan tad-diplomazija: għajnuna biex jitwarrab in-nuqqas ta’ qbil bejn bnedmin li jgħixu flimkien, tissaħħaħ l-armonija u nġarrbu kif meta negħlbu l-quicksand tal-kunflitti, nistgħu niskopru mill-ġdid is-sens tal-għaqda profonda tar-realtà (1).

Għalhekk jien grat b’mod partikolari li llum intom ġejtu tieħdu sehem f’din il-laqgħa “tal-familja” ta’ kull sena, okkażjoni propizja biex nawguraw lil xulxin is-sena l-ġdida u biex flimkien nagħtu daqqa t’għajn lejn id-dwal u d-dellijiet ta’ żmienna.  Radd il-ħajr partikolari lid-Dekan, l-Eċċellenza Tiegħu is-Sur George Poulides, Ambaxxatur ta’ Ċipru, għall-kliem mimli ħlewwa li ndirizzali f’isem il-Korp Diplomatiku kollu.  Permezz tagħkom, nixtieq inwassal it-tislijiet tiegħi u l-għożża tiegħi lill-popli li tirrappreżentaw.

Il-preżenza tagħkom dejjem hi sinjal ċar tal-attenzjoni li l-pajjiżi tagħkom jagħtu lis-Santa Sede u lill-irwol tagħha fi ħdan il-komunità internazzjonali.  Ħafna minnkom ġew minn bliet kapitali oħra għal din l-okkażjoni, u b’hekk inaqgħdu mal-għadd sabiħ tal-Ambaxxaturi residenti f’Ruma, li ftit taż-żmien ieħor se tkun tingħaqad magħhom il-Konfederazzjoni Elvetika.

 

Għeżież Ambaxxaturi

F’dawn il-ġranet qed naraw kif il-ġlieda kontra l-pandemija għadha titlob sforz kbir min-naħa ta’ kulħadd u kif is-sena l-ġdida wkoll tidher li se tkun impenjattiva.  Il-coronavirus qed ikompli jsaħħaħ l-iżolament u jaħsad ħajjiet u, fost dawk li tilfu ħajjithom, hawnhekk nixtieq infakkar il-mibki Mons Aldo Giordano, Nunzju Appostoliku magħruf sew u stmat ħafna mill-komunità diplomatika.  Fl-istess ħin, rajna ċar li fejn kien hemm kampanja ta’ vaċinazzjoni effikaċi, it-tul ta’ żmien li fih il-marda tkun perikoluża, naqas.

Għalhekk huwa importanti li jitkompla l-isforz biex kemm jista’ jkun il-popolazzjoni tkun imlaqqma.  Dan jitlob impenn minn bosta aspetti fuq livell personali, politiku u l-komunità internazzjonli kollha kemm hi.  Qabel kollox fuq livell personali.  Ilkoll  kemm aħna għandna r-responsabbiltà li nieħdu ħsieb tagħna nfusna u ta’ saħħitna, u dan jissarraf ukoll f’rispett lejn is-saħħa ta’ min ikun qribna.  Il-kura tas-saħħa hi obbligu morali.  Sfortunatament, qed nindunaw dejjem aktar li qed ngħixu f’dinja fejn hemm kuntrasti ideoloġiċi qawwija.  Bosta drabi aħna nitkaxkru mal-ideoloġija tal-mument, li spiss tkun imesjsa fuq aħbarijiet bla bażi jew fuq fatti li ftit li xejn ikunu dokumentati.  Kull affermazzjoni ideoloġika tqaċċat it-rabtiet tar-raġuni umana minn mar-realtà oġġettiva tal-affarijiet.  Minflok, propju l-pandemija timponi fuqna għamla ta’ “kura tar-realtà”, li titlob minna li nħarsu dritt f’wiċċ il-problema u nadottaw ir-rimedji xerqa biex insolvuha.  Il-vaċċini mhumiex strumenti maġiċi għall-fejqan, imma ċertament huma xi ħaġa oħra miżjuda mal-kura li tkun żviluppata, is-soluzzjoni l-aktar raġjonevoli biex nilqgħu bil-quddiem il-marda.

Imbagħad irid ikun hemm l-impenn tal-politika li tfittex il-ġid tal-popolazzjoni b’deċiżjonijiet ta’ prevenzjoni u immunizzazzjoni, li jdaħħal fix-xena wkoll liċ-ċittadini sabiex huma wkoll iħossuhom sehem u responsabbli, permezz ta’ komunikazzjoni trasparenti tal-problemi u tal-miżuri addattati biex naffrontawhom.  In-nuqqas kbir ta’ deċiżjonijiet sodi u ta’ ċarezza fil-komunikazzjoni jnissel konfużjoni, joħloq sfiduċja u jdgħajjef qatigħ il-koeżjoni soċjali u jiġġenera tensjonijiet ġodda.  B’hekk jinħoloq “relattiviżmu soċjali” li jferi l-armonija u l-għaqda.  Fl-aħħar, hemm bżonn ta’ impenn sħiħ tal-komunità internazzjonali ħalli l-popolazzjoni kollha tad-dinja jkollha aċċess indaqs għall-kura medika essenzjali u għall-vaċċini.

Sfortunatament irridu nammettu b’niket, li għal żoni kbar tad-dinja l-aċċess universali għall-assistenza sanitarja għadu miraġġ.  F’waqt tant gravi għall-umanità kollha, intenni l-appell tiegħi sabiex il-gvernijiet u l-entitajiet privati fil-qasam, juru sens ta’ responsabbiltà, u jfasslu tweġiba koordinata fil-livelli kollha (lokali, reġjonali, globali), permezz ta’ mudelli ġodda ta’ solidarjetà u strumenti bl-għan li jsaħħu l-istrutturi tal-pajjiżi l-aktar fil-bżonn.  Partikolarment, inħoss li għandi nħeġġeġ lill-Istati interessati biex b’impenn iwaqqfu strument internazzjonali dwar it-tħejjija u t-weġiba għall-pendemiji taħt il-kappa tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, biex jaddottaw politika ta’ kondiviżjoni diżinteressata, bħala prinċipju bażiku ħalli jiggarantixxu lil kulħadd l-aċċess għal strumenti djanjostiċi, vaċċini u mediċini.  U, bl-istess mod, nittamaw li istituzzjonijiet bħalma hi L-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Propjetà Intellettwali jaddattaw l-istrumenti ġuridiċi tagħhom ħalli r-regoli monopolistiċi ma jibqgħux ikunu ostakli għall-produzzjoni u għall-aċċess organizzat u koerenti għall-kura fuq livell mondjali.

 

Għeżież ambaxxaturi,

Is-sena li għaddiet, anki minħabba li ttaffew ir-restrizzjonijiet li kien hemm fl-2020, kelli okkażjoni nilqa’ bosta Kapijiet ta’ Stati u tal-Gvern, kif ukoll diversi awtoritajiet ċivili u reliġjużi.  Fost il-ħafna laqgħat, irrid insemmi l-jum tal-1 ta’ Lulju, dedikat għar-riflessjoni u t-talb għal-Libanu.  Lill-poplu għażiż tal-Libanu, magħrsus fil-morsa ta’ kriżi ekonomika u politika li qed issibha bi tqila tasal għal soluzzjoni, illum nixtieq inġedded il-qrubija tiegħi lejh u talbi, filwaqt li nittama li r-riformi meħtieġa u s-sapport tal-komunità internazzjonali jgħinu lill-pajjiż jibqa’ sod fl-identità tiegħu ta’ mudell ta’ koeżistenza paċifika u ta’ fratellanza bejn ir-reliġjonijiet differenti li hemm fih.

Matul l-2021, erġajt bdejt ukoll il-vjaġġi appostoliċi.  Fix-xahar ta’ Marzu kelli x-xorti mmur l-Iraq.   Il-providenza riedet li dan isir bħala sinjal ta’ tama, wara snin ta’ gwerra u terroriżmu.  Il-poplu iraqqin għandu dritt jikseb lura d-dinjità tiegħu u jgħix fil-paċi.  L-għeruq reliġjużi tiegħu ilhom jissawru eluf ta’ snin: il-Mesopotamia hi benniena ta’ ċiviltà; kien minn hemm li Alla sejjaħ lil Abram biex tinbeda l-istorja tas-salvazzjoni.

F’Settembru mbagħad, mort Budapest għat-tmiem tal-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali; u wara fis-Slovakkja.  Kienet opportunità ta’ laqgħa mal-fidili kattoliċi u konfessjonijiet insara oħra, kif ukoll djalogu mal-Lhud.  Bl-istess mod, il-vjaġġ f’Ċipru u l-Greċja, li t-tifkira tiegħu għadha ħajja fija, ippermettietli nidħol fil-fond tar-rabtiet ma’ ħutna l-ortodossi u nġarrab il-fraternità bejn id-diversi konfessjonijiet kristjani.

Parti li laqtitni waqt dal-vjaġġ seħħet fil-gżira ta’ Lesbo, fejn stajt nara l-ġenerożità ta’ kulmin jagħti sehemu biex jilqa’ u jgħin lill-migranti, imma fuq kollox, rajt l-uċuħ ta’ bosta tfal u adulti li hemm fiċ-ċentri tal-akkoljenza.  F’għajnejhom tidher l-għeja tal-vjaġġ, il-biża’ ta’ ġejjieni inċert, in-niket minħabba li kellhom iħallu warajhom lill-għeżież tagħhom, in-nostalġija tal-patrija li kienu mġagħlin jabbandunawha.  Quddiem dawn l-uċuħ ma nistgħx nibqgħu indifferenti u ma nistgħux ninħbew wara ħitan jew barbed wire bl-iskuża li qed niddefendu s-sigurtà jew l-istil tal-ħajja tagħna.  Dan ma jistax isir.

Għaldaqstant irrodd ħajr lil min, individwi u gvernijiet, jagħmel ħiltu biex jiggarantixxi akkoljenza u protezzjoni lill-migranti, u jieħu fuq spallejh ukoll il-promozzjoni umana tagħhom u l-integrazzjoni fil-pajjiżi li jkunu laqgħuhom.  Jien nagħraf id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom xi Stati quddiem l-imwieġ enormi tal-persuni.  Ma nistgħu nippretendu lil ħadd jagħmel dak li hu impossibbli għalih, imma hemm differenza ċara bejn li tilqa’, anki b’mod limitat, u li tirrifjuta għal kollox.

Hemm bżonn negħlbu l-indifferenza u nirroftaw l-idea li l-migranti huma problema ta’ ħaddieħor.  Ir-riżultat ta’ attitudni bħal din jidher fil-fatt li lil dawn il-migranti nneżżgħuhom mill-umanita’ tagħhom u nitfgħuhom f’xi hotspot, fejn jispiċċaw isiru priża faċli għall-kriminalità u t-traffikanti tal-persuni umani, jew biex b’disperazzjoni jippruvaw jaħarbu, ħarba li ximindaqqiet tintemm bil-mewt.  Sfortunatament ta’ min jinnota wkoll li l-istess migranti spiss isiru arma ta’ rikatt politiku, speċi ta’ “merċa tan-negozjar” li lill-persuni tisirqilhom id-dinjità.

F’din is-sede, nixtieq inġedded il-gratitudni tiegħi lill-Awtoritajiet taljani, li bis-saħħa tagħhom xi persuni setgħu jiġu miegħi lura lejn Ruma minn Ċipru u mill-Greċja.  Kien ġest sempliċi imma ta’ tifsir kbir.  Lill-poplu taljan, li sofra ħafna fil-bidu tal-pandemija, imma li wera wkoll sinjali inkoraġġjanti li jerġa’ jqum, nagħti x-xewqat tiegħi sabiex jibqa’ dejjem iżomm dak l-ispirtu ta’ ftuħ ġeneruz u solidali li jiddistingwih.

Fl-istess ħin, inħoss li hu ta’ importanza fundamentali li l-Unjoni Ewropea ssib l-għaqda interna fl-immaniġġjar tal-migrazzjoni, kif kellha ħila tagħmel quddiem il-konsegwenzi tal-pandemija.  Infatti, hemm bżonn tinbeda sistema koerenti u komprensiva fit-tiswir tal-politika migratorja u tal-ażil, b’mod li r-responsabbiltajiet għall-ilqugħ tal-migranti jkunu kondiviżi, jerġgħu jirrevedu d-domandi tal-ażil, iqassmu mill-ġdid u jintegraw lil kulmin jista’ jkun milqugħ.  Il-ħila tan-negozjar u t-tfittxija ta’ soluzzjonijiet maqbula huma aspett qawwi tal-Unjoni Ewropea u huma mudell validu biex ikunu affrontati l-isfidi globali li hemm jistennewna.

Mdankollu, il-migrazzjoni ma tolqotx biss lill-Ewropa, minkejja li din għandha interess partikolari minħabba l-mewġiet li jaslu kemm mill-Afrika u kemm mill-Asja.  F’dawn is-snin, fost kollox, rajna l-esodu tar-rifuġajti sirjani, li magħhom dawn l-aħħar xhur, inaqgħdu dawk li ħarbu mill-Afganistan.  Ma rridux ninsew lanqas l-esodi enormi li jolqtu l-kontinent amerikan u li qed iħabbtu fuq il-konfini bejn il-Messiku u l-Istati Uniti tal-Amerka.  Ħafna minn dawk il-migranti huma minn Haiti u qed jaħarbu mit-traġedji li laqtu l-pajjiżhom dawn l-aħħar snin.

Il-kwistjoni tal-migraanti, kif ukoll il-pandemija u t-tbdil fil-klima, qed juru biċ-ċar li ħadd ma jista’ jsalva waħdu, jew aħjar, li l-isfidi l-kbar ta’ żmienna huma kollha globali.  Għalhekk hu ta’ tħassib naraw li quddiem ix-xibka tan-nisġa tal-problemi dejjem tiżdied, qed tiżdied ukoll il-frammentazzjoni tas-soluzzjonijiet.  Mhux rari jidher nuqqas ta’ rieda biex jinfetħu twieqi ta’ djalogu u fraternità, u dan iwassal biex ikattar aktar it-tensjoni u l-firdiet, minbarra sens ġenerali ta’ inċertezza u instabbiltà.  Iżda hemm bżonn nirkupraw is-sens tal-identità komuni tagħna bħala familja umana waħda.  L-alternattiva hi biss żjieda fl-iżolament, ittimbrat bl-esklużjoni u għeluq reċiproku li fil-fatt iqiegħdu f’periklu akbar il-multilateraliżmu, jew aħjar dak l-istil diplomatiku li dejjem ikkaratterizza r-relazzjonijiet internazzjonali minn tmiem it-tieni gwerra dinjija ‘l hawn.

Id-diplomazija multilaterali ilha żmien għaddejja minn kriżi ta’ fiduċja, minħabba n-nuqqas ta’ kredibbiltà fis-sistemi soċjali, governattivi u inter-governattivi.  Riżoluzzjonijiet importanti, dikjarazzjonijiet u deċiżjonijiet spiss jittieħdu mingħajr negozjar veru li fih il-pajjiżi kollha jkunu semmgħu leħinhom.  Dan-nuqqas ta’ ekwilibriju, li llum sar edvidenti b’mod drammatiku, qed jiġġenera skuntentizza fil-konfront tal-organiżmi internazzjonali min-naħa ta’ bosta Stati u komplessivament qed idgħajjef is-sistema multilaterali, u jirrendiha dejjem anqas effikaċi biex taffronta l-isfidi globali.

Id-defiċit tal-effikaċja ta’ bosta organizzazzjonijiet internazzjonali hu ħtija wkoll tal-viżjoni differenti bejn il-membri varji, u l-għanijiet li dawn suppost għandhom jieħdu deċiżjonijiet dwrhom.  Mhux rari li l-fus tal-interessi jiċċaqlaq u jersaq lejn tematiċi li huma ta’ firda minnhom infushom u li ma jkunux strettament marbutin mal-għan tal-organizzazzjoni, bir-riżultat li l-aġendi qed ikunu dejjem aktar iddettati minn filosofija li tiċħad is-sisien naturali tal-umanità u l-għeruq kulturali li jsawru l-identità ta’ bosta popli.  Kif affermajt f’okkażjonijiet oħra, jidhirli li din hi għamla ta’ kolonizzazzjoni ideoloġika, li ma tħallix wisa għall-libertà tal-espressjoni u, li llum qiegħda dejjem aktar tieħu s-sura ta’ dik il-cancel culture li nvadiet tant irkejjen u istituzzjonijiet pubbliċi.  F’isem il-ħarsien tad-diversità nispiċċaw inħassru għal kollox is-sens ta’ kull identità bir-riskju li nsikktu l-pożizzjonijiet li jiddefendu l-idea rispettuża u ekwilibrata tas-sensibbiltajiet differenti.  Qed jinħema ħsieb uniku – perikoluz – imġiegħel jiċħad l-istorja, jew agħar minn hekk, li jerġa’ jiktibha fuq linji tal-kategoriji kontemporanji, filwaqt li kull sitwzzjoni storika għandha tkun interpretata skont l-ermenewtika ta’ żmienha, mhux skont l-ermenewtika tal-lum.

Id-diplomazija multilaterali għalhekk, hi msejħa biex tkun verament inklussiva, mhux billi tħassar imma billi tivvalorizza d-diversità u s-sensibbiltà storiċi, karatteristiċi tal-popli varji.  B’hekk hi tikseb lura l-kredibbiltà u l-effikaċja biex taffronta l-isfidi li ġejjin, li jitolbu mill-umanità terġa’ tingħaqad bħala familja kbira waħda, illi minkejja li titlaq minn punti di vista differenti, għandu jkollha ħila ssib soluzzjonijiet komuni għall-ġid ta’ kulħadd.  Dan jesiġi fiduċja reċiproka u disponibbiltà għad-djalogu jiġifieri nsimgħu ‘l xulxin, niddiskutu, niftehemu u nimxu flimkien (2).  Wara kollox, “id-djalogu hu l-aktar triq addattata biex naslu nagħrfu dak li dejjem għandu jkun affermat u rispettat, li jmur ‘l hinn mill-kunsens okkażjonali” (3).  Qatt ma għandna ninsew illi “hemm xi valuri permanenti” (4).  Mhux dejjem ħafifa li nagħrfuhom imma jekk naċċettawhom “jagħtu solidità u stabbiltà lill-etika soċjali.  U anki meta nkunu tajniehom għarfien u għamilniehom tagħna bis-saħħa ta’ djalogu u kunsens, naraw li dawn il-valuri bażiċi jmorru ‘l hinn minn kull kunsens” (5).  Nixtieq infakkar speċjalment fid-dritt għall-ħajja mill-konċepiment sat-tmiem naturali u d-dritt għal-libertà reliġjuża.

F’dil-perspettiva, dawn l-aħħar snin baqa’ dejjem jissaħħaħ l-għarfien kollettiv dwar l-urġenza li biha għandna naffontaw il-kura tad-dar komuni tagħna, li qed issofri minħabba sfruttament tar-riżorsi bla heda u bla rażan.  Rigward dan, qed naħseb b’mod partikolari fil-Filippini, li dawn l-aħħar ġimgħat intlaqat minn tifun qerriedi, kif ukoll f’nazzjonijiet oħra tal-Paċifiku, esposti għall-effetti negattivi tat-tibdil tal-klima, ta’ theddida għall-ħajja tal-abitanti, li l-biċċa l-kbira tagħhom jiddependu mill-agrikoltura, mis-sajd u mir-riżorsi naturali.

Propju din iċ-ċirkostanza għandha tixpruna lill-komunità internazzjonali fil-globalità tagħha biex tfittex soluzzjonijiet maqbula u tqiegħdhom fis-seħħ.  Ħadd ma jista’ jaħsel idejh minn dan l-impenn għax jeffattwa lilna lkoll u jolqotna lkoll bl-istess daqs.  Fil-laqgħa COP26 li saret m’ilux fi Glasgow saru xi passi li jimxu fid-direzzjoni t-tajba, minkejja li huma ftit jew wisq dgħajfa vis-à-vis d-daqs tal-problema li għandna quddiemna.  It-triq biex nilħqu l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi hi mimlija ħotob u tidher li għadha wisq twila, filwqat li ż-żmien dejjem jonqos.  Għad fadal ħafna xi jsir u għalhekk l-2022 se tkun sena oħra fundamentali biex niċċekkjaw dan kollu u kif id-deċiżjonijiet li ttieħdu fi Glasgow jistgħu u għandhom jissaħħu aktar fid-dawl tal-laqgħa COP27, li għandha ssir fl-Eġittu f’Novembru li ġej.

 

Eccellenzi, Sinjuri

If-djalogu u l-fraternità huma n-nar essenzjali biex negħlbu l-kriżi li għandna bħalissa.  Madankollu, minkejja l-ħafna sforzi bl-għan li jkun hemm djalogu kostruttiv bejn in-nazzjonijiet, qed jirbombja l-ħoss li jtarrax tal-gwerer u tal-kunflitti” (6), u l-komunità internazzjonali kollha kemm hi għandha tagħrbel lilha nfisha dwar l-urġenza biex issib soluzzjonijiet għal dan il-ġlied bla tmiem, li xi drabi jieħu l-bixra ta’ gwerer reali bil-prokura (proxy wars).  Qed naħseb fuq kollox fis-Sirja, fejn għadu ma jidhirx xefaq ċar biex iwelled il-pajjiż mill-ġdid.  Sal-lum il-poplu sirjan għadu jibki l-mejtin tiegħu, it-telfa ta’ kollox, u jittama f’ġejjieni aħjar.  Hemm bżonn ta’ riformi politiċi u kostituzzjonali, ħalli l-pajjiż jerġa’ jitwieled, imma hemm bżonn ukoll li s-sanzjonijiet ma jolqtux direttament il-ħajja ta’ kuljum, u joffru xaqq dawl ta’ tama lill-popolazzjoni, li baqgħet dejjem maqbuda fil-morsa tal-faqar. 

Ma nistgħux ninsew lanqas il-kunflitt fil-Yemen, traġedja umana li ilha għaddejja snin fis-skiet, bogħod mill-attenzjoni medjatika u b’ċerta indifferenza min-naħa tal-komunità internazzjonali, li qed tħalli għadd sew ta’ vittmi ċivili, partikolarment nisa u tfal.

Tul is-sena li ntemmet ma sar ebda pass ‘il quddiem fil-proċess tal-paċi bejn Iżrael u l-Palestina.  Nixtieq bis-serjetà nara lil dawn iż-żewġ popli jibnu l-fiduċja f’xulxin u jerġgħu jibdew jitkellmu bejniethom biex jaslu jibdew jgħixu f’żewġ stati ġirien fil-paċi u s-sigurtà, mingħajr mibegħda u mingħajr għadab, imma mfejqin mill-maħfra reċiproka.

Iqanqlu tħassib it-tensjonijiet istituzzjonali fil-Libja; kif ukoll l-episodji ta’ vjolenza minħabba t-terroriżmu internazzjonali fir-reġjun ta’ Sahel u l-kunflitti interni fis-Sudan, fis-Sudan t’Isfel u fl-Etjopja, fejn “jeħtieġ terġa’ tinstab it-triq tar-rikonċiljazzjoni u tal-paċi permezz ta’ konfront sinċier li fl-ewwel post iqiegħed l-esiġenzi tal-popolazzjoni” (7).

Id-diżugwaljanzi profondi, l-inġustizzji u l-korruzzjoni endemika, kif ukoll l-għamliet varji tal-faqar li joffendu d-dinjità tal-persuni, qed ikomplu jżidu l-kunflitti soċjali fil-kontinent amerikan ukoll, fejn il-polarizzazzjoni li qed tkompli tinġema’ bla heda mhix tgħin ħalli jissovew il-problemi veri u urġenti taċ-ċittadini, fuq kollox ta’ l-aktar foqra u vulnerabbli.

Il-fiduċja reċiproka u d-disponibbiltà għall-konfront seren għadhom ikunu r-ruħ tal-kull parti interessata biex jinstabu soluzzjonijiet aċċettabbli u dejjiema fl-Ukrajna u fil-Kawkasu t’Isfel, biex ma jerġgħux jinfetħu kriżijiet ġodda fil-Balkani, fl-ewwel post, fil-Bożnja u l-Erżegovina.

Id-djaolgu u l-fraternità huma urġenti daqs qatt qabel biex bid-dehen u l-effikaċja tkun affrontata l-kriżi li laqtet lill-Myanmar għal din l-aħħar sena, post fejn it-toroq li qabel kienu mkejjen ta’ laqgħa issa saru teatri ta’ ġlied li minħabba fih lanqas il-postijiet tat-talb m’huma qed jeħilsuha.

Naturalment, il-kunflitti kollha huma megħjuna mill-abbundanza tal-armi disponibbli u min-nuqqas ta’ skruplu ta’ min għandu l-interess li jferrixhom.  Xi drabi nilludu ruħna li l-armamenti għandhom biss rwol li jservu ta’ theddida għall-aggressuri.  L-istorja, u sfortunatamnet anki l-aħbarijiet, jgħallmuna li mhux hekk. Min għandu l-armi, xi darba jew oħra jispiċċa jużahom għax, kif kien jgħid San Pawlu VI, “ma tistax tħobb bl-armi li joffendu f’idejk” (8).  Minbarra dan, “meta aħna nċedu għal-loġika tal-armi u nitbiegħdu mit-tħarriġ tad-djalogu, traġikament ninsew li l-armi, qabel ma jnisslu vittmi u qerda, għandhom il-ħila jiġġeneraw ħolm ħażin” (9).  Dawn huma preokkupazzjinijiet li jsiru aktar konkreti llum minħabba d-disponibbiltà u l-użu ta’ armamenti awtonomi, li jistgħu jħallu konsegwenzi terribbli u imprevedibbli, meta fil-fatt dawn għandhom ikunu suġġetti għar-responsabbiltà tal-komunità internazzjonali.

Fost l-armi li għamlet l-umanità, huma ta’ preokkupazzjoni speċjali l-armi nuklejari.  Fl-aħħar ta’ Diċembru li għadda reġgħet ġiet posposta, minħabba l-pandemija, l-X Konferenza biexs teżamina t-Trattat dwar in-Non-Proliferazzjoni Nuklejari, li kellha ssir fi New York dal-ġranet.  Dinja ħielsa mill-armi nuklejari hija possibbli u neċessarja.  Għalhekk nittama li l-Komunità Internazzjonali tieħu l-opportunità minn dik il-konferenza biex tagħmel pass ta’ siwi kbir f’din id-direzzjoni.  Is-Santa Sede tibqa’ dejjem soda biex issostni li l-armi nuklejari mhumiex strumenti addattati u flokhom, bħala tweġiba għat-theddid kontra s-sigurtà fis-seklu 21, u huwa immorali li jkollok lilhom.  Il-produzzjoni tagħhom qed tisraq riżorsi lill-prospettivi ta’ żvilupp uman integrali u l-użu tagħhom, minbarra li jħalli konsegwenzi umanitarji u ambjentali katastrofiċi, hu theddida għall-istess eżistenza tal-umanità.

La Santa Sede ritiene parimenti importante che la ripresa a Vienna dei negoziati circa l’Accordo sul nucleare con l’Iran (Joint Comprehensive Plan of Action) possa conseguire esiti positivi per garantire un mondo più sicuro e fraterno.

Għeżież Ambaxxturi!

Fil-messaġġ għall-Jum Dinji tal-Paċi li ġie mfakkar fl-1 ta’ Jannar li għadda, ippruvajt inġib għad-dawl l-elementi li nqis bħala essenzjali u li jkunu ta’ fejda għall-kultura tad-djalogu u l-fraternità.

L-Edukazzjoni għandha post speċjali għax biha jkunu magħġunin il-ġenerazzjonijiet il-ġodda, it-tama u l-futur tad-dinja.  Hija l-magna ewlenija tal-iżvilupp uman integrali għax lill-persuna tagħtiha l-ħelsien u tgħabbiha bir-responsabbiltà (10).  Il-proċess edukattiv hu bil-mod u tqil, xi kultant jaqtagħlna qalbna, imma qatt ma’ nistgħu ngħaddu mingħajru.  Huwa espressjoni eminenti tad-djologu għax m’hemmx edukazzjoni vera li minnha nfisha mhix imsejsa fuq id-djalogu.  L-edukazzjoni mbagħad tiġġenera l-kultura u tibni pontijiet ta’ laqgħa bejn il-popli.  Is-Santa Sede riedet tisħaq dwar dan il-valur permezz tas-sehem fl-Expo 2021 f’Dubai, fl-Emirati Għarab Magħquda, fejn ħejjiet Padiljun imnebbaħ mit-tema tal-Expo: “Għaqqad l-imħuħ, oħloq il-ġejjieni”.

Il-Knisja Kattolika minn dejjem għarfet u vvalorizzat l-irwol tal-edukazzjoni fit-tkabbir spiritwali, morali u soċjali tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda.  U għalhekk hi raġuni ta’ niket akbar għalija nara kif f’diversi strutturi edukattivi – parroċċi u skejjel – saru abbużi fuq il-minuri, b’konsegwenzi psikoloġiċi u spiritwali gravi fuq il-persuni li ġarrbuhom.  Dawn huma atti kriminali li dwarhom għandu jkun hemm rieda soda biex niċċarawhom, biex naċċertaw ruħna mir-responsabbiltà, issir ġustizzja mal-vittmi, u naraw li atroċitajiet bħal dawn ma jerġgħux iseħħu fil-ġejjieni.

Minkejja l-gravità ta’ dawn l-atti, ebda soċjetà ma tista’ tfarfar minn fuq spallejha r-responsabbiltà li teduka.  Hu ta’ wġigħ tinnota, iżda, kif spiss, fil-buġits ikunu ftit ir-riżorsi mogħtija lill-edukazzjoni.  Dan jidher bħala spiża iżda dan għandu jkun l-aħjar investiment possibbli.

Bosta żgħażagħ ma setgħux ikunu fl-istituzzjonijiet edukattivi minħabba l-pandemija.  Dan kien ta’ ħsara għall-proċess ta’ tkabbir personali u soċjali.  Ħafna minnhom, permezz tal-istrumenti tekonoloġiċi moderni, sabu kenn fir-realtajiet virtwali li joħolqu rabtiet psikoloġiċi u emotivi qawwija, bil-konsegwenza li jaqtgħuk mir-realta’ ta’ madwarek u jibdlu radikalment ir-relazzjonijiet soċjali.  B’dan li qed ngħid, żgur m’għandix l-għan niċħad l-utilità tat-teknoloġija u l-prodotti tagħha, li jagħmluha possibbli li bihom bniedem faċilment jaqbad ma’ bniedem ieħor bla telf ta’ żmien, imma qed inwissi dwar l-urġenza li nishru ħalli dawn l-istrumenti ma jeħdux post ir-relazzjonijiet umani veri, fuq livell inter-personali, familjari, soċjali u internazzjonali.  Jekk sa minn età ċkejkna nidraw niżolaw ruħna, fil-futur tkun aktar iebsa jinbnew pontijiet ta’ fraternità u paċi.  F’univers fejn neżisti “jien” biss ikun diffiċli tinħoloq il-wisa għall-“aħna”.

It-tieni element li nixtieq inwissi dwaru fil-qosor hu x-xogħol, “fattur indispensabbli għall-bini u l-preservazzjoni tal-paċi”.  Huwa espressjoni tal-persuna u tad-doni li għandha, imma wkoll impenn, sforz, kollaborazzjoni mal-oħrajn, għax ix-xogħol dejjem hu ma’ jew għal xi ħadd.  F’dil-perspettiva ta’ timbru soċjali kbir, ix-xogħol hu l-post fejn nitgħallmu nagħtu sehemna għal dinja aktar vivibbli u sabiha (11).

Osservajna kif il-pandemija kienet eżami kbir għall-ekonomija dinjija, b’konsegwenzi gravi fuq il-familji u fuq il-ħaddiema, li sabu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ diffikulta psikoloġika qabel ma ġarrbu d-diffikultajiet ekonomiċi.  Il-pandemija berrħet aktar id-diżugwaljanzi persistenti f’fdiversi rqajja soċjo-ekonomiċi.  Niftakru fl-aċċess għall-ilma nadif, fl-ikel, fl-istruzzjoni, fil-kura medika.  L-għadd ta’ persuni li jidħlu fil-kategorija tal-faqar estrem qed jiżdied qatigħ.  U minbarra dan, il-kriżi sanitarja ġagħalet lil ħafna ħaddiema jibdlu n-natura tax-xogħol tagħhom, ġagħalithom jindhesu mad-dinja tal-ekonomija moħbija, u b’hekk tilfu d-dritt tal-protezzjoni soċjali li hemm fil-pajjiżi tagħhom.

F’dan ix-xenarju, l-għarfien tal-valur tax-xogħol jikseb importanza akbar għax ma jeżistix żvilupp ekonomiku mingħajr ix-xogħol, u lanqas nistgħu nimmaġinaw kif it-teknoloġiji moderni jistgħu jieħdu post il-valur miżjud li fiha l-ħidma umana.  Ix-xogħol hu okkażjoni biex bniedem jiskopri d-dinjità tiegħu, post ta’ laqgħa u tkabbir uman, triq privileġġjata li fiha kulħadd jipparteċipa attivament għall-ġid tal-komunità u jagħti sehem konkret għall-bini tal-paċi.

Għalhekk, anki f’dan il-qasam hemm ħtieġa ta’ kooperazzjoni akbar bejn l-atturi kollha fuq livell soċjali, nazzjonali, reġjonali, globali, speċjalment fiż-żmien qrib, bl-isfidi ġejjin mir-rikonverżjoni ekoloġika mixtieqa.  Is-snin li ġejjin se jkunu żmien ta’ opportunità biex ikunu żviluppati servizzi u impriżi ġodda, dawk li diġà jeżistu jaddattaw ruħhom, jiżdiedu l-opportunitajiet tax-xogħol dinjituz u l-impenn lejn ir-rispett tad-drittijiet umani u livelli xierqa ta’ ħlas u protezzjoni soċjali.

 

Eċċellenzi, Sinjuri!

Il-Profeta Ġeremija jfakkar li Alla għandu għalina “pjanijiet ta’ ġid u mhux ta’ ħsara, biex itina ġejjieni mimli tama” (29, 11).  Għalhekk m’għandniex nibżgħu nagħmlu l-wisa’ għall-paċi fil-ħajja tagħna, nikkultivaw id-djalogu u l-fraternità bejnietna.  Il-paċi hi ġid “li jittieħed”, li tinfirex mill-qlub ta’ kulmin jixtieqha u mxennaq li jgħixha biex tilħaq id-dinja kollha.  Lil kull wieħed u waħda minnkom, lill-għeżież tagħkom u lill-popli tagħkom inġedded il-barka tiegħi u l-awguri minn qiegħ qalbi għal sena mimlija hena u paċi.

Grazzi!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber


[1] Cfr E
żort. appIl-Ferħ tal-Vanġelu (24 ta’ Novembru, 2013), 226-230.

[2] Messaġġ għall-LV Jum Dinji tal-Paċi (8 ta’ Diċembru, 2021), 2.

[3] Enċ.Fratelli tutti  (3 ta’ Ottubru, 2020), 211.

[4] Ibid.

[5] Ibid.

[6] Messaġġ għall-LV Jum Dinji tal-Paċi 

[7] Messaġġ Urbi et Orbi, 25 ta’ Diċembru, 2021.

[8] Diskors lill-Ġnus Magħquda (4 ta’ Ottubru, 1965), 5.

[9] Laqgħa għall-Paċi, Hiroshima, 24 ta’ Novembru, 2019.

[10] Cfr Messaġġ għall- LV Jum Dinji tal-Paċi , 3.

[11] Messaġġ għall-LV Jum Dinji tal-Paċi, 4.