DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

LILL-MEMBRI TAL-KORP DIPLOMATIKU

AKKREDITAT MAS-SANTA SEDE

Awla tal-Benedizzjonijiet

It-Tnejn 8 ta' Frar, 2021

 

Eccellenzi, Sinjuri,

irrodd ħajr lid-Dekan, l-Eċċellenza Tiegħu is-Sur George Poulides, Ambaxxatur ta' Ċipru, għall-kliem ta' kortesija u l-awguri li esprima f'isem kulħadd, u qabel xejn niskuża ruħi magħkom minħabba l-inkonvenjenzi li stajt ikkawżajtilkom minħabba li l-laqgħa li kellha ssir fil-25 ta' Jannar tħassret.  Jien grat lejkom li fhimtuni u għall-paċenzja tagħkom u talli għażiltu li tkunu hawn dalgħodu, minkejja d-diffikultajiet, għal dil-laqgħa tradizzjonali ta' bejnietna.

Dalgħodu qed niltaqgħu f'dan l-ambjent aktar spazjuz, fl-Awla tal-Benedizzjonijiet, biex nirrispettaw l-esiġenza li nkunu aktar bogħod minn xulxin kif qed tobbligana nagħmlu l-pandemija.  Madankollu, d-distanza hi biss fiżika.  Il-fatt li qed niltaqgħu, pjuttost juri l-maqlub.  Huwa sinjal ta' qrubija, ta' dik il-prossimità u sostenn reċiproku li l-familja tan-nazzjonijiet għandha taspira għalih.  F'daż-żmien ta' pandemija dan hu dmir aktar sfiq għaliex hu evidenti għal kulħadd li l-virus m'għandux barrieri u mhux ħaġa ħafifa li jkun iżolat.  Għalhekk hija responsabbiltà u sejħa lil kull wieħed u waħda minna, kif ukoll lill-pajjiżi tagħna, biex negħlbuh.

Għaldaqstant jien rikonoxxenti lejn l-impenn kbir tagħkom favur ir-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi tagħkom u l-organizzazzjonijiet internazzjonali li tirrappreżentaw u s-Santa Sede.  Matul dawn ix-xhur, anki bis-saħħa tat-tekonoloġiji l-ġodda, irnexxielna ngħelbu l-limitazzjonijiet li imponiet fuqna l-pandemija u nagħtu xhieda tal-qrubija reċiproka.

Bla dubju ta' xejn ilkoll naspiraw li ma ndumux ma nerġgħu nibdew niltaqgħu wiċċ imb'wiċċ, u l-fatt li qed niltaqgħu llum għandu jkun sinjal ta' awgurju f'das-sens.  Bl-istess mod, hi x-xewqa tiegħi li mhux fil-bogħod, nerġa' nibda l-Vjaġġi Appostoliċi, ibda minn dak fl-Iraq li għandu jsir f'Marzu li ġej.  Infatti l-vjaġġi huma aspett importanti tal-ħrara tas-Suċċessur ta' Pietru lejn il-Poplu t'Alla mifrux mad-dinja kollha, kif ukoll tad-djalogu tas-Santa Sede mal-Istati.  Minbarra hekk dawn il-vjaġġi spiss huma okkażjoni f'waqtha biex fi spirtu ta' kondiviżjoni u djalogu, nidħlu aktar fil-fond tar-relazzjonijiet bejn id-diversi reliġjonijiet.  Fi żmienna, id-djalogu inter-reliġjuz hu ingredjent importanti għal-laqgħa bejn il-popli u l-kulturi.  Meta dan ma nqisuhx bħala rinunzja tal-identità propja, imma jitqies bħala okkażjoni biex insiru nafu aktar lil xulxin u nistgħanu minn xulxin, din tkun opportunità għall-mexxejja reliġjużi u għall-fidili tal-konfessjonijiet differenti u tista' tkun ta' fejda għall-ħidma tal-mexxejja politiċi bir-responsabbiltà li għandhom li joħolqu l-ġid komuni.

Daqstant importanti huma l-ftehim internazzjonali li jippermettu li nidħlu aktar fil-fond tar-rabtiet tal-fiduċja reċiproka u jippermettu lill-Knisja tikkopera b'aktar effikaċja għall-ġid spiritwali u soċjali tal-pajjiżi tagħkom.  F'dan id-dawl, hawnhekk nixtieq insemmi l-iskambju tal-istrumenti tar-ratifika tal-Abbozz tal-Ftehim bejn is-Santa Sede u r-Repubblika Demokratika tal-Congo u tal-Ftehim dwar l-istat ġuridiku tal-Knisja fil-Burkina Faso, kif ukoll l-iffirmar tas-Seba Ftehim Addizzjonali bejn is-Santa Sede u r-Repubblika Awstrijaka b'żjieda mal-Konvenzjoni għar-Regolamentazzjoni tar-Relazzjonijiet Patrimonjali li kien sar fit-23 ta' Ġunju, 1960.  Minbarra dawn, fit-22 ta' Ottubru li għadda s-Santa Sede u r-Repubblika Popolari taċ-Ċina ftehmu li jtawlu għal sentejn oħra l-validità tal-Ftehim Proviżorju għan-nomina tal-Isqfijiet fiċ-Ċina, li kien ġie ffirmat f'Peking fl-2018.  Dan hu ftehim b'għan essenzjalment pastorali u s-Santa Sede tawgura li l-mixja li nbdiet, tkompli bi spirtu ta' rispett u fiduċja reċiproka, biex tkompli tkun ta' kontribut għas-soluzzjoni tal-kwistjonijiet ta' interess komuni.

 

Għeżież Ambaxxaturi,

is-sena li għadha kif intemmet ħalliet warajha tagħbija ta' biża', skumdità u disperazzjoni, kif ukoll ħafna luttu.  Daħħlet lin-nies fi spirali ta' distakk u suspetti reċiproċi u lill-Istati xprunathom biex itellgħu l-barrieri.  Id-dinja inter-konnessa li konna mdorrijin biha ċediet il-pass lil dinja maqsuma biċċiet u mifruda.  Madankollu, l-effetti tal-pandemija huma verament globali, kemm minħabba l-fatt li jolqtu lill-umanità kollha u lill-pajjiżi kollha tad-dinja, kif ukoll għax għandhom effett fuq bosta aspetti tal-ħajja tagħna, u huma ta' kontribut biex din tkompli tiddgħajjef "kriżijiet marbutin sfiq ma' xulxin bħalma huma dik tal-klima, tal-ikel, tal-ekonomija u tal-migrazzjoni" (1).  Fid-dawl ta' dawn il-konsiderazzjonijiet deherli li jkun floku nwaqqaf Kummissjoni Covid-19 fil-Vatikan, bl-għan li tikkoordina t-tweġiba tas-Santa Sede u tal-Knisja għat-talbiet li waslu mid-djoċesijiet tad-dinja kollha, biex tkun affrontata din l-emerġenza sanitarja u għall-ħtiġijiet li ġabet magħha l-pandemija.

Sa mill-bidu, infatti, deher ċar li l-pandemija kien se jkollha effett enormi fuq l-istil tal-ħajja li konna mdorrijin bih għax minħabba fiha naqset il-kumdità u ċ-ċertezzi konsolidati li kellna.  Il-pandemija daħħlitna fi kriżi u kixfitilna l-wiċċ ta' dinja marida mhux biss minħabba l-virus imma wkoll fl-ambjent, fil-proċessi ekonomiċi u politiċi u aktar u aktar fir-relazzjonijiet umani.  Ħarġet għall-beraħ ir-riskji u l-konsegwenzi ta' stil ta' ħajja dominat mill-egoiżmu u l-kultura tal-iskart u ġabitna wiċċ imb'wiċċ ma' għażla: li nkomplu mexjin fit-triq li terraqna s'issa jew li nibdew mixja ġdida.

Nixtieq nirrifletti ftit dwar xi kriżijiet li qanqlet jew ħarġet għad-dawl il-pandemija, u fl-istess waqt nagħti ħarsa lejn l-opportunitajiet li nistgħu nisiltu minnha biex nibnu dinja aktar umana, ġusta, solidali u fil-paċi.

 

Il-kriżi sanitarja

Il-pandemija poġġietna b'qawwa kbira quddiem żewġ dimensjonijiet tal-eżistenza umana li ma nistgħux naħarbu minnhom: il-mard u l-mewt.  Propju għalhekk jiġi quddiem għajnejna l-valur tal-ħajja, ta' kull ħajja umana individwali u tad-dinjità tagħha, f'kull waqt tal-vjaġġ tagħha fid-dinja, mill-konċepiment sat-tmiem naturali.  Sfortunatament b'niket nosservaw li bl-iskuża li niggarantixxu drittijiet soġġettivi mistħajla, għadd dejjem jiżdied ta' liġijiet fid-dinja jidhru li qed jitbegħdu mid-dmir fundamentali tal-ħarsien tal-ħajja umana f'kull fażi tagħha.

Il-pandemija tfakkarna wkoll fid-dritt tal-kura, li għandha tasal għand kull ħlejqa umana, kif urejt ċar ukoll fil-messaġġ għall-Jum Dinji tal-Paċi tal-1 ta' Jannar li għadda.  "Kull persuna umana - infatti - hi skop fiha nfisha, qatt mhi sempliċiment strument biex ikun apprezzaat biss skont kemm hu utli, u hija maħluqa biex tgħix flimkien fil-familja, fil-komunità, fis-soċjetà, fejn kull membru hu ndaqs fid-dinjità.  Minn din id-dinjità jinstiltu d-drittijiet umani kif ukoll id-dmirijiet li jfakkruna, ngħidu aħna, fir-responsabbiltà li nilqgħu u ngħinu lill-foqra, lill-morda, lill-imwarrbin" (2).  Jekk inneħħu d-dritt għall-ħajja lill-aktar dgħajfa, kif ikun possibbli niggarantixxu kif jixraq id-drittijiet l-oħrajn kollha?

F'dil-perspettiva, inġedded l-appell tiegħi sabiex lil kull persuna umana jingħatawlha l-kura u l-għajnuna li tkun teħtieġ.  Għal dan il-għan hu indispensabbli li dawk kollha li għandhom responsabbiltà politika jew ta' gvern jimpenjaw ruħhom biex, qabel kollox, jiggarantixxu l-aċċess għall-assistenza sanitarja bażika lil kulħadd u jinkoraġġixxu l-ħolqien ta' presidji mediċi lokali u strutturi sanitarji addattati għall-ħtiġijiet reali tal-popolazzjoni, kif ukoll li jkunu disponibbli t-terapiji u l-mediċini meħtieġa.  Infatti ma jistax ikun li qasam daqstant delikat bħalma hu dak tal-assistenza sanitarja u tal-kura tas-saħħa ikun immexxi mil-loġika tal-profitt.

Imbagħad huwa indispensabbli li l-progress kbir fil-qasam mediku u xjentifiku li sar matul is-snin, li wassal  biex fi żmien qasir ħafna jiżviluppa vaċċini li jidhru effikaċi kontra l-coronavirus, ikun ta' fejda għall-umanità kollha kemm hi.  Għaldaqstant inħeġġeġ lill-Istati kollha biex jikkontribwixxu attivament lejn l-inizjattivi internazzjonali li għandhom l-għan jiżguraw it-tqassim ekwu tal-vaċċini, mhux esklussivament skont il-kriterji ekonomiċi, imma billi jżommu f'moħħhom il-ħtiġijiet ta' kulħadd, speċjalment tal-popolazzjonijiet l-aktar fil-bżonn.

Kollox fuq kollox, quddiem għadu perikoluz u imprevedibbli bħalma hu l-Covid-19, l-aċċessibbiltà għall-vaċċini dejjem għandha tkun imsieħba ma' mġibiet personali responsabbli mmirati biex ma jħallux il-marda tinfirex, permezz tal-miżuri meħtieġa għall-prevenzjoni li drajna bihom matul dawn l-aħħar xhur.  Ikun fatali jekk aħna nqegħdu l-fiduċja tagħna fil-vaċċin waħdu, qiesu dan hu s-soluzzjoni maġika li teħeles lil dak li jkun mill-impenn bla heda biex iħares saħħtu u saħħet ħaddieħor.  Il-pandemija wrietna li ebda bniedem mhu gżira u fakkritna fl-espressjoni ċelebri tal-poeta ngliż John Dunne illi "l-mewt ta' kull bniedem lili ċċekkinni għax jien nifforma parti mill-umanità" (3).

 

Il-kriżi ambjentali

Mhux il-bniedem biss marid, l-Art tagħna marida wkoll.  Il-pandemija wrietna għal darb'oħra kemm hi fraġli u kemm teħtieġ kura.

Ċertament hemm differenzi kbar bejn il-kriżi sanitarja li ġabet magħha l-pandemija u l-kriżi ekoloġika minħabba l-isfruttament indiskriminat tar-riżorsi naturali.  Din tal-aħħar għandha dimensjoni ferm aktar kumplessa u permanenti, u titlob soluzzjonijiet maqbula u għat-tul.  Fir-realtà, per eżempju, l-impatti tat-tibdil fil-klima kemm jekk huma diretti bħalma huma l-ġrajjiet atmosferiċi estremi bħall-għarar u n-nixfa, inkella indiretti, bħalma huma l-ġuħ u l-mard respiratorju, spiss huma mimlijin konsegwenzi li jibqgħu għal tul ta' żmien.

Is-soluzzjoni ta' dil-kriżi titlob kollaborazzjoni internazzjonali għall-ħarsien tad-dar komuni tagħna.  Għaldaqstant nawgura li l-Konferenza tal-Ġnus Magħquda dwar il-klima (COP26) li jmiss issir fi Glasgow f'Novembru li ġej, twassal biex jintlaħaq ftehim effikaċi biex ikunu affronatati l-konsegwenzi tat-tibdil tal-klima.  Dan hu ż-żmien ta' azzjoni għax l-effetti ta' dan in-nuqqas ta' azzjoni li ilu sejjer, issa qed immissuhom b'idejna.

Qed niftakar, per eżempju, fir-riperkussjonijiet fuq l-għadd kbir ta' gżejjer fl-Oċejan Paċifiku li ftit ftit jinsabu fil-periklu li jgħibu.  Hija traġedja li ma twassalx biss għall-qerda ta' villaġġi sħaħ, imma ġġiegħel ukoll lill-komunitajiet lokali, u fuq kollox il-familji,  biex jibqgħu jterrqu bla waqfien u b'hekk jitilfu l-identità u l-kultura tagħhom.  Qed naħseb ukoll fl-għarar fix-xlokk tal-Asja, speċjalment fil-Vjetnam u fil-Filippini, li ħallew vittmi u familji sħaħ bla ebda mezz ta' għejxien.  U lanqas nistgħu ma nsemmux it-tisħin progressiv tal-Art li qed iġib nirien kbar fl-Awstralja u f'California.

Fl-Afrika wkoll, it-tibdil fil-klima, imtaqqal ukoll mill-interventi bl-addoċċ tal-bniedem u issa wkoll mill-pandemija, hu ta' tħassib kbir.  Qabel xejn qed nirreferi għall-insigurtà fil-qasam tal-ikel li matul din l-aħħar sena laqtet b'mod partikolari lill-Burkina Faso, lill-Mali u lin-Niġer, fejn miljuni ta' persuni qed ibatu l-ġuħ; kif ukoll minħabba s-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel fejn hemm ir-riskju ta' karestija u fejn ukoll għad hemm kriżi umanitarja gravi: aktar minn miljun tfal neqsin mill-ikel, filwaqt li kuriduri umanitarji spiss huma mbarrati u b'hekk tisfa mxekkla u limitata l-għajnuna tal-aġenzji umanitarji fit-territorju.  U biex tkun iffaċċjata din is-sitwazzjoni hemm ħtieġa urġenti li l-Awtoritajiet tas-Sudan t'Isfel jgħelbu s-sitwazzjoni tan-nuqqas ta' ftehim u jibqgħu jfittxu d-djalogu politiku ħalli tinkiseb rikonċiljazzjoni nazzjonali sħiħa.

 

Il-kriżi ekonomika u soċjali

Bl-għan li jikkontrollaw il-coronavirus ħafna gvernijiet qabdu u ħadu deċiżjonijiet li jillimitaw il-libertà taċ-ċirkolazzjoni u għal diversi xhur dan fisser l-għeluq tal-ħwienet u t-tagħkis tal-attivitajiet produttivi, b'effetti gravi fuq l-impriżi, speċjalment iż-żgħar u tan-nofs, fuq l-impiegi u bħala konsegwenza fuq il-ħajja tal-familji u oqsma sħaħ tas-soċjetà, partikolarment dawk l-aktar dgħajfa.

Il-kriżi ekonomika b'riżutat ta' dawn id-deċiżjonijiet ħarġet għad-dawl virus ieħor li qed imarrad żmienna: dak tal-ekonomija mibnija fuq l-isfruttament u l-iskart kemm tal-persuni kif ukoll tar-riżorsi naturali.  Spiss insejna s-solidarjetà u l-valuri l-oħra li lill-ekonomija jagħmluha servizz għall-iżvilupp uman integrali, minflok għall-interessi partikolari, filwaqt li l-valur soċjali tal-attività ekonomika u d-destinazzjoni aħħarija tal-ġid u tar-riżorsi, għebu minn quddiem għajnejna.

Il-kriżi li għaddejjin minnha hi okkażjoni propizja biex infasslu mill-ġdid ir-relazzjoni bejn il-persuna u l-ekonomija.  Hemm bżonn ta speċi ta' "rivoluzzjoni copernicana ġdida" li tqiegħed l-ekonomija għas-servizz tal-bniedem u mhux il-maqlub, "u nibdew nistudjaw u nħaddmu ekonomija differenti, dik li tgħajjex u mhux li toqtol, tinkludi u mhux twarrab, tumanizza mhux tidiżumanizza, tieħu ħsieb il-ħolqien minflok tissakkeġġjah" (4).

Biex jikkonfrontaw il-konsegwenzi negattivi ta' dil-kriżi, bosta gvernijiet ħadu diversi inizjattivi u ffinanzjawhom b'somom kbar ta' flus.  Madankollu ma kienx rari li kien hemm min heda jfittex soluzzjonijiet partikolari għall-problema li, minflok, għandha dimensjonijiet globali.  Illum daqs qatt qabel ħadd ma jista' jaħseb għal rasu.  Hemm ħtieġa speċjali sabiex jittieħdu inizjattivi li jkunu  maqbula anki fuq livell internazzjonali, biex il-friegħi l-aktar foqra tal-popolazzjoni jkollhom il-protezzjoni li għandhom bżonn.  F'dil-perspettiva nara tifsir kbir fl-impenn tal-Unjoni Ewropea u l-Istati membri tagħha, li minkejja d-diffikultajiet, urew li jista' jkun hemm ħidma impenjata biex jintlaħqu kompromessi sodisfaċenti favur iċ-ċittadini kollha.  L-allokazzjoni proposta mill-pjan Next Generation EU, huwa eżempju ta' tifsir kbir dwar kif il-kollaborazzjoni u l-kondiviżjoni tar-riżorsi fi spirtu ta' solidarjetà mhumiex biss għanijiet mixtieqa imma proġetti reali li jistgħu jitwettqu.

F'bosta nħawi tad-dinja, il-kriżi laqtet fuq kollox lil min jaħdem fis-settur informali, li kienu l-ewwel nies li raw il-mezzi tal-għejxien tagħhom jgħibu.  Peress li xogħolhom hu fit-truf tal-ekonomija formali, m'għandhomx dritt għall-għajnuna soċjali, inkluz l-assigurazzjoni kontra t-telf tax-xogħol u l-assistenza sanitarja.  Għalhekk, id-disperazzjoni mbuttathom  biex ifittxu d-dħul mod ieħor u sfaw esposti għall-isfruttament mix-xogħol klandestin jew sfurzat, il-prostituzzjoni u attivitajiet oħra kriminali, fosthom in-negozju tal-persuna umana.

Għall-kuntrarju, kull ħlejqa umana għandha dritt - għandha dritt! - u għandu jkollha l-kundizzjonijiet indispensabbli biex tikseb "il-mezzi indispensabbli u biżżejjed biex ikollha livell ta' ħajja dinjituz" (5).  Infatti hemm ħtieġa li kulħadd ikollu s-sigurtà tal-istabbiltà ekonomika biex ninħelsu minn dawn il-pjagi tal-isfruttament u niġġieldu l-użura u l-korruzzjoni li qed jherru tant pajjiżi fid-dinja, flimkien ma' bosta inġustizzji oħra li jitwettqu ta' kuljum quddiem l-għajnejn għajjiena u aljenati tas-soċjetà kontemporanja tagħna.

Iż-żmien itwal li n-nies qagħdu d-dar wassal ukoll biex wieħed jibqa' aktar fit-tul u aljenat quddiem il-kompjuter u l-mezzi tal-komunikazzjoni l-oħra, b'riperkussjonijiet gravi fuq il-persuni l-aktar vulnerabbli, speċjalment il-foqra u bla impieg.  Dawn faċilment ħafna jaqgħu vittmi tal-kriminalità informatika - is-cybercrime - fl-aspetti l-aktar diżumanizzanti , ibda mill-frodi san-negozju tal-persuni, inkluż in-negozju tat-tfal, kif ukoll tal-pedopornografija.

L-għeluq tal-konfini minħabba l-pandemija, flimkien mal-kriżi ekonomika, għarraq ukoll id-diversi emerġenzi umanitarji, kemm fiż-żoni tal-kunflitti kif ukoll fir-reġjuni milqutin mit-tibdil tal-klima u n-nixfa, biex ma nsemmux il-kampijiet tar-rifuġajti u l-migranti.  Qed niftakar partikolarment fis-Sudan fejn hemm rifuġjati eluf ta' persuni maħrubin mir-reġjun tat-Tigray, kif ukoll f'pajjiżi oħra tal-Afrika sub-saharjana, jew ir-reġjun ta' Cabo Delgado fil-Mozambique, fejn bosta huma mġagħlin jabbandunaw it-territorju tagħhom u issa jinsabu f'kundizzjonijiet prekarji bla qies.  Ħsiebi jmur ukoll lejn il-Yemen u lejn il-maħbuba Sirja, fejn, minbarra l-emerġenzi gravi, l-insikurezza fil-provvista tal-ikel qed tnikket il-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni u t-tfal huma mifnijin minħabba l-malnutrizzjoni.

F'diversi każi l-kriżijiet umanitarji jeħżienu minħabba s-sanzjonijiet ekonomiċi, li, fil-biċċa l-kbira, iħallu riperkussjonijiet prinċipalment fuq il-friegħi l-aktar dgħajfa tal-popolazzjoni, minflok fuq min hu responsabbli politikament.  Għaldaqstant, filwaqt li tifhem il-loġika tas-sanzjonijiet, is-Santa Sede ma tarax li huma effikaċi u tawgura li jitneħħew, ukoll biex ikun ta' fejda għall-passaġġ tal-għajnuna umanitarja, ibda mill-mediċini u strumenti sanitarji oħra, li huma tant meħtieġa f'daż-żmien ta' pandemija.

Iċ-ċirkostana li għaddejjin minnha jalla tkun bl-istess mod ta' stimolu biex jinħafer, jew tal-anqas jitnaqqas id-dejn li jgħakkes il-pajjiżi l-aktar foqra u li fil-fatt ma jippermettilhomx jirkupraw u jiżviluppaw kif jixraq.

Is-sena li għaddiet osservajt ukoll żjieda fl-għadd tal-migranti, li, anki minħabba l-għeluq tal-konfini, kellhom jagħżlu li jterrqu toroq dejjem aktar perikolużi.  Il-mewġa massiċċa ġabet magħha wkoll żjieda fl-għadd tal-migranti illegali li ma jkunux milqugħin, spiss sabiex ma jħalluhomx jitolbu l-asil, bi vjolazzjoni tal-prinċipju li dan għandux isir.  Ħafna jintlaqgħu nofs triq u jintbagħtu f'kampijiet tal-massa jew ta' detenzjoni, fejn jisfaw vittmi ta' torturi u vjolazzjoni tad-drittijiet umani, sakemm ma jsibux ukoll il-mewt huma w jaqsmu l-ibħra u konfini naturali oħra.

Il-kuriduri umanitarji, li daħlu fis-seħħ dawn l-aħħar snin, żgur huma kontribut biex jikkonfrontaw xi wħud minn dawn il-problemi, u salvaw għadd kbir ta' ħajjiet.  Madankollu, id-daqs tal-kriżi dejjem qed iżid l-urġenza li naffrontaw mill-għeruq ir-raġunijiet li jġagħlu lil dak li jkun jemigra, kif ukoll jesiġi sforz komuni biex tingħata għajnuna lill-pajjiżi tal-ewwel akkoljenza li jidħlu għall-inkargu tal-obbligu morali li jsalvaw il-ħajjiet umani.

Rigward dan qed nistennew b'interess in-negozjati tal-Patt il-Ġdid tal-Unjoni Ewropea dwar il-migrazzjoni u l-ażil, filwaqt li nosservaw li politika u mekkaniżmi konkreti ma jistgħux jitħaddmu jekk ma jkunux sostnuti mir-rieda politika u mill-impenn ta' kull min hu parti fil-kawża, inkluż is-soċjeta ċivili u l-migranti nfushom. 

Is-Santa Sede tapprezza l-isforzi kollha li jsiru favur il-migranti u tagħti appoġġ lill-impenn tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (OIM), li dis-sena jaħbat is-70 anniversarju mit-twaqqif tagħha, b'rispett sħiħ lejn il-valuri mistqarra fil-kostituzzjoni tagħha u lejn il-kultura tal-Istati membri li fihom taħdem din l-Organizzazzjoni.  Bl-istess mod, is-Santa Sede, bħala membru tal-Kumitat esekuttiv tal-Kummissarjat Għoli ta-Ġnus Magħquda għar-Rifuġjati (UNHCR), tibqa' fidila lejn il-prinċipji dikjarati fil-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951, li jistabbilixxu d-definizzjoni legali tar-rifuġjati, id-drittijiet tagħhom, kif ukoll l-obbligi legali tal-Istati biex ituhom il-protezzjoni.

Mit-tieni gwerra dinjija 'l hawn id-dinja kienet għadha qatt ma rat żjieda tant drammatika fl-għadd tar-rifuġajti, daqs dak li qed naraw issa.  Għalhekk hu urġenti li jiġġedded l-impenn għall-ħarsien tagħhom, kif ukoll tal- itturufnati interni u tal-persuni vulnerabbli kollha mġagħlin jaħrabu mill-persekuzzjoni, mill-vjolenza, mill-kunflitti u mill-gwerer.  A propożitu ta' dan, minkejja l-isforzi importanti min-naħa tal-Ġnus Magħquda biex jinstabu soluzzjonijiet u jkun hemm proposti konkreti biex tkun affrontata l-problema tal-evakwazzjoni sfurzata, is-Santa Sede tesprimi l-preokkupazzjoni tagħha  dwar is-sitwazzjoni ta' tant evakwati f'diversi nħawi tad-dinja.  Qed nirreferi qabel kollox, għar-roqgħa ċentrali ta' Sahel, fejn f'anqas minn sentejn, l-għadd tal-evakwati interni żdied b'għoxrin darba.

 

Kriżi tal-politika

Il-kritiċitajiet li semmejt s'issa jitfgħu dawl kbir fuq kriżi ferm aktar profonda, li b'xi mod hi l-għerq tal-oħrajn kollha, u li l-pandemija ħarġet għad-dawl b'mod aktar drammatiku.  Hija l-kriżi tal-politika, li minn żmien ilha tolqot ħażin ferm ħafna soċjetajiet u li l-effetti velenużi tagħha tfaċċaw waqt il-pandemija.

Wieħed mill-fatturi emblematiċi ta' dil-kriżi hu ż-żjieda fl-għadd ta' kontrapożizzjonijiet politiċi u d-diffikultà, jekk saħansitra mhux ukoll in-nuqqas ta' ħila, li nfittxu soluzzjonijiet komuni u maqbula għall-problemi li qed ikiddu l-pjaneta tagħna.  Hija tendenza li ilna nassistu għaliha żmien u li qed tinfirex ukoll fil-pajjiżi fejn hemm tradizzjoni demokratika antika.  Li nżommu ħajjin ir-realtajiet demokratiċi hi l-isfida ta' dan il-waqt storiku (6), li tolqot mill-qrib lill-Istati kollha: kemm jekk żgħar kif ukoll jekk kbar, avvanzati ekonomikament jew li qed jiżviluppaw.  Dal-ġranet, ħsiebi jmur b'mod partikolari lejn il-poplu tal-Myanmar, li lilu nesprimi l-għożża tiegħi kollha u l-qrubija tiegħi.  Il-mixja lejn id-demokrazija li nbdiet dawn l-aħħar snin inħasdet ħesrem minħabba l-kolp ta' stat li seħħ il-ġimgħa li għaddiet.  Dan wassal biex diversi mexxejja politiċi jintefgħu l-ħabs, u nawgura li jinħelsu bla telf ta' żmien bħala sinjal ta' inkoraġġiment lejn djalogu sinċier għall-ġid tal-pajjiż.

Min-naħa l-oħra, kif kien afferma Piju XII fil-messaġġ memorabbi bir-radju, fil-Milied tal-1944: "L-istqarrija tal-opinjoni personali dwar id-dmirijiet u s-sagrifiċċji li jkunu imposti fuqu; li ma jkunx imġiegħel jobdi bla ma jkun mismugħ: dawn huma żewġ drittijiet taċ-ċittadin, li fid-demokrazija jsibu l-manifestazzjoni tagħhom, kif juri l-istess isimha" (7).  Id-demokrzija hi msejsa fuq ir-rispett reċiproku, fuq il-possibbiltà li kulħadd jkkontribwixxi lejn il-ġid tas-soċjetà u fuq il-prinċipju illi l-opinjonijiet differenti mhux biss ma jxekklux is-setgħa u s-sigurtà tal-Istati, talli b'konfront onest, jagħnu lil xulxin u jwasslu biex jinstabu soluzzjonijiet aktar ta' fejda għall-problemi li jinqalgħu.  Il-proċess demokratiku jitlob li nimxu fit-triq tad-djaolgu inkulssiv, paċifiku, kostruttiv u rispettuz bejn l-oqsma kollha tas-soċjetà ċivili f'kull belt u nazzjon.  Il-ġrajjiet, li seħħew b'mod u f'kuntesti differenti, kienu l-karatteristika ta' din l-aħħar sena mil-lvant sal-punent, anki - intenni - f'pajjiżi fejn hemm tradizzjoni antika ta' demokrazija, u juruna kif ma nistgħux naħarbu din l-isfida u kif ma nistgħux ninsew l-obbligu morali u soċjali li naffrontawha b'atteġġjament pożittiv.  L-iżvilupp ta' kuxjenza demokaratika jesiġi li mmorru 'l hinn minn dak li hu personali biex isaltan ir-rispett lejn l-istat tad-dritt.  Infatti, id-dritt hu l-kundizzjoni meħtieġa biex titħaddem kull għamla ta' setgħa u għandu jkun garantit mill-organiżmi inkarigati indipendentement mill-interessi politiċi dominanti.

Sfortunatament, il-kriżi tal-politika u tal-valuri demokratiċi tħalli effett ukoll fuq livell internazzjonali, b'riperkussjonijiet fuq is-sistema multilaterali kollha kemm hi u l-konsegwenza evidenti li l-Organizzazzjonijiet imwaqqfa biex jiffavorixxu l-paċi u l-iżvilupp - imsejsa fuq id-dritt u mhux fuq 'il-liġi ta' min hu l-aktar b'saħħtu' -  qed isibu li qed tnin l-effikaċja tagħhom.  Żgur li ma nistgħux niċħdu li tul dawn l-aħħar snin, is-sistema multilaterali wriet li fiha ċertu limitazzjonijiet.  Il-pandemija hi okkażjoni li ma nistgħux naħlu biex insawru u nqiegħdu fis-seħħ riformi organiċi ħalli l-Organizzazzjonijiet internazzjonali jiksbu lura l-vokazzjoni essenzjali tagħhom li jkunu ta' servizz għall-familja umana biex iħarsu l-ħajja ta' kull persuna u jħarsu l-paċi.

Wieħed mis-sinjali tal-kriżi politika hu propju t-telqa li spiss ikun hemm biex jinbdew il-proċessi ta' riforma.  M'hemmx għalfejn ikun hemm biża' mir-riformi anki jekk dawn jitolbu minna sagrifiċċji u, mhux rari wkoll, bdil fil-mentalità.  Kull ġisem ħaj għandu bżonn jirriforma l-ħin kollu u f'dan id-dawl jitqegħdu wkoll ir-riformi li qed isiru fis-Santa Sede u fil-Kurja ta' Ruma.

Madankollu s-sinjali inkoraġġjanti mhux neqsin, bħalma hu t-tqegħid fis-seħħ, xi ġranet ilu, tat-Trattat għall-Projbizzjoni tal-Armi Nuklejari, kif ukoll it-tiġdid għal ħames snin oħra tat-Trattat il-Ġdid għat-Tnaqqis tal-Armi Strateġiċi (dak li qed insibuh bħala START), bejn il-Federazzjoni Russa u l-Istati Uniti tal-Amerika.  Mill-banda l-oħra, kif tennejt fl-Enċiklika Fratelli tutti ta' ftit ilu, "jekk nikkunsidraw liema huwa l-akbar theddid għall-paċi u għas-sigurtà bid-dimensjonijiet moltepliċi tagħhom f'din id-dinja multipolari tas-seklu XXI, (...) jiġuna ħafna dubji dwar l-inadegwatezza tad-deterrenti nuklejari biex ikunu tweġiba effikaċi għal dawn l-isfidi" (8).  Infatti "ekwilibriju msejjes fuq il-biża' mhux sostenibbli, għax fil-fatt ikompli jżid il-biża' u jdgħajjef ir-relazzjonijiet ta' fiduċja bejn il-popli" (9).

L-isforzi fil-qasam tad-diżarm u l-waqfien mit-tixrid tal-armi nuklejari, li, fost ħafna diffikultajiet u tlajjar, jeħtieġ li jissaħħu, hemm bżonn li jkun japplika wkoll fil-każ tal-armi kimiċi u tal-armi konvenzjonali.  Hawn wisq armi fid-dinja!  "Il-ġustizzja, l-għaqal u l-umanità jitolbu li tieqaf il-ġirja għall-armamenti u biex wkoll, u kulħadd fl-istess ħin, jinqerdu l-armamenti li diġà jeżistu" (10), kien afferma San Ġwanni XXIII.  U filwaqt li jiżgħedu l-armamenti qed tiżdied il-vjolenza f'kull livell u quddiemna qed naraw dinja mċarrta mill-gwerer u firdiet, u nħossu tikber il-ħtieġa tal-paċi li mhix "biss nuqqas ta' gwerer, imma hija ħajja mimlija sens, imsejsa u mgħejxa bit-twettiq personali u l-kondiviżjoni fraterna mal-oħrajn" (11).

Kemm nixtieq li l-2021 tkun sena li fiha fl-aħħar ngħidu li ntemm il-kunflitt fis-Sirja, li issa ilu li nbeda għaxar snin!  Biex dan iseħħ hemm bżonn li jerġa' jitqanqal l-interess min-naħa tal-komunità internazzjonali biex bis-sinċerità u l-kuraġġ ikunu affronatati l-kawżi tal-kunflitt u biex jinsatbu soluzzjonijiet li permezz tagħhom kulħadd, indipendentement mill-appartenenza etnika jew reliġjuża tiegħu, ikun jista' jagħti kontribut lejn il-ġejjieni tal-pajjiż.

L-awgurju tiegħi għall-paċi jmur ovvjament lejn l-Art Imqaddsa.  Il-fiduċja reċiproka bejn l-Iżraeljanii u l-Palestinjani għandha tkun il-bażi biex isir djalogu mġedded u riżoluttiv bejn il-partijiet ħalli jissolva l-kunflitt li ilu sejjer wisq żmien.  Nistieden lill-komunità internazzjonali biex twieżen u tiffaċilita dan id-djalogu mingħajr ma tippretendi li timponi soluzzjonijiet li x-xefaq tagħhom ma jkunx il-ġid ta' kulħadd.  Il-Palestinjani u l-Iżraeljani - jiena ċert - it-tnejn iħaddnu x-xewqa li jkunu jistgħu jgħixu fil-paċi.

Bl-istess mod nawgura li jkun hemm impenn politiku nazzjonali u internazzjonali biex ikun ta' fejda għall-istabbiltà fil-Libanu, li għaddej minn kriżi interna u qed jirriskja li jitlef l-identità tiegħu u li jista' jsib ruħu aktar maqbud fit-tensjonijiet reġjonali.  Huwa neċessarju għall-aħħar li l-pajjiż iżomm l-identità unika tiegħu anki biex jiżgura li l-Lvant Nofsani  jibqa' jkun pluralistiku, tolleranti u diversifikat, u li fih il-preżenza nisranija tista' tagħti s-sehem tagħha u ma tisfax minoranza li tkun teħtieġ il-protezzjoni.  L-insara huma n-nisġa storika u soċjali tal-Libanu u huma, bis-saħħa tal-ħafna opri edukattivi, sanitarji u tal-karità, għandu jkollhom il-possibbiltà li jkomplu jaħdmu għall-ġid tal-pajjiż għax kienu huma li waqqfuh.  Jekk il-komunità nisranija tiddgħajjef jidħol ir-riskju li jispiċċa l-ekwilibriju intern u l-istess realtà tal-Libanu.  Il-preżenza tal-profugi sirjani u palestinjani għandha tkun affrontata mill-istess perspettiva.  Minbarra dan, jekk b'urġenza kbira l-ekonomija u r-rikostruzzjoni ma jiħdux ir-ruħ, hemm ir-riskju li l-pajjiż ifalli bil-possibbiltà li jeħdulu postu l-fundamentalisti svijati.  Għalhekk jeħtieġ li l-mexxejja politiċi u reliġjużi kollha jwarrbu fil-ġenb l-interessi individwali, jimpenjaw ruħhom biex ifittxu l-ġustizzja u jqiegħdu fis-seħħ riformi għall-ġid taċ-ċittadini, b'imġieba trasparenti u billi jkunu responsabbli tal-azzjonijiet tagħhom.

L-istess nawgura lill-Libja, pajjiż mikdud u maqsum minħabba kunflitt li issa ilu għaddej, bit-tama li "l-Forum tad-djalogu politiku tal-Libja" li ltaqa' dan l-aħħar u li sar fit-Tunisija f'Novembru li għadda taħt il-patroċinju tal-Ġnus Magħquda, effettivament ikun ta' fejda biex jinbeda l-proċess tant mistenni tar-rikonċiljazzjoni fil-pajjiż.

Iqanqlu tħassib ukoll inħawi oħra tad-dinja.  Qed nirreferi l-ewwelnett għat-tensjonijiet politiċi u soċjali fir-Repubblika tal-Afrika tan-Nofs; kif ukoll dawk li qed jolqtu b'mod generali l-Amerika Latina, li għandhom għeruq profondi fid-diżugwaljanzi, fl-inġustizzji u l-faqar, li joffendu d-dinjità tal-persuni.

Bl-istess mod qed insegwi b'attenzjoni partikolari r-relazzjonijiet dejjem jeħżienu fil-peniżola tal-Korea, li laħaq il-quċċata bil-qerda tal-uffiċċju tal-kollegament inter-korean f'Kaesong; u, aktar, is-sitwazzjoni fil-Kawkasu tan-nofsinhar, fejn għad hemm kunflitti li kienu "fil-friża" u li wħud minnhom reġgħu tkebbsu matul l-aħħar sena, u qed jheddu l-istabbiltà u s-sigurtà tar-reġjun kollu.

Minbarra dan, ma nistax ninsa pjaga gravi oħra ta' żmienna: it-terroriżmu li kull sena jaħsad il-ħajja ta' għadd kbir ta' vittmi fost il-popolazzjonijiet ċivili bla difiża.  Hu ħażen li baqa' jiżdied mis-snin sebgħin tas-seklu li għadda u li laħaq il-quċċata tiegħu bl-attentati tal-11 ta' Settembru, 2001 fl-Istati Uniti tal-Amerika fejn mietu kważi tlettelef ruħ.  Sfortunatament l-għadd tal-attentati żdied tul dawn l-aħħar għoxrin sena, u laqat diversi pajjiżi fil-kontinenti kollha.  Niftakar b'mod partikolari fit-terroriżmu li qed jolqot fuq kollox lill-Afrika sub-saharjana, imma anki lill-Asja u lill-Ewropa.  Ħsiebi jdur lejn il-vittmi kollha u l-familjari tagħhom li raw persuni għeżież għalihom jitteħdulhom mill-vjolenza għamja ġustifikata minn tgħawwiġ ideoloġiku tar-reliġjon.  Wara kollox il-mira ta' dawn l-attakki spiss huma l-imkejjen tal-kult li fihom ikun hemm miġburin il-fidili jitolbu.  Rigward dan, irrid nisħaq li l-protezzjoni tal-imkejjen tal-kult hija konsegwenza diretta tad-difiża tal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon u huwa dmir tal-Awtoritajiet ċivili, indipendentement mill-kulur politiku u mill-appartenenza reliġjuża.

 

Eccellenzi, Sinjuri,

jien u riesaq lejn tmiem l-osservazzjonijiet tiegħi, nixtieq nieqaf għal darb'oħra fuq l-aħħar kriżi, li fost kollha kemm huma, forsi hi l-aktar waħda gravi: il-kriżi tar-relazzjonijiet umani, espressjoni ta' kriżi antropoloġika ġenerali, li tolqot l-istess kunċett tal-persuna umana u d-dinjità traxxendentali tagħha.

Il-pandemija li iżolatna għal xhur sħaħ, spiss fis-solitudni, ħarġet għad-dawl il-ħtieġa li kull persuna tgawdi r-relazzjonijiet umani.  Qed niftakar, qabel kollox, fl-istudenti li ma setgħux imorru l-iskola jew l-università regolarment.  "Kullimkien kien hemm sforzi biex tingħata tweġiba minnufih permezz tal-pjattaformi edukattivi informatiċi, li kixfu mhux biss id-disparità kbira fejn jidħlu l-opportunitajiet edukattivi u teknoloġiċi, imma li wkoll, minħabba l-iżolament u tant nuqqasijiet li kienu diġà jeżistu, ħafna tfal u adoloxxenti waqgħu lura fil-proċess naturali tal-iżvilupp pedagoġiku" (12).  Minbarra hekk, iż-żjieda fid-didattika distanti rrendiet lit-tfal u lill-adoloxxenti aktar dipendenti mill-internet u b'mod ġenerali aktar akkaniti fuq il-komunikazzjoni virtwali u b'hekk għamlithom aktar vulnerabbli u esposti żżejjed għall-attivitajiet kriminali online.

Qed nassistu għal speċi ta' "katastrofi edukattiva".  Irrid intenniha: qed nassistu għal speċi ta' "katastrofi edukattiva", li quddiemha ma nistgħux nibqgħu passivi għall-ġid tal-ġenerazzjonijiet futuri u tas-soċjetà kollha kemm hi.  "Illum hemm bżonn ta' staġun imġedded ta' impenn edukattiv bis-sehem ta' kull qasam tas-soċjetà" (13) għax l-edukazzjoni hi l-antidotu naturali għall-kultura individwalista li xi drabi tiddeġenera f'kult tal-'jiena' u l-primat tal-indifferenza.  Il-ġejjieni tagħna ma jistax ikun il-firda, it-tfaqqir tal-fakultà tal-ħsieb u tal-immaġinazzjoni, tas-smigħ, tad-djalogu u tal-fehim reċiproku" (14).

Iż-żmien twil ta' għeluq però, ippermetta li nqattgħu aktar ħin fil-familja.  Għal ħafna dan kien mument importanti biex jiskopru mill-ġdid ir-relazzjonijiet l-aktar għeżież.  Wara kollox, iż-żwieġ u l-familja "huma fost l-aktar ġid prezzjuz tal-umanità" (15). u l-benniena ta' kull soċjetà ċivili.  Il-kbir Papa San Ġwanni Pawlu II, li s-sena li għaddiet iċċelebrajna l-mitt sena minn twelidu, fil-maġisteru prezzjuz dwar il-familja fakkar: "Quddiem id-dimensjoni dinjija li llum hi karatteristika tad-diversi problemi soċjali, il-familja qed issib li qed jinfetaħ quddiema mod ġdid għall-aħħar biex tagħti sehemha lejn l-iżvilupp tas-soċjetà" u dan qed tagħmlu "billi lill-ulied toffrilhom mudell ta' ħajja msejjes fuq il-valuri tal-verità, tal-libertà, tal-ġustizzja u tal-imħabba" (16).  Madankollu mhux kulħadd irnexxilu jgħix f'daru bis-serenità u xi konvivenzi ddeġeneraw fi vjolenza domestika.  Inħeġġeġ lil kulħadd, awtoritajiet pubbliċi u soċjetà ċivili, biex jagħtu sapport lill-vittmi tal-vjolenza fil-familja: sfortunatament nafu li huma n-nisa li aktax flimkien ma wliedhom iħallsu l-prezz l-aktar għoli.

Il-ħtieġa li nillimitaw il-firxa tal-virus ħalliet effett ukoll fuq id-diversi libertajiet fundamentali, inkluż il-libertà tar-reliġjon, bil-limitazzjoni tal-kult u tal-attivitajiet edukattivi u tal-karità tal-komunitajiet tal-fidi.  Madankollu ma nistgħux ninsew li d-dimensjoni reliġjuża hija aspett fundamentali tal-personalità umana u tas-soċjetà, li ma tistax titħassar; u li, minkejja l-isforz biex titħares il-ħajja umana mill-firxa tal-virus, ma nistgħux inqisu d-dimensjoni spiritwali u morali tal-persuna bħala xi ħaġa sekondarja għas-saħħa fiżika.

Il-libertà tal-kult, wara kollox, mhix korollarju għall-libertà tal-laqgħa, imma essenzjalment titnissel mid-dritt tal-libertà reliġjuża li hi l-ewwel dritt fundamentali uman.  Għalhekk hemm bżonn li tkun rispettata, imħarsa u rikonoxxuta mill-Awtoritajiet ċivili daqs is-saħħa u l-integrità fiżika.  Wara kollox, kura tajba tal-ġisem qatt ma tista' tgħaddi mingħajr il-kura tajba tar-ruħ.

Fl-ittra lil Cangrande della Scala, Dante Alighieri jisħaq dwar l-għan tal-'Commedia" tiegħu: "Biex inbiegħed lil dawk li jgħixu dil-ħajja mill-istat tal-miżerja u mmexxihom lejn stat ta' hena" (17).  Dan, anki jekk fi rwoli u ambjenti differenti, huwa wkoll id-dmir kemm tal-awtoritajiet reliġjużi kif ukoll dawk ċivili.  Il-kriżi tar-relazzjonijiet umani, u bħala konsegwenza l-kriżijiet l-oħrajn kollha li semmejt ma jistgħux jingħelbu jekk ma tkunx imħarsa kif imiss id-dinjità traxxendenti ta' kull persuna umana, maħluqa xbieha ta' Alla.

Jien u nfakkar lil kbir poeta minn Firenze, li tiegħu dis-sena qed niċċelebraw is-seba' ċentinarju minn mewtu, nixtieq ukoll indawwar ħsiebi partikolarment lejn il-poplu taljan, li kien l-ewwel fl-Ewropa li sab ma' wiċċu l-konsegwenzi gravi tal-pandemija, u nħeġġu biex ma jitmewwitx minħabba d-diffikultajiet ta' bħalissa, imma sabiex jaħdem magħqud ħalli jibni soċjetà li fiha ħadd ma jsib ruħu skartat jew minsi.

 

Għeżież Ambaxxaturi,

l-2021 hu żmien li m'għandux jintilef.  U ma jkunx mitluf fil-qies li bih nagħrfu nikkollaboraw bil-ġenerożità u impenn.  F'das-sens nemmen li l-fraternità hi l-veru rimedju tal-pandemija u għal ħafna hemm li laqatna.  Il-fraternità u t-tama qieshom mediċini meħtieġa għad-dinja llum, daqskemm huma meħtieġa l-vaċċini.

Fuq kull wieħed u waħda minnkom u fuq il-pajjiżi tagħkom ninvoka doni ċelesti abbundanti bl-awgurju li din is-sena tkun propizja biex jissaħħu r-rabtiet tal-fraternità li jgħaqqdu flimkien il-familja umana.

Grazzi!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber

 

[1] Messaġġ għall-LIV Jum Dinji tal-Paċi (8 ta' Diċembru, 2020), 1.

[2] Ibid., 6.

[3] J. Donne, Meditazione XVII, in: Devozioni per occasioni d’emergenza, Editori Riuniti, Roma 1994, 112-113.

[4] Ittra lill-avveniment “Economy of Francesco” (1 ta' Mejju, 2019).

[5] S. Ġwanni XXIII, Enċiklika Pacem in terris (11 ta' April, 1963), 6.

[6] Cfr Diskors lill-Parlament Ewropew, Strasburgu (25 ta' Novembru, 2014).

[7] Messaġġ bir-radju lill-popli tad-dinja kollha, 24 ta' Diċembru, 1944.

[8] Messaġġ lill-Konferenza tal-Ġnus Magħquda għan-negozjati biex jinħema strument ta' rabta ġuridika dwar il-projbizzjoni tal-armi nuklejari (23 ta' Marzu 2017): AAS 109 (2017), 394-396; Enċiklika Fratelli tutti, 262.

[9] Ibid.

[10] S. Ġwanni XXIII, Enċiklika Pacem in terris (11 ta' April, 1963), 60.

[11] Angelus, 1 ta' Jannar, 2021.

[12] Messaġġ bil-vidjow fl-okkażjoni tal-Inkontru “Global compact on education. Together to look beyond” (15 ta' Ottubru, 2020).

[13] Ibid.

[14] Ibid.

[15] S. Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni Appostolika Familiaris consortio (22 ta' Novembru, 1981), 1.

[16] Ibid., 48.

[17] Epistola XIII, 39.