IL-PAPA FRANĠISKU JIEĦU SEHEM FIS-SESSJONI TAL-G7 DWAR

L-INTELLIĠENZA ARTIFIĊJALI
[13-15 ta’ Ġunju, 2024] 

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU 

Borgo Egnazia (Puglia)
Il-Ġimgħa, 14 ta’ Ġunju, 2024

Strument affaxxinanti u tremend

Ġentili Sinjuri!

Irrid nindirizza lilkom, Mexxejja tal-Forum Inter-Governattiv tal-G7, b’riflessjoni dwar l-effetti tal-intelliġenza artifiċjali fuq il-ġejjieni tal-umanità

“L-Iskrittura Mqaddsa tafferma li lill-bniedem Alla “mlieh bl-Ispirtu tiegħu, bil-ħila, id-dehen, l-għerf u s-sengħa biex jagħmel kull xogħol” (Eż:35:32) (1).  Għalhekk, ix-xjenza u t-teknoloġija huma prodotti straordinarji tal-potenzjal kreattiv tagħna l-bnedmin (2).

Hu propju bl-użu ta’ dal-potenzjal kreattiv li tana Alla li minnu nibtet l-intelliġenza artifiċjali.

Kif inhu magħruf, din hi strument ta‘ qawwa kbira li jintuża f’bosta oqsma tal-operat uman: ibda mill-mediċina sad-dinja tax-xogħol, tal-kultura, fl-ambitu tal-komunikazzjoni, mill-edukazzjoni sal-politika.  Issa leċitu nipotizzaw li din tinfluwenza dejjem aktar il-mod ta’ kif ngħixu, ir-relazzjonijiet soċjali tagħna u, fil-futur, saħansitra l-mod li bih aħna nifhmu l-identità tagħna bħala essri umani (3).

Is-suġġett tal-intelliġenza artifiċjali madankollu, spiss huwa ambivalenti: min-naħa, il-possibbiltajiet li joffri, jetużjażmawna, mill-oħra inissel biża’ minħabba l-konsegwenzi li nistgħu nobsru.  Dwar dan nistgħu ngħidu li lkoll, minkejja li f’qisien differenti, inħossu fina żewġ emozzjonijiet: inkunu entużjasti meta nimmaġinaw il-progress li tista’ ġġib magħha l-itelliġenza artifiċjali, iżda, fl-istess ħin, nitbeżżgħu meta niftakru fil-perikli li jistgħu jitnisslu mill-użu tagħha (4).

Wara kollox, mhemmx dubju li l-miġja tal-intelliġenza artifiċjali tirrappreżenta rivoluzzjoni konjittiva-industrijali, li tkun ta’ kontribut għall-ħolqien ta’ sistema soċjali ġdida karatterizzata minn trasfromazzjonijiet epokali kumplessi.  Per eżempju, l-intelliġenza artifiċjali taf tkun ta’ fejda għad-demokratizzazzjoni tal-aċċess għall-konoxxenza, għall-progress esponenzjali tar-riċerka xjentifika, għall-possibbiltà li x-xogħol iebes jibdew jagħmluh il-magni; imma, fl-istess ħin, din tista’ ġġib magħha inġustizzja akbar bejn in-nazzjonijiet avanzati u n-nazzjonijiet li qed jiżviluppaw, bejn il-klassijiet soċjali dominanti u l-klassijiet maħqura, u b’hekk tkun ta’ periklu  għall-possibbiltà ta’ “kultura tal-laqgħa” u tispiċċa minn fuq “il-kultura tal-iskart”.

Il-limitu ta’ dawn it-trasformazzjonijiet kumplessi, ovvjament, hu marbut mal-iżvilupp teknoloġiku mgħaġġel tal-intelliġenza artifiċjali nfisha.

Propju dan l-avvanz teknoloġiku qawwi lill-intelliġenza artifiċjali jagħmilha strument affaxxinanti u fl-istess ħin tremend u jesiġi riflessjoni denja tas-sitwazzjoni.

F’das-sens forsi wieħed jista’ jitlaq mill-fatt ċert li l-intelliġenza artifiċjali, qabel kollox, hija strument.  U b’mod spontanju nistgħu naffermaw li l-benefiċċji jew id-danni li għad tħalli jiddependu mill-mod kif tintuża.

Bla dubju, dan hu żgur minnu, għax dejjem hekk ġara f’kull għodda maħluqa mill-bniedem sa mill-eqdem żminijiet.

Dil-ħila tagħna li nagħmlu l-għodda, fi kwantità u kumplessità li ma tafx paragun fost il-ħlejjaq, tkellimna dwar kundizzjoni tekno-umana: il-bniedem minn dejjem żamm relazzjoni mal-ambjent permezz tal-istrumenti li jipproduċi.  Mhux possibbli li l-istorja tal-bniedem u taċ-ċivilizzazzjoni tkun mifruda mill-istorja ta’ dawn l-istrumenti.  F’dan, xi ħadd ried jara xi għamla ta’ nuqqas, ta’ defiċit tal-bniedem, qiesu li minħabba fih, il-bniedem kellu bilfors joħloq it-teknoloġija (5).  Fil-verità, daqqa t’għajn b’attenzjoni u oġġettiva turina l-maqlub.  Qed ngħixu fi żmien il jmur ‘l hinn vis-a-vis l-essri bioloġiku tagħna; aħna essri sbilanċjati lejn dak li hu ‘l barra minna, anzi radikalmemt miftuħin għal dak li hu lil hinn minna.  Dan hu l-bidu tal-ftuħ tagħna lejn l-oħrajn u lejn Alla; minn dan jitnissel il-potenzjal kreattiv tal-intelliġenza tagħna f’termini ta’ kultura u sbuħija; minn dan, fl-aħħar, tinbet il-ħila tekonoloġika tagħna.  Hekk, it-tekonoloġija hija t-timbru tal-ftuħ tagħna lejn dak li hu lil hinn minna.

Madankollu l-użu li nagħmlu mill-għodda tagħna mhux dejjem jimmira biss lejn it-tajjeb.  Minkejja li l-bniedem iħoss fih vokazzjoni għal dak li għadu mhux magħruf u għall-għerf li jingħex bħala strument għas-servizz tal-aħwa u tad-dar komuni (cfr Gaudium et spes 16), dan mhux dejjem iseħħ.  Anzi, mhux rari li propju minħabba l-libertà radikali li tgawdi, l-umanità ħassret l-għanijiet tal-istess eżistenza tagħha u saret għadu tagħha nfisha u tal-pjaneta (6).  L-istess xorti tista’ tolqot lill-istrumenti teknoloġiċi.  Hu biss jekk il-vokazzjoni tagħhom tkun garanzija għas-servizz tal-bniedem li l-istrumenti teknoloġiċi joħorġu għad-dawl mhux biss il-kobor tad-dinjità unika tal-bniedem, imma wkoll il-mandat li dan għandu li “jaħdem u jħares” (Ġen 2,15) il-pjaneta u l-abitanti tagħha kollha.  Meta nitkellmu dar it-tekonoloġija nkunu qed nitkellmu  dwar xi jfisser li tkun bniedem u għalhekk dwar dik il-kundizzjoni unika tagħna bejn il-libertà u r-responsabbiltà, jiġifieri nkunu qed nitkellmu dwar l-etika.

Infatti, meta l-antenati tagħna sinnew iż-żnied biex jagħmlu s-skiken, kienu jużawhom biex jaqtgħu l-ġlud għall-ilbies u wkoll biex joqtlu lil xulxin.  L-istess nistgħu ngħidu dwar teknoloġiji oħra ferm aktar avvanzati, bħalma hi l-enerġija li tiġi mill-fużjoni tal-atomi kif jiġri fix-Xemx, li ċertament tista’ tintuża biex tipproduċi enerġija nadifa u rinnovabbli imma wkoll li lill-pjaneta tagħna tista’ ġġibha munżell irmied.

Però, l-intelliġenza artifiċjali hija strument aktar kumplikat.  Kważi ngħid li din hi strument sui generis.  Hekk, filwaqt li l-użu ta’ biċċa għodda sempliċi (bħalma hi s-sikkina) hi taħt il-kontroll tal-bniedem li jużaha u li jiddependi biss minnu li tintuża kif suppost, l-intelliġenza artifiċjali tista’ taddatta ruħha awtonomament għall-kompitu li jingħatalha, u jekk tkun imfassla fuq dal-mudell, tkun tista’ tagħmel għażliet indipendentement mill-bniedem biex tasal għall-għan li tkun tfasslet għalih (7).

Konvenjenti dejjem niftakru li l-magna tista’, f’ċerti forom u b’dawn il-mezzi ġodda, tipproduċi għażliet algoritmiċi.  Il-magna tagħmel għażla teknika fost bosta possibbiltajiet jew fuq kriterji ċari ħafna jew fuq deduzzjonijiet statistiċi.  Iżda l-bniedem mhux biss jagħżel imma f’qalbu għandu wkoll il-ħila li jiddeċiedi.  Id-deċiżjoni hi element li nistgħu ngħidu li hu srateġiku għall-aħħar fl-għażla u jeħtieġ valutazzjoni prattika.  Xi drabi, spiss fix-xogħol diffiċli tal-governanza, aħna għandna s-sejħa li nagħmlu għażliet li jkollhom konsegwenzi wkoll fuq ħafna persuni.  Dwar dan, ir-riflessjoni umana minn dejjem titkellem dwar l-għaqal, il-phronesis tal-filosofija griega u, talanqas b’xi mod tal-għerf tal-Iskrittura Mqaddsa.  Quddiem il-‘miraklu’ tal-magni, li donnhom jafu jagħżlu b’mod indipendenti, għandu jkun ċar kristall għalina li d-deċiżjoni dejjem għandha tibqa’ prerogattiva tal-bniedem, anki bit-toni drammatiċi u urġenti li bihom ximindaqqiet din titfaċċa fil-ħajja tagħna.  Inkunu qed nikkundannaw lill-umanità għal ġejjieni bla tama, jekk lill-persuna nneħħulha l-ħila li tiddeċiedi dwarha nfisha u dwar ħajjitha u nitfgħuha taħt il-kundanna tal-għażliet tal-magni.  Hemm bżonn niggarantixxu u nħarsu spazju biex il-bniedem ikollu kontroll sinifikanti fuq il-proċess tal-għażla tal-programmi tal-intelliġenza artifiċjali: fin-nofs hemm l-istess dinjità umana.

Ippermettuli ninsisti fuq dan l-aspett: waqt dramm bħalma hu dak tal-kunflitti bl-armi, huwa urġenti nikkunsidraw mill-ġdid l-iżvilupp u l-użu ta’ apparat bħalma huma l-hekk imsejħa “armi letali awtonomi”  biex l-użu tagħhom ikun ipprojbit għal kollox, ibda mill-impenn fattiv u konkret biex il-kontroll uman ikun dejjem aktar effikaċi u ta’ tifsir.  Ebda magna qatt m’għandha jkollha l-għażla jekk tneħħix il-ħajja ta’ xi bniedem.

Minbarra dan, ta’ min iżid li l-użu tajjeb, almenu tal-forom avvanzati tal-intelliġenza artifiċjali, m’għandux ikun taħt il-kontroll sħiħ la ta’ min jużaha u lanqas ta’ dawk li jipprogrammawha u li jkunu fasslu l-għanijiet oriġinarji fil-mument li tiġihom l-idea.  U dan hu aktar minnu daqskemm hu probabbli ħafna li fil-futur mhux bogħod, il-programmi tal-intelliġenzi artifiċjali jkunu jistgħu jikkomunikaw direttament bejniethom, biex ikunu jistgħu jtejbu l-performance tagħhom.  U, ladarba fl-imgħoddi, il-bnedmin raw l-eżistenza tagħhom iffurmata mill-għodda sempliċi li ħolqu – is-sikkina għinithom jgħelbu l-kesħa imma wkoll jirfinaw l-arti tal-gwerra – issa, li l-bniedem fassal strument tant kumplikat għad jara li dan l-istrument jimmudella wkoll ferm aktar l-eżistenza umana (8).  

 

Il-mekkaniżmu bażiku tal-intelliġenza artifiċjali

Nixtieq issa nieqaf ftit fil-qosor fuq il-kumplessità tal-intelliġenza artifiċjali.  Fl-essenza tagħha, l-intelliġenza artifiċjali hi għodda magħmula biex issolvi problema u taħdem permezz ta’ katina loġika ta’ operazzjoni tal-algebra, mibnija fuq kategoriji ta’ informazzjoni, li jitqabblu biex jiskopru korrelazzjonijiet, itejbu l-valur statistiku, grazzi għall-proċess ta’ awto-apprendiment, ibbażat fuq ir-riċerka ta’ aktar informazzjoni u l-aġġustament tal-proċeduri tal-kalkolu.

L-intelliġenza artifiċjali hi mfassla b’dal-mod biex issolvi problemi speċifiċi, imma dawk li jużawha spiss huma vittmi tat-tentazzjoni irreżistibbli li jisiltu, ibda mis-soluzzjonijiet puntwali li tipproponi, deduzzjonijiet ġenerali, saħansitra ta’ natura antropoloġika.

Eżempju tajjeb ta’ dan hu l-użu ta’ programmi magħmulin biex jgħinu  lill-maġistrati fid-deċiżjonijiet dwar l-għoti tal-house arrest lid-detenuti li jkunu qed jiskontaw piena f’xi faċiltà korrettiva.  F’kas bħal dan, issir mistoqsija lill-intelliġenza artifiċjali biex tikkalkola l-probabbiltà ta’ reċidiva tal-krimini li jkun seħħ min-naħa tal-ikkundannat, ibda mill-kategoriji li jkunu determinati minn qabel (tip ta’ reat, imġieba fil-ħabs, evalwazzjoni psikoloġika...u oħrajn), u b’hekk l-intelliġenza artifiċjali tkun tista’ taċċessa kategoriji ta’ informazzjoni dwar il-ħajja privata tal-priġunier (oriġini etnika, livell edukattiv, sitwazzjoni finanzjarja u aktar).  L-użu ta’ metodoloiġja bħal din – li ximindaqqiet tirriskja li de facto tiddelega l-aħħar kelma dwar id-destin ta’ persuna, lill-magna – tista’ impliċitament tkun ikkundizzjonata minn preġudizzji inerenti għall-kategoriji ta’ informazzjoni użati mill-intelliġenza artifiċjali.

Li tkun klassifikat f’xi grupp etniku partikolari, jew aktar banalment li tkun għamilt xi reat żgħir snin qabel (per eżempju ma tkunx ħallast xi multa minħabba parkeġġ ħażin), infatti, jinfluwenza d-deċiżjoni dwar il-konċessjoni tal-house arrest.  Għall-kuntrarju, l-evoluzzjoni tal-bniedem ma tieqaf qatt u huwa kapaċi jissorprendi bl-azzjonijiet tiegħu, ħaġa li l-magna ma tistax tqisha.

Ta’ min jinnota mbagħad li użu bħal dan li għadni kif semmejt għad ikun irfinut aktar grazzi għall-fatt li l-programmi ta’ intelliġenza artifiċjali se tibqa’ tiżdidilhom dejjem aktar il-ħila li jinteraġixxu direttament mal-bniedem (chatbots), u jkollhom konversazzjonijiet magħhom tant li jistabbilixxu relazzjoni ta’ qrubija miegħu, spiss pjaċevoli ħafna u ta’ serħan il-moħħ, għaliex dawn il-programmi tal-intelliġenza artifiċjali se jkunu mfasslin biex jitgħallmu jwieġbu, b’forma personalizzata, għall-ħtiġijiet fiżiċi u psikoloġiċi tal-bnedmin.

Jekk ninsew li l-intelliġenza artifiċjali mhix bniedem ieħor u għalhekk ma tistax tipproponi prinċipji ġenerali, dan ikun żball kbir li jiġi jew mill-ħtieġa profonda tal-bnedmin li jsibu forma stabbli ta’ kumpanija jew mill-premessa li l-osservazzjonijiet miksuba permezz ta’ mekkaniżmu ta’ kalkolu fihom kwalitajiet ta’ ċertezza indiskutibbli u universalità li ma tistax tmeriha.

Madankollu, dil-premessa, hija ażżardata, kif juri l-eżami tal-limiti intrinsiċi tal-kalkolu nnifsu.  L-intelliġenza artifiċjali tuża operazzjonijiet tal-algebra mibnijin fuq sekwenza loġika (per eżempju, jekk il-valur X hu superjuri għall valur Y, jimmoltiplika X u Y; inkella jiddividi X bil-Y).  Dal-metodu ta’ kalkolu – li ngħidulu ‘algoritmu’ – la hu oġġettiv u lanqas newtrali (9).  Infatti, peress li hu msejjes fuq l-algebra, jista’ jeżamina biss realtajiet formulati minn termini numeriċi (10).

Marridux ninsew lanqas li l-algoritmi mfasslin biex isolvu problemi kumplikati ħafna huma tant sofistikati li jkun diffiċli wkoll għal min jipprogrammahom jifhem eżatt kif dawn jaslu biex jagħtu r-riżultati tagħhom.  Dit-tendenza għas-sofistikazzjoni tinsab f’riskju li taċċelera bil-kif, bl-introduzzjoni ta’ kompjuters kwantistiċi li ma jaħdmux biċ-ċirkwiti binarji (smeikondutturi jew microchip), imma skont liġijiet strutturati ħafna, tal-fiżika kwantistika.  Min-naħa l-oħra, l-introduzzjoni kontinwa ta’ microchip dejjem aktar sofistikati diġà saret waħda mill-kawżi tal-predominju tal-użu tal-intelliġenza artifiċjali minn dawk in-nazzjonijiet li diġà għandhom dil-faċilità.

Sofistikati jew le, il-kwalità ta’ tweġibiet li tagħti l-intelliġenza artifiċjali, fl-aħħar mill-aħħar, jiddependu mill-informazzjoni li tuża u kif din l-informazzjoni tkun strutturata.

Fl-aħħar ippermettuli nagħmel osservazzjoni dwar sfera li fiha qed joħroġ ċar kemm hu kumpless il-mekkaniżmu tal-intelliġenza artifiċjali ġenerattiva (Generative Artificial Intelligence).  Ħadd ma jiddubita li llum hemm għad-dispożizzjoni strumenti straordinarji ta’ aċċess għall-konoxxenza li saħansitra jippermettu s-self-learning u s-self-tutoring f’għadd ta’ oqsma bla tarf.  Ħafna minna bqajna mistagħġbin mil-applications disponibbli on-line biex wieħed jikteb text jew jipproduċi immaġni dwar kull tema u suġġett.  Dil-prospettiva hi partikolarment attraenti għall-istudenti, li meta jkollhom jippreparaw xi assignment, jużaw dil-faċilità b’mod sproporzjonat.

Madankollu, dawn l-istudenti, li spiss huma ferm aktar imħejjijin u mdorrijin jużaw l-intelliġenza artifiċjali mill-għalliema tagħhom, jinsew li dik li tissejjaħ intelliġenza artifiċjali ġenerattiva, f’sens dejjaq, mhi ġenerattiva xejn.  Fil-verità din tfittex l-informazzjoni fil-big data u telabora skont l-istil mitlub minnha.  Ma tiżviluppax kunċetti jew analiżi ġodda.  Tirrepeti dak li ssib, u ttih forma affaxxinanti.  U aktar ma ssib nozzjoni jew ipotesi ripetuta, aktar tqisha leġittima u valida.  Aktar milli “ġenerattiva” hi “rafforzattiva” fis-sens li torganizza mill-ġdid il-kontenut eżistenti, u tkompli tikkonsolidah, spiss bla ma tikkontrolla jekk fihx żbalji jew preġudizzji.

B’dal-mod mhux biss hemm r-riskju li l-fake news jingħata bixra leġittima u li l-kultura dominanti ssir aktar b’saħħitha, imma li fl-istess ħin, in nuce, il-proċess edukattiv jisfa’ mżeblaħ.  L-edukazzjoni li lill-istudenti suppost toffrilhom il-possibbiltà ta’ riflessjoni awtentika tispiċċa f’riskju li ssir biss ripetizzjoni ta’ nozzjonijiet, li jibdew dejjem aktar jitqiesu bħala ċertezza assoluta, għar-raġuni sempliċi li jibqgħu jittennew ad infinitum (11).

 

Nergħu nqiegħdu fiċ-ċentru d-dinjità tal-persuna bl-għan ta’ qbil dwar il-proposta etika

Ma’ dak li diġà ingħad s’issa trid tiżdied proposta aktar ġenerali.  L-istaġun tal-innovazzjoni teknoloġika li għaddejjin minnu, infatti, hu marbut ma’ sitwazzjoni soċjali partikolari u bla preċedent.  F’dak li għandu x’jaqsam mat-temi l-kbar tal-ħajja soċjali qed issir dejjem aktar diffiċli biex jintlaħaq ftehim.  Anki f’komunitajiet ta’ ċertu kontinwità kulturali, spiss qed jinqalgħu dibattiti mqanqla ukonfronti li jagħmluha diffiċli li ssir riflessjoni u jinstabu soluzzjonijiet politiċi maqbula, immirati lejn it-tfittxija ta’ dak li hu tajjeb u ġust.  Minbarra l-kumplessità ta’ viżjonijiet leġittimi karatteristiċi tal-familja umana, joħroġ fattur li donnu jorbot flimkien dawn id-diversi pożizzjonijiet.  Qed naraw li qed jintilef, jew tal-anqas daħal f’eklissi, is-sens tal-uman u li l-kunċett tad-dinjità umana apparentement qed isir insinifikanti (12).  Donnu jidher li qed jintilef il-valur u t-tifsir profond ta’ waħda mill-kategoriji fundamentali tal-Oċċident: il-kategorija tal-persuna umana.  U b’hekk, f’dan l-istaġun li fih il-programmi tal-intelliġenza artifiċjali qed jinterrogaw lill-essri uman u l-aġir tiegħu, projpu d-dgħufija tal-ethos marbut mal-perċezzjoni tal-valur tad-dinjità tal-persuna umana qed jirriskja li jsir l-akbar vulnus fl-implimentazzjoni u l-iżvilupp ta’ dawn is-sistemi.  Infatti, marridux ninsew li ebda innovazzjoni mhi newtrali.   It-teknoloġija ssir bi skop, u bl-impatt tagħha fuq is-soċjetà umana, dejjem tirrappreżenta forma ta’ ordni fir-relazzjonijiet soċjali u dispożizzjoni għall-poter, li lil xi wħud itihom is-setgħa biex jagħmlu azzjonijiet ta’ tfixkil jew impediment għal ħaddieħor.  Din id-dimensjoni kostituttiva tas-setgħa tat-teknoloġija dejjem tinkludi, b’mod ftit jew wisq espliċitu, il-viżjoni tad-dinja li għandu min ħoloqha u żviluppaha.

Dan jgħodd ukoll fil-kas tal-programmi tal-intelliġenza artifċjali.  Sabiex dawn ikunu strumenti ta’ kontribut għall-bini tal-ġid u ta’ għada aħjar, dejjem għandhu jkollhom għan ewlieni: il-ġid ta’ kull bniedem.  Għandhom ikunu ispirati mill-etika.

Infatti, id-deċiżjoni etika hi dik li tagħti kas mhux biss tar-riżultat tal-azzjoni, iżda wkoll tal-valuri li hemm fin-nofs u tad-dmirijiet li jinstiltu minn dawn il-valuri.  Għal dir-raġuni jien sellimt u kont favur l-iffirmar tar-Rome Call for AI Ethics, fl-2020 (13) u s-sapport li tagħti għall-moderazzjoni etika tal-algoritmi u tal-programmi tal-intelliġenza artifiċjali li jien sejjaħtilha “algoretika” (14).  F’kuntest pluralistiku u globali, li fih jidhru wkoll sensibbiltajiet diversi u ġerarkiji plurali fl-iskala tal-valuri, donnu jidher diffiċli tinstab ġerarkija ta’ valuri unika.  Imma fl-analiżi etika nistgħu nduru wkoll lejn tipi oħra ta’ strumenti: jekk insibuha bi tqila niddefinixxu assjem ta’ valuri globali maqbul, nistgħu però nfittxu prinċipji maqbula li bihom naffrontaw u nsolvu dilemmi eventwali u kunflitti tal-ħajja.

Kien għal għal dir-raġuni li twieldet ir-Rome Call: fit-terminu “algoretica” hemm miġburin serje ta’ prinċipji li jidher li huma pjattaforma globali u pluralistika bil-ħila li jsibu sapport ta’ kulturi, reliġjonijiet, organizzazzjonijiet internazzjonali u azjendi kbar biex ikunu protagonisti ta’ dan l-iżvilupp.

 

Il-politika li hemm bżonn

Għalhekk ma nistgħux naħbu r-riskju konkret, peress li hu intrinsikament marbut mal-mekkaniżmu fundamentali, li l-intelliġenza artifiċjali tillimita l-viżjoni tad-dinja għal realtàjiet li jesprimu ruħhom bin-numri u magħluqin f’kategoriji mfasslin bil-lest, bit-twarrib ta’ forom oħra ta’ veritajiet u bl-impożizzjoni ta’ uniformità tal-mudelli antropoloġiċi, soċjo-ekonomiċi u kulturali.  Il-mudell teknoloġiku inkarnat mill-intelliġenza artifiċjali, għalhekk, jirriskja li jagħmel il-wisa għal mudell ferm aktar perikoluz, li diġà ddeskrivejtu bħala “l-mudell teknokratiku” (15).  Ma nistgħux nippermettu li strument ta’ tant qawwa u tant indispensabbli bħalma hi l-intelliġenza artifiċjali jsaħħaħ mudell bħal dan, anzi, l-intelliġenza artifiċjali għandna nagħmluha bastjun propju kontra l-espansjoni tagħha.

Huwa propju f’dan li hemm bżonn urġenti ta’ azzjoni politika, kif tfakkar l-Enċiklika Fratelli tutti.  Ċertament “Għal ħafna l-politika llum saret kelma kerha, u ma nistgħux nagħlqu għajnejna għall-fatt li wara dan spiss hemm l-iżbalji, il-korruzzjoni, l-ineffiċjenza ta’ xi politiċi. Ma’ dan inżidu l-istrateġiji li jimmiraw biex idgħajfuha, biex flokha jqiegħdu l-ekonomija jew biex jaħkmuha b’xi ideoloġija. Minkejja dan kollu, tista’ d-dinja tiffunzjona mingħajr politika? Tista’ ssib triq effikaċi lejn il-fraternità universali u l-paċi soċjali mingħajr politika tajba?” (16).

It-tweġiba tagħna għal dawn l-aħħar mistoqsijiet hija: LE!  Il-politika hemm bżonnha!  F’din l-okkażjoni irrid intenni illi “Quddiem tant xejriet ta’ politika żbaljata li jaraw biss l-interess immedjat, infakkar li l-kobor tal-politika jidher meta, f’mumenti diffiċli, wieħed jaġixxi skont prinċipji għoljin u jaħseb fil-ġid komuni fit-tul. Il-poter politiku jbati sew biex jilqa’ dan id-dmir fi proġett ta’ nazzjon u iżjed u iżjed fi proġett komuni għall-umanità tal-lum u ta’ għada” (17).

 

Ġentili Sinjuri!

Dir-riflessjoni tiegħi dwar l-effetti tal-intelliġenza artifiċjali fuq il-ġejjieni tal-umanità tgħinna nagħrblu l-importanza ta’ “politika sana” ħalli nħarsu lejn il-ġejjieni tagħna bit-tama u l-fiduċja.  Kif għidt ximkien ieħor, “Is-soċjetà dinjija għandha nuqqasijiet strutturali kbar li ma jissolvewx b’xi tiswija jew soluzzjonijiet ta’ malajr u sempliċiment okkażjonali. Hemm ħwejjeġ li għandhom jinbidlu billi wieħed iġib fis-seħħ impostazzjoni għalkollox ġdida u bidliet importanti. Politika b’saħħitha biss tista’ tiggwidana, billi tinvolvi d-diversi setturi u l-oqsma tal-għerf l-aktar varji. Hekk, b’ekonomija integrata fi proġett politiku, soċjali, kulturali u popolari li jfittex il-ġid komuni nistgħu niftħu t-triq għal opportunitajiet differenti, li ma jfissrux li ħa nwaqqfu l-kreattività umana u l-ħolma tal-bniedem għall-progress, imma pjuttost li ħa nagħtu direzzjoni ġdida lil din l-enerġija” (18).

Dan hu propju l-każ tal-intelliġenza artifiċjali.  Imiss lil kull wieħed u waħda minna nużawha kif jixraq u hu dmir tal-politika li toħloq il-kundizzjonijiet sabiex dan l-użu tajjeb ikun possibbli u jħalli l-frott.

Grazzi.

___________________________________________________________________________

[1] Messaġġ għas-LVII Jum Dinji tal-Paċi 1 ta’ Jannar, 2024, 1.

[2] Cfr ibid.

[3] Cfr ivi, 2.

[4] Din l-ambivalenza kien diġà antiċipaha l-Papa San Pawlu VI Diskors lill-personnell taċ-Centro Automazione Analisi Linguistica” fl-Aloysianum, 19 ta’ Ġunju, 1964.

[5] Cfr A. Gehlen, Il-bniedem.  In-natura tiegħu u postu fid-dinja, Milan 1983, 43.

[6] Enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju, 2015), 102-114.

[7] Cfr Messaġġ għas-LVII Jum Dinji tal-Paċi 1 ta’ Jannar, 2024, 3.

[8] l-intwizzjoni ta’ Marshall McLuhan u ta’ John M. Culkin huma pertinenti għall-aħħar dwar il-konsegwenzi tal-użu tal-intelliġenza artifiċjali.

[9] Cfr Diskors lill-parteċipanti tal-Plenarja tal-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja 28 ta’ Frar, 2020.

[10] Cfr Messaġġ għas-LVII Jum Dinji tal-Paċi 1 ta’ Jannar, 2024, 4.

[11] Cfr ivi, 3 e 7.

[12] Cfr Dikasteru għad-Duttrina tal-Fidi, Dikjarazzjoni Dignitas infinita dwar id-dinjità umana (2 ta’ April, 2024).

[13] Cfr Diskors lill-parteċipanti tal-Plenarja tal-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja 28 ta’ Frar, 2020.

[14] Cfr Diskors lill-parteċipanti tal-Konvenju “Promoting Digital Child Dignity – From Concept to Action”, 14 ta’ Novembru 2019; Diskors lill-parteċipanti tal-Plenarja tal-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja 28 ta’ Frar, 2020.

[15] Għal spjegazzjoni aħjar fittex l-Enċiklika Laudato si’  dwar il-ħarsien tad-dar komuni tal- 24 ta’ Mejju, 2015.

[16] Enċiklika Fratelli tutti dwar il-fraternità u l-ħbiberija soċjali (3 ta’ Ottubru, 2020), 176.

[17] Ivi, 178.

[18] Ivi, 179.

 

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber