Laikos

 

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAPA FRANĠISKU

LID-DIRETTURI NAZZJONALI TAL-OPRI MISSJUNARJI PONTIFIĊJI

 Is-Sala tal-Konċistorju

Is-Sibt, il-25 ta’ Mejju, 2024

 

Eminenza, Eċċellenzi,

Għeżież Diretturi Nazzjonali tal-Opri Missjunarji Pontifiċji,

għeżież kollaboraturi tad-Dikasteru għall-Evanġelizzazzjoni,

ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Nilqa’ lilkom ilkoll bil-ferħ, intom li ġejtu minn aktar minn mija u għoxrin pajjiż fil-ħames kontinenti għall-assemblea ġenerali annwali tal-Opri Missjunarji Pontifiċji.  Insellem lill-Kardinal Tagle, lis-Segretarju Monsinjur Nwachukwu, lill-Assistent Segretarju Monsinjur Nappa, President tal-PMS, u lill-erba’ Segretarji Ġenerali: it-tmexxija hija f’idejn tajba: Filippin, Afrikan u - iz-zalza fuq l-għaġin - in-Naplitan!

 

Ninsabu lejlet is-Solennità tat-Trinità Qaddisa, li ġġegħelna nidħlu fil-kontemplazzjoni tal-misteru ta’ Alla: li hu misteru ta’ mħabba li joffri lilu nnifsu, jagħti lilu nnifsu, li jikkonsma lilu nnifsu għalkollox għas-salvazzjoni tal-umanità. Meta nikkontemplaw din il-ħidma tas-salvazzjoni, aħna niskopru tliet karatteristiċi fundamentali tal-missjoni divina sa mill-bidu: il-komunjoni, il-kreattività u l-fermezza. Ejjew nirriflettu fuq dawn il-kelmiet importanti, li huma rilevanti għall-Knisja li tinsab fi stat dejjiemi ta’ missjoni u aktar u aktar għall-opri missjunarji tagħna, li huma msejħin biex dejjem jiġġeddu ħalli jkunu ta’ servizz dejjem aktar effettiv.

 

L-ewwelnett, il-komunjoni. Meta nikkontemplaw it-Trinità, naraw li Alla hu komunjoni ta’ persuni, misteru ta’ mħabba. U l-imħabba li biha Alla jiġi jfittixna u jsalvana, għandha l-għeruq tagħha fil-fatt li Huwa Wieħed u Tlieta, u din hija wkoll il-bażi tan-natura missjunarja tal-Knisja pellegrina fuq l-art (ara Redemptoris Missio, 1; Ad gentes, 2). Minn din il-perspettiva, aħna msejħin biex ngħixu l-ispiritwalità ta’ komunjoni ma’ Alla u ma’ ħutna. Il-missjoni Nisranija mhijiex li tittrażmetti xi verità astratta jew xi konvinzjoni reliġjuża – inqas u inqas li tagħmel proselitiżmu, imma l-ewwel u qabel kollox li, lil dawk li niltaqgħu magħhom, inkunu nistgħu nagħtuhom esperjenza fundamentali tal-imħabba ta’ Alla.  Tabilħaqq, jekk aħna nkunu xhieda u nkunu qed nirriflettu mqar raġġ wieħed tal-misteru tat-Trinità, huma jkunu jistgħu jiskopru l-imħabba t’Alla f’ħajjitna fil-ħajja tal-Knisja. Dwar il-proselitiżmu nixtieq ngħid esperjenza personali. Meta kont f’waħda mill-Jiem Dinjija taż-Żgħażagħ, meta kont se nitlaq mis-sala fejn kien hemm il-laqgħa, resqet waħda mara tkellimni. Hi tagħmel parti minn grupp Kattoliku – tal-lemin estrem.  Hi kienet ma’ tifel u ma’ tifla. Ġiet u qaltli: “Santità nixtieq ngħidlek li jiena kkonvertejt lil dawn it-tnejn. Jien ikkonvertejthom!” Jien ħarist f’għajnejha u għidtilha: “U lilek min se jikkonvertik?” F’din il-missjoni ta’ konverżjoni, jeżistu gruppi reliġjużi li għandhom lista tal-konverżjonijiet li għamlu, u dan huwa ħażin ħafna. U din hija storja waħda.

 

Għalhekk inħeġġeġ lil kulħadd biex jikber fl-ispiritwalità ta’ komunjoni missjunarja, li hija s-sisien tal-mixja sinodali tal-Knisja llum. Enfasizzajt dan fil-Kostituzzjoni Appostolika Praedicate Evangelium u ntennih issa, speċjalment hekk kif intom qed taħdmu fuq it-tiġdid tal-Istatuti tagħkom. Huwa importanti li l-Istatuti jiġu aġġornati. Billi l-mixja ta’ konverżjoni missjunarja hija meħtieġa għal kulħadd, huwa essenzjali li jkun hemm opportunitajiet ta’ formazzjoni personali u komunitarja sabiex tikbru fid-dimensjoni tal-ispiritwalità missjunarja ta’ komunjoni. L-iskop tal-missjoni tal-Knisja hu li “kulħadd ikun jaf u jgħix il-komunjoni ‘ġdida’ li l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem daħħal fl-istorja tad-dinja” ( Praedicate Evangelium, I, 4).[1] Ma ninsewx li s-sejħa għall-komunjoni timplika li jkun hemm stil sinodali: dan ifisser li nimxu flimkien, nisimgħu lil xulxin, niddjalogaw, anke jekk nargumentaw, imma dejjem bħala komunità. Dan ikabbar lil qalbna, u jrawwem dik il-ħarsa dejjem aktar universali li kienet enfasizzata fit-twaqqif tas-Soċjetà għat-tixrid tal-Fidi (Propaganda Fide): “M’għandniex naħsbu biss f’din jew f’dik il-missjoni b’mod partikolari, imma fil-missjonijiet u l-inizjattivi missjunarji kollha madwar id-dinja” (ara MONS. CHRISTIANI U J. SERVEL, Marie-Pauline Jaricot, 39).

 

It-tieni kelma li nipproponikom hija l-kreattività. Meta aħna għandna l-għeruq tagħna fil-komunjoni Trinitarja, aħna nieħdu sehem fil-ħidma kreattiva ta’ Alla, li jġedded kollox (ara Ap 21:5). Aħna wkoll nieħdu sehem f’din il-kreattività u fuq dan nixtieq ngħid żewġ affarijiet. L-ewwelnett il-kreattività hija marbuta mal-libertà li għandu Alla u li jagħti lilna fi Kristu u fl-Ispirtu. Fil-fatt, “fejn hemm l-Ispirtu tal-Mulej, hemm il-ħelsien” (2 Kor 3:17). Dak li jagħtina l-libertà huwa l-ispirtu. Naqraw dwar dan fl-ewwel kapitli tal-Atti tal-Appostli, hemmhekk naraw il-kreattività, hemmhekk naraw l-Ispirtu... U għalhekk, jekk jogħġobkom, ejjew ma nħallux min jisirqilna din il-libertà kreattiva missjunarja tagħna! It-tieninett, kif kien qal San Massimiljan Maria Kolbe, missjunarju Franġiskan fil-Ġappun u martri tal-karità, “l-imħabba biss hija kreattiva”, l-imħabba biss toħloq. U għalhekk, ejjew niftakru li l-kreattività evanġelika titwieled mill-imħabba, mill-imħabba divina, u li kull attività missjunarja hija kreattiva fil-qies li l-karità ta’ Kristu tkun il-bidu tagħha, il-forma tagħha u l-iskop tagħha. B’hekk, b’immaġinazzjoni kbira, karità ta’ dan it-tip, toħloq modi dejjem ġodda ta’ evanġelizzazzjoni u ta’ servizz lill-aħwa, l-aktar lill-ifqar. Espressjoni ta’ din il-karità hija wkoll il-ġabra tradizzjonali li tmur għal fondi ta’ solidarjetà universali għall-missjonijiet. U għal dan il-għan irridu nippromwovu din il-ġabra, u nagħmluha ċara li din l-għajnuna li qed nagħti jien, li kull Nisrani jagħti, tgħin lill-Knisja sabiex tikber ħalli ssalva n-nies. Għalhekk is-sehem mhux biss ta’ persuni, iżda wkoll ta’ gruppi u istituzzjonijiet juru x-xewqa tagħhom li jgħinu l-ħafna realtajiet missjunarji tal-Knisja, fi spirtu ta’ gratitudni tal-grazzji li rċevejna mingħand il-Mulej.

 

It-tielet u l-aħħar kelma hija l-fermezza, jiġifieri, jiġifieri li wieħed ikun sod u perseveranti fl-iskop u fl-azzjoni. Ejjew nikkontemplaw ukoll din il-karatteristika tal-imħabba ta’ Alla Trinità li, biex iwettaq il-pjan tiegħu ta’ salvazzjoni, b’fedeltà kontinwa, bagħat lill-qaddejja tiegħu tul l-istorja u, fil-milja taż-żmien, tana lilu nnifsu fi Kristu Ġesù. Il-missjoni divina “hija li noħorġu bla heda lejn in-nies kollha, sabiex nistiednuhom jiltaqgħu ma’ Alla u jidħlu f’komunjoni miegħu. Bla heda! B’fermezza! Il-Knisja, min-naħa tagħha, b’fedeltà lejn il-missjoni li rċeviet mingħand il-Mulej, tibqa’ tmur sa truf l-art, u tmur u terġa’ tmur bla qatt ma tgħejja jew taqta’ qalbha quddiem id-diffikultajiet u t-tfixkil” (Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Missjoni 2024). Il-Knisja dan tibqa’ tagħmlu anke sal-punt tal-martirju. Fuq dal-punt, nixtieq nieqaf ftit biex nirringrazzja lil Alla għax-xhieda ta’ martirju li taw dan l-aħħar grupp ta’ Kattoliċi mit-Tramuntana ta’ Kivu fil-Kongo. Ħanxrulhom għonqhom sempliċiment għax kienu Insara u ma ridux jikkonvertu għall-Iżlam. Illum, naraw il-kobor tal-Knisja fix-xhieda tal-martri tagħha. Nistgħu niftakru wkoll, issa ilu madwar ħames snin, ġo bajja fil-Libja, fejn xi Kopti ħanxrulhom għonqhom waqt li kienu għarkupptejhom igħidu, “Ġesù, Ġesù, Ġesù”. Il-Knisja fil-martirju hija l-Knisja tal-fermezza tal-Mulej, u li Hu mbagħad ikompli jmexxi ‘l quddiem.

 

Aħna msejħa, għalhekk, biex nipperseveraw u nkunu sodi fl-iskop u fl-azzjoni, u biex ngħixu din id-dimensjoni tal-martirju bl-eżempju tagħna. Dawk minnkom li tinsabu fl-Opri Missjunarji Pontifiċji tiltaqgħu ma’ għadd kbir ta’ sitwazzjonijiet u ġrajjiet li huma parti mill-ħajja attiva tal-Knisja madwar id-dinja. Għalhekk, għalkemm tista’ tiltaqa’ ma’ ħafna sfidi, sitwazzjonijiet kumplessi, toqol u għejja li jakkumpanjaw il-ħajja tal-knisja, taqtgħux qalbkom! Hawnhekk nixtieq ngħid xi ħaġa oħra. Irrid insemmi d-dgħufijiet ta’ tant minn ħutna li xi drabi jaqgħu. Jekk jogħġobkom imxu magħhom b’ħafna sabar, aqbdulhom idejhom u akkumpanjawhom. Jekk jogħġobkom tiskandalizzawx ruħkom bil-waqgħat tagħhom. Kulħadd irid igħid “stajt kont jien”. Uru ħafna imħabba, kunu ġentili b’ħafna sabar, kunu paċenzjużi. Waħda mill-affarijiet li tmissli qalbi dwar il-Mulej hija s-sabar tiegħu: jaf jistenna. Billi aħna niffukaw fuq l-aspetti pożittivi u l-ferħ li jiġi mill-kontemplazzjoni tal-ħidma t’Alla, aħna nafu kif inġibu ruħna bis-sabar anke f’sitwazzjonijiet diffiċli, u nevitaw li nispiċċaw ningħalqu fina nfusna u ma nagħmlu xejn jew inkella ngħoddu lilna nfusna b’mirbuħa. B’fermezza u perseveranza, mur għand il-Mulej! U mal-aħwa li jkunu waqgħu, ftakru, hemm okkażjoni waħda biss li inti għandek il-permess tħares ‘l isfel lejn dak  li jkun: biex tgħinu jqum. Dejjem ġibu ruħkom hekk mal-aħwa li jkunu waqgħu.

 

Għeżież ħuti, nirringrazzjakom għal darb’oħra, flimkien mal-kollegi tagħkom, tal-ġenerożità u d-dedikazzjoni tagħkom fil-promozzjoni tar-responsabbiltà missjunarja tal-fidili, speċjalment fil-kura tat-tfal tas-Soċjetà Pontifiċja tas-Santa Infanzja. Jalla l-Madonna tinterċedi għalikom. Minn qalbi nagħtikom il-barka tiegħi. Nirringrazzjakom għal dak kollu li tagħmlu. Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.

 

 _________________________________________

 

[1] SAN ĠWANN PAWLU II, Eżort. App. Christifideles laici (30 ta’ Diċembru 1988), 32.

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Roy Galdes