-    Minbarra d-diskors ta' hawn taħt, il-Papa Franġisku ta wkoll messaġġ qasir indirizzat lill-katekisti kollha. Ara l-vidjo ...

INDIRIZZ TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU

LILL-PARTEĊIPANTI TAL-LAQGĦA MNEDIJA MILL-UFFIĊĊJU KATEKETIKU NAZZJONALI

TAL-KONFERENZA EPISKOPALI TALJANA

Sala Clementina. Is-Sibt, 30 ta' Jannar, 2021

 

Għeżież ħuti,

Nagħtikom merħba u rrodd ħajr lill-Kardinal Bassetti għall-kliem ġentili li ndirizzali.  Reġa' ħa saħħtu, grazzi!  Nagħti merħba lis-segreatrju ġenerali, l-Isqof Russo, u lilkom ilkoll li tagħtu sapport u ħinkom lill-Knijsa taljana fl-għalqa tal-katekeżi.  Inħossni ferħan li naqsam magħkom it-tifkira tas-60 anniversarju minn mindu twieled l-Uffiċċju Kateketiku Nazzjonali.  Kien twaqqaf minn qabel ma kienet iffurmata l-Konferenza Episkopali,kien strument indispensabbli għat-tiġdid kateketiku wara l-Konċilju Vatikan II.  Dan l-anniversarju hu okkażjoni ta' siwi biex niftakru, nirringrazzjaw għar-rigali li rċevejna u biex inġeddu l-ispirtu tat-tħabbir.  Għal dan il-għan, nixtieq naqsam magħkom tlett punti li nittama jkunu ta' fejda għalikom fil-ħidma tagħkom għas-snin li ġejjin.

L-ewwel:  il-katekeżi u l-kerygma.  Il-katekeżi hija eku tal-Kelma t'Alla.  F'dit-trasmissjoni tal-fidi, l-Iskrittura - bħala Dokument Bażiku - hija: il-Ktieb; mhux sussidju" (CEI, It-Tiġdid tal-katekeżi n. 107).  Għalhekk il-katekeżi hi "l-mewġa twila" tal-Kelma t'Alla, li tittrasmetti l-ferħ tal-Evanġelju lill-ħajja.  Grazzi għan-narrazzjoni tal-katekeżi, l-Iskrittura Mqaddsa ssir "ambjent" li fih aħna nħossuna sehem mill-istess storja tas-salvazzjoni bil-laqgħa mal-ewwel xhieda tal-fidi.  Il-katekeżi tfisser li lil dak li jkun naqbduh minn idu u nakkumpanjawh tul din l-istorja.  Tnebbaħ mixja li fiha kull persuna ssib ir-ritmu tagħha, għax il-ħajja nisranija ma tridx iġġib lil kulħadd l-istess jew standardizzat, iżda sseddaq l-uniċità ta' kull iben ta' Alla.  Il-katekeżi hiija wkoll mixja mistakoloġika, li timxi 'l quddiem fi djalogu kostanti mal-liturġija, ambjent li fih is-simboli jilmaw bla ma jimponu ruħhom, ikellmu l-ħajja u jimmarkawha bit-timbru tal-grazzja.

Ir-ruħ tal-misteru hi l-kerygma u l-kerygma hija persuna: Ġesù Kristu.  Il-katekeżi hi spazju speċjali li jiffavorixxi l-laqgħa personali miegħu.  Għalhekk għandha tkun minsuġa mar-relazzjonijiet personali.  M'hemmx katekeżi awtentika jekk nieqsa mix-xhieda tal-bnedmin tad-demm u l-laħam.  Min minn fostna ma jiftakarx imqar wieħed/waħda mill-katekisti li kellu?  Jien niftakar:  niftakar fis-soru li ħejjietni għall-Ewwel Tqarbina u li kienet tant ġentili miegħi.  Dawn huma l-ewwel protagonisti tal-katekeżi, messaġġiera tal-Evanġelju, spiss nies lajċi, li bil-ġenerożità jimpenjaw ruħhom  biex jaqsmu s-sbuħija tal-laqgħa tagħhom ma' Ġesù.  Min huma l-katekisti?  Huma nies li jżommu ħajja l-memorja ta' Kristu, iżommuha ħajja fihom - huma dawk li jżommu għadejja l-memorja tal-istorja tas-salvazzjoni - u għadnhom ħila jerġgħu jqajjmuha fl-oħrajn. .....  Il-katekist hu nisrani li din il-fakra poġġieha għas-servizz tat-tħabbir, mhux biex jagħmilha tal-importanti, mhux biex jitkellem dwaru nnifsu iżda biex jitkellem dwar Alla, dwar imħabbtu u l-fedeltà tiegħu" - (Omelija għal Jum il-Katekisti fis-Sena tal-Fidi, 29 ta' Settembru, 2013).

Biex dan isir, tajjeb niftakru illi "l-kerygma titlob li nagħfsu fuq xi karatteristiċi tat-tħabbira li llum neħtiġuhom kullimkien: li tesprimi l-imħabba feddejja ta’ Alla li tiġi qabel kull obbligu morali u reliġjuż, li ma timponix il-verità imma tfittex il-libertà, li hi mmarkata mill-ferħ, il-ħeġġa, il-ħajja, u sens ta’ milja armonjuża li ma tirriduċix il-predikazzjoni għal ftit duttrini kultant iżjed filosofiċi milli evanġeliċi.  Dan jitlob mill-evanġelizzatur ċerta dispożizzjoni tal-qalb li biha jista’ jgħin aħjar lil min qed jisimgħu biex jilqa’ l-messaġġ: ikun qrib tan-nies, miftuħ għad-djalogu, paċenzjuż, u dejjem lest biex jilqa’ bl-imħabba u mhux jikkundanna (Eż. App. Il-Ferħ tal-Vanġelu,165).  Dan kellu Ġesù.  Din hi l-ġjografija kollha li tgħinna nesploraw il-kerygma, dak il-kumpass infallibbli tal-fidi.

F'dal-punt - il-katekist - nerġa' ndur fuq xi ħaġa li għandha tingħad lilll-ġenituri wkoll, lin-nanniet:  il-fidi għandha tkun mgħoddija "b'lingwaġġ ċar, bid-djalett".  Il-katekist li ma jafx jispjega bil-lingwaġġ taż-żgħażagħ, tat-tfal, ta' dawk illi ....... .  U bil-kelma "djalett" minix nirreferi għal dak tal-lingwi li l-Italja għanja bihom, le, qed nirreferi għal-lingwaġġ tal-qrubija li jista' jinftiehem, għal-lingwaġġ tal-intimità.

Inħossni mqanqal ħafna b'dak ir-rakkont tax-seba' aħwa fil-Ktieb tal-Makkabin (2 Makk, 7).  F'żewġ jew tlett okkażjonijiet jgħid li l-omm għamlet il-qalb lil uliedha u kellmithom "bid-djalett" (bil-lingwa ta'missirijiethom).  Dan importanti: il-fidi vera ngħadduha "bil-lingwaġġ djalettali".  Il-katekisti għandhom jitgħallmu jitkellmu "bid-djalett" jiġifieri b'lingwaġġ li jiġi mill-qalb, li jintiret, li hu familjari għall-aħħar, lingwaġġ li hu l-aktar qrib ta' kulħadd.  Jekk m'hemmx "djalett" il-fidi ma tistax tgħaddi sħiħa jew sewwa.

It-tieni punt: il-katekeżi u l-ġejjieni.  Is-sena li għaddiet ħabat il-50 anniversarju tad-dokument: It-tiġdid tal-Katekeżi, li bih il-Konferenza Episkopali Taljana tat għarfien li dak li indika l-Konċilju.  Dwar dan intenni l-kliem li San Pawlu VI kien qal lill-ewwel Assemblea Ġenerali taċ-CEI wara l-Konċilju Vatikan II:  "Irridu nħarsu lejn il-Konċilju bi gratitudni lejn Alla u bil-fiduċja għall-ġejjieni tal-Knisja; għandha tkun l-akbar katekeżi taż-żminijiet il-ġodda" (23 ta' Ġinju, 1966).  U mill-ġdid dwar l-istess suġġett, fl-okkażjoni tal-ewwel Kungress Kateketiku Internazzjonali, kien żied jgħid: "Il-katekeżi hija ħidma li dejjem titwieled mill-ġdid u tiġġedded bla waqfien biex tifhem il-problemi li jinbtu mill-qalb tal-bniedem, biex treġġgħu lura lejn is-sors moħbi: ir-rigal tal-imħabba li taħlaq u ssalva" (25 ta' Settmebru,1971).  Għalhekk, il-katekeżi mnebbħa mill-Konċilju ma tehdiex tisma' l-qalb tal-bniedem, u tfittex li tibqa' dejjem tiġġedded.

Dan hu l-maġisteru: il-Konċilju huwa l-maġisteru tal-Knisja.  Jew int mal-Knisja, u għalhekk timxi fuq it-tagħlim tal-Konċilju, għax jekk  ma timxix fuq dak li qal il-Konċilju jew tinterpretah kif jidhirlek int, kif taħsibha int, inti m'initx mal-Knisja.  Għandna nkunu determinati u stretti dwar dal-punt.  Ma nistgħux ninnegozjaw il-Konċilju biex ikollna aktar minn dawn.......  Le, il-Konċilju kif inhu.  U dil-problema li qed inħabbtu wiċċna magħha, li mill-Konċilju nagħżlu dak li jdoqq lilna, tul l-istorja ġrat wkoll f'Konċilji oħra.  Qed niftakar fi grupp ta' Isqfijiet li wara l-Konċilju Vatikan I, inqata', grupp ta' lajċi, gruppi, biex ikomplu "d-duttrina vera" li ma kinitx dik tal-Konċilju Vatikan I: "Aħna l-veru kattoliċi"  Illum jordnaw lin-nisa.  L-attitudni l-aktar stretta, il-ħarsien tal-fidi mingħajr il-Maġisteru tal-Knisja, iwasslek għat-telfien.  Jekk jogħġobkom tagħtux wisa' lil min  jipprova jippreżenta katekeżi li ma taqbilx mal-Maġisteru tal-Knisja.

L-istess bħalma fiż-żmien ta' wara l-Konċilju il-Knisja Taljana kienet lesta u kellha ħila tħaddan is-sinjali u s-sensibbiltajiet taż-żmien, illum hi msejħa toffri katekeżi mġedda li tispira kull qasam tal-kura pastorali: il-karità, il-liturġija, il-familja, il-kultura, il-ħajja soċjali, l-ekonomija... Mill-għeruq tal-Kelma t'Alla, minn ġoz-zokk tal-għerf pastorali iwarrdu u jagħmlu l-frott toroq dwar aspetti differenti tal-ħajja.  Għalhekk il-katekeżi hija avventura straordinarja: bħala "fruntiera tal-Knisja" xogħolha hu li taqra s-sinjali taż-żminijiet u taċċetta l-isfidi t'issa u tal-ġejjieni.  M'għandniex nibżgħu nitkellmu bil-lingwaġġ tal-bnedmin tal-lum.  Iva, għandna nibżgħu nitkellmu b'lingwaġġ li hu barra mill-Knisja, iżda m'għandniex nibżgħu nużaw il-lingwaġġ tal-poplu.  M'għandniex nibżgħu nisimgħu l-mistoqsijiet tagħhom, huma x'inhuma, nisimgħu il-fraġilitajiet tagħhom, l-inċertezzi tagħhom: ejjew ma nibżgħux minn dawn. M'għandniex nibżgħu niżviluppaw għodod godda: fis-snin sebgħin il-Katekiżmu tal-Knisja Taljana kien oriġinali u apprezzat; iż-żminijiet tal-lum ukoll jeħtieġu inteliġenza u kuraġġ biex jissawru għodod ġodda, li bihom in-nies tal-lum jaslulhom l-għana u l-ferħ tal-kerygma u r-rikkezza u l-ferħ tas-sħubija mal-Knisja.

It-tielet punt: il-katekeżi u l-komunità.  Tul din is-sena mmarkata mill-iżolament u s-sens ta'solitudni minħabba l-pandemija, spiss irriflettejna fuq appartenenza li ssawwar komunità.  Dan il-virus gerrem in-nisġa tal-ħajja tat-territorji tagħna, speċjalment dawk eżistenzjali, żera' l-biża', is-suspetti, in-nuqqas ta' fiduċja u l-inċertezza.  Dgħajjef drawwiet stabbiliti u b'hekk qed jisfidana biex il-komunità narawha minn lenti oħra.  Indunajna li fil-fatt waħedna ma nistgħux ngħixu u li l-uniku mod kif noħorġu mill-kriżi aħjar milli konna, hu, li noħorġu lkoll flimkien - ħadd ma jsalva b'ħiltu, noħorġu minnha lkoll f'daqqa - inħaddnu mill-ġdid u b'konvinzjoni akbar il-komunità li ngħixu fiha.  Għaliex il-komunità mhijiex massa ta' individwi imma l-familja li aħna nintegraw magħha, il-post li fih aħna nieħdu ħsieb xulxin, iż-żgħar tal-anzjani u l-anzjani taż-żgħar, aħna tal-lum, ta' dawk li jridu jiġu għada.  Hu biss meta niskopru mill-ġdid is-sens tal-komunità li kull persuna tista' tikseb id-dinjità sħiħa tagħha.

Il-katekeżi u t-tħabbir ma jistgħux ma jpoġġux fiċ-ċentru din id-dimensjoni komunitarja.  Dan mhux żmien l-istrateġiji elitisti.  Il-komunità l-kbira: x'inhi l-komunità l-kbira?  Il-poplu fidil u qaddis ta' Alla.  Mhux possibbli li wieħed jimxi 'l quddiem maqtugħ mill-poplu fidil u qaddis ta' Alla, illi - kif jgħid il-Konċilju - huwa infallibbli in credendo.  Dejjem flimkien mal-poplu qaddis ta' Alla.  U meta tfittex affiljazzjonijiet elitisti tkun qed titbiegħed mill-poplu t'Alla, x'aktarx b'xi formuli sofistikati, imma tkun qed titlef  l-appartenenza mal-Knisja, li hija l-poplu qaddis u fidil ta' Alla.

Dan hu ż-żmien li fih għandna nkunu artiġjani ta' komunitajiet miftuħa li jagħrfu jagħtu valur lit-talenti ta' kull persuna.  Hu żmien ta' komunitajiet missjunarji ħielsa u diżinteressati lesti biex jimxu fil-mogħdijiet tan-nies ta' issa, li jmilu biex jgħinu lil min jinsab fil-ġenb.  Hu żmien li l-komunitajiet iħarsu fl-għajnejn taż-żgħażagħ diżappuntati, jagħtu merħba lil-istranġieri u jagħmlu l-qalb lil min qalbu maqtugħa.  Hu żmien li fih il-komunitajiet jidħlu fi djalogu mingħajr biża' ma' min għandu ideat differenti.  Hu żmien li, bħas-Sammaritan it-Tajjeb, il-komunitajiet isiru jafu kif jersqu lejn min hu miġrugħ mill-ħajja, jinfaxxaw il-ġrieħi bil-ħniena.  Tinsewhiex dil-kelma: ħniena.  Kemm drabi l-Evanġelji jgħidulna li Ġesù "ġietu ħniena"?  Kif għidt fil-konferenza ekkleżjali f'Firenze, jien irrid Knisja "dejjem aktar qrib min hu abbandunat, minsi, imperfett.  Nixtieq Knisja daħqana bil-wiċċ ta' mara, li tifhem, takkumpanja, iżżiegħel".  Dak li dakinhar għidt li hu umaniżmu kristjan japplika wkoll għall-katekeżi: jafferma radikalment id-dinjità ta' kull persuna bħala iben/bint Alla, joħloq fraternità fudnamentali bejn il-bnedmin kollha, jgħallem lil dak li jkun jifhem x'inhu x-xogħol, il-ħolqien jgħix fih bħala dar komuni, jagħti r-raġuni tal-ottimiżmu u l-umoriżmu minkejja li l-ħajja ħafna drabi hi ferm aktar iebsa" (Indirizz lill-Ħames Konferenza Nazzjonali tal-Knisja Taljana, Firenze, 10 ta' Novembru, 2015).

Semmejt il-Konvenzjoni ta' Firenze.  Issa, ħames snin wara, il-Knisja Taljana għandha ddur lura lejn il-Konvenzjoni ta' Firenze  u tniedi proċess Sinodali nazzjonali, komunità b'komunità, djoċesi bi djoċesi: proċess bħal dan huwa għamla ta' katekeżi wkoll.  Fil-konvenzjoni ta' Firenze tinsab preċiżament l-intwizzjoni tat-triq li għandu jieħu dan is-Sinodu.  Issa erġgħu ibdew tuh il-ħajja: dan hu ż-żmien.  U ibdew mexjin.

Għeżież ħuti, irrodilkom ħajr għal dak kollu li qed tagħmlu.  Nistedinkom tkomplu titolbu, taħsbu b'mod kreattiv dwar katekeżi inċentrata fuq il-kerygma, li taħres lejn il-ġejjieni tal-komunitajiet tagħna, ħalli l-Evanġelju jitħawwel fihom aħjar bħala komunitajiet fraterni u inklussivi.  Inberikkom u nakkumpanjakom.  U intom, jekk jogħġobkom, itolbu għalija, għandi bżonnu. Grazzi.

Bulettin tal-Uffiċċju Stampa tas-Santa Sede, 30 ta' Jannar, 2021

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber