Laikos

 

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAPA FRANĠISKU
LIS-SEMINARISTI TAD-DJOĊESIJIET TAL-CALABRIA

Sala tal-Konċistorju
It-Tnejn, is-27 ta’ Marzu 2023

Għeżież ħuti Isqfijiet,

Għeżież formaturi u seminaristi, l-għodwa t-tajba!

Nirringrazzja lill-Konferenza Episkopali tal-Calabria talli xtaqtu tagħmlu dan il-pellegrinaġġ f’Ruma mas-seminaristi u ninsab kuntent li qed nilqagħkom. Grazzi lill-E.T. Mons Fortunato Morrone għad-diskors tiegħu. Insellem lir-Retturi, lid-Diretturi Spiritwali u lill-Formaturi u lill-Isqfijiet.  Ovvjament: ġejtu fdati b’biċċa xogħol importanti, li teħtieġ l-isforz ta’ kuljum ta’ akkumpanjament u dixxerniment; grazzi tal-ħidma kollha li tagħmlu mas-seminaristi, kultant fil-moħbi u li għandha t-tbatijiet tagħha. Grazzi!

Anke jekk artkom kultant tissemma’ fl-aħbarijiet, u nisimgħu b’feriti qodma kif ukoll  ġodda, nixtieq infakkarkom li intom ulied iċ-ċiviltà Griega antika u sallum għadkom tgħożżu teżori kulturali u spiritwali li jgħaqqdu l-Lvant u l-Punent. Omeru, fl-Odissea, jirrakkonta li Ulisse, lejn tmiem il-vjaġġ tiegħu, niżel fuq strixxa art li minnha seta’ jammira s-sbuħija ta’ żewġ ibħra. Dan ifakkarna li artkom hija ġawhra li tinsab bejn il-baħar Tirren u dak Jonju. U artkom tispikka wkoll bħala lok ta’ spiritwalità, fejn jinsabu santwarji importanti, figuri ta’ qaddisin u eremiti, kif ukoll il-preżenza tal-komunità Griega-Biżantina. Madankollu, hemm il-periklu li dan il-wirt reliġjuż jista’ jkun xi ħaġa tal-passat glorjuż li wieħed jista’ jammira, li ma kienx għall-impenn tagħkom li tippromwovu l-evanġelizzazzjoni u l-formazzjoni saċerdotali.

Nixtieq nibda minn kelma meħuda mill-Evanġelju ta’ Ġwanni: “Baqgħu miegħu” (Ġw 1,39). Din tirreferi għall-ewwel dixxipli li marru wara Ġesù, u tfakkarna li dan hu l-pedament ta’ kollox: li nibqgħu mal-Mulej u npoġġu lilU bħala l-pedament tal-ministeru tagħna; inkella nkunu qed infittxu fuq kollox lilna nfusna u, filwaqt li nkunu impenjati fuq affarijiet li jidhru tajbin, dan inkunu qed nagħmluh biex nimlew il-vojt li jkollna f’qalbna. Hekk kien jitlob bniedem importanti li ġej mill-art tagħkom, il-Qaddej ta’ Alla Kassjodoru: «Kull ħaġa i titbiegħed mill-imħabba tal-maestà tiegħek, tispiċċa fir-rovina. Min iħobbok ikun qed isalva ruħu [...] min jitlef lilek, imut» (Kassjodoru, De anima, XVIII). Din hi l-vokazzjoni tagħkom: li timxu t-triq mal-Mulej, bl-imħabba tal-Mulej. U noqogħdu attenti li ma naqgħux fin-nasba tal-karrieriżmu, li huwa bħall-pesta, il-karrieriżmu huwa waħda mill-agħar forom ta’ mondanità li jista’ jkollna aħna l-kjeriċi.

Madankollu, nixtieq nitkellem fuq il-mistoqsija tal-bidu li Ġesù staqsa liż-żewġ dixxipli meta ntebaħ li kienu mexjin warajh: “Xi tridu?”. (v. 38). Xi drabi aħna jkunu qed nfittxu “riċetta” faċli, iżda Ġesù jibda b’mistoqsija li tistedinna nħarsu ʼl ġewwa, ġo fina, biex naraw ir-raġunijiet għalfejn qed nimxu warajh. U llum nixtieq nistaqsikom din il-mistoqsija.

L-ewwelnett lis-seminaristi: intom x’qed tfittxu? Xi tridu? X’inhi x-xewqa li ġagħlitkom toħorġu tiltaqgħu mal-Mulej u timxu warajh fit-triq tas-saċerdozju? X’inti tfittex fis-Seminarju? U x’qed tfittex fis-saċerdozju? Dan irridu nistaqsu lilna nfusna, għax kultant jiġri li “wara apparenzi ta’ reliġjożità u saħansitra ta’ mħabba lejn il-Knisja”, fir-realtà nkunu qed nfittxu “il-glorja umana u l-ġid personali” (Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Gaudium, 93). Hija ħaġa ta’ swied il-qalb meta tiltaqa’ ma’ saċerdoti li jġibu ruħhom ta’ ħaddiema, u jinsew li huma rgħajja tan-nies u jinbidlu fi kjeriċi tal-istat, bħal dawk tal-qrati Franċiżi, “monsieur l’Abbé”, li kienu kjeriċi tal-istat. Huwa ħażin meta nitilfu s-sens saċerdotali. Jista’ jkun hemm min ifittex il-ministeru saċerdotali bħala kenn biex jinħeba warajh jew bħala rwol biex jikseb prestiġju, minflok ma jixtieq li jkun ragħaj bl-istess qalb mimlija kompassjoni u ħniena bħal dik ta’ Kristu. Qed nistaqsikom bl-istess kliem li nsibu f’wieħed mill-kotba tagħkom: tridu intom tkunu saċerdoti klerikali li ma jafux jintagħġnu bit-tafal tal-umanità li tbati, jew tridu tkunu bħal Ġesù, sinjal tat-tenerezza tal-Missier? Hawn, ejjew niftakru dan: is-Seminarju huwa żmien li fih inkunu fil-verità magħna nfusna, fejn inħallu l-maskri jaqgħu, u mhux nirreċtaw jew l-importanti kif jarawna l-oħrajn. U f’dan il-proċess ta’ dixxerniment, ħallu l-Mulej jaħdem fuqkom, biex jagħmilkom rgħajja għal qalbu. U l-kontra ta’ dan huwa li nilbsu l-maskri, li nagħmlu ta’ birruħna, li l-importanti huwa kif nidhru – imma dan jagħmluh il-ħaddiema u mhux ir-rgħajja tal-poplu.

Madankollu, nixtieq ukoll nindirizza l-mistoqsija ta’ Ġesù lil ħuti l-Isqfijiet: x’intom tfittxu? X’tixtiequ għall-futur ta’ artkom, liema tip ta’ Knisja tridu? U x’tip ta’ saċerdot tixtiequ għall-poplu? U minħabba li intom responsabbli mill-formazzjoni ta’ dawn iż-żgħażagħ: x’figura qed toffrulhom biex tiffurmawhom? Dan id-dixxerniment illum huwa meħtieġ aktar minn qatt qabel, għax illum, li m’għadx għandna dak il-kristjaneżmu tal-imgħoddi, infetaħ quddiemna żmien ġdid għall-Knisja, u dan jitlob li nagħmlu wkoll riflessjoni fuq il-figura u l-ministeru tas-saċerdot. Ma nistgħux nibqgħu naħsbu li s-saċerdot huwa ragħaj għalih waħdu, magħluq fit-territorju tal-parroċċa jew f’xi grupp magħluq ta’ saċerdoti; hemm bżonn li llum ningħaqdu bejnietna u naqsmu l-ideat tagħna u qlubna biex nistgħu niffaċċjaw sfidi pastorali li issa huma mifruxin fil-Knejjes djoċesani kollha ta’ dak ir-Reġjun. Qed jiġu f’moħħi,  pereżempju, l-evanġelizzazzjoni taż-żgħażagħ; il-korsijiet ta’ inizjazzjoni Kristjana, il-pjetà popolari – intom għandkom pjetà popolari rikka ħafna - li teħtieġ għażliet preċiżi ispirati mill-Vanġelu; imma qed jiġu f’moħħi wkoll il-bżonn tal-karitjiet u l-promozzjoni tal-kultura tal-legalità. Nagħmel enfasi fuq din li għadni kemm semmejt: il-kultura tal-legalità. Kif inhuma l-qrati tagħkom? Kif tiġi eżerċitata l-ġustizzja fid-djoċesijiet tagħkom?

Dan kollu jitlob li jiġu ffurmati saċerdoti li, filwaqt li jkunu ġejjin minn ambjenti differenti, ikunu kapaċi jikkultivaw viżjoni komuni tat-territorju u jkollhom formazzjoni umana, spiritwali u teoloġika ħolistika. Għalhekk, nixtieq nitlob lilkom Isqfijiet biex tagħmlu għażla ċara dwar il-formazzjoni tas-saċerdoti: tindirizzaw l-enerġiji umani, spiritwali u teoloġiċi tagħkom kollha f’Seminarju wieħed. Jien ngħid li jkun wieħed. Jistgħu jkunu tnejn iżda magħdudin flimkien: indirizzati lejn l-għaqda, b’differenzi li jista’ jkun hemm, imma jeħtieġ li naslu hemm. Dan ma jfissirx li jispiċċaw is-seminarji; araw intom kif issir din l-għaqda. Mhijiex għażla loġistika jew sempliċiment numerika, imma hija iktar immirata biex niżviluppaw flimkien viżjoni ekkleżjali u ta’ ħajja saċerdotali, minflok ma naħlu l-enerġiji tagħna billi noqogħdu nimmultiplikaw il-postijiet ta’ formazzjoni u nħallu miftuħa seminarji żgħar bi ftit seminaristi biss. Seminarju ta’ 4, 5, 10 mhuwiex seminarju, ma niffurmawx seminaristi hekk; seminarju ta’ 100 huwa anonimu, ma jiffurmax seminaristi... Hemm bżonn komunitajiet żgħar, anke fi ħdan seminarju kbir, jew seminarju ta’ daqs moderat li jkun jirrifletti l-kunsill presbiterali. Dan id-dixxerniment mhux faċli jsir, mhux faċli. Imma jeħtieġ li jsir u jridu jittieħdu deċiżjonijiet dwaru. Mhemmx għalfejn tkun Ruma li tgħidilkom x’għandkom tagħmlu, għax intom għandkom il-kariżma. Aħna nagħtu l-ideat, l-orjentazzjonijiet, il-pariri, imma intom għandkom il-kariżma, għandkom l-Ispirtu s-Santu. Kieku Ruma kellha tibda tiddeċiedi hi, tkun qed tagħti daqqa ta’ ħarta lill-Ispirtu s-Santu, li jaħdem fil-Knejjes partikolari.

Dan il-proċess bdejna narawh iseħħ f’diversi partijiet tad-dinja u huwa naturali li jkun hemm xi reżistenzi jew diffikultajiet biex jittieħed dan il-pass. Imma ejjew niftakru li r-rabta mal-istorja tagħna u mal-postijiet sinjifikanti tat-tradizzjoni tagħna m’għandhiex iżżommna milli l-Ispirtu jurina toroq ġodda li rridu naqbdu, speċjalment meta l-mixja tal-Knisja titlob dan minna. Il-Mulej jitlobna attitudni ta’ viġilanza, li nkunu għassa, biex ma jiġrilniex “bħal fi żmien Noè”, meta n-nies kien ħsiebhom fuq l-affarijiet tas-soltu, u ma ndunawx li kien ġej id-dilluvju (ara Lq 17, 26-27). Jeħtieġ li għajnejna jkunu miftuħin, u qalbna tkun attenta biex nindunaw bis-sinjali taż-żminijiet u nħarsu ʼl quddiem! Nirrakkomanda lil kulħadd, mhux lill-isqfijiet biss, biex nagħrfu dak li jrid l-Ispirtu s-Santu għall-Knejjes tagħkom. U din – id-deċiżjoni – trid issir mill-Isqfijiet imma hi deċiżjoni li tridu tagħmlu lkoll flimkien, billi tgħidu lill-Isqfijiet x’qed tħossu u kif taħsbuha... Huwa l-ġisem kollu tad-djoċesi li jrid jgħin lill-Isqof f’dan id-dixxerniment. Imbagħad hu jerfa’ r-responsabbiltà tad-deċiżjoni.

Dan li se ngħid, se ngħidu speċjalment lilkom Isqfijiet, intom li tixtiequ l-ġid ta’ artkom u għandkom għal qalbkom il-formazzjoni ta’ saċerdoti futuri: jekk jogħġobkom, tħallux li tkunu paralizzati min-nostalġija, u tkunux priġunieri ta’ provinċjaliżmu li tant jagħmlu ħsara! U intom, Isqfijiet emeriti, tħallux l-appoġġ tagħkom għal dan il-proċess ikun nieqes mis-skiet u mit-talb. Qed insemmi s-skiet u t-talb għaliex meta Ragħaj ikun temm il-mandat tiegħu, joħroġ il-profil spiritwali tiegħu u l-mod kif huwa serva lill-Knisja: wieħed jista’ jara jekk tgħallimx jitlaq kollox u “jinża... mill-pretensjoni li jħossu indispensabbli” (Ittra Appostolika Imparare a congedarsi ), jew jekk ikomplix ifittex spazji biex jikkundizzjona l-mixja tad-djoċesi. Dawk li huma emeriti huma msejħin biex jaqdu lill-Knisja bi gratitudni bil-mod li jixraq lill-istat tagħhom. Mhux faċli li titlaq kollox minn idejk; kulħadd jeħtieġ sforz biex jagħmel dan. Jien ktibt ittra dwar dan is-suġġett li tibda b’dan il-kliem: “Nitgħallem inħalli kollox”, mingħajr ma noqgħod nindaħal, nitgħallem inħalli kollox u nżomm dik il-preżenza assenti, dik il-preżenza mill-bogħod, li biha wieħed ikun jaf li hemm Isqof Emeritu imma li dan qed jitlob għall-knisja, jinsab dejjem qrib, imma ma jindaħalx. Mhux faċli. Hija grazzja tal-Ispirtu li titgħallem tħalli kollox.

Għeżież, bħal-lum, 27 ta’ Marzu 1416, twieled il-Qaddus Patrun tagħkom, Franġisku  minn Paola: hija ħaġa sabiħa li tinsabu hawn proprju f’dan il-jum! Fuq is-sodda tal-mewt huwa qal lil ħutu li ma kellux teżori x’iħallilhom, u ħeġġeġhom: “Ħobbu lil xulxin u agħmlu kollox bl-imħabba”. Dan huwa dak li tistenna minnkom il-Calabria: agħmlu kollox bl-imħabba, bl-għaqda, bħall-aħwa. U nixtieq ngħidilkom xi ħaġa: oqgħodu attenti għat-tribunali, għax ħafna drabi hemm tibda l-korruzzjoni. Oqgħodu attenti, oqgħodu attenti mit-tribunali. U araw li jkun hemm tibdil fit-tribunali.

Nirringazzjakom taż-żjara tagħkom. Intom komunità sabiħa u nħeġġiġkom tkunu l-ħmira tal-Evanġelju u sinjal ħaj ta’ tama għal artkom. Imxu flimkien, u l-formazzjoni għamluha f’Seminarju wieħed, jew fi tnejn jew tlieta, iżda flimkien, mhux iżolati għal rashom fi gruppi żgħar. Din il-kelma “flimkien” hija l-messaġġ, araw intom kif tagħmlu dan “il-flimkien”; imma flimkien, mhux kulħadd għal rasu, mhux bħallikieku tribujiet differenti, imma flimkien, fil-mod kif tagħżlu intom. Kunu kuraġġużi f’din id-deċiżjoni, kunu kuraġġużi! Ħaġa li tolqotni hawn f’Ruma, speċjalment meta jkolli mmur l-ajruport, hija meta ngħaddi minn quddiem dawk id-djar ta’ formazzjoni li żmien ilu – qed nitkellem fuq is-snin 60, 70 –, il-perjodu li fih il-vokazzjonijiet kienu jiffjorixxu, dawn kienu d-djar il-kbar tal-formazzjoni: illum ħafna minnhom huma vojta. Hija iebsa. Sibu stil ta’ formazzjoni li jkun dejjem ħaj u li ma jiddependix minn dak li hu esterjuri, imma mill-qawwa tal-Ispirtu s-Santu; u fuq dan ħudu deċiżjonijiet bil-kuraġġ, bil-kuraġġ! Il-Mulej dejjem jakkumpanjakom. Nerġa’ ngħidilkom: flimkien, u bi fraternità. U imxu ʼl quddiem b’fiduċja u bil-ferħ! Il-Madonna takkumpanjakom u tħariskom. Il-Madonna hija omm, u l-ommijiet jafu jagħmlu dan, jafu aħjar minna. Inberikkom ilkoll minn qalbi. U jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija; għalija u mhux konrija! Grazzi.

 

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Roy Galdes