XVI ASSEMBLEA ĠENERALI ORDINARJA TAS-SINODU TAL-ISQFIJIET

WAQT TA’ TALB GĦALL-MIGRANTI U R-RIFUĠJATI

RIFLESSJONI TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

F’riġlejn l-iskultura fi Pjazza San Pietru
Il-Ħamis, 19 ta’ Ottubru, 2023

Qatt m’aħna se nkunu grati biżżejjed lejn San Luqa talli wasslilna dil-parabbola tal-Mulej (Il-parabbola tas-Sammaritan it-tajjeb: Lq 10,25-37).  Din hi wkoll il-qofol tal-Enċiklika Fratelli tutti, għax hi muftiħ, anzi ngħid hija l-muftiħ biex mill-għeluq tad-dinja ngħaddu għal dinja aktar miftuħa, minn dinja fi gwerra lejn il-paċi ta’ dinja oħra.  Illejla smajnieha (il-parabbola) aħna u niftakru fil-migranti, li qed narawhom rappreżentati f’din l-iskultura kbira: irġiel u nisa ta’ kull età u provenjenza; u f’nofshom l-anġli, li qed imexxuhom.

It-triq li minn Ġerusalemm kienet twassal sa Ġeriko ma kinitx triq żgura, kif illum mhumiex żguri l-bosta rotot migratorji li jaqsmu deżerti, foresti, xmajjar, ibħra.  Kemm ħutna llum isibu ruħhom fil-kundizzjoni tar-raġel tal-parabbola?  Bosta!  Kemm minnhom jisirquhom, ineżżgħuhom u jsawtuhom tul it-triq?  Jitilqu għax it-traffikanti bla skrupli jingannawhom.  Imbagħad jispiċċaw mibjugħin qieshom biċċa merċa.  Jissekwestrawhom, jitfgħuhom il-ħabs, jisfruttawhom u jagħmluhom ilsiera.  Jispiċċaw umiljati, torturati, vjolentati.  U bosta u bosta jmutu qabel ma jaslu fejn jixtiequ.  Ir-rotot migratorji ta’ żmienna poplati minn irġiel u nisa miġrugħin u mħollijin nofshom mejta, (popolati) minn aħwa li t-tbatija tagħhom hi għajta quddiem Alla.  Spiss huma persuni maħrubin mill-gwerra u mit-terroriżmu, kif, sfortunatament qed naraw jiġri dal-ġranet.

Illum ukoll, bħal qabel, hemm min iħares u jibqa’ sejjer, biċ-ċertezza li għandu ġustifikazzjoni tajba għal għemilu, imma li fir-realtà mhix ħlief egoiżmu, indifferenza, biża’.  Din hi l-verità.  Iżda, x’jgħid l-Evanġelju ta’ dak is-Sammaritan?  Jgħid li hu ra lil dak ir-raġel miġrugħ u ġietu ħniena (v.33).  Din hi ċ-ċavetta.  Il-ħniena hi t-timbru ta’ Alla fi qlubna.  L-istil ta’ Alla hu qrubija, ħniena u ħlewwa: dan hu l-istil ta’ Alla.  U l-ħniena ta’ Alla hi t-timbru ta’ Alla fil-qlub tagħna.  Dan hu l-qofol ta’ kollox.  Hawn hi l-bidla fid-direzzjoni.  Infatti, minn dak il-ħin il-ħajja ta’ dak il-miġrugħ tibda tistaħja, bis-saħħa ta’ dak il-barrani li kellu mġieba fraterna.  U hekk, il-frott mhuwiex biss l-att ta’ għajnuna, il-frott hu l-fraternità.

Bħas-Sammaritan it-tajjeb, aħna msejħin biex insiru proxxmu ta’ kull min iterraq it-toroq tal-lum, biex insalvawlhom ħajjithom, indewwulhom il-ġrieħi, intaffulhom in-niket.  Sfortunatament, għal ħafna huwa tard wisq u ma baqgħalna xejn aktar ħlief li nibku fuq qabarhom, jekk għandhom wieħed, jekk il-Mediterran ma spiċċax biex sar qabarhom.  Iżda l-Mulej jaf wiċċ kull wieħed u waħda minnhom, u ma jinsieħx.

Għas-Sammaritan it-tajjeb mhux biżżejjed li jagħti għajnuna fit-triq lill-imsejken raġel.  Jgħabbieh fuq il-ħmar, jieħdu f’lukanda u jieħu ħsiebu.  Hawn nistgħu nsibu s-sens tal-erba’ verbi li jiġbru fihom l-aġir tagħna mal-migranti: laqgħa, ħarsien, promozzjoni, integrazzjoni.  Il-migranti għandna nilqgħuhom, inħarsuhom, immexxuhom ‘il quddiem u nintegrawhom.  Għaldaqstant għandna nħejju ruħna kif jixraq għall-isfidi tal-migrazzjoni tal-lum, u nifhmu iva, il-kritiċità imma wkoll l-opportunità li joffrulna, bl-għan tat-tisħiħ ta’ soċjetajiet aktar inklussivi, isbaħ u aktar paċifiċi.

Ippermettuli niġbed l-attenzjoni dwar urġenza ta’ azzjoni oħra li mhix fil-parabbola.  Ilkoll għandna nimpenjaw ruħna biex it-triq tkun aktar żgura, ħalli min iterraqha llum ma jisfax vittma tal-ħallelin.  Jeħtieġ inżidu sfiq l-isforzi biex nikkumbattu l-qawwiet kriminali, li jispekulaw fuq il-ħolm tal-migranti.  Iżda hu daqstant meħtieġ li nuruhom li hemm toroq aktar żguri.  Għalhekk hemm bżonn inżidu l-għadd tat-toroq migratorji regolari.  Fix-xenarju tad-dinja attwali huwa evidenti kemm hi kbira l-ħtieġa li nħeġġu djalogu bejn il-politika demografika u ekonomika ma’ dik migratorja, għal-ġid ta’ kulmin hu implikat, bla qatt ninsew li fiċ-ċentru nqiegħdu lill-aktar dgħajfa.  Jeħtieġ ukoll nippromwovu kuntatt maqbul u ko-responsabbli fit-tmexxija tal-movimenti migratorji, li fis-snin li ġejjin jidher li se jiżdiedu.

Laqgħa, ħarsien, tmexxija ‘l quddiem u integrazzjoni: din hi l-ħidma li għandna nagħmlu.

Nitolbu  lill-Mulej il-grazzja li nsiru proxxmu għall-migranti u r-rifuġjati kollha li jħabbtu fuq biebna għax illum “kulmin mhux ħalliel u kulmin ma jżommx bogħod, jew hu miġruħ inkella qed iġorr fuq spallejh lil xi ħadd ferut” (cfr Fratelli tutti, 70).

U issa nagħmlu waqt żgħir ta’ skiet waqt li niftakru f’dawk kollha li ntilfu, li tilfu ħajjithom tul id-diversi rotot migratorji, u dawk kollha li sfaw sfruttati, ilsiera.

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber