DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU

LILL-FIDILI TAD-DJOĊESI TA’ RUMA

Awla Pawlu VI

Is-Sibt 18 ta’ Settembru 2021

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Kif tafu – din mhix xi aħbar ġdida! –, wasal biex jibda proċess sinodali, mixja li fiha l-Knisja kollha qed timpenja ruħha fuq it-tema: “Lejn Knisja sinodali: komunjoni, parteċipazzjoni, missjoni”: tliet pilastri. Huma previsti tliet fażijiet, li se jiżvolġu bejn Ottubru 2021 u Ottubru 2023. Din il-mixja ġiet maħsuba bħala dinamiżmu ta’ smigħ reċiproku, nixtieq nagħfas fuq dan: dinamiżmu ta’ smigħ reċiproku, fuq kull livell ta’ Knisja, bis-sehem tal-poplu kollu ta’ Alla. Il-Kardinal Vigarju u l-Isqfijiet Awżiljarji għandhom jisimgħu lil xulxin, is-saċerdoti għandhom jisimgħu lil xulxin, ir-reliġjużi għandhom jisimgħu lil xulxin, il-lajċi għandhom jisimgħu lil xulxin. U mbagħad, ilkoll nisimgħu lil xulxin. Nisimgħu lil xulxin; nitkellmu ma’ xulxin u nisimgħu lil xulxin. Mhux qed ngħidu li noqogħdu niġbru l-opinjonijiet, le. Din mhix xi inkjesta; qed nisimgħu lill-Ispirtu s-Santu, kif naqraw fil-ktieb tal-Apokalissi: “Min għandu widnejn, ħa jisma’ x’għandu x’jgħid l-Ispirtu lill-Knejjes” (2:7). Li jkollna widnejn, nagħtu widen, dan hu l-ewwel impenn. Irridu nisimgħu l-leħen ta’ Alla, nilqgħu l-preżenza tiegħu, nintebħu li hu għaddej u bin-nifs tal-ħajja li jagħti hu. Hekk ġralu l-profeta Elija, skopra li Alla hu dejjem Alla tas-sorpriżi, anki fil-mod li bih jgħaddi u jagħmel lilu nnifsu preżenti:

 

“Riħ qawwi, b’saħħa li jofroq il-muntanji u jfarrak il-blat […]; imma l-Mulej ma kienx f’dan ir-riħ. U wara dan ir-riħ theżżet l-art imma l-Mulej ma kienx f’din it-theżżiża. U wara t-theżżiża kien hemm in-nar, imma l-Mulej ma kienx fin-nar. Wara n-nar inħasset żiffa ħelwa. Elija, kif ħassha, għatta wiċċu bil-mantell, ħareġ barra, u waqaf f’bieb l-għar” (1 Slat 19:11-13).

 

Hekk ikellimna Alla. U hu għal din iż-“żiffa ħelwa” – li l-eseġeti jittraduċu wkoll “leħen ħelu ta’ ħemda” u xi ħadd ieħor “ħajta ta’ skiet li jinstema’” – li rridu nwaqqfu widnejna, biex inħossu u nisimgħu din iż-żiffa ta’ Alla.

 

L-ewwel tappa tal-proċess (Ottubru 2021 – April 2022) hi dik li tolqot kull Knisja djoċesana għaliha. U għalhekk li jien ninsab hawn, bħala Isqof tagħkom, biex naqsam magħkom, għax importanti ħafna li d-Djoċesi ta’ Ruma tħabrek b’konvinzjoni f’din il-mixja. Ma tantx taqta’ figura tajba d-Djoċesi tal-Papa jekk ma tħabrikx għal dan, le? Tkun taqta’ figura kerha għall-Papa u anki għalikom.

 

It-tema tas-sinodalità mhijiex il-kapitlu ta’ xi trattat tal-ekkleżjoloġija, u wisq inqas xi ħaġa tal-moda, slogan jew xi terminu ġdid biex nużawh jew ninqdew bih fil-laqgħat tagħna. Le! Is-sinodalità tesprimi n-natura tal-Knisja, il-bixra tagħha, l-istil tagħha, il-missjoni tagħha. U għalhekk nitkellmu fuq Knisja sinodali, imma dan nevitaw li nqisuh bħala titlu fost oħrajn, mod ta’ ħsieb fost alternattivi oħra. Dan m’iniex ngħidu bħala xi opinjoni teoloġika, lanqas bħala ħsieb personali, imma qed nimxi ma’ dak li nistgħu nqisuh bħala l-ewwel u l-aktar “manwal” importanti ta’ ekkleżjoloġija, li huwa l-ktieb tal-Atti tal-Appostli.

 

Il-kelma “sinodu” fiha dak kollu li għandna bżonn biex nifhmu: “nimxu flimkien”. Il-ktieb tal-Atti huwa l-istorja ta’ mixja li tibda Ġerusalemm u, hija u tgħaddi mis-Samarija u l-Lhudija, timxi mir-reġjuni tas-Sirja u tal-Asja Minuri u allura fil-Greċja, sakemm tagħlaq Ruma. Din it-triq tirrakkonta l-istorja li fiha jimxu flimkien il-Kelma ta’ Alla u l-persuni li lejn dik il-Kelma jduru b’attenzjoni u fidi. Il-Kelma ta’ Alla timxi magħna. Ilkoll aħna protagonisti, ħadd ma jista’ jitqies bħala żejjed. Dan hemm bżonn nifhmuh waħda u sew: kulħadd hu protagonista. M’għadux protagonista l-Papa, il-Kardinal Vigarju, l-Isqfijiet Awżiljarji; le: ilkoll aħna protagonisti, u ħadd ma jista’ jitqies bħala sempliċi attur wara l-kwinti. F’dak iż-żmien il-ministeri kienu għadhom jitqiesu bħala servizzi awtentiċi. U l-awtorità kienet tiġi mis-smigħ tal-leħen ta’ Alla u tal-poplu – qatt mifrudin – li kienet iżżomm “fil-baxx” lil dawk li jirċevuha. Il-“baxx” tal-ħajja, u lilha kien meħtieġ jingħata s-servizz tal-karità u tal-fidi. Imma dik l-istorja mhijiex attiva biss għal dawk il-postijiet ġeografiċi li fihom isseħħ. Hi tesprimi nuqqas ta’ kwiet ġewwieni kontinwu: din hi kelma muftieħ, in-nuqqas ta’ kwiet ġo fina. Jekk Nisrani ma jħossx fih dan it-tħassib ġewwieni, jekk ma jgħixux, tkun tonqsu xi ħaġa; u dan in-nuqqas ta’ kwiet ġewwieni jinbet sewwasew mill-fidi tagħna u jistedinna ngħarblu x’l-aħjar nagħmlu, x’għandna nżommu u x’għandna nibdlu. Dik l-istorja tgħallimna li ma tistax tkun qagħda tajba għall-Knisja li tibqa’ wieqfa bla ma titħarrek (ara Evangelii gaudium, 23). U l-moviment hu konsegwenza tad-doċilità għall-Ispirtu s-Santu, li huwa r-reġista ta’ din l-istorja li fiha kulħadd hu protagonista li m’għandux kwiet, qatt wieqaf.

 

Pietru u Pawlu mhumiex biss żewġ persuni bil-karattri tagħhom, huma viżjonijiet f’ixfqa wisq ikbar minnhom, kapaċi jaraw lilhom infushom f’relazzjoni ma’ dak li qed iseħħ, xhieda ta’ tqanqil li jpoġġihom fi kriżi – espressjoni oħra li dejjem għandna nżommu f’moħħna: tpoġġi fi kriżi –, li jqanqalhom biex jissugraw, jistaqsu, ibiddlu l-ħsieb, jiżbaljaw u jitgħallmu mill-iżbalji, fuq kollox li jittamaw minkejja d-diffikultajiet. Huma dixxipli tal-Ispirtu s-Santu, li jurihom x’inhi l-ġeografija tas-salvazzjoni divina, jiftħilhom bibien u twieqi, iġarraf il-ħitan, ikisser il-ktajjen, jiftaħ il-konfini. Allura jista’ jkun hemm bżonn nitilqu minn fejn aħna, nibdlu t-triq, negħlbu konvinzjonijiet li jżommuna u ma jħalluniex nitħarrku u nimxu flimkien.

 

Nistgħu naraw l-Ispirtu li jwassal lil Pietru biex imur fid-dar ta’ Kornelju, iċ-ċenturnju pagan, minkejja t-tlajjar tiegħu. Ftakru: Pietru kellu viżjoni li kienet ħawditu ftit, li fiha ġie mitlub jiekol ikel meqjus imniġġes, u, minkejja r-rassigurazzjoni li dak li Alla jnaddaf m’għandux jitqies imniġġes, baqa’ mifxul. Kien qed jipprova jifhem, u hawn jaslu l-irġiel mibgħuta minn Kornelju. Hu wkoll kien irċieva viżjoni u messaġġ. Kien uffiċċjal Ruman, bniedem twajjeb, simpattizant tal-Ġudaiżmu, imma kien għadu mhux biżżejjed biex ikun Lhudi jew Nisrani sħiħ: l-ebda “dwana” reliġjuża ma kienex ħa tħallih jgħaddi. Kien pagan, imma jirċievi rivelazzjoni li t-talb tiegħu wasal għand Alla, u kellu jibgħat lil xi ħadd biex jgħid lil Pietru jiġi f’daru. F’dan il-mument inċert, minn naħa Pietru bid-dubji tiegħu, u mill-oħra Kornelju li kien qed jistenna bla ma jaf x’ħa jiġri, huwa l-Ispirtu li jdewweb ir-reżistenzi ta’ Pietru u jiftaħ paġna ġdida tal-missjoni. Hekk jaħdem l-Ispirtu. Il-laqgħa bejn it-tnejn tissiġilla waħda mill-isbaħ frażijiet tal-Kristjaneżmu. Kornelju kien ħareġ jiltaqa’ miegħu, kien inxteħet f’riġlejh, imma Pietru qajmu u qallu: “Qum. Jien bniedem ukoll!” (Atti 10:26), u dan ilkoll ngħiduh: “Jiena bniedem, jiena bniedma, aħna umani”, u kollha għandna ngħiduh, anki l-Isqfijiet, ilkoll kemm aħna: “Qum: jiena wkoll bniedem”. U t-test jisħaq li hu tkellem miegħu b’mod familjari (ara v. 27). Il-Kristjaneżmu dejjem għandu jkun uman, umanizzanti, jirrikonċilja d-differenzi u d-distanzi u jibdilhom f’familjarità, fi qrubija. Fost il-ħażen fil-Knisja, anzi perverżjoni, hemm dan il-klerikaliżmu li jaqta’ lill-qassis, lill-Isqof min-nies. L-Isqof u l-qassis maqtugħ min-nies hu funzjonarju, mhux ragħaj. San Pawlu VI kien iħobb jikkwota l-massima ta’ Terenzju: “Jiena bniedem, u xejn minn dak li huwa uman ma nqisu barrani għalija”. Il-laqgħa bejn Pietru u Kornelju solviet problema, għax iffavoriet id-deċiżjoni li jħossuhom ħielsa li jipprietkaw direttament lill-pagani, fil-konvinzjoni – dawn huma l-kelmiet ta’ Pietru – li “Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd” (Atti 10:34). F’isem Alla ma tistax tiddiskrimina. U d-diskriminazzjoni hija dnub fostna wkoll: “Aħna l-puri, aħna l-magħżulin, aħna minn dan il-moviment li jaf kollox, aħna…”. Le. Aħna Knisja, ilkoll flimkien.

 

U araw, ma nistgħux nifhmu l-“kattoliċità” mingħajr ma nirriferu għal dan il-qasam wiesa’, ta’ opsitalità, li qatt ma jtella’ ħitan. Li nkunu Knisja hi mixja biex nidħlu f’din il-wesgħa ta’ Alla. Imbagħad, lura għall-Atti tal-Appostli, hemm problemi li jinbtu dwar l-organizzazzjoni tan-numru dejjem jikber ta’ Nsara, u fuq kollox biex jipprovdu għall-ħtiġijiet tal-foqra. Xi wħud osservaw il-fatt li r-romol kienu qed jiġu ttraskurati. Il-mod li bih sabu s-soluzzjoni kienet li ġabru l-ġemgħa tad-dixxipli, u ħadu flimkien id-deċiżjoni li jaqgħu fuq sebat irġiel li kellhom jaħdmu l-ħin kollu fid-diakonia, fil-qadi tal-imwejjed (Atti 6:1-7). U hekk, bid-dixxerniment, bil-ħtiġijiet, bir-realtà tal-ħajja u l-qawwa tal-Ispirtu, il-Knisja tibqa’ miexja ’l quddiem, timxi flimkien, hi sinodali. Imma dejjem hemm l-Ispirtu bħala protagonista kbir tal-Knisja.

 

Barra minn hekk, hemm ukoll il-konfront bejn viżjonijiet u tamiet differenti. Ma għandniex nibżgħu li dan iseħħ mill-ġdid illum. Mhux li kien niddiskutu hekk! Huma sinjali tad-doċilità u l-ftuħ għall-Ispirtu. Jista’ jkun hemm ukoll tilwim li jasal sa punti drammatiċi, kif ġara quddiem il-problema taċ-ċirkonċiżjoni tal-pagani, sad-diskussjoni ta’ dak li aħna nsejħu l-Konċilju ta’ Ġerusalemm, l-ewwel Konċilju. Kif iseħħ illum ukoll, hemm mod riġidu kif inqisu ċ-ċirkustanzi, li jissagrifika l-makrothymía ta’ Alla, jiġifieri dak is-sabar tal-ħarsa li fiha viżjonijiet profondi, viżjonijiet wiesgħa, viżjonijiet fit-tul: Alla jara fil-bogħod, Alla m’għandux għaġla. Ir-riġidità hija perverżjoni oħra li hi dnub kontra s-sabar ta’ Alla, hija dnub kontra din is-sovranità ta’ Alla. Illum ukoll qed jiġri dan.

 

Dan seħħ dakinhar: xi wħud, li kienu kkonvertew għall-Ġudaiżmu, fl-awtoreferenzjalità kollha tagħhom kienu jżommu li ma jistax ikun hemm salvazzjoni mingħajr ma wieħed joqgħod għal-Liġi ta’ Mosè. U Pawlu argumenta kontra, għax ipproklama s-salvazzjoni direttament f’isem Ġesù. Min jeħodha kontra l-azzjoni tiegħu kien ikun jikkomprometti l-akkoljenza tal-pagani, li sadattant kienu qed jikkonvertu. Pawlu u Barnaba kienu mibgħutin Ġerusalemm mill-Appostli u mill-anzjani. Ma kinitx ħaġa faċli: quddiem din il-problema l-pożizzjonijiet kienu jidhru li ma jistgħux jingħaqdu, iddiskutew fit-tul. Kien hemm bżonn li jagħrfu l-libertà tal-azzjoni ta’ Alla, u li ma kienx hemm xkiel li seta’ jżommhom milli jilħqu l-qalb tal-persuni, kienet x’kienet il-kundizzjoni ta’ provenjenza, morali jew reliġjuża. Dak li ħall il-kwistjoni kollha kienet l-istqarrija li “Alla, li jagħraf il-qlub”, il-cardiognosta, jagħraf il-qlub, hu stess kien qed isostni l-kawża favur il-possibbiltà li l-pagani setgħu jaslu għas-salvazzjoni, “billi tahom l-Ispirtu s-Santu bħalma tah lilna” (Atti 15:8), u hekk ta lill-pagani wkoll l-Ispirtu s-Santu, kif tah lilna. B’dan il-mod rebaħ ir-rispett tas-sensibbiltajiet kollha, u trażżnu l-eċċessi; l-esperjenza li kellu Pietru ma’ Kornelju kienet teżor: hekk, fid-dokument finali, insibu x-xhieda tal-protagoniżmu tal-Ispirtu f’din il-mixja ta’ deċiżjonijiet, u tal-għerf li dejjem għandu l-ħila jnebbaħ: “Lill-Ispirtu s-Santu u lilna dehrilna li aħna ma għandna ngħabbukom b’ebda piż ieħor aktar minn dak li hu meħtieġ” (Atti 15:28). “Aħna”: F’dan is-Sinodu se nimxu fit-triq fejn nistgħu ngħidu: “lill-Ispirtu s-Santu u lilna dehrilna”, għax se tkunu fi djalogu kontinwu bejnietkom taħt l-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu, anki fi djalogu mal-Ispirtu s-Santu. Tinsewhiex din il-formula: “Lill-Ispirtu s-Santu u lilna dehrilna li aħna ma għandna ngħabbukom b’ebda piż ieħor”: lill-Ispirtu s-Santu u lilna dehrilna. Hekk għandkom tfittxu li tesprimu ruħkom, f’din it-triq sinodali, f’din il-mixja sinodali. Jekk ma jkunx hemm l-Ispirtu, ikun parlament djoċesan, imma mhux Sinodu. Aħna m’aħniex nagħmlu parlament djoċesan, m’aħniex nagħmlu studju fuq dan jew fuq l-ieħor, le: qed nagħmlu mixja ta’ smigħ ta’ xulxin u ta’ smigħ tal-Ispirtu s-Santu, ta’ diskussjoni bejnietna u anki ta’ diskussjoni mal-Ispirtu s-Santu, li hu mod ta’ kif nitolbu.

 

“Lill-Ispirtu s-Santu u lilna”. Imma dejjem ħa jkun hemm it-tentazzjoni li naħdmu waħidna, nesprimu ekkleżjoloġija sostituttiva – hemm ħafna, ekkleżjoloġiji sostituttivi – bħallikieku, meta tela’ s-Sema, il-Mulej ħalla xi vojt li jrid jimtela, u ħa nimlewh aħna. Le, il-Mulej ħallielna l-Ispirtu! Imma kliem Ġesù huwa ċar: “U jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem. […] Ma nħallikomx iltiema” (Ġw 14:16,18). Għat-twettiq ta’ din il-wegħda l-Knisja hija sagrament, kif affermat fil-Lumen gentium 1: “Il-Knisja hija, fi Kristu, bħal sagrament jew sinjal u strument tal-għaqda intima ma’ Alla u tal-unità tal-ġens tal-bnedmin kollu”. F’din il-frażi, li tiġbor ix-xhieda tal-Konċilju ta’ Ġerusalemm, hemm l-oppost ta’ min jibqa’ jwebbes rasu u jrid jieħu post Alla, għax jippretendi li jista’ jagħġen il-Knisja skont il-konvinzjonijiet kulturali u storiċi tiegħu, u jġagħalha ttella’ ħitan armati, dwani li jippuntaw subgħajhom, spiritwalitajiet li jkasbru l-gratwità tal-azzjoni ta’ Alla li fiha jixtieq jinkludi lil kulħadd. Meta l-Knisja hija xhud, bil-kliem u bil-fatti, tal-imħabba bla kundizzjonijiet ta’ Alla, tal-ospitalità wiesgħa tiegħu, tkun tesprimi tassew il-kattoliċità tagħha. U hi xprunata, minn ġewwa u minn barra, biex tivvjaġġa fl-ispazji u fiż-żminijiet. It-tqanqil u l-ħila tagħha jiġu mill-Ispirtu: “Imma meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u s-Samarija u sa truf l-art” (Atti 1:8). Tilqa’ l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu biex tkun xhud: din hi t-triq tagħna l-Knisja, u aħna nkunu Knisja jekk nimxu f’din it-triq.

 

Knisja sinodali tfisser Knisja sagrament ta’ din il-wegħda – jiġifieri li l-Ispirtu sa jkun magħna – li tidher meta nikkultivaw l-intimità mal-Ispirtu u mad-dinja li ġejja. Se jkun hemm dejjem diskussjonijiet, għall-grazzja ta’ Alla, imma s-soluzzjonijiet għandna nfittxuhom billi nagħtu l-kelma lil Alla u lill-ilħna ġo nofsna stess; nitolbu u niftħu għajnejna għal dak kollu li hawn madwarna; nipprattikaw ħajja fidila għall-Vanġelu; nistħarrġu r-Rivelazzjoni skont ermenewtika pellegrina li taf tħares il-mixja mibdija fl-Atti tal-Appostli. U dan hu importanti: il-mod ta’ kif nifhmu, kif ninterpretaw. Ermenewtika pellegrina, jiġifieri li hi f’mixja. Il-mixja li bdiet wara l-Konċilju? Le. Bdiet bl-ewwel Appostli, u tkompli. Meta l-Knisja tieqaf, ma tibqax iżjed Knisja, imma tkun assoċjazzjoni qaddisa u sabiħa li żżomm lill-Ispirtu s-Santu f’gaġġa. Ermenewtika pellegrina li taf tħares il-mixja li bdiet fl-Atti tal-Appostli. Jekk nagħmlu mod ieħor, inkunu numiljaw lill-Ispirtu s-Santu. Gustav Mahler – dan għidtu drabi oħra – kien isostni li l-fedeltà għat-tradizzjoni mhix li noqogħdu naduraw l-irmied imma li nżommu n-nar imkebbes. Nistaqsikom: “Qabel ma tibdew din il-mixja sinodali, għal xiex intom l-iżjed inklinati: li tħarsu l-irmied tal-Knisja, jiġifieri tal-għaqda tagħkom, tal-grupp tagħkom, jew biex iżżommu n-nar imqabbad? Iktar inklinati li taduraw l-affarijiet tagħkom, li jżommukom magħluqa – jiena Pietru, jiena Pawlu, jiena ta’ din l-għaqda, intom tal-oħra, jiena qassis, jiena Isqof –, jew tħossukom imsejħin biex tħarsu n-nar tal-Ispirtu?”. Kien kompożitur kbir Gustav Mahler, imma hu wkoll mgħallem ta’ għerf b’din ir-riflessjoni. Id-Dei Verbum (n. 8), hi u tikkwota l-Ittra lil-Lhud, tistqarr: “Alla li tkellem fl-imgħoddi, ma jiqafx jitkellem mal-Għarusa tal-Iben maħbub tiegħu”. Hemm formula sabiħa ta’ San Vinċenz ta’ Lérins li, xħin iqabbel il-bniedem li qed jimmatura u t-Tradizzjoni li tgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra, jistqarr li ma jistax iżomm sħiħ id-“depożitu tal-fidi” mingħajr ma jgħinu jikber: “jikkonsolida ruħu mas-snin, jiżviluppa maż-żmien, jinżel iktar fil-fond mal-età” (Commonitorium primum, 23,9) – “ut annis consolidetur, dilatetur tempore, sublimetur ætate”Dan hu l-istil tal-mixja tagħna: ir-realtajiet, jekk ma nimxux, huma bħall-ilmijiet. Ir-realtajiet teoloġiċi huma bħall-ilma: jekk l-ilma ma jiġrix imma jibqa’ wieqaf, hu l-ewwel li jsir qiegħed. Knisja wieqfa tibda timmoffa.

 

Araw kif it-Tradizzjoni tagħna hi bħal għaġna mtellgħa bil-ħmira, realtà bl-għaġna mtellgħa fejn nistgħu naraw l-iżvilupp, u fl-għaġna hemm komunjoni li sseħħ hija u tiċċaqlaq: meta nimxu flimkien naslu għall-vera komunjoni. Mill-ġdid hu l-ktieb tal-Atti tal-Appostli li jgħinna, billi jurina li l-komunjoni ma teqridx id-differenzi. Hija s-sorpriża ta’ Għid il-Ħamsin, meta l-ilsna differenti ma humiex xkiel: minkejja li kienu barranin għal xulxin, grazzi għall-azzjoni tal-Ispirtu “kull wieħed minna qiegħed jismagħhom jitkellmu bi lsien art twelidu” (Atti 2:8). Inħossuna f’darna, differenti imma solidali fil-mixja tagħna. Skużawni jekk qed intawwal, imma s-Sinodu hu ħaġa serja, u għalhekk jiena qed nissogra nitkellem…

 

Lura għall-proċess sinodali, il-fażi djoċesana hi importanti ħafna, għax twettaq is-smigħ tal-imgħammdin kollha flimkien, suġġetti tas-sensus fidei infallibbli in credendo. Hemm ħafna reżistenzi biex negħlbu l-immaġni ta’ Knisja riġidament distinta bejn kapijiet u dawk suġġetti għalihom, bejn min jgħallem u min għandu jitgħallem, u ninsew li Alla jieħu pjaċir jaqleb il-pożizzjonijiet ta’ taħt fuq: “Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, u għolla liċ-ċkejknin” (Lq 1:52), qalet Marija. Meta nimxu flimkien niskopru kif il-linja tiegħu iktar hi l-orizzontalità milli l-vertikalità. Il-Knisja sinodali ġġedded dak ix-xefaq li fuqu jfeġġ Kristu x-xemx: meta ntellgħu monumenti ġerarkiċi nkunu qed ngħattuh. Ir-ragħajja jimxu mal-poplu: aħna r-ragħajja nimxu mal-poplu, xi kultant quddiem, xi kultant fin-nofs, u xi kultant wara. Ir-ragħaj it-tajjeb hekk għandu jimxi: quddiem biex imexxi, fin-nofs biex jinkuraġġixxi u ma jinsiex ir-riħa tal-merħla, fuq wara għax il-poplu għandu wkoll ix-“xamma” tiegħu. Għandu x-xamma biex isib toroq ġodda għall-mixja, jew biex jerġa’ jsib it-triq li jkun tilef. Dan nixtieq nisħaq fuqu, u anki lill-Isqfijiet u lis-saċerdoti tad-djoċesi. Fil-mixja sinodali tagħhom ħa jistaqsu: “Imma jien kapaċi nimxi, nitħarrek, quddiem, fin-nofs u wara, jew noqgħod biss fil-katedra, mitra u baklu?”. Ragħajja li jitħalltu, imma ragħajja, mhux merħla: il-merħla taf li aħna ragħajja, il-merħla tagħmilha d-differenza. Quddiem biex nuru t-triq, fin-nofs biex inħossu kif iħoss il-poplu, u wara biex ngħinu lil dawk li jaqgħu xi ftit lura u biex inħallu xi ftit lill-poplu jsib bix-xamma tiegħu fejn huma l-itjeb mergħat.

 

Is-sensus fidei jikkwalifika lil kulħadd fid-dinjità tal-funzjoni profetika ta’ Ġesù Kristu (ara Lumen gentium, 34-35), biex hekk nistgħu niddixxernu liema huma t-toroq tal-Vanġelu llum. Hija x-“xamma” tan-nagħaġ, imma noqogħdu attenti li, fl-istorja tas-salvazzjoni, ilkoll aħna nagħaġ għar-Ragħaj li hu l-Mulej. Din ix-xbieha tgħinna nifhmu ż-żewġ dimensjonijiet li jikkontribwixxu għal din ix-“xamma”. Waħda personali u l-oħra komunitarja: aħna nagħaġ u aħna parti mill-merħla, li f’dan il-każ tirrappreżenta lill-Knisja. Qed naqraw fil-Brevjar, l-Uffiċċju tal-Qari, id-De pastoribus ta’ Wistin, u hemm jgħidilna: “Magħkom jiena nagħġa, għalikom jiena ragħaj”. Dawn iż-żewġ aspetti, personali u ekkleżjali, ma jinfirdux minn xulxin: ma jistax ikun hemm sensus fidei mingħajr parteċipazzjoni fil-ħajja tal-Knisja, li mhijiex biss l-attiviżmu Kattoliku, irid ikun hemm fuq kollox dak is-“sentire” li jiġi mis-“sentimenti ta’ Kristu” (Fil 2:5).

 

It-tħaddim tas-sensus fidei ma nistgħux nirriduċuh għall-komunikazzjoni u għall-konfront bejn opinjonijiet li jista’ jkollna dwar din jew dik it-tema, dwar dan l-aspett partikulari tad-duttrina, jew dwar dik ir-regola tad-dixxiplina. Le, dawk huma strumenti, huma espressjonijiet verbali, dommatiċi jew dixxiplinari. Imma ma għandhiex tispikka l-idea li nagħżlu bejn maġġoranzi u minoranzi: inkella dan isir parlament. Kemm drabi l-“imwarrba” saru “ġebla tax-xewka” (ara Salm 118:22; Mt 21:42), u l-“imbiegħda” saru “qraba” (Efes 2:13). L-emarġinati, il-foqra, dawk bla tama ġew magħżula jkunu sagrament ta’ Kristu (ara Mt 25:31-46). Hekk hija l-Knisja. U meta xi gruppi riedu jinqatgħu iżjed għalihom, dawn il-gruppi dejjem spiċċaw ħażin, saħansitra waslu biex ċaħdu s-Salvazzjoni, fl-ereżiji. Niftakru f’dawn l-ereżiji li ppretendew li ħa jmexxu l-Knisja huma, bħall-Pelaġjaniżmu, imbagħad il-Ġanseniżmu. Kull ereżija spiċċat ħażin. In-Njostiċiżmu u l-Pelaġjaniżmu huma tentazzjonijiet kontinwi tal-Knisja. Ninkwetaw wisq, ġustament, biex kollox jista’ jweġġaħ iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi, u dan hu tajjeb – imqar jekk spiss nispiċċaw biex inwennsu biss lilna nfusna – imma San Ġwann Kriżostmu jwissina: “Trid tagħti ġieħ lill-ġisem ta’ Kristu? Tistmellx l-għera tiegħu: tlibbsux hawn fil-knisja b’ħaririjiet u dehbijiet, u mbagħad tħallih ibati l-għera u l-ksieħ barra mill-knisja. Għaliex dak li qal: ‘Dan hu ġismi’, u wettaq kliemu, qal ukoll: ‘Kont bil-ġuħ u ma tmajtunix’, u: ‘Dak li ma għamiltux ma’ wieħed minn dawn iż-żgħar, anqas miegħi ma għamiltuh’” (Omeliji fuq il-Vanġelu ta’ Mattew, 50, 3). “Imma, Dun, x’inti tgħid? Il-foqra, it-tallaba, iż-żgħażagħ bil-vizzju tax-xorb jew id-droga, dawk kollha li s-soċjetà tarmi, huma parti mis-Sinodu?”. Iva, ħabib, iva, ħabiba: m’iniex ngħidu jien, qed jgħidu l-Mulej: huma parti mill-Knisja. Sal-punt li jekk inti ma ssejħilhomx, irridu naraw kif ħa nagħmlu, jew jekk int ma tmurx għandhom biex toqgħod ftit magħhom, biex tisma’ mhux x’qegħdin jgħidu imma x’qed jisimgħu, imqar l-insulti li jagħmlulek, m’initx tagħmel ġid lis-Sinodu. Is-Sinodu jasal sat-trufijiet, jiġbor lil kulħadd. Is-Sinodu jfisser ukoll li nagħmlu wisa’ għad-djalogu fuq il-miżerji tagħna, il-miżerji li għandi jien bħala Isqof tagħkom, il-miżerji li għandhom l-Isqfijiet Awżiljarji, il-miżerji li għandhom il-qassisin u l-lajċi u dawk li għandhom l-għaqdiet; naqbdu din il-miżerja kollha! Imma jekk aħna ma ninkludux il-miżerabbli – biex ngħidu hekk – tas-soċjetà, dawk mormijin, qatt ma nistgħu nerfgħu r-responsabbiltà tal-miżerji tagħna. U dan hu importanti: li fid-djalogu jistgħu joħorġu l-miżerji tagħna, bla ġustifikazzjonijiet. La tibżgħux!

 

Hemm bżonn inħossuna parti minn poplu wieħed kbir destinatarju tal-wegħdiet divini, miftuħin għal futur li qed jistenna lil kull wieħed u waħda minna biex nieħdu sehem fil-festa tat-tieġ imħejjija minn Alla għall-ġnus kollha (ara Iż 25:6). U hawn nixtieq nippreċiża li anki fuq il-kunċett ta’ “poplu ta’ Alla” jista’ jkun hemm ermenewtiċi riġidi u antagonisti, li jibqgħu maqbuda fl-idea ta’ esklussività, ta’ privileġġ, kif ġara bl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “elezzjoni” li l-profeti kkoreġew, meta wrew kif suppost kellu jinftiehem. Dan mhux xi privileġġ – li tkun poplu ta’ Alla –, imma don li xi ħadd jirċievi… għalih innifsu? Le: għal kulħadd, id-don qiegħed biex nagħtuh: din hija l-vokazzjoni. Huwa don li xi ħadd jirċievi għall-ġid ta’ kulħadd, li aħna rċivejna għall-oħrajn, huwa don li hu anki responsabbiltà. Ir-responsabbiltà li nagħtu xhieda, bil-fatti u mhux biss bil-kliem, tal-għeġubijiet ta’ Alla, li, jekk nagħrfuhom, jgħinu l-persuni jiskopru l-eżistenza tiegħu u jilqgħu s-salvazzjoni tiegħu. L-għażla (elezzjoni) hija don, u l-mistoqsija hija: il-fatt li jien Nisrani, l-istqarrija tal-fidi Nisranija tiegħi, kif qed nagħtiha, bħala don? Ir-rieda salvifika universali ta’ Alla hi offruta lill-istorja, lill-umanità kollha permezz tal-Inkarnazzjoni tal-Iben, biex kulħadd, bil-medjazzjoni tal-Knisja, jista’ jsir ibnu, bintu, u aħwa bejnietna. Hu b’dan il-mod li sseħħ ir-rikonċiljazzjoni universali bejn Alla u l-bnedmin, dik l-għaqda tal-ġeneru uman kollu li tagħha l-Knisja hi sinjal u strument (ara Lumen gentium, 1). Diġà minn qabel il-Konċilju Vatikan II kienet immaturat ir-riflessjoni, elaborata fuq l-istudju attent tal-Padri, li l-poplu ta’ Alla miexi lejn il-milja tas-Saltna, lejn l-għaqda tal-ġeneru uman maħluq u maħbub minn Alla. U l-Knisja kif nafuha u ngħixuha aħna, fis-suċċessjoni appostolika, din il-Knisja għandha tħossha f’relazzjoni ma’ din l-għażla universali u hekk tiżvolġi l-missjoni tagħha. F’dan l-ispirtu ktibt il-Fratelli tutti. Il-Knisja, kif kien jgħid San Pawlu VI, hi mgħallma tal-umanità li llum għandha l-iskop li ssir skola ta’ fraternità.

 

Għaliex qed ngħidilkom dawn l-affarijiet kollha? Għax fil-mixja sinodali, is-smigħ għandu jżomm f’moħħu s-sensus fidei, imma ma għandux iwarrab dawk il-“presentimenti” mlaħħma hemm fejn l-inqas li nistennewhom: jista’ jkun hemm “xamma mingħajr ċittadinanza”, imma mhux b’inqas effikaċi. L-Ispirtu s-Santu fil-libertà tiegħu ma jafx b’konfini, ma jħallix jillimitawh lanqas l-appartenenzi. Jekk il-parroċċa hija d-dar ta’ kulħadd fil-lokalità, mhux xi klabb esklussiv, nirrakkomandalkom: ħallu miftuħa l-bibien u t-twieqi, tillimitawx ruħkom li tagħtu kas biss ta’ min jiffrekwenta u jew jaħsibha bħalkom – li huma fosri t-3, 4 jew 5%, mhux iżjed. Ħallu lil kulħadd jidħol… Ħallu lilkom infuskom toħorġu tiltaqgħu u tħallu lil min jistaqsikom, ħallu l-mistoqsijiet tagħhom ikunu l-mistoqsijiet tagħkom, agħtu ċ-ċans li timxu flimkien: l-Ispirtu jmexxikom, afdaw fl-Ispirtu. Tibżgħux tidħlu fi djalogu u ħallu d-djalogu jissorprendikom: huwa d-djalogu tas-salvazzjoni.

 

Tħallux x’jiddiżappuntakom, ħejju ruħkom għas-sorpriżi. Hemm episodju fil-ktieb tan-Numri (kap. 22) li jirrakkonta dwar ħmara li ssir profetessa ta’ Alla. Il-Lhud kienu waslu fi tmiem ta’ vjaġġ twil li kellu jwassalhom fl-Art Imwiegħda. Is-Sultan Balak ta’ Mowab jibża’ xħin jarahom ġejjin, u dan jafda fil-poteri tas-saħħar Balgħam biex iwaqqaf lil dawn in-nies, bit-tama li jevita gwerra. Is-saħħar, li b’xi mod kien jemmen, jitlob lil Alla jurih x’għandu jagħmel. Alla jgħidlu biex ma jagħmilx kif irid is-sultan, li imma iktar jinsisti, u allura dan iċedi u jirkeb fuq ħmara biex imur iwettaq il-kmand li rċieva. Imma l-ħmara tibdel it-triq għax tara anġlu b’xabla misluta li qiegħed hemm biex jurih li Alla ma jaqbilx. Balgħam jibda jagħtiha u jsawwatha, imma mingħajr ma jirnexxilu jdawwarha mit-triq. Sakemm il-ħmara tiftaħ ħalqha u jibda djalogu li jiftaħ għajnejn is-saħħar, u jibdel il-missjoni tiegħu ta’ saħta u mewt f’missjoni ta’ barka u ħajja.

 

Din l-istorja tgħallimna nafdaw li l-Ispirtu dejjem se jsemmagħna leħnu. Anki ħmara tista’ ssir il-leħen ta’ Alla, tiftħilna għajnejna u tibdel id-direzzjonijiet żbaljati tagħna. Jekk dan tista’ tagħmlu ħmara, kemm iżjed xi ħadd mgħammed, mgħammda, qassis, Isqof, Papa! Biżżejjed nafdaw fl-Ispirtu s-Santu li jinqeda bil-ħlejjaq kollha biex ikellimna: qed jitlobna biss innaddfu widnejna biex nisimgħu aħjar.

 

Ġejt hawn biex verament nagħmlilkom il-qalb fuq dan il-proċess sinodali u ngħidilkom li l-Ispirtu s-Santu għandu bżonnkom. U dan hu minnu: l-Ispirtu s-Santu għandu bżonn tagħna. Isimgħuh billi tisimgħu lil xulxin. Tħallu lil ħadd barra jew wara. Jagħmlilha tajjeb lid-Djoċesi ta’ Ruma u lill-Knisja kollha, li ma ssaħħaħx ruħha biss billi tirriforma l-istrutturi – dan hu l-ikbar qerq! –, billi toħroġ struzzjonijiet, toffri rtiri u konferenzi, jew bis-saħħa ta’ xi direttivi u programmi – dan hu tajjeb, imma bħala parti minn ħaġa ikbar – imma billi tiskopri mill-ġdid li hi poplu li jrid jimxi flimkien, bejnietna u mal-umanità. Poplu, dak ta’ Ruma, li jiġbor fih il-firxa wiesgħa tal-popli kollha u tal-kundizzjonijiet kollha: x’għana straordinarju, fil-kumplessità tiegħu! Imma hemm bżonn noħorġu mit-3-4% li jirrappreżentaw dawk l-aktar qrib, u mmorru lil hemm biex nisimgħu lill-oħrajn, li xi drabi se jinsultawkom, se jkeċċukom, imma hemm bżonn nisimgħu kif jaħsbuha, mingħajr ma nippruvaw nimponu l-ħwejjeġ tagħna: inħallu lill-Ispirtu jitkellem.

 

F’dan iż-żmien ta’ pandemija, il-Mulej qed isejjaħ lill-Knisja għall-missjoni li tkun sagrament ta’ kura. Id-dinja refgħet leħinha f’karba waħda, uriet il-vulnerabbiltà tagħha: id-dinja għandha bżonn min jieħu ħsiebha.

 

Kuraġġ u komplu mexjin ’il quddiem! Grazzi!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard