DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIL-FTUĦ TAS-SIMPOŻJU MNIEDI MILL-KONGREGAZZJONI TAL-ISQFIJIET

Awla Pawlu VI

17 ta’ Frar 2022

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Irrodd ħajr għall-opportunità li għandi li naqsam magħkom dir-riflessjoni, li tinbet minn dak li l-Mulej nebbaħni bih ftit ftit tul aktar minn 50 sena ta’ saċerdozju.  Min dit-tifkira marridx ninsa bi gratitudni lil dawk is-saċerdoti li b’ħajjithom u x-xhieda tagħhom, sa minn ċkuniti, urewni dak li jsawwar il-wiċċ tar-Ragħaj it-Tajjeb.  Immeditajt fuq x’nista’ naqsam magħkom dwar il-ħajja tas-saċerdot illum, u wasalt fil-konklużjoni li l-aħjar kelma tiġi mix-xhieda li rajt minn tant saċerdoti tul is-snin.  Dak li qed noffri hu frott tat-taħriġ u r-riflessjoni dwarhom meta għaraft u kkuntemplajt liema kienu l-karattertistiċi li għamluhom u li kienu jtuhom qawwa, ferħ u tama singolari fil-missjoni pastorali tagħhom.

Fl-istess ħin, ikolli nsemmi wkoll lil dawk l-aħwa saċerdoti li kien jeħtieġli nakkumpanjahom għax kienu tilfu l-ħeġġa tal-ewwel imħabba u l-ministeru tagħhom kien sar ħawli, ripetittiv u kważi bla sens.  Matul ħajtu s-saċerdot jgħaddi minn sitwazzjonijiet u waqtiet differenti; personalment għaddejt minn waqtiet bħal dawn jien ukoll, u waqt li kont “nixtarr” il-proposti tal-Ispirtu ndunajt li f’ċerti sitwazzjonijiet, ukoll fil-waqtiet tal-prova, diffikultajiet u swied il-qalb, meta għext u qsamt ħajti, b’xi mod kienet tibqa’ fija l-paċi.  Jien konxju li wieħed jista’ jitkellem u jitteoriżża ħafna dwar is-saċerdozju; illum nixtieq naqsam magħkom din “il-ġabra żgħira” ħalli s-saċerdot tal-lum, hu x’inhu l-mument li għaddej minnu, jkun jista’ jgħix il-paċi u l-fekondità li jrid jirregala l-Ispirtu.  Ma nafx jekk dawn ir-riflessjonijiet tiegħi humiex “l-afja tal-mewt” tal-ħajja saerdotali tiegħi, imma nista’ niżgurakom mingħajr ebda dubju, li jinbtu mill-esperjenza tiegħi.  Ebda teorija hawn, qed nitkellem dwar dak li għext.

Iż-żmien li ninsabu fih hu żmien li ma jitlobx minna biss li nifhmu s-sinjali tat-tibdil, imma li nilqgħuh bl-għarfein li ninsabu quddiem tibdil ta’ epoka – dan diġà tennejtu bosta drabi oħra.  Jekk kellna xi dubji dwar dan, il-Covid ħariġhom aktar fil-beraħ: infatti dan l-assedju hu xi ħaġa ferm aktar minn kwistjoni sempliċiment sanitarja, xi ħaġa ferm aktar minn sempliċi riħ.

It-tibdil dejjem iġibilna quddiema modi differenti kif naffrontawh.  Il-problema hi li bosta mill-azzjonijiet u bosta atteġġjamenti jistgħu jkunu utli u tajbin imma mhux kollha għandhom it-togħma tal-Vanġelu.  Hawn hu l-qofol, it-tibdil u l-azzjoni li għandhom jew m’għandhomx it-togħma tal-Vanġelu, dan hu d-dixxerniment.  Per eżempju, it-tfittxija ta’ għamliet kodifikati, bosta drabi ankrati mal-imgħoddi, u li jtuna ‘garanzija’ ta’ ċertu ħarsien mir-riskji, u nistkennu f’dinja jew f’soċjetà li m’għadhiex teżisti (jekk qatt eżistiet), qiesu li dan l-ordni determinat għandu ħila jtemm il-kunflitti li tippreżentalna l-istorja.  Hija l-kriżi li tmexxina lura biex infittxu fiha l-kenn.

Atteġġjament ieħor jista’ jkun dak tal-ottimiżmu eżasperat – “kollox se jmur sew” -; niġru wisq ‘il quddiem mingħajr dixxerniment u neqsin mid-deċiżjonijiet meħtieġa.  Dan l-ottimiżmu jispiċċa biex jinjora l-ġrieħi ta’ dit-trasformazzjoni, ma jirnexxilux jaċċetta t-tensjonijiet, il-kumplessitajiet u l-ambigwitajiet taż-żmien t’issa u l-aħħar novità jikkonsagraha bħala dik li hi verament reali, u b’hekk jiddisprezza l-għaqal tas-snin.  (Huma żewġ tipi ta’ ħarba: huma l-atteġġajmenti tal-merċenarju li jara l-lupu ġej u jaħrab: jaħrab lejn l-imgħoddi jew lejn il-ġejjieni).  Ebda wieħed minn dawn l-atteġġjamenti ma jwassal għas-soluzzjonijiet maturi.  Il-konkretezza tal-ġurnata tal-lum, hemmhekk irridu nieqfu, fuq il-konkretzza tal-preżent.

Iżda lili jogħġobni l-atteġjament li jitwieled mill-fatt li bniedem bil-fiduċja jieħu fuq spallejh ir-realtà ankrata mat-Tradizzjoni mdehena, ħajja u li tgħajjex, tal-Knisja, li tażżarda taqdef fil-fond mingħajr biża’.  Inħoss li f’dal-mument storiku, Ġesù qed jistedinna għal darb’oħra biex “naqdfu fil-fond” (cfr Lq 5,4) bil-fiduċja li Hu s-Sid tal-istorja u li mmexxijin minnu, nistgħu niddixxernu lejn liema xefaq għandna naqdfu.  Is-salvazzjoni tagħna mhix salvazzjoni asettika, tal-laboratorju, le, jew ta’ spiritwaliżmi diżinkaranti – dejjem tibqa’ t-tentazzjoni tal-injostiċiżmu, li hi moderna u attwali -; li niddixxernu r-rieda t’Alla jfisser li nitgħallmu ninterpretaw ir-realtà bl-ghajnejn tal-Mulej, bla bżonn li naħarbu minn dak li jseħħ ma’ niesna, hemm fejn huma jgħixu, mingħajr l-ansjetà li ġġagħalna nirrikorru għal ħarba mgħaġla u kalmanti mmexxija mill-ideoloġija “tal-aħħar moda” jew minn xi tweġiba “ready-made”, li t-tnejn li huma m’għandhomx ħila jitgħabbew bil-mumenti diffiċli u saħansitra mudlama tal-istorja tagħna.  Dawn iż-żewġ toroq jistgħu jwassluna biex niċħdu “l-istorja tagħna ta’ Knisja, li hi glorjuża daqskemm hi storja ta’ sagrifiċċji, ta’ tama, ta’ ġlieda ta’ kuljum, ta’ ħajja kkunsmata fis-servizz, ta’ perseveranza fil-ħidma iebsa, għax kull ħidma hi “għaraq ta’ ġbinna” (Eż. App. Evanġelii gaudium, 96).  F’dal-kuntest il-ħajja saċerdotali wkoll hi effettwata minn din l-isfida; sintomu ta’ dan hi l-kriżi vokazzjonali li f’diversi nħawi hi weġgħa għall-komunitajiet tagħna.  Iżda hu minnu wkoll li spiss dan hu riżultat tal-fatt li fil-komunitajiet hemm nieqes il-fervur appostoliku li jittieħed, u għalhekk huma la jentużjażmaw u lanqas iqanqlu attrazzjoni: dawk il-komunitajiet funzjonali, per eżempju, li huma organizzati tajjeb imma m’għandhomx entużjażmu, fejn kollox f’postu imma n-nar tal-ispirtu nieqes.  Fejn hemm il-ħajja, fervur, rieda li Kristu jitwassal lill-oħrajn, jinbtu vokazzjonijiet ġenwini.  Saħansitra f’dawk il-parroċċi fejn is-saċerdoti huma neqsin mill-ħeġġa u mill-ferħ, tkun il-ħajja fraterna u mħeġġa tal-komunità li tqanqal ix-xewqa li bniedem jikkonsagra ruħu kollu kemm hu għal Alla u għall-evanġelizzazzjoni, aktar u aktar jekk dawn il-komunitajiet vivaċi jitolbu bla heda għall-vokazzjonijiet u għandhom il-kuraġġ li liż-żgħażagħ tagħhom jipproponulhom mixja ta’ konsagrazzjoni speċjali.  Meta aħna naqgħu fil-funzjonaliżmu, fl-organizzazzjoni pastorali – dan u xejn aktar – dan m’għandu ebda attrattiva, iżda meta l-qassis jew il-komunità għandhom il-fervur nisrani, batteżimali, hemm ikun hemm l-attrazzjoni għall-vokazzjonijiet ġodda.

Il-ħajja ta’ saċerdot qabel kollox hi storja ta’ salvazzjoni ta’ l-imgħammed.  Il-Kardinal Ouellet, kien għamel din id-distinzjoni bejn saċerdozju ministerjali u batteżimali.  Kultant aħna ninsew il-Magħmudija, u s-saċerdot isir funzjonarju: il-funzjonaliżmu, u dan hu perikoluz.  Qatt m’għandna ninsew li kull vokazzjoni speċifika, inkluż dik tal-Ordni, hi l-milja tal-Magħmudija.  Dejjem hemm tentazzjoni kbira li ngħixu saċerdozju mingħajr Magħmudija – u żgur li hemm saċerdoti “mingħajr Magħmudija” -, jiġifieri mingħajr il-memorja li l-ewwel sejħa tagħna hi għall-qdusija.  Li tkun qaddis ifisser li nikkonformaw ma’ Ġesù u naraw li ħajjitna tkun tħabbat qalb ma’ qalb mal-istess sentimenti tiegħu (cfr Fil 2,15).  Hu biss meta nfittxu li nħobbu lil Ġesù kif ħabb Hu, li aħna wkoll lil Alla nagħmluh viżibbli u hekk inkunu qed inseddqu l-vokazzjoni tagħna għall-qdusija.  Kellu raġun San Ġwanni Pawlu II meta kien ifakkar li “s-saċerdot, l-istess bħall-Knisja, għandu jibqa’ dejjem jissaħħaħ bl-għarfien li jeħtieġ jibqa’ jkun evanġelizzat dejjem” (Ez. App. Postsinodali Pastores dabo vobis, 25 ta’ Marzu, 1992, 26).  U int mur għid lil xi isqof, lil xi saċerdot li għandu jkun evanġelizzat... ma jifhmux.  U dan iseħħ, hu d-dramma tal-ġurnata tal-lum.

Kull vokazzjoni speċifika għandha tgħaddi  minn dan it-tip ta’ dixxerniment.  Il-vokazzjoni tagħna, l-ewwel u qabel kollox hi tweġiba lil dak li ħabbna l-ewwel (cfr 1 Ġw 4,19).  U din hi l-għajn tat-tama għaliex anki waqt il-kriżi l-Mulej ma jieqafx iħobb u għalhekk isejjaħ.  U kull wieħed minna hu xhud ta’ dan: jum wieħed il-Mulej sabna hemm fejn konna, kif konna, f’ambjenti kontradittorji jew f’sitwazzjonijiet familjari kumplikati.  Jien inħobb nerġa’ naqra lil Eżekjel 16 u xi drabi nidentifika ruħi fih: sabni hawn, sabni hekk, u mexxieni ‘l quddiem...  Imma dan ma żammux lura mir-rieda li jikteb, permezz ta’ kull wieħed minna, l-istorja tas-salvazzjoni.  Kien hekk sa mill-bidu – niftakru f’Pietru u Pawlu, Mattew... biex insemmi xi wħud -.  Li għażel lilhom ma kienx frott ta’ xi għażla partikolari imma ta’ impenn konkret ma’ kull wieħed minnhom.  Kull wieħed minna, hu u jħares lejn l-umanità tiegħu, lejn l-istorja personali, m’għandux jistaqsi jekk l-għażla vokazzjonali kinitx konvenjenti jew le, imma jekk fil-kuxjenza dik il-vokazzjoni tiftaħlux dak il-potenzjal ta’ Mħabba li rċevejna fil-jum tal-Magħmudija tagħna.

F’daż-żmien ta’ tibdil hemm ħafna mistoqsijiet li rridu naffrontaw u wkoll it-tentazzjonijiet li jħabbtulna.  Għalhekk, f’dan l-intervent tiegħi, irrid sempliċiment nieqaf fuq dak li nħoss li hu deċisiv għall-ħajja tas-saċerdot illum, waqt li nżomm f’moħħi dak li jgħid Pawlu: “Fih (jiġifieri fi Kristu) il-bini kollu jintrabat sewwa, jitla’ f’tempju qaddis tal-Mulej” (Ef 2,21).  Il-bini marbut sewwa jfisser li kollox jikber fl-armonija, u t-tkabbir fl-armonija jista’ jagħmlu biss l-Ispirtu s-Santu, bħalma kien jgħid b’mod tant sabiħ San Bażilju: “Ipse harmoniam est”, numru 38 tat-Trattat (“Fuq l-Ispirtu s-Santu”).  Għalhekkk ħsibt  li kull binja, biex tibqa’ wieqfa, għandha bżonn sisien solidi; għaldaqstant irrid naqsam magħkom dawn l-atteġġjamenti li jagħtu s-solidità lill-persuna tas-saċerdot; irrid naqsam magħkom – intom diġà smajtuha, imma se ntenniha għal darb’oħra – l-erba kolonni li jikkostitwixxu l-ħajja saċerdotali tagħna u li se nsejħulhom “l-erba’ qrubijiet”, għax isegwu l-istil tal-Mulej, li fundamentalment hu stil ta’ qrubija (cfr Dewt 4,7).  Hu spiss jippreżenta ruħu lill-poplu b’dal-mod: “Għiduli, liema poplu għandu l-allat tiegħu daqstant qrib bħalma hu Alla tagħkom?”  L-istil ta’ Alla hu l-qrubija, hi qrubija speċjali, mimlija kumpassjoni u ħlewwa.  It-tlett kelmiet li jispeċifikaw il-ħajja tas-saċerdot, u wkoll ta’ kull nisrani, għax jitnisslu propju mill-istil ta’ Alla: qrubija, ħniena u ħlewwa.

Diġà fl-imgħoddi għamilt referenza għalihom; iżda llum irrid nitkellem dwarhom b’mod aktar wiesa, għaliex is-saċerdot, aktar milli riċetti u teoriji, jeħtieġ strumenti konkreti li bihom ikun jista’ jaffronta l-ministeru tiegħu, il-missjoni tiegħu u l-ħajja ta’ kuljum.  San Pawl kien jeżorta lil Timotju biex iżomm ħaj id-don ta’ Alla li kien irċieva bit-tqegħid ta’ jdejh, li mhux spirtu ta’ biża’, imma ta’ qawwa, ta’ mħabba u ta’ rażan (cfr 2 Tim 1, 6-7).  Nemmen li dawn l-erba’ kolonni, dawn l-erba’ “qrubijiet” li se nitkellem dwarhom issa jistgħu jkunu ta’ għajnuna prattika, konkreta u mimlija tama biex jerġgħu jkebbsu d-don u l-fekondità li ġurnata waħda kienu mwegħdin lilna, biex dan id-don inżommuh ħaj.

L-ewwel u qabel kollox il-qrubija lejn Alla.  Erba’ qrubijiet u l-ewwel waħda hi l-qrubija lejn Alla.

 

Qrubija lejn Alla

 

Jew, fi kliem ieħor, qrubija lejn il-Mulej tal-qrubijiet.  “Jien id-dielja u intom il-friegħi – dan jgħid Ġwanni meta fil-Vanġelu jitkellem dwar “li nibqgħu” -.  “Min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott; għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn. Jekk wieħed ma jibqax fija, jintrema barra bħal fergħa, u jinxef; imbagħad, friegħi bħal dawn jiġbruhom u jixħtuhom fin-nar u jinħarqu. Jekk tibqgħu fija u kliemi jibqa’ fikom, itolbu kulma tridu, u jingħatalkom.” (Ġw 15,6-7).

Qabel kollox is-saċerdot hu mistieden jikkultiva din il-qrubija, l-intimità ma’ Alla, u minn dir-relazzjoni jkun jista’ jikseb il-qawwa meħtieġa għall-ministeru tiegħu.  Ir-relazzjoni ma’ Alla, hi, biex ngħidu hekk, it-tilqima li żżommna marbutin b’dir-rabta ta’ fekondità.  Mingħajr relazzjoni sostanzjali mal-Mulej il-ministeru tagħna destinat li jsir ħawli.  Il-qrubija lejn Ġesù, il-kuntatt mal-Kelma tiegħu, jgħinuna nqabblu ħajjitna ma’ tiegħu u nitgħallmu ma niskandalizzaw ruħna b’xejn minn dak li jiġrilna, niddefendu ruħna mill-‘iskandli’.  Kif ġara lill-Imgħallem, se tgħaddu minn waqtiet ta’ ferħ u festi tat-tieġ, ta’ mirakli u fejqan, ta’ tkattir tal-ħobż u ta’ mistrieħ.  Se ssibu waqtiet li fihom tistgħu ssibu min ifaħħarkom, imma jaslu wkoll is-siegħat tal-ingratitudni, tad-dubju u tas-solitudni, sa ma jkollkom tgħidu: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” (Mt 27,46).

Il-qrubija lejn Ġesù tisedinna biex ma nibżgħux minn dawn is-siegħat – mhux għax aħna qawwija, imma għax inħarsu lejh, niggranfaw miegħu u ngħidulu: “Mulej, la tħallix li naqa’ fit-tentazzjoni!  Għinni nifhem li għaddej minn mument importanti f’ħajti u li inti miegħi biex tgħarbel il-fidi tiegħi u mħabbti” (Carlo Maria Martini, Incontro con il Signore Risort, San Paolo, 102).  Din il-qrubija lejn Alla kultant tikseb għamla ta’ taqbida: taqbida mal-Mulej l-aktar fil-waqtiet li fihom is-saċerdot jew il-persuni li huma fdati f’idejh iħossu aktar in-nuqqas tiegħu.  Taqbida tul il-lejl kollu u talba għall-barka tiegħu (cfr Ġen 32, 25-27),  li għandha tkun għajn ta’ ħajja għal ħafna.  Kultant tkun taqbida.  Qassis li jaħdem hawn, fil-kurja - li għandu xogħol diffiċli, li jrid jorganizza post partikolari, żgħażugħ – kien qed jgħidli li kien jispiċċa għajjien, kien ikun għajjien imma qabel jidħol fis-sodda kien jistrieħ quddiem il-Madonna bil-kuruna f’idu.  Kien jeħtieġ dik il-qrubija, wieħed minn tal-kurja, impjegat tal-Vatikan.  Issir ħafna kritika lin-nies tal-kurja, u kultant ikun minnu, imma jien nista’ ngħid ukoll u ngħati xhieda li hawn ġew hawn il-qaddisin ukoll, u dan hu minnu.

Ħafna kriżijiet saċerdotali jiġu propju minn ħajja nieqsa mit-talb, nieqsa mill-intimità mal-Mulej, għax jirriduċu l-ħajja għal sempliċi drawwa reliġjuża.  Irrid niġbed l-attenzjoni dwar dan anki waqt il-formazzjoni: il-ħajja spiritwali hi ħaġa, id-drawwa reliġjuża hi oħra.  “Kif inhi sejra l-ħajja spiritwali tiegħek?” – “Tajjeb, tajjeb.  Nagħmel il-meditazzjoni filgħodu, ngħid ir-Rużarju, ngħid “il-kunjata” – il-kunjata hi l-brevjar – nitlob il-brevjar u dan kollu... Kollox nagħmel”.  Le, din hi drawwa reliġjuża.  Imma kif inhi sejra l-ħajja spiritwali tiegħek?  Niftakar waqtiet importanti f’ħajti li fihom din il-qrubija lejn il-Mulej kienet deċisiva biex tweżinni, fil-waqtiet tad-dlam.  Mingħajr l-intimità tat-talb, tal-ħajja spiritwali, mingħajr il-qrubija konkreta ma’ Alla bis-smigħ tal-Kelma tiegħu, biċ-ċelebrazzjoni ewkaristika, bis-silenzju tal-adorazzjoni, l-affidament f’Marija, l-akkumpanjament dehni ta’ xi ħadd li jmexxik, bis-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, mingħajr dawn “il-qrubijiet” konkreti, is-saċerdot hu biss, biex ngħidu hekk, ħaddiem għajjien li ma jgawdi xejn mill-benefiċċji tal-ħbieb tal-Mulej.  Fid-djoċesi l-oħra kont nieħu gost nistaqsi lis-saċerdoti: “Għidli – kienu jirrakkuntawli x-xogħol li jagħmlu – għdili kif tmur torqod int?  U ma kinux jifhmu.  “Iva, iva, kif tmur torqod”?  -  “Nasal għajjien, niekol xi ħaġa u mmur fis-sodda, u quddiem is-sodda, it-televixin.....” – “Ah, bravu! U ma tgħaddix ftit ħdejn il-Mulej imqar biex tagħtih il-lejl it-tajjeb?”  Din hi l-problema.  In-nuqqas ta’ qrubija.  L-għejja minħabba x-xogħol hi ħaġa normali u li tmur tistrieħ u toqgħod tara t-televixin, li hi ħaġa leċita, imma mingħajr il-Mulej, mingħajr dil-qrubija.  Kien ikun qal ir-Rużarju, qal il-brevjar, imma nieqes mill-intimità mal-Mulej.  Ma kienx iħoss il-bżonn li lill-Mulej jgħidlu: “Ciao, narak għada, grazzi ħafna!”  Huma ġesti żgħar li jikxfu l-atteġġjament li hemm fir-ruħ saċerdotali.

Wisq spiss, per eżempju, fil-ħajja saċerdotali t-talb jitqies biss bħala dmir, u ninsew li l-ħbiberija u l-imħabba ma nistgħux narawhom bħala impożizzjoni ta’ xi regola esterna, imma huma regola fundamentali ta’ qalbna.  Is-saċerdot li jitlob, fl-għeruq tiegħu jibqa’ nisrani li fehem bis-sħiħ id-don li rċieva fil-Magħmudija.  Saċerdot li jitolb hu iben li dejjem iżomm fil-memorja li hu iben u li għandu Missier li jħobbu.  Saċerdot li jitlob hu iben li jersaq qrib il-Mulej.

Iżda dan kolllu hu diffiċli jekk aħna m’għandniex id-drawwa li nagħmlu ftit spazju għas-silenzju tul il-ġurnata, jekk ma nkunux nafu kif nevitaw “l-għemil” ta’ Marta biex nitgħallmu “noqgħodu” bħalma għamlet Marija.  Insibuha iebsa ninqatgħu mill-attiviżmu – ħafna drabi l-attiviżmu hu ħarba -, għaliex meta nieqfu mit-tferfix, minnufih f’qalbna ma nsibux il-paċi imma d-deżolazzjoni; u biex ma naqgħux fid-deżolazzjoni, inkunu lesti li ma nieqfu qatt.  Ix-xogħol hu distrazzjoni biex ma naqgħux fid-deżolazzjoni.  Iżda d-deżolazzjoni ftit jew wisq hija l-punt fejn niltaqgħu ma’ Alla.  Hu propju meta naċċettaw id-deżolazzjoni li tiġi mis-silenzju, mis-sawm mill-attivitajiet u mill-kliem, mill-kuraġġ li neżaminaw lilna nfusna bis-sinċerità, propju hemmhekk kollox jikseb dawl u paċi li ma jistriħux fuq il-forzi tagħna jew fuq il-ħiliet tagħna.  Ifisser li nitgħallmu nħallu lill-Mulej ikompli jwettaq l-opra tiegħu f’kull wieħed minna u jiżbor dak kollu li ma jagħmilx frott, ħawli u li jgħawweġ is-sejħa.  Il-perseveranza fit-talb tfisser li mhux biss nibqgħu fidili lejn ir-rutina: tfisser li ma naħarbux meta propju t-talb imexxina lejn id-deżert.  It-triq tad-deżert hi t-triq li tmexxina biex inkunu aktar intimi ma’ Alla, bil-patt, però li ma naħarbux, li ma nfittxu modi biex naħarbu minn dil-laqgħa.  Fid-deżert “se nkellem lil qalbu”, jgħid il-Mulej lill-poplu tiegħu permezz tal-Profeta Hosegħa (cfr 2,16).  Din hi mistoqsija li s-saċerdot għandu jistaqsi lilu nnifsu: jekk għandux ħila jintelaq biex jittieħed fid-deżert.  Il-gwidi spiritwali, dawk li jakkumpanjaw lis-saċerdoti, għandhom jifhmu, jgħinuhom jagħmlu dil-mistoqsija: għandek ħila tinsa lilek innifsek biex tmur fid-deżert?  Jew tmur mill-ewwel fl-oażi tat-televixin jew ta’ xi ħaġ’oħra?

Il-qrubija lejn Alla lis-saċerdot tippermettilu jidħol f’kuntatt mat-tbatija li tinsab fi qlubna u li, jekk milqugħa, iżżarmana sal-punt li l-laqgħa ssir possibbli.  It-talb li, bħan-nar, ikebbes il-ħajja saċerdotali hu t-talba tal-qalb muġugħa u umiljata illi – tgħidilna l-Kelma – il-Mulej ma jwarrabhiex (cfr Salm 50,19).  “Jagħtju għall-għajnuna u l-Mulej jismagħhom,/middwejjaq kollha tagħhom jeħlishom,/ Qrib il-Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma,/ jgħin li dawk b’qalbhom mifnija” (Salm 34,18-19).

Is-saċerdot għandu jkollu qalb miftuħa biex iħalli wisa għat-tbatija tal-poplu afdat f’idejh, u fl-istess ħin, bħal suldat tal-għassa jħabbar iż-żerniq tal-Grazzja t’Alla li tidher propju f’dik it-tbatija.  Iħaddan, jaċċetta u jippreżenta l-miżerja tiegħu fil-qrubija lejn il-Mulej, din għandha tkun l-aħjar skola biex ftit ftit, ikun jista’ jagħmel wisa’ għall-miżerja kollha u għat-tbatija li jiltaqa’ magħhom kuljum fil-ministeru tiegħu, sal-punt li hu stess isir jixbaħ il-qalb ta’ Kristu.  U dan iħejji lis-saċerdot għal qrubija oħra wkoll: dik mal-Poplu t’Alla.  Fil-qrubija lejn Alla, is-saċerdot isaħħaħ il-qrubija tiegħu lejn il-poplu tiegħu; u, bil-maqlub, fil-qrubija tiegħu lejn il-poplu jgħix ukoll il-qrubija tiegħu lejn il-Mulej tiegħu.  U dil-qrubija lejn Alla – lili tiġbidli l-attenzjoni – hu l-ewwel dmir tal-isqfijiet, għax meta l-Appostli “joħolqu” d-djakni, imbagħad Pietru jispjega x’inhi l-funzjoni tagħhom u jgħid hekk: “U aħna nagħtu ruħna għat-talb u għall-ministeru tal-Kelma” (cfr Atti 6,4).  Jiġifieri li l-ewwel dmir tal-isqof hu li jitlob; u dan għandu jagħmel ukoll is-saċerdot: jitlob.

“Jeħtieġ jikber Hu biex niċkien jien” (Ġw 3,30), kien jgħid Ġwanni l-Battista.  L-intimità ma’ Alla tagħmel dan kollu possibbli għax bit-talb bniedem iġarrab l-esperjenza li hu kbir f’għjanejh, u allura ma tibqax aktar problema għas-saċerdoti qrib tal-Mulej li jisru ċkejknin f’għajnejn id-dinja.  U hemm, f’dik il-qrubija, wieħed xejn ma jibża’ jikkonforma tuħu ma’ Ġesù Kurċifiss, kif aħna mitlubin nagħmlu fir-rit tal-ordinazzjoni saċerdotali tagħna, li hu tant sabiħ imma li aħna spiss ninsewh. 

Allura ħa ngħaddu għat-tieni qrubija li se tkun iqsar minn tal-ewwel.

 

Qrubija lejn l-isqof

Dit-tieni qrubija għal żmien twil kienet interpretata biss minn aspett unilaterali.  Bħala Knisja, spiss wisq, u llum ukoll, lill-ubbidjenza tajnieha interpretazzjoni mbegħeda mit-togħma tal-Vanġelu.  L-ubbidjenza mhix xi attribut tad-dixxiplina imma l-aktar karatteristika qawwija tar-rabtiet li lkoll kemm aħna jgħaqqduna f’komunjoni.  F’dal-każ, li tobdi lill-isqof, ifisser li titgħallem tisma’ u tiftakar li ħadd ma jista’ jarroga għalih ir-rieda t’Alla, u li din għandna nifhmuha biss permezz tad-dixxerniment.  Għalhekk, l-ubbidjenza hija s-smigħ tar-rieda t’Alla li niddixxernu propju mir-rabta.  Dan l-atteġġjament ta’ smigħ jgħinna nimmaturaw l-idea li ħadd mhu il-bidu u s-sies tal-ħajja, imma kulħadd neċessarjament għandu jikkonfronta ruħu mal-oħrajn.  Dil-loġika tal-qrubijiet – f’dal-każ mal-isqof, imma tgħodd ukoll għal sitwazzjonijiet oħra – tippermettilna nkissru kull tentazzjoni ta’ għeluq, ta’ awtoġustifikazzjoni, u li jkollna ħajja ta’ għażeb, ta’ għażeb buruż.  Meta s-saċerdoti jkunu magħluqin... jispiċċaw isiru għożieb burużi bil-maniji kollha tal-għożieb burużi, u dan xejn mhu sabiħ. Għal kuntrarju, din il-qrubija hi stedina biex nagħmlu ħilitna ħalli nagħmlu aktar mistoqsijiet ħalli nsibu t-triq li tressaqna lejn il-verità u lejn il-ħajja.

L-isqof mhux supervisor ta’ skola, mhux għassies, huwa missier, u għandu d-dmir joffri din il-qrubija.  L-isqof għandu jfittex iġib ruħu hekk għax inkella jbiegħed lis-saċerdoti, inkella jiġbed lejh biss lil dawk li huma ambizzjużi.  L-isqof, hu min hu, għal kull presbiteru u għal  kull Knisja jibqa’ jkun rabta ta’ għajnuna għad-dixxerniment tar-rieda t’Alla.  Imma marridux ninsew li l-isqof innifsu jista’ jkun strument ta’ dan id-dixxerniment biss, jekk hu stess jagħti widen għar-realtà tal-presbiteri tiegħu u tal-poplu qaddis ta’ Alla li hu fdat f’idejh.  Fl-Evangelii gaudium ktibt: “Għandna bżonn nitħarrġu fl-arti tas-smigħ, li hi iktar milli sempliċi tisma’ b’widnejk.  L-ewwel ħaġa, fil-komunikazzjoni mal-oħrajn, hi l-ħila tal-qalb li tersaq qrib ta’ ħaddieħor, li mingħajrha ma teżisti l-ebda laqgħa spiritwali vera.  Is-smigħ jgħinna nagħrfu liema hu l-ġest jew il-kelma t-tajba li tħarrikna mill-qagħda trankwilla ta’ spettaturi.  Huwa biss jekk nitilqu minn dan is-smigħ, li juri rispett u kapaċi jifhem il-qagħda tal-oħrajn, li nistgħu nsibu toroq għal maturità vera, li nistgħu nerġgħu nqanqlu fina x-xewqa tal-ideal nisrani, il-ħeġġa li nwieġbu b’mod sħiħ għall-imħabba ta’ Alla u x-xenqa li niżviluppaw bl-aħjar mod dak li Alla żera’ fil-ħajja tagħna. (n. 171).  Mhux b’kumbinazzjoni li l-ħażen, biex jeqred il-fekondità tal-azzjoni tal-Knisja, ifittex li jdgħajjef ir-rabtiet li jsawruna.  Il-ħajja saċerdotali ssir affidabbli meta niddefendu r-rabtiet tas-saċerdot mal-Knisja partikolari, mal-istitut li jagħmel parti minnu u mal-isqof.  Niddefendu r-rabtiet.  L-ubbidjenza hi l-għażla fundamentali li naċċettaw li min hu mqiegħed qabilna bħala sinjal konkret ta’ dak is-sagrament universali ta’ salvazzjoni li hi l-Knisja.  Ubbidjenza li tista’ tkun ukoll konfront, smigħ, u f’xi każi, tensjoni, imma ma tinkisirx.  Dan, jitlob neċessarjament li s-saċerdoti jitolbu għall-isqfijiet u jagħrfu jesprimu l-opinjoni tagħhom bir-rispett, bil-kuraġġ u bis-sinċerità.  B-istess mod jirrikjedi l-umiltà mill-isqfijiet, ħila li jisimgħu, awtokritika u li jħallu min jgħinhom.  Jekk niddefendu din ir-rabta nibqgħu mexjin triqtna fiż-żgur.

U naħseb li f’dak li għandu x’jaqsam mal-qrubija lejn l-isqfijiet dan li għidt hu biżżejjed.

 

Qrubija bejn il-presbiteri

Hija t-tielet qrubija.  Qrubija lejn Alla, qrubija lejn l-isqfijiet, qrubija lejn il-presbiteri.  Propju mill-komunjoni mal-isqof tibda u tissawwar it-tielet qrubija, dik tal-fraternità.  Ġesù jimmanifesta ruħu fejn ikun hemm l-aħwa lesti li jħobbu ‘l xulxin: “Fejn hemm tnejn jew tlieta miġburin f’ismi, jien inkun hemm f’nofshom” (Mt 18,20).  Il-fraternità wkoll, bħall-ubbidjenza, ma tistax tkun impożizzjoni morali, esterna għalina.  Il-fraternità hi għażla ħielsa biex infittxu li nkunu qaddisin mal-oħrajn u mhux fis-solitudni, qaddisin flimkien mal-oħrajn.  Proverbju afrikan, li intom tafuh sewwa, jgħid: “Jekk trid tħaffef, mur waħdek; jekk trid tasal il-bogħod, mur mal-oħrajn”.  Kultant donnu li l-Knisja tidher miexja bil-mod – u hu minnu -  imma nippreferi naħseb li dan-nuqqas ta’ għaġla hu għażla ta’ min irid jimxi bil-fraternità.  Anki bl-akkumpanjament ta’ min hu tal-aħħar, imma dejjem bil-fraternità.

Il-karatteristiċi tal-fraternità huma dawk tal-imħabba.  San Pawl, fl-Ewwel Ittra lill-Korintin (kap. 13) ħallielna “mappa” ċara ta’ x’ihni l-imħabba, u, f’ċertu sens, uriena x’inhu dak li għandu jressaqna lejn il-fraternità.  Qabel kollox, nitgħallmu l-paċenzja, jiġifieri l-ħila li nħossuna responsabbli tal-oħrajn, li nġorru l-piżijiet tagħhom, li f’ċertu sens inbatu flimkien magħhom.  Il-maqlub tal-paċenzja hija l-indifferenza, id-distanza li nħallu bejnna u l-oħrajn biex ħajjitna ma norbtuhiex ma’ tagħhom.  F’hafna presbiteri hemm id-dramm tas-solitudni, li jħossuhom waħedhom.  Iħossu li mhumiex denji li xi ħadd jieħu paċenzja bihom, li jagħti kashom.   Anzi jidher li mill-banda l-oħra jasal ġudizzju minflok it-tajjeb, minflok trattament tajjeb.  L-ieħor m’għandux ħila jifraħ bit-tajjeb li jiġri lilna fil-ħajja, inkella jien ukoll m’għandix ħila nifraħ meta nara t-tajjeb fil-ħajja ta’ ħaddieħor.  Dan in-nuqqas ta’ ħila li nifirħu bit-tajjeb ta’ ħaddieħor, tal-oħrajn, hi għejra – irrid nisħaq fuq dan -, li tkun ta’  fastidju kbir fl-ambjenti tagħna u li fil-pedagoġija tal-imħabba hi piż, mhux sempliċiment dnub li għandna nqerruh.  Id-dnub hu l-aħħar ħaġa, l-għejra tinsab fl-atteġġjament.  L-għejra hi preżenti sew fil-komunitajiet tas-saċerdoti.  U l-Kelma t’Alla tgħidilna li dan hu atteġġjament li jkisser: minħabba l-għejra tax-xitan daħal id-dnub fid-dinja (cfr Għerf 2,24).  Hija l-bieb, il-bieb tad-distruzzjoni.  U dwar dan għandna nitkellmu ċar, fil-presbiteri tagħna hemm l-għejra.   Mhux kulħadd għajjur, le, imma t-tentazzjoni tal-għejra tinsab wara l-bieb.  Noqgħodu attenti.  U mill-għejra jiġi t-tqassis.

Biex inħossu li aħna parti mill-komunità, li “nkunu aħna”, m’hemx għalfejn  nilbsu maskri li bihom nagħtu l-impressjoni li aħna superjuri.  Jiġifieri m’għandniex għalfejn niftaħru u anqas u anqas nintefħu bina nfusna, jew agħar minn hekk, li nieħdu atteġġjamenti vjolenti, nonqsu mir-rispett lejn min jinsab ħdejna.  Hemm forom ta’ bullying klerikali wkoll!  Għax jekk is-saċerdot għandu xi ħaġa li jista’ jiftaħar biha, din hi l-ħniena tal-Mulej; li jagħraf dnubu, il-miżerja tiegħu u l-limitazzjonijiet tiegħu, imma ġarrab il-fatt li fejn kotor id-dnub kotrot fuq li kotrot il-grazzja (cfr Ru 5, 20); u din hi l-ewwel aħbar tajba għalih.  Is-saċerdot li jżomm dan dejjem f’moħħu ma jgħejrx, ma jistax ikun għajjur.

L-imħabba fraterna ma tfittixx l-interessi personali, ma tagħtix wisa’ lill-għadab, lir-rankur, qiesu li ħija li jinsab maġenbi b’xi manjiera qarraq bija f’xi ħaġa.  U meta niltaqa’ mal-miżerja tal-ieħor, jien inkun lest biex mhux dejjem nibqa’ niftakar it-tort li rċevejt, ma nagħmilx dan l-uniku kriterju tal-ġudizzju, saħansitra sal-punt li nifraħ bl-inġustizzja meta din tolqot lil min ikun ġagħalni nsofri.  L-imħabba vera tifraħ bil-verità u tqis bħala dnub gravi l-attakk fuq il-verità u fuq id-dinjità tal-aħwa bil-kalunnji, biex tixxabat għal xi pożizzjoni.....  Dan hu ta’ niket kbir.  Meta minn hawn jistaqsu informazzjoni biex isir xi isqof, kultant nirċievu informazzjoni marida minħabba l-għejra.  U din hi marda tal-presbiteri tagħna.  Ħafna minnkom qiegħdin tiffurmaw is-seminaristi, żommuh f’moħħkom dan.

Madankollu, f’das-sens ma nistgħux nippermettu li l-imħabba fraterna nqisuha xi utopija, anqas u anqas “cliche”, biex inqanqlu sentimenti sbieħ jew kliem ċirkostanzjali f’xi diskors biex jikkalma.  Le, ilkoll nafu kemm hi diffiċili tgħix f’komunità jew fil-presbiterju – xi qaddisin kienu jgħidu: il-ħajja komunitarja hi l-penitenza tiegħi -, kemm hu diffiċli taqsam il-ħajja ta’ kuljum ma’ min aħna stess ridna nagħrfuh bħala ħuna.  L-imħabba fraterna, jekk ma rridux niksuha biz-zokkor, innaqqsuha, hi “l-profezija l-kbira” li għandna s-sejħa li ngħixu f’dis-soċjetà tal-iskart.  Ikun ta’ faraġ għalija nħares lejn dan bħala gym tal-ispirtu, fejn jum wara ieħor nikkonfrontaw lilna nfusna biex ikollna t-termometru tal-ħajja spiritwali tagħna.  Illum il-profezija tal-fraternità għadha ħajja u hemm bżonn min iħabbarha; teħtieġ persuni, li filwaqt li jagħrfu l-limitazzjonijiet tagħhom u d-diffikultajiet li jinqalgħu, iħallu kliem il-Mulej imisshom, jagħmlilhom il-mistoqsijiet, iqanqalhom: “Minn dan jagħrfukom li intom dixxipli tiegħi: jekk tħobbu lil xulxin” (Ġw 13,35).

L-imħabba fraterna ma tingħalaqx f’ċirku żgħir, imma tkun mistqarra bil-karità pastorali (Eż app. post sinodali Patores dabo vobis, 35), li timbuttana dejjem biex inwettquha fil-missjoni.  Nistgħu ngħidu li nħobbu jekk nitgħallmu nwettquha bil-mod kif jiddeskrivi San Pawl.   Huwa biss dak li jfittex li jħobb li jħossu fiż-żgur.  Min jgħix bis-sindromu ta’ Kajjin, bil-konvinzjoni li ma jistax iħobb għax dejjem iħoss li ma kienx maħbub, ivvalorizzat, mogħti attenzjoni, jispiċċa dejjem qiesu mitluf, jiġġerra ‘l hawn u ‘l hinn bla ma qatt iħoss li jinsab id-dar, u propju minħabba f’hekk ikun aktar espost għall-ħsara: biex jagħmel ħsara lilu nnifsu u biex jagħmel il-ħsara.  Għaldaqstant, l-imħabba bejn il-presbiteri għandha l-funzjoni li tħares, u li tkun ta’ ħarsien wieħed lill-ieħor.

Nasal biex ngħid li hemmhekk, fejn il-fraternità saċerdotali tkun taħdem, il-qrubija bejn is-saċerdoti, fejn hemm rabtiet ta’ ħbiberija vera, hemmhekk tkun possibbli wkoll ħajja aktar serena fl-għażla taċ-ċelibat.  Iċ-ċelibat hu don imħares mill-Knisja latina, imma hu don li biex jingħex bħala santifikazzjoni għandu bżonn relazzjonijiet sani, relazzjonijiet ta’ vera stima u ta’ veru ġid li l-għeruq tagħhom jinsabu fi Kristu.  Mingħajr ħbieb u mingħajr talb iċ-ċelibat jista’ jsir piż li ma nkunux nifilħuh u kontro-testimonjanza għall-istess sbuħija tas-saċerdozju.

Issa naslu għar-raba’ qrubija, l-aħħar waħda, il-qrubija lejn il-Poplu t’Alla, il-Poplu Qaddis fidil ta’ Alla.  Jagħmlilna tajjeb jekk naqraw il-paragrafi 8 u 12 tal-­Lumen gentium.

Qrubija lejn il-poplu

Ħafna drabi sħaqt li għal kull wieħed minna, ir-relazzjoni mal-Poplu Qaddis t’Alla mhux dover iżda grazzja.  “L-imħabba lejn in-nies hi qawwa spiritwali li tiffavorixxi l-milja tal-laqgħa ma’ Alla (Evanġelii gaudium, 272).  Hekkhu l-għala l-post ta’ kull saċerdot hu qalb in-nies, relazzjoni ta’ qrubija mal-poplu.

Fl-Evangelii gaudium sħaqt li “biex inkunu evanġelizzaturi awtentiċi jeħtieġ niżviluppaw it-togħma spiritwali li nibqgħu qrib il-ħajja tan-nies, sal-punt li niskopru li din il-qrubija ssir għajn ta’ ferħ superjuri.  Il-missjoni hi passjoni għal Ġesù, imma fl-istess ħin, passjoni wkoll lejn il-poplu tiegħu.  Meta nieqfu quddiem Ġesù Kurċifiss, aħna nagħrfu mħabbtu kollha li ttina dinjità u tweżinna, però fl-istess waqt, jekk aħna m’aħniex għomja, nibdew inġarrbu li dik il-ħarsa ta’ Ġesù tinfirex, tinfetaħ u mimlija għożża u ħerqa ddur lejn il-poplu kollu fidil tiegħu.  B’hekk niskopru mill-ġdid li Hu jrid jinqeda bina biex jasal dejjem aktar qrib il-poplu maħbub tiegħu.  Ġesù jrid jinqeda bis-saċerdoti biex jersaq aktar qrib tal-Poplu Qaddis u fidil ta’ Alla.  Isibna minn fost il-poplu u jibgħatna għand il-poplu, b’mod li l-identità tagħna ma tkunx tiftiehem jekk nieqsa minn din l-appartenenza” (268).  L-identità saċerdotali ma tinftiehemx mingħajr din l-appartenenza mal-Poplu Qaddis u fidil ta’ Alla.

Jien żgur li biex nifhmu mill-ġdid l-identità tas-saċerdozju, illum huwa importanti li ngħixu f’relazzjoni stretta mal-ħajja reali tan-nies, spalla ma’ spalla magħhom, bla ebda triq ta’ ħarba.  “Xi kultant inħossu t-tentazzjoni li nkunu Nsara li jżommu distanza prudenti mill-ġrieħi tal-Mulej.  Imma Ġesù jrid li mmissu l-miżerja umana, li mmissu l-ġisem sofferenti tal-oħrajn.  Hu jistenna minna li ma noqgħodux infittxu dawk l-imkejjen ta’ kenn personali jew komunitarju li jżommuna mbegħdin minn fejn tħabbat il-qalb tat-tbatija umana, biex nistgħu naċċettaw tabilħaqq li nidħlu f’kuntatt mal-eżistenza konkreta tal-oħrajn u nagħrfu kemm hi kbira l-qawwa tal-ħlewwa.  Meta nagħmlu dan, il-ħajja dejjem tikkumplika ruħha b’mod sabiħ u nkunu ngħixu l-esperjenza qawwija ta’ poplu, l-esperjenza li aħna nagħmlu parti minn poplu. (ibid, 270).  U l-poplu mhux kategorija loġika, le, huwa kategorija mitika; biex nifhmuh irridu noqorbu lejh qiesna qed nersqu lejn kategorija mitika.

Qrubija lejn il-Poplu t’Alla.  Qrubija li, mogħnija mkll-“qrubijiet l-oħrajn”, it-tlieta l-oħra, tistieden – u b’ċertu mod tesiġi – li nsaħħu l-istil tal-Mulej, li hu stil ta’ qrubija, ħniena u ħlewwa, għax ma jimxix bħala mħallef imma bħas-Sammaritan it-Tajjeb, li jagħraf il-ġrieħi tal-poplu tiegħu, it-tbatija mgħejxha fis-silenzju, is-sagrifiċċju ta’ tant missirijiet u ommijiet biex irabbu l-familji tagħhom, u wkoll il-konsegwenzi tal-vjolenza, tal-korruzzjoni u tal-indifferenza, li meta tgħaddi tagħmel minn kollox biex titfi kull tama.  Qrubija li tippermettilna ndewwu l-ġrieħi u nħabbru s-sena ta’ grazzja tal-Mulej (cfr Iż 61,2).  Hu deċisiv niftakru li l-Poplu t’Alla jittama li jsib rgħajja bl-istil ta’ Ġesù u mhux “kjeriċi tal-istat” – niftakruha dik l-epoka fi Franza: kien hemm il-Kurat ta’  Ars, il-kurat, imma kien hemm ukoll “monsieur l’abbé”, kjeriċi tal-istat -.  Illum ukoll, il-poplu jitlob minna li nkunu rgħajja tal-poplu, mhux kjeriċi tal-istat jew “professjonisti tas-sagru”; rgħajja li nintagħrfu mill-ħniena, rgħajja tal-opportunità; irġiel kuraġġużi, bil-ħila li jieqfu quddiem min hu miġrugħ u li jnewwlu jdejhom; irġiel kontemplattivi li fil-qrubija lejn il-poplu tagħhom, jistgħu jħabbru fuq il-feriti tad-dinja, il-qawwa operanti tal-Qawmien.

Waħda mill-karatteristiċi kruċjali tas-soċjetà tal-mezzi tal-komunikazzjoni tal-massa hi l-abbundanza tas-sentiment tal-orfanezza.  Dan hu fenomenu attwali.  Konnessi ma’ kollox u ma’ kulħadd, neqsin mill-esperjenza tal-appartenenza, li hi ħaġa li tisboq bil-kbir il-konnessjoni.  Bil-qrubija tar-ragħaj, wieħed jista’ jiġbor il-komunità u jiffavorixxi t-tisħiħ tas-sens ta’ appartenenza; aħna sehem mill-Poplu fidil ta’ Alla, li għandu sejħa dejjiema biex ikun sinjal illi s-Saltna t’Alla daħlet bil-qawwa fl-illum tal-istorja.  Jekk ir-ragħaj jintilef, jekk ir-ragħaj jitbiegħed, in-nagħaġ ukoll jitferrxu u jispiċċaw lixka għal kwalunkwe lupu.

Appartenenza bħal din, min-naħa tagħha, tkun antidotu kontra d-deformazzjoni tal-vokazzjoni li tasal preċiżament meta ninsew li l-ħajja saċerdotali nafuha lil ħaddieħor – lill-Mulej u lill-persuni konsagrati lilu -.  Dan in-nisi hu l-bażi tal-klerikaliżmu – li tkellem dwaru l-Kardinal Ouellet – u tal-konsegwenzi tiegħu.  Il-klerikaliżmu hu perverżjoni, u r-riġidità, wieħed mis-sinjali tiegħu, hu perverżjoni oħra.  Il-klerikaliżmu hu perverżjoni għax jistrieħ fuq “it-tbegħid”.  Ħaġa kurjuża: mhux fuq il-qrubijiet, bil-maqlub.  Meta niftakar fil-klerikaliżmu, niftakar ukoll fil-klerikalizzazzjoni tal-lajkat: il-promozzjoni ta’ elite ċkejkna, madwar is-saċerdot, li tispiċċa biex tiżnatura l-missjoni fundamentali tagħha (cfr Gaudium et spes, 44), dik tal-lajk.  Hemm bosta lajċi klerikalizzati, bosta: “jien nifforma parti minn dik l-organizzazzjoni, aħna qiegħdin hemm, fil-parroċċa aħna....”  “Il-Magħżulin”, lajċi klerikalizzati, tentazzjoni kbira.  Niftakru li l-missjoni ma’ qalb il-poplu mhix parti minn ħajti, jew xi tiżjin li nista’ ninżgħu, mhux appendiċi, jew xi waqt partikolari fost il-ħafna fl-eżistenza.  Hu ħaġa li ma nistax inqaċċat mill-fatt li jien saċerdot, jekk marridx neqred lili nnifsi.  Jien missjoni fuq din l-art, u għalhekk ninsab fid-dinja.  Hemm bżonn nagħrfu lilna nfusna qiesu li aħna mmarkati bin-nar minn dil-missjoni li ndawlu, inbierku, nagħtu l-ħajja, nerfgħu, infejqu, neħilsu” (Evangelii gaudium, 273). 

Nxitieq nikkorrelata dil-qrubija lejn il-Poplu t’Alla mal-qrubija lejn Alla, għax it-talb tar-ragħaj jitmantna u jinkarna ruħu fil-qalb tal-Poplu t’Alla.  Meta r-ragħaj jitlob, iġorr fuqu s-sinjali tal-ġrieħi u tal-ferħat tan-nies tiegħu, li fis-skiet jiprreżenta lill-Mulej ħalli jtihom id-dilka bid-don tal-Ispirtu s-Santu.  Hija t-tama tar-ragħaj mimli fiduċja u li jitqabad sabex il-Mulej ibierek il-poplu tiegħu.

Jekk jimxu fuq it-tagħlim ta’ Sant’Injazju li “mhux il-ħafna għerf ixabba u jissodisfa r-ruħ imma li din tħoss u ttiegħem l-affarijiet internament” (Eżerċizzi spiritwali, Notamenti, 2,4), lill-isqfijiet u lis-saċerdoti jagħmlilhom tajjeb jistaqsu lilhom infushom: “kif inhuma sejrin il-qrubijiet tiegħi?” kif qed ngħix dawn l-erba’ dimensjonijiet li jirrappreżentaw il-fatt li jien saċerdot, b’mod trasversali, u jippermettuli nikkontrolla t-tensjonijiet u n-nuqqas ta’ bilanċ li kuljum irrid inħabbat wiċċi miegħu?

Dawn l-erba’ qrubijiet huma skola tajba biex “nilgħabu fi grawnd miftuħ”, fejn is-saċerdot hu msejjaħ, bla biża’, bla riġidità, bla ma jnaqqas jew ifaqqar il-missjoni.  Qalb saċerdotali tfewwaħ bil-qrubija għax l-ewwel wieħed li ried ikun qrib kien il-Mulej.  Jalla Hu jżur lis-saċerdoti tiegħu fit-talb, fl-isqof, fl-aħwa presbiteri u fil-poplu tiegħu.  “Iħawwad” ir-rutina u jagħti xi ftit “fastidju”, iqanqal l-ansjetà - bħal fi żmien l-ewwel imħabba -, ikebbes il-ħiliet sabiex niesna jkollha l-ħajja u l-ħajja bl-abbundanza (cfr Ġw 10,10).  Il-qrubijiet tal-Mulej mhumiex inkargu extra: huma don li jagħti Hu biex iżomm il-vokazzjni ħajja u għammiela.  Il-qrubija lejn Alla, il-qrubija lejn l-isqof, il-qrubija bejnietna s-saċerdoti u l-qrubija lejn il-Poplu Qaddis ta’ Alla.

Quddiem it-tentazzjoni li ningħalqu f’diskorsi u diskussjonijiet bla tarf dwar it-teoloġija tas-saċerdozju jew dwar teoriji ta’ kif dan għandu jkun, il-Mulej iħares bit-tenerezza u l-kumpassjoni u lis-saċerdoti joffrilhom l-ingredjenti li minnhom jibdew l-għarfien u l-ħerqa għall-missjoni: qrubija, li hi kollha ħniena u ħlewwa, qrubija lejn Alla, lejn l-isqof, lejn l-aħwa presbiteri u lejn il-poplu fdat lilhom.  Qrubija bl-istil ta’ Alla li hu qrib bil-ħniena u t-tenerezza.

U grazzi lilkom tal-qrubija tagħkom u l-paċenzja, grazzi, grazzi ħafna!  Il-ħidma t-tajba lilkom ilkoll.  Jien sejjer il-biblijoteka għax għandi ħafna appuntamenti dalgħodu.  Itolbu għalija u jien nitlob għalikom.  Il-ħidma t-tajba!

(Barka)

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber