LAQGĦA TA’ TALBA U XHIEDA FL-OKKAŻJONI TAL-

JUM DINJI TAL-FOQRA F’ASSISI

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU

Bażilika ta’ Santa Marija tal-Anġli (Assisi)

Il-Ġimgħa 12 ta’ Novembru 2021

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Nirringrazzjakom li lqajtu l-istedina tiegħi – jiena kont il-mistieden! – biex niċċelebraw hawn f’Assisi, il-belt ta’ San Franġisk, il-ħames Jum Dinji tal-Foqra, li jaħbat pitgħada. Din hi idea li nibtet minnkom, kibret u diġà wasalna għall-ħames wieħed. Assisi mhijiex belt bħall-oħrajn: Assisi ġġorr fuqha l-marka ta’ wiċċ San Franġisk. Meta nistħajlu kif f’dawn it-toroq hu qatta’ ż-żgħożija bla kwiet tiegħu, irċieva s-sejħa biex litteralment jgħix il-Vanġelu, din għalina hi lezzjoni fundamentali. Bla dubju, xi kultant il-qdusija tiegħu tkexkixna, għax donnu impossibbli li nkunu nixbhuh. Imma mbagħad, meta niftakru f’xi mumenti tal-ħajja tiegħu, dawk il-“fjuretti” li nġabru biex juru l-ġmiel tal-vokazzjoni tiegħu, inħossuna miġbuda minn din is-sempliċità tal-qalb u s-sempliċità tal-ħajja: hija l-istess attrazzjoni ta’ Kristu, tal-Vanġelu. Huma fatti tal-ħajja li jiswew aktar mill-prietki.

 

Nixtieq infakkarkom f’waħda, li tesprimi tajjeb il-personalità tal-Fqajjar ta’ Assisi (ara Fjuretti, kap. 13: Fonti Francescane, 1841-1842). Hu u Fra Massew kienu telqu fi vjaġġ lejn Franza, imma ma kienu ħadu xejn magħhom. Waslu f’punt li kellhom jibdew jittallbu l-karità. Franġisku mar naħa u Fra Massew mar l-oħra. Imma, kif jirrakkuntaw il-Fjuretti, Franġisku kien ċkejken fl-istatura u min ma kienx jafu kien jaħsbu tallab tat-triq; imma Fra Massew “kien raġel mibni u sbejjaħ”. U allura ġara li San Franġisk bi tbatija seħħlu jiġbor xi loqma ħobż xierfa u iebsa, waqt li Fra Massew ġabar ftit biċċiet ħobż tajba.

 

Meta reġgħu ltaqgħu, it-tnejn li huma ntasbu bilqiegħda fl-art u poġġew fuq biċċa ġebla dak li kienu ġabru. Meta r-ra l-biċċiet ta’ ħobż li kien ġabar sieħbu, Franġisku qallu: “Fra Massew, aħna m’aħniex denji ta’ dan it-teżor kbir”. Il-patri, mistagħġeb, wieġbu: “Missieri Franġisku, kif tista’ titkellem fuq teżor fejn hemm tant faqar u huma nieqsa mqar il-ħwejjeġ meħtieġa?”. Franġisku wieġbu: “Huwa proprju dan li jiena nqis bħala teżor kbir, għax ma għandna xejn, imma dak li għandna hu mogħti lilna mill-Providenza, li tatna dan il-ħobż”. Dan hu t-tagħlim li jagħtina San Franġisk: li nagħrfu nikkuntentaw b’dak il-ftit li għandna u naqsmuh mal-oħrajn.

 

Ninsabu hawn fil-Porzjunkola, waħda mill-knejjes ċkejkna li San Franġisk ħaseb biex jirrestawra, wara li Ġesù kien talbu “jsewwi d-dar tiegħu”. Dakinhar ma kienx ħabat ma’ moħħu li l-Mulej kien qed jitlob minnu li jagħti ħajtu biex iġedded mhux il-knisja magħmula mill-ġebel, imma dik tal-persuni, tal-irġiel u n-nisa li huma l-ġebliet ħajja tal-Knisja. U jekk aħna ninsabu hawn illum huwa proprju biex nitgħallmu minn dak li għamel San Franġisk. Hu kien jieħu pjaċir joqgħod fit-tul f’din il-knisja ċkejkna jitlob. Kien jinġabar hawn fis-skiet u joqgħod jisma’ lill-Mulej, dak li Alla ried minnu. Aħna wkoll ġejna hawn għal dan: irridu nitolbu lill-Mulej jagħti widen għall-karba tagħna, jisma’ l-karba tagħna, u jfittex jgħinna. Ma ninsewx li l-ewwel emarġinazzjoni li jbatu minnha l-foqra hi dik spiritwali. Ngħidu aħna, tant persuni u tant żgħażagħ isibu xi ftit tal-ħin biex jgħinu lill-foqra u jwasslulhom ikel u xorb sħun. Din hi ħaġa tajba ħafna u nirringrazzja lil Alla għall-ġenerożità tagħhom. Imma fuq kollox nifraħ meta nara lil dawn il-voluntiera jieqfu xi ftit biex jitkellmu mal-persuni, u xi drabi jitolbu magħhom ukoll… Araw, anki l-fatt li ninsabu hawn, fil-Porzjunkola, ifakkarna fil-kumpanija tal-Mulej, li hu ma jitlaqna qatt waħidna, iseħibna dejjem f’kull waqt ta’ ħajjitna. Il-Mulej illum jinsab magħna. Iseħibna, fis-smigħ, fit-talb u fix-xhieda mogħtija: huwa hu, magħna.

 

Hemm fatt ieħor importanti: hawn fil-Porzjunkola San Franġisk laqa’ lil Santa Kjara, lill-ewwel patrijiet, u tant foqra li kienu jiġu għandu. B’sempliċità laqagħhom bħala aħwa, u qasam kollox magħhom. Din hi l-espressjoni l-aktar evanġelika li aħna msejħin nagħmlu tagħna: li nilqgħu. Nilqgħu jfisser niftħu l-bieb, il-bieb tad-dar u l-bieb tal-qalb, u lil min iħabbat inħalluh jidħol. U ħa jħossu komdu, mhux inġibulu sudizzjon, le, iħossu komdu, ħieles. Fejn hemm sens veru ta’ fraternità, hemm ngħixu wkoll l-esprjenza sinċiera tal-akkoljenza. Imma fejn hemm il-biża’ minn xulxin, l-istmerrija tal-ħajja tal-oħrajn, hemm jitwieled ir-rifjut jew, agħar minn hekk, l-indifferenza: nibdew inħarsu n-naħa l-oħra. Meta nilqgħu nkunu nġibu sens ta’ komunità; meta nirrifjutaw, bil-maqlub, inkunu ningħalqu fl-egoiżmu tagħna. Madre Tereża, li kienet għamlet minn ħajjitha qadi lill-akkoljenza, kienet tħobb tgħid: “Kif tilqa’ bl-aħjar mod? Bi tbissima”. It-tbissima. Meta naqsam tbissima ma’ min hu fil-bżonn, din tkun tagħmel tajjeb lit-tnejn, lili u lill-ieħor. It-tbissima bħala espressjoni ta’ simpatija, ta’ ħlewwa. U mbagħad it-tbissima tinvolvik, u int ma tkunx tista’ titbiegħed mill-persuna li lilha tbissimt.

 

Nirringrazzjakom, għax intom ġejtu hawn minn tant pajjiżi differenti biex tgħixu din l-esperjenza ta’ laqgħa u ta’ fidi. Nixtieq nirringrazzja lil Alla li tana din l-idea tal-Jum Dinji tal-Foqra. Idea li twieldet b’mod kemxejn stramb, f’sagristija. Jien kont qed niċċelebra l-quddiesa u wieħed minnkom – jismu Étienne – tafuh? Hu enfant terrible – Étienne għamilli dan is-suġġeriment: “Ejja nagħmlu l-Jum tal-Foqra”. Jiena ħriġt u ħassejt li l-Ispirtu s-Santu, ġewwa fija, kien qed jgħidli biex nagħmlu. Hekk beda: mill-inkuraġġiment ta’ wieħed minnkom li kellu l-kuraġġ li jmexxi l-affarijiet ’il quddiem. Nirringrazzjah tal-ħidma tiegħu f’dawn is-snin u l-ħidma ta’ tant oħrajn miegħu. U rrid nirringrazzja, skużani, Eminenza, għall-preżenza tiegħu lill-Kardinal [Barbarin]: hu jinsab qalb il-foqra, anki hu ġarrab b’dinjità l-esperjenza tal-faqar, tal-abbandun, tal-qtigħ il-qalb. U hu ddefenda ruħu bis-skiet u t-talb. Grazzi, Kardinal Barbarin, tax-xhieda tiegħek li tibni lill-Knisja. Kont qed ngħid li aħna ġejna hawn biex niltaqgħu: din hi l-ewwel ħaġa, jiġifieri li mmorru għand l-oħrajn b’qalb miftuħa u dirgħajn miftuħa. Nafu li kull wieħed u waħda minna għandu bżonn tal-ieħor, u li mqar id-dgħufija, jekk ngħixuha flimkien, tista’ ssir qawwa li ttejjeb id-dinja. Spiss il-preżenza tal-foqra narawha bħala fastidju u nagħmlu mod nissaportuha; xi drabi tisma’ min jgħid li dawk responsabbli għall-faqar huma l-istess foqra: insult fuq ieħor! Biex ma nagħmlux eżami serju ta’ kuxjenza fuq l-għemejjel tagħna, fuq l-inġustizzja ta’ xi liġijiet u provedimenti ekonomiċi, eżami ta’ kuxjenza fuq l-ipokrezija ta’ min irid jimla butu u m’għandux xaba’, nixħtu t-tort fuq dahar l-iżjed dgħajfa.

 

Imma wasal iż-żmien li lill-foqra tintraddilhom il-kelma, għax għal wisq żmien it-talbiet tagħhom baqgħu mhux mismugħa. Wasal iż-żmien li jinfetħu l-għajnejn biex naraw l-istat ta’ nuqqas ta’ ugwaljanza li fih qed jgħixu tant familji. Wasal iż-żmien li nxammru l-kmiem biex irroddu dinjità billi noħolqu postijiet ta’ xogħol. Wasal iż-żmien li nerġgħu nibdew niskandalizzaw ruħna quddiem ir-realtà ta’ tfal mejtin bil-ġuħ, ridotti għall-jasar, jiġġerrew fuq il-baħar f’ħalq in-nawfraġju, vittmi innoċenti ta’ kull xorta ta’ vjolenza. Wasal iż-żmien li jieqfu l-vjolenzi fuq in-nisa u dawn jiġu rrispettati u mhux ittrattati bħala merċa ta’ skambju. Wasal iż-żmien li nkissru ċ-ċirku tal-indifferenza biex nerġgħu niskopru l-ġmiel tal-laqgħa u tad-djalogu. Wasal iż-żmien li niltaqgħu. Wasal il-mument tal-laqgħa. Jekk l-umanità, jekk aħna l-bnedmin ma nitgħallmux niltaqgħu, veru mexjin lejn tmiem tassew ikrah.

 

Smajt b’attenzjoni x-xhieda tagħkom, u rrid ngħidilkom grazzi ta’ dak kollu li qsamtu b’kuraġġ u sinċerità. Kuraġġ, għax ridtu taqsmuh magħna lkoll, minkejja li dan hu parti mill-ħajja personali tagħkom; sinċerità, għax qed turu dak li intom u tiftħu qalbkom bix-xewqa li tiġu mifhuma. Hemm xi ħwejjeġ li partikularment għoġbuni u li nixtieq b’xi mod nerġa’ naqbad fuqhom, biex nagħmilhom iżjed tiegħi u nħallihom joqogħdu fil-qalb tiegħi. Ħassejt, qabelxejn, sens ta’ tama kbir. Il-ħajja mhux dejjem kienet ħanina magħkom, anzi, spiss urietkom wiċċ kiefer. L-emarġinazzjoni, it-tbatija tal-mard u tas-solitudni, in-nuqqas ta’ tant mezzi meħtieġa ma żammewkomx milli tħarsu b’għajnejn mimlija gratitudni għall-ħwejjeġ iż-żgħar li bihom stajtu żżommu weqfin fuq saqajkom u tirreżistu.

 

Tirreżistu. Din hi t-tieni impressjoni li ħadt u li ġejja proprju mit-tama. Xi jfisser tirreżisti? Li jkollok is-saħħa tibqa’ miexi ’l quddiem minkejja kollox, tmur kontra l-kurrent. Li nirreżistu mhix xi azzjoni passiva, bil-maqlub, titlob il-kuraġġ li naqbdu mixja ġdida għax nafu li sa ġġib il-frott. Nirreżistu jfisser insibu raġunijiet biex ma nċedux quddiem id-diffikultajiet, għax nafu li m’aħniex ngħixuhom waħidna imma flimkien, u flimkien biss nistgħu negħlbuhom. Nirreżistu għal kull tentazzjoni li nintelqu u nċedu għas-solitudni u d-dwejjaq. Nirreżistu, niggranfaw mal-ftit ġid żgħir li jista’ jkollna. Tiġini f’moħħi t-tfajla mill-Afganistan, bil-frażi diretta tagħha: ġismi jinsab hawn, ruħi tinsab hemm. Nirreżistu bil-memorja, illum. Tiġini f’moħħi l-omm Rumena li tkellmet fl-aħħar: uġigħ, tama u donnu ma tara ebda possibbiltà quddiemek, imma t-tama qawwija fl-ulied li għandha magħha u li jroddulha l-ħlewwa li rċivew mingħandha.

 

Nitolbu lill-Mulej jgħinna dejjem insibu s-serenità u l-ferħ. Hawn fil-Porzjunkola, San Franġisk jgħallimna l-ferħ li jiġi meta nħarsu lejn min hu qrib tagħna bħala sieħeb tal-vjaġġ li jifhimna u jweżinna, l-istess kif aħna għalih jew għaliha. Din il-laqgħa tiftaħ il-qlub tagħna lkoll biex inkunu hemm għal xulxin; niftħu qalbna biex mid-dgħufija tagħna nagħmlu qawwa li tgħinna nkomplu mexjin fit-triq tal-ħajja, biex nibdlu l-faqar tagħna f’għana maqsum mal-oħrajn, u hekk intejbu d-dinja.

 

Il-Jum Dinji tal-Foqra. Grazzi lill-foqra li jiftħu qalbhom biex jagħtuna mill-għana tagħhom u jfejqu l-qalb miġruħa tagħna. Grazzi ta’ dan il-kuraġġ. Grazzi, Étienne, li kont doċli għat-tnebbiħ tal-Ispirtu s-Santu. Grazzi ta’ dawn is-snin ta’ ħidma; u anki tar-“ras iebsa” li biha ridt iġġib il-Papa Assisi! Grazzi! Grazzi, Eminenza, tal-appoġġ tiegħek, tal-għajnuna tiegħek lil dan il-moviment ta’ Knisja – ngħidlu “moviment” għax qed jiċċaqilqu – u tax-xhieda tiegħek. U grazzi lil kulħadd. Inġorrkom f’qalbi. U, nitlobkom, tinsewx titolbu għalija, għax anki jien għandi l-faqar tiegħi, u ħafna wkoll! Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard