DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU 
LILL-PARTEĊIPANTI TAT-III EDIZZJONI
TAL-ISTATI ĠENERALI TAN-NATALITÀ

Auditorium ta’ Via della Conciliazione (Ruma)
Il-Ġimgħa, 12 ta’ Mejju, 2023

 Sinjura Prim Ministru,
distinti Awtoritajiet u Rappreżentanti tas-Soċjetà Ċivili,
għeżież ħbieb, ħuti, għażiż ħabib Gigi,

 

Niskuħa ruħi li minix qiegħed bilwieqfa biex inkellimkom imma ma niflaħx nissaporti l-uġigħ meta nkun bilwieqfa.  Insellmilkom u rrodilkom ħajr għall-impenn tagħkom.  Grazzi lil Gigi De Palo, President tal-Fundazzjoni għan-Natalità, għall-indirizz tiegħu u tal-istedina għax nemmen li s-suġġett tan-natalità hu ċentrali għal kulħadd, fuq kollox għall-ġejjieni tal-Italja u tal-Ewropa.  Nixtieq nagħti biss  żewġ “ritratti” li seħħew hawn fil-pjazza (San Pietru).  Ħmistax ilu, is-segretarju tiegħi kien fil-pjazza u waslet omm bil-pushchair.  Hu, qassis ħelu, resaq biex ibierek it-tarbija... minflok kien hemm kelb!  Ħmistax ilu, waqt l-udjenza ta’ nhar t’Erbgħa, mort insellem lin-nies u wasalt quddiem mara ta’ madwar ħamsin sena; sellimtilha u hi fetħet basket u qaltli: “Tberikli lit-tifel”: kien kelb!  Dak il-ħin qabżitli u ċanfartha: Sinjura, hawn tant tfal bil-ġuħ u int bil-kelb!”.   Ħuti dawn huma xeni tal-preżent, imma jekk l-affarijiet jibqgħu sejrin hekk, din se ssir id-drawwa tal-futur, noqgħodu attenti.

Infatti, it-twelid tat-tfal, hu l-fattur ewlieni li jkejjel it-tamiet ta’ poplu.  Jekk jitwieldu ftit ikun ifisser li ftit hemm tama.  U dan m’għandux konsegwenzi biss mill-aspett ekonomiku u soċjali, imma jdgħajjef it-tama fil-ġejjieni.  Sirt naf li s-sena li għaddiet fl-Italja l-għadd ta’ twelid kien l-anqas wieħed fl-istorja: appena 393,000 trabi ġodda.  Din figura ta’ tħassib bla qies dwar għada.  Illum, li ġġib fid-dinja l-ulied jitqies att erojku li jkollhom iġorru l-familji.  Sfortunatament dan jikkundizzjona l-mentalità tal-ġenerazzjonijiet żgħażagħ, li jikbru fl-inċertezza, jekk mhux ukoll fid-diżillużjoni jew il-biża’.  Qed jgħixu fi klima soċjali li fiha li tkabbar familja sar sforz titaniku, minflok valur li kulħadd għandu jagħraf u jsostni u jkun sehem minnu.  Li tħossok waħdek u tkun imġiegħel tistrieħ biss fuq il-forzi tiegħek waħdek hu perikoluz: ikun ifisser li l-għajxien komuni jitmermer naqra naqra u li bniedem jirrassenja ruħu għal ħajja solitarja, li fiha kulħadd jaħseb għal rasu.  Bil-konsegwenza li l-għonja biss, bis-saħħa tar-riżorsi tagħhom, jista’ jkollhom libertà akbar biex jagħżlu b’liema mod ikunu jridu jagħtu forma lil ħajjithom.  U din hi inġustizzja, minbarra li hi wkoll umiljanti.

Forsi bejn gwerer, pandemiji, ċaqliq tal-mases u kriżijiet tal-klima, qatt daqs illum il-ġejjieni ma kien jidher daqstant inċert.  Ħbieb, huwa inċert; mhux biss jidher, huwa inċert.  Kollox għaddej riħ u madankollu ċ-ċertezzi miksuba jtiru mar-riħ.  Infatti l-għaġla li mdawrin biha żżid il-fraġilità li nġorru ġewwa fina.  U f’dal-kuntest ta’ inċertezza u fraġilità, il-ġenerazzjonijiet iż-żgħażagħ iġarrbu aktar minn kulħadd is-sensazzjoni tal-prekarjetà, u minħabba f’hekk għada jidher muntanja impossibbli tixxabbat magħha.  Is-Sinjura Prim Ministru tkellmet dwar “il-kriżi”, kelma fundamentali.  Imma dwar il-kriżi niftakru żewġ affarijiet: mill-kriżi ma noħorġux waħedna, jew noħorġu lkoll flimkien jew ma noħorġu xejn; u mill-kriżi ma noħorġux l-istess: jew noħorġu aħjar inkella agħar.  Niftakruh dan.  Din hi l-kriżi tal-lum.  Diffikultà biex bniedem isib xogħol stabbli, diffikultà li jibqa’ fil-job, djar bi prezzijiet projbittivi, krejja m’għola s-smewwiet u s-salarji insuffiċjenti huma problemi reali.  Huma problemi li jinterpellaw lill-politika, għaliex is-suq ħieles hu taħt għajnejn kulħadd, u mingħajr bidla indispensabbli fid-direzzjoni, jsir selvaġġ u jipproduċi sitwazzjonijiet ta’ diżugwaljanza dejjem aktar gravi.  Niftakar storja minn xi snin ilu ta’ kju quddiem kumpanija tat-trasport, kju ta’ nisa li kienu jfittxu x-xogħol.  Lil waħda qalulha li kien imiss lilha.....’ tippreżenta d-dokumenti... “Tajjeb, int taħdem ħdax-il siegħa kuljum u l-paga hi 600 Ewro.  Tajjeb?  U hi: “Kif, b’600 Ewro... 11-il siegħa... ma nistax ngħix...” – “Sinjura, ħares lejn il-kju u għażel.  Jekk togħġbok, aħtaf l-okkażjoni; jekk ma jogħġbokx, mut bil-ġuħ”.  Din hi ftit jew wisq ir-realtà li qed ngħixu.  Kultura ftit li xejn ħabiba, jekk mhux għadu, tal-familja, iċċentrata fuq il-ħtiġijiet tal-individwu, fejn il-ħin kollu jissemmew id-drittijiet tal-individwu u qatt ma jissemmew id-drittijiet tal-familja (Eż. App. Amoris laetitia, 44).  B’mod partikolari għan-nisa hemm kundizzjonamenti kważi impossibbli.  Il-ħsara tolqot l-aktar propju lilhom, nisa żgħażagħ spiss maqbudin f’salib it-toroq bejn il-karriera u l-maternità, inkella mgħaffġin taħt il-piż tal-kura tal-familji tagħhom l-aktar fil-preżenza ta’ anzjani fraġli u persuni li ma jkunux awtonomi.  F’dan il-mument, in-nisa huma lsiera ta’ dir-regola tax-xogħol selettiv, li jimpedilhom ukoll il-maternità.

Ċertament, teżisti wkoll il-Providenza u miljuni ta’ familji huma xhieda ta’ dan bil-ħajja tagħhom u l-għażliet li jagħmlu, imma l-eroiżmu tal-ħafna m’għandux isir skuża ġeneralizzata.  Għalhekk hemm bżonn politika li tħares fil-bogħod.  Jeħtieġ titħejja art fertili biex fiha tiffjorixxi rebbiegħa ġdida u din ix-xitwa demografika nitfgħuha wara spallejna.  U, billi l-art hi ta’ kulħadd bħalma huma ta’ kulħadd is-soċjetà u l-ġejjieni, hemm bżonn li l-problema niffaċċjawha lkoll flimkien, mingħajr xtiebi ideoloġiċi u pożizzjonijiet prevenuti.  Importanti li nkunu flimkien.  Hu minnu li bis-saħħa tal-għajnuna tagħkom sar ħafna, u jien grat għal dan, imma għadu mhux biżżejjed.  Hemm bżonn bidla fil-mentalità: il-familja mhix parti mill-problema, imma parti mis-soluzzjoni.  U allura nistaqsi: hemm xi ħadd li jaf iħares ‘il quddiem bil-kuraġġ li jilqa’ l-isfida dwar il-familji, it-tfal, iż-żgħażagħ?  Ħafna drabi nisma’ l-ilmenti tal-ommijiet: “Ibni kiseb il-lawrija żmien ilu... u ma jiżżewwiġx, jibqa’ d-dar... x’nista’ nagħmel?” – “Tgħaddilux il-ħwejjeġ, sinjura, nibdew hekk, imbagħad naraw”.

Ma nistgħux naċċettaw li s-soċjeta tagħna ma tibqax aktar ġenerattiva u tiddeġenera fis-swied il-qalb.  Meta l-ġenerattività tonqos, jidħol is-swied il-qalb.  Hi marda kerha, mċajpra.  Ma nistgħux naċċettaw passivament li daqstant żgħażagħ isbuha hekk iebsa biex il-ħolm tal-familja tagħhom ilaħħmuh tant li jsibu ruħhom f’sitwazjoni li jkollhom ibaxxu l-miri tax-xewqathom, jikkuntentaw b’surrogati privati u medjokri: jagħmlu l-flus, jimmiraw għall-karriera, jivvjaġġaw, moħħhom biss biex jiddevertu... Kollha affarijiet tajbin u ġusti meta jiffurmaw parti minn proġett ġenerattiv aktar wiesa’, li jirregala l-ħajja madwar dak li jkun u wrajh ukoll; jekk, min-naħa l-oħra, dawn jibqgħu biss aspirazzjonijiet individwali, isiru ħawlija bl-egoiżmu u lil dak li jkun iġibulu għejja interjuri.  Dan hu l-istat mentali ta’ soċjetà li ma tiġġenerax: għejja interjuri li tilloppja x-xewqat kbar u li lis-soċjetà tagħna ttiha l-karatteristika tal-għejja.  Ejjew nagħtu nifs mill-ġdid lix-xewqat tal-hena taż-żgħażagħ!  Iva, huma mimlijin xewqat ta’ hena: nagħtuhom in-nifs u niftħulhom it-triq.  Kull wieħed u waħda minna nħossu liema hu l-livell tal-hena personali: meta nħossuna mimlijin b’xi ħaġa li tiġġenera t-tama u ssaħħan il-qalb, tkun ħaġa spontanja li naqsmuha ma’ ħaddieħor.  Bil-maqlub, meta aħna bil-geddum, imċajprin, nibdew niddefendu ruħna, ningħalqu fina nfusna u nibdew naraw kollox bħala theddida.  Hekkhu, in-natalità, l-istess bħall-akkoljenza, li qatt m’għandhom ikunu kontra xulxin għax huma ż-żewġ faċċati tal-istess medalja, turina kemm hena tnissel fis-soċjetà.  Komunità hienja, tiżviluppa b’mod naturali x-xewqat li tiġġenera u tintegra, li tilqa’, waqt li soċjeta tal-gdiedem tispiċċa tkun grupp ta’ individwi moħħhom biss biex jiddefendu dak li għandhom jiġri x’jiġri.  U bosta drabi jinsew jitbissmu wkoll.

Ħbieb, wara li qsamt magħkom dawn il-preokkupazzjonijiet li jien inġorr f’qalbi, nixtieq intikom kelma għażiża ħafna għalija: tama.  L-isfida tan-natalità hi kwistjoni ta’ tama.  Iżda, attenzjoni, it-tama mhix, kif spiss naħsbu, ottimiżmu, lanqas mhi sentiment pożittiv vag dwar il-ġejjieni.  “Ah!  Inti bniedem pożittiv, mara pożittiva, tajjeb ħafna!”  Le, it-tama hi xi ħaġa oħra.  Mhijiex illużjoni jew emozzjoni li tħoss fik, le; hi virtú konkreta, atteġġjament tal-ħajja.  U marbuta ma’ għażliet konkreti.  It-tama titrejjaq bl-impenn għat-tajjeb  min-naħa ta’ kulħadd, titkattar meta nħossu li aħna sehem u aħna parti attiva biex nagħtu sens lil-ħajjitna u l-ħajja tal-oħrajn.

Il-manteniment tat-tama għalhekk huwa azzjoni soċjali, intellettwali, artistica, politika, fis-sens l-aktar għoli tal-kelma; ifisser li l-ħiliet tiegħek tqegħedhom għas-servizz tal-ġid komuni, ifisser li qed tiżra’ għall-futur.  It-tama tiġġenera tibdil u ttejjeb il-ġejjieni.  Peguy kien jgħid li hi l-iżgħar fost il-virtuwjiet, l-iżgħar, iżda hi dik li l-aktar tmexxik‘il quddiem!  It-tama ma tqarraqx.  Illum fil-ħajja hawn ħafna Turandot li jgħidu: “It-tama tqarraq dejjem” il-Bibbja tgħidilna: “It-tama ma tqarraqx” (cfr Rum 5,5).

Hu pjaċir tiegħi inqis “L-istati  ġenerali tan-natalità” – intom u tiċċelebraw it-tielet edizzjoni – bħala lant ta’ tama.  Lant fejn ix-xogħol mhux isir b’ordni ta’ xi ħadd, għax hemm xi ħadd li qed iħallas, iżda fejn kulħadd jaħdem flimkien propju għax ilkoll iridu jittamaw.  U allura nawguralkom li din l-edizzjoni tkun okkażjoni biex “il-lant jitkabbar” biex fuq aktar livelli diversi tinħoloq alleanza kbira ta’ tama.  Hawnhekk sabiħ tara d-dinja tal-politika, tal-imprendituri, tal-banek, tal-isport, tal-ispettaklu, tal-ġurnaliżmu, miġburin flimkien biex jirraġunaw dwar kif mix-xitwa tgħaddu għar-rebbiegħa demografika.  Dwar kif ikun hemm twelid ġdid, mhux biss fiżikament, imma interjorment, ħalli ta’ kuljum tiddawlu u ddawlu t-tama għal għada.  Ħuti, ma nirrassenjawx ruħna għaċ-ċpar tal-pessimiżmu ħawli, għat-tbissima tal-kompromess, le.  Ma naċċettawx li l-istorja mhix se tinbidel, li ma jista’ jsir xejn biex tiddawwar it-tendenza.  Għaliex, ippermettuli ngħidha bil-lingwaġġ preferut tiegħi, dak tal-Bibbja – huwa propju fid-deżerti l-aktar nexfin li Alla jiftaħ toroq ġodda (cfr 43,19).  Ejjew flimkien infittxu dawn it-toroq ġodda f’dan id-deżert niexef!

Infatti, it-tama, tisfidana biex niċċaqalqu ħalli nfittxu soluzzjonijiet li jagħtu forma xierqa lis-soċjetà f’dal-mument storiku li qed ngħixu, żmien ta’ kriżi mmarkat b’tant inġustizzji.  Waħda minn dawn hija l-gwerra.  Li ngħatu impuls ġdid lin-natalità jfisser li nsewwu l-għamliet ta’ esklużjoni soċjali li qed jolqtu liż-żgħażagħ u l-ġejjieni tagħhom.  U huwa servizz għal kulħadd: l-ulied mhumiex propjetà individwali, huma persuni li jikkontribwixxu lejn it-tkabbir ta’ kulħadd,  iġibu magħhom għana umana u ġenerazzjonali.  Jiġġeneraw il-kreattività anki fil-qalb tal-ġenituri.  Lilkom, li tinsabu hawn biex tfittxu s-soluzzjonijiet it-tajba, frott tal-professjonalità tagħkom u tal-kompetenzi tagħkom, nixtieq ngħidilkom: ħossukom imsejħin għall-ħidma kbira li tiġġeneraw it-tama mill-ġdid, li tibdew proċessi li jagħtu mbuttatura u ħajja lill-Italja, lill-Ewropa, lid-dinja, li jtuna ħafna tfal.  Grazzi.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber