TISLIMA TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAPA FRANĠISKU

LILL-GWARDJI ŻVIZZERI PONTIFIĊJI,

FL-OKKAŻJONI TAL-ĠURAMENT TAR-REKLUTI ĠODDA

Il-Ġimgħa, it-2 ta’ Ottubru 2020

 

Sur Kmandant,
Reverendu Kappillan,
Għeżież uffiċċjali u membri tal-Gwardja Żvizzera!

Ninsab kuntent li qed niltaqa’ magħkom fl-okkażjoni ta’ dan il-jum ta’ festa tagħkom. Insellem bil-qalb lir-rekluti ġodda li mxew fuq l-eżempju ta’ tant nies oħra minn pajjiżhom, u għażlu li jiddedikaw perjodu miż-żgħożija tagħhom għas-servizz tas-Suċċessur ta’ Pietru. Il-preżenza hawnhekk ta’ wħud mill-familjari tagħkom turi r-rispett tal-kattoliċi żvizzeri lejn il-Papa, u turi wkoll l-edukazzjoni morali u l-eżempju tajjeb li bih il-ġenituri  għaddew lil uliedhom il-fidi nisranija u s-sens ta’ qadi ġeneruż lill-proxxmu. It-tislima tiegħi tmur ukoll għar-rappreżentanti tal-Fundazzjoni tal-Gwardja Żvizzera Pontifiċja.

L-okkażjoni tal-lum tagħtini opportunità li nfakkar il-passat glorjuż tal-Gwardja. Ħsiebi jmur partikularment meta serqu lil Ruma (The Sack of Rome), dakinhar il-gwardji żvizzeri ddefendew bi qlubija kbira lill-Papa, saħansitra billi taw ħajjithom. It-tifkira ta’ dakinhar tista’ tqanqal fikom il-periklu ta’ “żvujtar” spiritwali. Fil-kuntest soċjali li qed ngħixu llum, ħafna żgħażagħ qed jirriskjaw li jkollhom ruħhom vojta, meta jsegwu idejali u stili ta’ ħajja li jirrispondu biss għal xewqat u bżonnijiet materjali.

L-awgurju tiegħi huwa li ż-żjara tagħkom f’Ruma tkun żmien sabiħ li fih tagħmlu l-aħjar użu minn dak li toffrielkom din il-belt. Hija belt għanja fl-istorja, fil-kultura u fil-fidi; għalhekk ħudu vantaġġ mill-opportunitajiet li se joffrulkom biex tkabbru fikom l-isfond kulturali, lingwistiku u spiritwali. Iż-żmien li se tqattgħu hawn huwa żmien uniku f’ħajjitkom: għixuh fi spirtu ta’ fraternità, u għinu lil xulxin biex tgħixu ħajja li fiha ħafna sens u mimlija b’ferħ nisrani.

Il-ġurament li se tieħdu pitgħada se jkun ukoll konferma tal-fedeltà tagħkom lejn il-vokazzjoni tal-magħmudija tagħkom, jiġifieri lejn Kristu, li qed isejħilkom biex tkunu bnedmin u insara, protagonisti tal-eżistenza tagħkom. Bl-għajnuna tiegħu u bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu  intom tiffaċċjaw  bil-kalma kull ostaklu u kull sfida f’ħajjitkom. Tinsewx li l-Mulej jinsab dejjem magħkom: nawguralkom minn qalbi li dejjem tħossu l-preżenza konsolanti tiegħu.

Nieħu l-okkażjoni biex inġedded il-gratitudni tiegħi lejn il-Gwardja Żvizzera Pontifiċja. U nirringrazzjakom mhux biss għal dak li tagħmlu – li hu ħafna! – imma wkoll għall-mod kif  tagħmluh. Santa Tereża ta’ Kalkutta kienet tgħid li fl-aħħar ta’ ħajjitna mhux se nkunu ġudikati għal kemm affarijiet għamilna, imma għal kemm poġġejna imħabba f’dak li nkunu għamilna.

Inwiegħdkom it-talb tiegħi għall-intenzjonijiet tajba tagħkom kollha; u anke intom, jekk jogħġobkom, itolbu għalija. Lilkom ilkoll nagħtikom il-Barka Appostolika.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes