DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU 
LIL-KORP DIPLOMATIKU AKKREDITAT MAS-SANTA SEDE
GĦAL BDIL TAL-AWGURI TAS-SENA L-ĠDIDA

Aula della Benedizione
It-Tnejn, 8 ta’ Jannar, 2024

Eċċellenzi,
Si
njuri!

Hu pjaċir tiegħi niltaqa’ magħkom dalgħodu biex insellmilkom personalment u ntikom l-awguri għas-sena l-ġdida.  Irrodd ħajr, b’mod partikolari lill-Eċċellenza Tiegħu l-Ambaxxatur George Poulides, Dekan tal-Korp Diplomatiku, għall-kliem ġentili li indirizzali, kliem li jesprimi tajjeb it-tħassib tal-komunità internazzjonali fil-bidu ta’ sena li nixtiequ tkun ta’ paċi u li minflok, qed tibda taħt il-piż tal-kunflitti u l-firdiet.

Hija okkażjoni tajba wkoll biex irroddilkom ħajr għall-impenn tagħkom favur ir-relazzjonijiet bejn is-Santa Sede u l-pajjiżi tagħkom.  Is-sena li għaddiet, “il-familja diplomatika” tagħna kompliet tikber bis-saħħa tat-twaqqif ta’ relazzjonijiet diplomatiċi mas-Sultanat tal-Oman u l-ħatra tal-ewwel Ambaxxatur li jinsab hawn preżenti.

Fl-istess ħin nixtieq infakkar li s-Santa Sede nnominat Rappreżentant Pontifiċju Residenti f’Ha Noi, wara li f’Lulju li għadda ntlaħaq ftehim mal-Vjetnam dwar l-istatus tar-Rappreżentant Pontifiċju.  Dan sar bl-għan li tkompli l-mixja li mxejna s’issa b’sinjal ta’ rispett reċiproku u fiduċja, u bis-saħħa ta’ relazzjonijiet frekwenti fuq livell istituzzjonali u l-kollabrazzjoni tal-Knisja lokali.

Fl-2023 kien ratifikat ukoll il-Ftehim Supplementari għal dak mibdi fl-24 ta’ Settembru, 1998, dwar ir-relazzjonijiet bejn is-Santa Sede u l-Kazakhstan, ftehim li jiffavorixxi l-preżenza u l-ħidma tal-operaturi pastorali f’dak il-pajjiż; kienet ukoll sena li tatna okkażjoni niċċelebraw erba’ anniversarji ta’ tifsir: iċ-ċentinarju tar-relazzjonijiet diplomatiċi mar-Repubblika tal-Panama, is-sebgħin sena ta’ relazzjonijiet mar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, is-sittin sena ta’ relazzjonijiet mar-Repubblika tal-Korea u l-ħamsin sena mal-Awstralja.

Għeżież Ambaxxaturi

hemm kelma li tidwi b’mod partikolari fiż-żewġ festi ewlenin insara.  Nisimgħuha fl-għana tal-anġli li billejl iħabbru t-twelid tas-Salvatur u nisimgħuha wkoll minn fomm Ġesù Rxoxt innifsu: hi l-kelma “paċi”.  Qabel kollox hi don ta’ Alla: huwa Hu li jħallielna l-paċi tiegħu (cfr Ġw 14,27); imma fl-istess ħin hi responsabbiltà tagħna wkoll: “Henjin dawk li jġibu l-paċi” (Mt 5,9).  Naħdmu għall-paċi.  Kelma tant fraġli u fl-istess ħin impenjattiva u ta’ tifsir profond.  Lilha rrid niddedika r-riflessjoni tagħna tal-lum, f’waqt storiku li fih hi dejjem akar mhedda, mdgħajfa u sa ċertu pont, mitlufa.  Wara kollox hu dmir tas-Santa Sede, fi ħdan il-komunità internazzjonali, li tkun vuċi profetika u twissija lill-kuxjenza.

Lejlet il-Milied tal-1944, Piju XII kien għamel id-diskors ċelebri: Messaġġ lill-popli tad-dinja kollha. Kien qed joqrob tmiem it-tieni gwerra dinjija wara ħames snin ta’ kunflitt u l-umanità – kien qal il-Papa – kienet tħoss “rieda dejjem aktar ċara u soda: li minn dil-gwerra dinjija,  dat-taqlib universali jkun il-punt li minnu tinbeda era ġdida ta’ tiġdid mill-qiegħ” (1). Tmenin sena wara, l-imbuttatura ta’ “dak it-tiġdid profond” donnha għebet u d-dinja għaddejja minn għadd dejjem jiżdied ta’ kunflitti li ftit ftit qed jibdlu dak li kemm-il darba ddeskrivejt bħala “t-tielet gwerra dinjija miġġielda bil-biċċa”, f’kunflitt globali.

F’dis-sede ma nistax ma ntennix it-tħassib tiegħi għal dak li għaddej fil-Palestina u f’Iżrael. Ilkoll bqajna xxukkjati bl-attakk terroristiku tas-7 ta’ Ottubru li għadda kontra l-popolazzjoni ta’ Iżrael, fejn sfaw feruti, ittorturati u maqtulin b’mod atroċi tant innoċenti u ħafna nħatfu bħala ostaġġi.  Intenni l-kundanna tiegħi għal din l-azzjoni u għal kull għamla ta’ terroriżmu u estremiżmu: il-kwistjonijiet bejn il-popli mhix dik is-soluzzjoni tagħhom, anzi jeħżienu u jġibu tbatija għal kulħadd.  Infatti dan ġab reazzjoni militari kbira min-naħa ta’ Iżrael f’Gaża, li qed tħalli mijiet ta’ eluf palestinjani mejta, fil-biċċa l-kbira nies ċivili, fosthom tfal, adoloxxenti u żgħażagħ, minbarra li s-sitwazzjoini umanitarja hi tal-biża’ u ta’ tbatija li lanqas nistgħu nimmaġinawha.

Inġedded l-appell tiegħi lill-partijiet kollha involuti biex jissikktu l-armi fuq il-fronti kollha, inkluz il-Libanu, u biex l-ostaġġi kollha li hemm f’Gaża jinħelsu minnufih.  Nitlob li l-popolazzjoni tal-Palestina tingħata l-għajnuna umanitarja u li l-isptarijiet, l-iskejjel u l-imkejjen tal-kult ikunu mħarsin kif jixraq.

Nawgura li l-Komunità Internazzjonali tfittex b’determinazzjoni soluzzjoni biex ikun hemm żewġ stati, wieħed iżraeljan u ieħor palestinjan, kif ukoll biex isir statut speċjali internazzjonali garantit għall-Belt ta’ Ġerusalemm, sabiex l-iżraeljani u l-palestinjani jkunu jistgħu sa fl-aħħar jgħixu fil-paċi u fis-sigurtà.

Il-kunflitt li għaddej f’Gaża qed jiddestabbilizza aktar reġjun li diġa hu fraġli u mimli tensjonijiet.  Ma nistgħux ninsew, b’mod partikolari, lill-poplu sirjan, li qed jgħix f’instabbiltà ekonomika u politika li kompliet teħżin minħabba t-terremot ta’ Frar li għadda.  Il-Komunità Internazzjonali għandha tinkoraġġixxi lill-partijiet biex jibdew djalogu kostruttiv u serju u biex ifittxu soluzzjonijiet ġodda, ħalli l-poplu sirjan ma jkollux għalfejn ibati aktar minħabba s-sanzjonijiet internazzjonali.  Minbarra dan, nistqarr kemm qed insofri minħabba l-miljuni ta’ rifuġjati sirjani li s’issa għadhom fil-pajjiżi ġirien bħalma huma l-Ġordan u l-Libanu.

Ħsieb partikolari jmur lejn il-Libanu filwaqt li nesprimi t-tħassib tiegħi għas-sitwazzjoni soċjali u ekonomika li fiha jinsab dan il-poplu għażiż u nawgura li ċ-checkmate istituzzjonali li qed ikompli jgħakksu, jissolva u li l-Pajjiż taċ-Ċedri ma jdumx ma jkollu President.

Biex nibqa’ fil-kontinent ażjatiku, nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-Komunità Internazzjonali dwar il-Myanmar ukoll, u nitlob li jsir dak kollu possibbli u biex isiru l-isforzi kollha ħalli tingħata t-tama lil dik l-art u futur denju lill-ġenerazzjonijiet żgħażagħ, bla ma tintesa l-emerġenza umanitarja li għadha tkidd lir-Rohingya.

Ma’ dawn is-sitwazzjonijiet kumplikati, ma nistgħux ngħidu li mhemmx xi sinjali ta’ tama, kif ġarrabt jien stess tul il-vjaġġ fil-Mongolja, waqt li nġedded il-gratitudni tiegħi lill-Awtoritajiet għal-laqgħa li tawni.  Bl-istess mod nixtieq irrodd ħajr lill-Awtoritajiet tal-Ungerija għall-ospitalità waqt iż-żjara li għamilt f’dak il-pajjiż f’April li għadda.  Kien vjaġġ fil-qalba tal-Ewropa, pajjiż fejn l-arja miżgħuda bl-istorja u l-kultura u fejn doqt il-ħerqa ta’ tant persuni, imma fejn wieħed iġarrab ukoll il-qrubija lejn kunflitt li ma konniex nistennew li jista’ jseħħ fl-Ewropa tas-seklu XXI.

Sfortunatament, minn sentejn ‘l hawn, fuq firxa wiesa mibdija mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna, il-paċi tant mixtieqa għad ma rnexxilhiex issib post fl-imħuħ u fil-qlub, minkejja l-għadd kbir ta’ vittmi u d-distruzzjoni enormi.  Ma nistgħux inħallu dal-kunflitt, li qed jikkankra dejjem aktar, jiġġebbed għat-tul b’detriment għal miljuni ta’ persuni, imma hemm bżonn tintemm din it-traġedja permezz ta’ negozjati bir-rispett lejn id-dritt internazzjonali.

Nesprimi l-preokkupazzjoni tiegħi ukoll għas-sitwazzjoni ta’ tensjoni fil-Kawkasu tan-Nofsinhar bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan u nħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jaslu li jiffirmaw Trattat ta’ paċi.  Hemm urġenza biex tinstab soluzzjoni għas-sitwazzjoni umanitarja drammatika tal-abitanti ta’ dak ir-reġjun, l-itturufnati jingħataw il-possibbiltà li jerġgħu lura lejn djarhom fil-legalità u s-sigurtà u jkunu rispettati l-imkejjen tal-kult tad-diversi konfessjonijiet reliġjużi preżenti fil-pajjiż.  Passi bħal dawn ikunu kontribut biex tinħoloq klima ta’ fduċja bejn iż-żewġ pajjiżi in vista tal-paċi tant mixtieqa.

Jekk indawru ħarsitna lejn l-Afrika, quddiem għajnejna titfaċċa t-tbatija ta’ miljuni ta’ persuni minħabba l-għadd bla qies tal-kriżijiet umanitarji li qed jifilġu l-pajjiżi sub-saharjani, minħabba t-terroriżmu internazzjonali, il-problemi soċjo-politiċi kumplessi, u l-effetti ta’ qerda li qed iġib it-tibdil fil-klima, li magħhom irridu nżidu l-konsegwenzi tal-kolpi ta’ stat militari li seħħew f’xi pajjiżi u ċerti proċessi elettorali mniġġsin bil-korruzzjoni, intimidazzjoni u vjolenza.

Fl-istess ħin inġedded l-appell tiegħi biex ikun hemm impenn serju min-naħa ta’ kulħadd ħalli jkun implimentat Il-Ftehim ta’ Pretoria ta’ Novembru, 2022, li ġab fi tmiemu l-ġlied fit-Tigray, u biex jinstabu soluzzjonijiet paċifiċi għat-tensjonijiet u l-vjolenza li qed jitturmentaw lill-Etjopja, kif ukoll għad-djalogu, il-paċi u l-istabbiltà fil-pajjiżi tal-Qarn tal-Afrika.

Irrid infakkar ukoll il-ġrajjiet drammatiċi fis-Sudan, fejn, sfortunatament, wara xhur ta’ gwerra ċivili għad ma jidhirx li hemm id-dawl fit-tarf tal-mina; kif ukoll is-sitwazzjoni tat-turufnati fil-Kamerun, fil-Mozambique, fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u fis-Sudan t’Isfel.  Fil-bidu tas-sena li għaddiet kelli x-xorti nżur propju dawn l-aħħar żewġ pajjiżi biex inwassal sinjal ta’ qrubija lejn il-popolazzjonijiet li qed ibatu, minkejja li s-sitwazzjonijiet fiż-żewġ pajjiżi huma differenti.  Irrod ħajr minn qalbi lill-Awtoritajiet taż-żewġ pajjiżi għall-impenn fl-organizzazzjoni u għall-merħba li tawni.  Il-vjaġġ fis-Sudan t’Isfel kellu wkoll laqta’ ekumenika għax kienu qed jakkumpanjawni l-Arċisqof ta’ Canterbury u l-Moderatur tal-Assemblea Ġenerali tal-Knisja tal-Iskozja, xhieda tal-impenn komuni tal-Komunitajiet Ekkleżjali tagħna għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni.

Minkejja li mhemmx gwerer formali fil-kontinent amerikan, bejn xi pajjiżi, per eżempju bejn il-Venezwela u l-Guyana, hemm tensjonijiet kbar, filwaqt li f’oħrajn, bħal fil-Perù, qed nosservaw fenomeni ta’ polarizzazzjoni li jikkompromettu l-armonija soċjali u qed idgħajfu l-istituzzjonijiet demokratiċi.

Għadha tkun ta’ tħassib is-sitwazzjoni fin-Nicaragua: kriżi li ilha għaddejja żmien b’konsegwenzi ta’ niket għas-soċjetà, partikolarment għall-Knisja kattolika.  Is-Santa Sede ma thediex issejjaħ għal djalogu dipolmatiku rispettuz għall-ġid tal-kattoliċi u tal-popolazzjoni kollha kemm hi.

Eccellenzi, Sinjuri

quddiem dax-xenarju li tajt daqqa t’għajn lejh fil-qosor, u bla ma nippretendi li semmejt kollox, qed naraw dinja dejjem aktar mifruda, imma fuq kollox, hemm miljuni ta’ persuni – irġiel, nisa, missirijiet, ommijiet, tfal – li fil-biċċa l-kbira tagħhom ma nafux wiċċhom u spiss ninsewhom.

Min-naħa l-oħra, il-gwerer moderni ma jsirux biss f’kamp tal-battalja limitat u lanqas jolqtu biss lis-suldati.  F’xenarju li fih donnu jidher li mhux qed ikun rispettat aktar id-dixxerniment bejn l-objettivi militari u dawk ċivili, mhemm ebda kunflitt li mhux qed jispiċċa jolqot indiskriminatament lill-popolazzjoni ċivili.  Dak li qed jiġri fl-Ukrajna u f’Gaża hu prova evidenti ta’ dan.  Ma rridux ninsew li l-vjolazzjonijiet ċari tad-dritt internazzjonali umanitarju hu krimini tal-gwerra, u mhux biżżejjed li nkunu nafu bihom iżda hemm bżonn nilqgħulhom minn qabel.  Għalhekk hemm bżonn ta’ impenn akbar mill-Komunità Internazzjonali għall-ħarsien u l-implimentazzjoni tad-dritt umanitarju li donnu jidher bħala t-triq waħdanija biex titħares id-dinjità umana f’sitwazzjonijiet ta’ gwerra.

Fil-bidu ta’ dis-sena tibqa’ dejjem attwali l-eżortazzjoni tal-Konċilju Vatikan II fid-dokument Gaudium et spes: “Dwar il-gwerer hemm ħafna konvenżjonijiet internazzjonali li ħafna nazzjonijiet iffrmaw biex il ħidmiet militari u l-konsegwenzi tagħhom isiru anqas ħorox (...)  Dawn il-konvenzjonijiet għandhom jitħarsu: anzi l-bnedmin kollha, u l-aktar l-awtoritajiet pubbliċi u l-esperti f'dawn il-ħwejjeġ, huma obbligati li jagħmlu kulma jistgħu biex konvenzjonijiet bħal dawn ikunu pperfezzjonati u hekk iwasslu aħjar u aktar fiż-żgur biex irażżnu l-ħruxija tal-gwerer” (2).  Anki meta jkun il-każ li wieħed iħaddem id-dritt tad-difiża leġittima, huwa indispensabbli li jkun hemm proporzjon fl-użu tal-forza. 

Forsi mhux qed nindunaw li l-vittmi ċivili mhumiex “ħsara kollaterali”.  Dawk li jitilfu ħajjithom huma rġiel u nisa b’isem u kunjom.  Huma tfal li jibqgħu orfni, li jitteħdilhom il-ġejjieni tagħhom.  Huma persuni li jbatu l-ġuħ, l-għatx, il-kesħa jew jibqgħu mmankati minħabba l-qawwa tal-armamenti moderni.  Kieku jirnexxielna nħarsu f’għajnejhom, insejħulhom b’isimhom u niftakru fl-istorja personali tagħhom, kieku lill-gwerra narawha kif inhi: xejn aktar ħlief traġedja bla qies u “straġi inutli” (3), li tolqot id-dinjità ta’ kull persuna fid-dinja.

Min-naħa l-oħra l-gwerer jibqgħu għaddejjin għax hemm disponibbiltà enormi ta’ armi.  Hemm bżonn tiddaħħal politika ta’ diżarm għax hija illużjoni li l-armamenti għandhom valur ta’ deterrent.  Pjuttost, il-verità hi l-maqlub: id-disponibbiltà tal-armi tħajjar lil dak li jkun jużahom u li l-produzzjoni tagħhom tikber.  L-armi joħolqu sfiduċja u jdgħajfu r-riżorsi.  Kemm ħajjiet jistgħu jsalvaw bir-riżorsi li llum il-ġurnata jintużaw għall-armamenti?  Ma jkunx aħjar li jkunu investiti għall-ġid ta’ sigurtà globali vera?  L-isfidi ta’ żmienna jmorru ‘l hinn mill-konfini, kif juru l-ħafna kriżijiet – tal-ikel, ambjentali, ekonomika u tas-saħħa – karatteristiċi tal-bidu tas-seklu.  F’dis-sede ntenni l-proposta li jitwaqqaf fond monetarju mondjali biex saflaħħar ikun eliminat il-ġuħ (4) u jkun hemm żvilupp sostenibbli fil-pjaneta tagħna kollha kemm hi.

Fost it-theddid li jġibu magħhom dawn l-istrumenti tal-mewt, ma nistax inħalli barra u ma nsemmix dik provokata mill-ħażniet nuklejari u l-iżvilupp ta’ armi dejjem aktar sofistikati u qerrieda.  Nerġa’ ngħid għal darb’oħra li l-bini tal-armi nuklejari hu immorali.  Rigward dan nesprimi l-awgurju li ma jdumux ma jerġgħu jibdew in-negozjati sabiex mill-ġdid jerġa’ jingħata l-ħajja l-Pjan ta’ azzjoni konġjunt globali, magħruf aħjar bħala “l-Ftehim dwar in-nuklejari tal-Iran” biex kulħadd ikollu ġejjieni garantit fis-sigurtà.

Madankollu, biex ikollna l-paċi mhux biżżejjed nillimitaw ruħna li nneħħu l-istrumenti tal-gwerra, hemm bżonn jitqaċċtu mill-għeruq il-kawżi tal-gwerer, l-ewwel fosthom il-ġuħ, pjaga li għadha tolqot reġjuni sħaħ tad-dinja, filwaqt li f’oħrajn hemm ħala bla qies ta’ ikel.  Hemm imbagħad l-isfruttament tar-riżorsi naturali, li bih jistgħanew il-ftit imma jħallu popolazzjonijiet sħaħ, li suppost huma l-benefiċjarji naturali ta’ dawn ir-riżorsi, fil-miżerja u l-faqar.  Ma dan hemm marbut ukoll l-isfruttament tal-persuni, imġagħlin jaħdmu bla kumpens xieraq u mneżżgħin minn kull prospettiva reali ta’ progress professjonali.

Fost il-kawżi tal-kunflitt hemm ukoll id-diżastri naturali u ambjentali.  Ċertament hemm diżastri li id il-bniedem ma tistax għalihom.  Qed naħseb fit-terremoti reċenti fil-Marokk u fiċ-Ċina, li ħallew mijiet ta’ vittmi, kif ukoll dak li laqat bil-goff lit-Turkija u parti mis-Sirja li ħalla warajh mewġa ta’ mewt u distruzzjoni.  Qed naħseb ukoll fl-għarar lil laqat Derna fil-Libja, li fil-fatt qered il-belt ukoll minħabba li fl-istess okkażjoni iġġarrfu żewġ digi.

Però hemm diżastri li jseħħu wkoll ħtija tal-azzjoni u tan-negliġenza tal-bniedem, li huma kontribut kbir għall-kriżi tal-klima li għandna, bħalma hi d-deforestazzjoni tal-Amażonja, “il-pulmun l-aħdar” tad-dinja.

Il-kriżi tal-klima u ambjentali kienet is-suġġett tat-XXVIII Konferenza tal-Istati parti mill-Konvenzjoni Kwadru tal-Ġnus Magħquda dwar it-tibdil fil-klima (COP28), li saret f’Dubai ix-xahar li għadda, u li jien b’dispjaċir ma stajtx nieħu sehem fiha personalment.  Din kienet bdiet fl-istess ħin li l-Organizzazzjoni Metreoloġika Dinjija ħabbret li l-istatistika turi li l-2023 kienet l-aktar sena sħuna minn 174 sena ‘l hawn.  Il-kriżi tal-klima tesiġi tweġiba dejjem aktar urġenti u titlob is-sehem ta’ kulħadd, kif ukoll tal-Komunità Internazzjonali kollha kemm hi (5).

l-implimentazzjoni tad-dokument finali tal-COP28 jirrappreżenta pass inkoraġġjanti u juri illi, quddiem il-bosta kriżijiet li qed ngħixu bħalissa, huwa possibbli nerġgħu nagħtu l-ħajja lill-multilateraliżmu bit-tmexxija għaqlija tal-kwistjoni tal-klima globali, f’dinja li fiha, il-problemi ambjentali, soċjali u politiċi huma marbutin sfiq flimkien.  U waqt il-COP28 ħareġ ċar li d-deċennju li ninsabu fih hu żmien kritiku biex naffrontaw it-tibdil fil-klima.  Il-kura tal-ħolqien u l-paċi “huma l-aktar temi urġenti u huma marbutin flimkien” (6).  Għalhekk nittama li dak li ġie stabbilit f’Dubai iwassal għal “tħaffif deċiz fit-tranżizzjoni ekoloġika permezz ta’ pjanijiet (...) li jkunu mħaddmin f’erba’ oqsma: l-effiċjenza enerġetika; l-għejjun rinnovabbli; l-eliminazzjoni tal-użu tal-enerġija mill-fossili; l-edukazzjoni biex l-istili tal-ħajja jsiru anqas dipendenti mill-aħħar punt li semmejt” (7)

Il-gwerer, il-faqar, l-abbuż mid-dar komuni tagħna u l-isfruttament bla rażan tar-riżorsi tagħha, li huma l-għerq tad-diżastri naturali, huma wkoll ir-raġunijiet għala eluf ta’ persuni jabbadunaw arthom biex ifittxu futur ta’ paċi u sigurtà.  Fil-vjaġġi tagħhom jirriskjaw l-istess ħajjithom minħabba l-perikli li jiltaqgħu magħhom, bħal, per eżempju, fid-deżert tas-Sahara, fil-foresta Darién fil-konfini bejn il-Kolombja u l-Panama, fl-Amerika ċentrali, fit-tramuntana tal-Messiku, fil-fruntiera mal-Istati Uniti u, fuq kollox, fil-Baħar Mediterran.  Sfortunatament, dawn l-aħħar għaxar snin, dan sar ċimiterju kbir bi traġedji li għadhom iseħħu wkoll minħabba t-traffikanti bla skrupli, tal-persuni umani.  Fost il-bosta vittmi, ma ninsewhiex, hemm ħafna minuri mhux akkumpajnati.

Pjuttost, il-Mediterran għandu jkun laboratorju ta’ paċi, “post fejn il-pajjiżi jiltaqgħu mar-realtajiet diversi a bażi tal-umanità li lkoll kemm aħna naqblu magħha” (8), kif għidt b’enfasi f’Marsilja, waqt il-vjaġġ tiegħi, li għalih irrodd ħajr lill-organizzaturi u lill-Awtoritajiet franċiżi, fl-okkażjoni tar-Rencontres Méditerranéennes.  Quddiem din it-traġedja terribbli malajr nispiċċaw biex nagħlqu qlubna u ninħbew wara l-iskuża li nibżgħu minn “invażjoni”.  Malajr ninsew li quddiemna hemm persuni b’wiċċ u isem u ninsew il-vokazzjoni propja tal-Mare Nostrum, li mhix dik li tkun qabar iżda mkien ta’ laqgħa li biha l-popli u l-kulturi jagħnu lil xulxin.  Dan ma jfissirx li imigrazzjoni m’għandhiex tkun regolamentata biex tilqa’, tippromwovi, takkumpanja u tintegra lill-migranti, bir-respett lejn il-kultura, is-sensibbiltà u s-sikurezza tal-popolazzjonijiet li jitgħabbew bl-akkoljenza u l-integrazzjoni.  Min-naħa l-oħra jeħtieġ ukoll ikun imħares id-dritt li bniedem jista’ jibqa’ fil-patrija tiegħu u l-ħtieġa konsegwenti li jinħolqu l-kundizzjonijiet sabiex dan id-dritt ikun effettiv.

Quddiem din l-isfida, ebda pajjiż m’għandu jitħalla waħdu, u lanqas għandu jkun li xi pajjiż jidhrilu li jista’ jiffaċċja dil-kwistjoni billi jinqata’ mill-oħrajn b’leġiżlazzjoni restrittiva u repressiva, li kultant tkun approvata minħabba l-pressjoni li ġġib magħha l-biża’, inkella biex jisaħħaħ il-kunsens elettorali.  Għaldaqstant nilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn tal-Unjoni Ewropea li qed tfittex soluzzjoni komuni permezz tal-introduzzjoni tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, minkejja xi limitazzjonijiet li fih, speċjalment f’dak li jirrigwarda l-għarfien tad-dritt tal-ażil u l-periklu ta’ detenzjonijiet arbitrarji.

Għeżież Ambaxxaturi

it-triq tal-paċi tesiġi r-rispett lejn il-ħajja, kull ħajja umana, ibda minn dik ta’ dawk li għad iridu jitwieldu u jinsabu fil-ġuf tal-omm, ħajja li ma tistax tiġi mitmuma u lanqas issir oġġett ta’ negozju.  Rigward dan inħoss li hija deplorabbli dik li tissejjaħ maternità surrogata, li toffendi b’mod gravi d-dinjità tal-mara u tal-wild.  Din hi sfruttament ta’ sitwazzjoni tal-ħtiġijiet materjali tal-omm.  It-tarbija hi dejjem rigal u qatt mhi frott ta’ kuntratt.  Nittama, għalhekk li l-komunità internazzjonali timpenja ruħha biex tipprojbixxi din il-proċedura fuq livell universali.  F’kull waqt tal-eżistenza tagħha, il-ħajja umana għandha tkun protetta u mħarsa, waqt li b’għafsa ta’ qalb ninnota, speċjalment fil-Punent, it-tifrix tal-kultura tal-mewt illi, f’isem ħniena finta, tiskarta tfal, anzjani u morda.

It-triq tal-paċi tesiġi rispett lejn id-drittijiet umani, skont dik il-formola sempliċi imma ċara li hemm fid-Dikjarazzjoni Universali tad-drittijiet Umani, li ftit ilu ċċelebrajna l-75 anniversarju tagħha.  Huma prinċipji razzjonalment evidenti u ġeneralment aċċettati.  Sfortunatament kull tentattiv li sar dawn l-aħħar għexieren ta’ snin biex jiddaħħlu drittijiet ġodda, li ma jaqblux eżattament ma’ dawk oriġinali u li mhux dejjem huma aċettabbli, ta bidu għall-kolonizzazzjoni ideoloġika, fosthom rwol ċentrali għat-teorija tal-gender, li hi ta’ periklu kbir għax telimina d-differenzi bl-iskuża li ġġib lil kulħadd l-istess.  Dawn il-kolonizzazzjonijiet ideoloġiċi qed iġerrħu u jifirdu l-Istati bejniethom, aktar milli jiffavorixxu l-bini tal-paċi.

Minflok, id-djalogu għandu jkun ir-ruħ tal-Komunità Internazzjonali.  Is-sitwazzjoni ta’ bħalissa, hi wkoll ħtija tal-fatt li qed jiddgħajfu l-istrutturi tad-diplomazija multilaterali li tfaċċaw wara t-tieni gwerra dinjija.  Organiżmi maħluqin biex jiffavorixxu s-sigurtà, il-paċi u l-koperazzjoni mhux qed jirnexxilhom aktar jiġbru flimkien il-membri tagħhom madwar mejda.  Hemm ir-riskju tal-“monadoloġija” u l-frammentazzjoni fi “clubs” li jħalli jissieħbu biss lill-Istati li jaqblu magħhom ideoloġikament.  L-organiżmi li s’issa kienu effiċjenti, li jikkonċentraw fuq il-ġid komuni u fuq il-kwistjonijiet tekniċi, qed jirriskjaw paraliżi minħabba l-polarizzazzjonijiet ideoloġiċi, u qed ikunu strumentalizzati minn Stati singoli.

Biex nerġgħu nġeddu l-impenn komuni għas-servizz tal-paċi, hemm bżonn iduru lura lejn l-għeruq, lejn l-ispirtu u l-valuri li taw bidu għal dawk l-organiżmi, waqt li nagħtu kas tal-kuntest mibdul dwar dawk li jħossu li mhumiex rappreżentati kif jixraq fl-istrutturi tal-organizzazzjonijiet internazzjonali.

Ċertament id-djalogu jitlob il-paċenzja, il-perseveranza u l-ħila tas-smigħ, imma meta nimpenjaw ruħna bis-sinċerità biex inġibu fi tmiemu n-nuqqas ta’ qbil, nistgħu naslu għal riżultati fejjieda ħafna.  Qed naħseb, per eżempju, fil-Ftehim ta’ Belfast, li nafuh ukoll bħala l-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira, li ffirmaw il-gvern britanniku u dak irlandiz, li s-sena li għaddiet għalaq 25 sena.  Dan ġab fi tmiemu kunflitt vjolenti li kien ilu għaddej tletin sena u jista’ jkun mudell biex jixpruna u jistimola lill-Awtoritajiet ħalli jemmnu fil-proċessi tal-paċi, minkejja d-diffikultajiet u s-sagrifiċċji meħtieġa.

Il-paċi timxi wkoll fit-triq tad-djalogu politiku u soċjali, għax dan hu s-sies tal-konvivenza ċivili ta’ komunità politika moderna.  Fl-2024 se jsiru l-elezzjonijiet f’bosta Stati.  L-elezzjonijiet huma mument fundamentali fil-ħajja ta’ pajjiż, għax jippermettu li ċ-ċittadini kollha, biex b’mod responsabbli, jagħżlu lir-rappreżentanti tagħhom.  Jidwi attwali daqs qatt qabel kliem il-Papa Piju XII: “Jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar id-dmirijiet u s-sagrifiċċji li jkunu imposti fuqu; ma jkunx imġiegħel jodbi bla ma qabel ikun mismugħ: dawn huma żewġ drittijiet taċ-ċittadin, li fid-demokrazija, kif juri l-istess isem, isibu l-espressjoni tagħhom.  Mis-solidità, mill-armonija, mill-frott tajjeb ta’ dal-kuntatt bejn iċ-ċittadini u l-gvern tal-Istat, wieħed jinduna jekk id-demokrazija hix verament sana u ekwilibrata, u liema hi l-qawwa tagħha fil-ħajja u fl-iżvilupp” (9).

Għalhekk huwa importanti li ċ-ċittadini, speċjalment il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ li se jmorru jivvutaw għall-ewwel darba, iqisuha responsabbiltà primarja tagħhom li jkunu ta’ kontribut għall-bini tal-ġid komuni, bil-parteċipazzjoni ħielsa u infurmata, huma u jivvutaw.  Min-naħa l-oħra, il-politika qatt m’għandna nifhmuha bħala akkwist tal-poter iżda bħala “l-għola għamla ta’ karità” (10), għalhekk servizz lill-proxxmu fi ħdan komunità lokali jew nazzjonali.

It-triq tal-paċi tmixi wkoll bid-djalogu inter-reliġjuż, li qabel kollox jitlob il-ħarsien tal-libertà reliġjuża u r-rispett lejn il-minoranzi.  Iweġġa’, per eżempju, meta ninnutaw kif qed jiżdied l-għadd tal-pajjiżi li jadottaw mudelli ta’ kontroll ċentralizzat dwar il-libertà tar-reliġjon, b’użu qawwi tat-teknoloġija.  F’postijiet oħra, il-komunitajiet reliġjużi minoritarji spiss isibu ruħhom f’sitwazzjoni dejjem aktar drammatika.  F’xi każi jinsabu f’riskju li jgħibu minħabba azzjonijiet terroristiċi, attakki fuq il-patrimonju kulturali u miżuri aktar sottili bħalma huma l-liġijiet anti-konverżjoni, il-manipulazzjoni tar-regoli elettorali u r-restrizzjonijiet finanzjarji.

Partikolarment preokkupanti hi ż-żjieda ta’ atti ta’ anti-semitiżmu li seħħew dawn l-aħħar xhur; u għal darb’oħra rrid intenni li dil-pjaga għandha tinqered minn fost is-soċjetà, fuq kollox bl-edukazzjoni għall-fraternità u l-akkoljenza tal-ieħor.

Bl-istess mod hi ta‘ tħassib il-persekuzzjoni u d-diskriminazzjoni fil-konfront tal-insara, speċjalment dawn l-aħħar għaxar snin.  Mhux rari li din tolqot, minkejja li mhux b’mod imdemmi imma soċjalment rilevanti, dawk il-fenomeni ta’ marġinalizzazzjoni progressiva u esklużjoni mill-ħajja politika u soċjali u mill-parteċipazzjoni f’ċerti professjonijiet, li qed iseħħu wkoll f’postijiet ta’ tradizzjoni nisranija.  B’kollox, fid-dinja hemm 360 miljun insara li jġarrbu livell għoli ta’ persekuzzjoni u diskriminazzjoni minħabba l-fidi tagħhom, u l-għadd ta’ dawk imġagħlin jaħarbu minn art twelidhom dejjem qed jiżdied.

Fl-aħħar, it-triq tal-paċi tgħaddi wkoll mill-edukazzjoni li hi l-investiment ewlieni għall-futur u għall-ġenerazzjonijiet żgħażagħ.  Għadha ħajja f’moħħi t-tifkira tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li saret fil-Portugall f’Awwissu li għadda.  Waqt li mill-ġdid irrodd ħajr lill-Awtoritajiet portugiżi, ċivili u reliġjużi, għall-impenn fl-organizzazzjoni, għadni ngħożż f’qalbi l-laqgħa ma’ aktar minn miljun żgħażagħ ġejjin minn kull naħa tad-dinja, mimlijin entużjażmu u ferħ tal-ħajja.  Il-preżenza tagħhom kienet innu kbir lill-paċi u xhieda li “l-għaqda tegħleb il-kunflitt” (11) u li “possibbli li l-komunjoni tiżviluppa fid-differenzi” (12).

Fiż-żminijiet tal-lum, parti mill-isfida edukattiva tolqot l-użu etiku tat-teknoloġiji l-ġodda. Dawn jistgħu faċilment isiru strumenti ta’ firda u ta’ tixrid tal-qerq u l-gideb, dawk li nsejħulhom fake news, imma huma wkoll mezz ta’ laqgħa, ta’ bdil reċiproku ta’ informazzjoni, speċjalment fl-isfera diġitali, għalhekk huma opportunità entużjażamanti imma wkoll riskjużi ħafna, b’implikazzjonijiet serji għall-ġustizzja u l-armonija bejn il-popli” (13).  Għal dir-raġuni deherli li kien importanti niddedika l-Messaġġ Annwali għall-Jum Dinji tal-Paċi lill-intelliġenza artifiċjali, waħda mill-aktar sfidi importanti fis-snin li ġejjin.

Indispensabbli li l-iżvilupp teknoloġiku jsir b’mod etiku u responsabbli billi jħares iċ-ċentralità tal-persuna umana, li l-kontribut tagħha la jista’ u lanqas qatt jista’ jeħodlu postu algoritmu jew xi magna.  “Id-dinjità intrinsika ta’ kull persuna u l-fraternità li torbotna flimkien bħala membri tal-istess familja umana għandhom jibqgħu jkunu s-sies tal-iżvilupp tat-tekonoloġiji l-ġodda u għandhom ikunu kriterji indiskutibbli biex qabel kollox nivvalutaw l-użu tagħhom, b’mod li l-progress diġitali jista’ jseħħ b’rispett lejn il-ġustizzja u jkun kontribut għall-kawża tal-paċi” (14).

Għalhekk hemm bżonn riflessjoni attenta f’kull livell, nazzjonali u internazzjonali, politiku u soċjali, sabiex l-iżvilupp tal-intelliġenza artifiċjali tibqa’ tkun ta’ servizz għall-bniedem, tiffavorixxi u mhux tostakola, speċjalment fiż-żgħażagħ, ir-relazzjonijiet inter-personali, l-ispirtu ta’ fraternità sân, u l-ħsieb kritiku bil-ħila li jiddixxerni.

F’dil-pespettiva jiksbu rilevanza partikolari ż-żewġ Konferenzi Diplomatiċi tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Propjetà Intellettwali, li se jsiru fl-2024 u li s-Santa Sede se tieħu sehem fihom bħala Stat membru.  Għas-Santa Sede, il-propjetà intellettwali hi essenzjalment orjentata lejn il-promozzjoni tal-ġid komuni u ma tistax ma tibqax bogħod mil-limitazzjonijiet ta’ natura etika li jagħtu lok għall-inġustizzja u l-isfruttament illeċitu.  Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-ħarsien tal-patrimonju ġenetiku uman, u ma tippermettix prattiċi kuntrarji għad-dinjità umana, bħalma hu l-liċenzja lill-materjal bioloġiku uman u l-klonazzjoni ta’ essri umani.

Eċċellenzi, Sinjuri

dis-sena l-Knisja qed titħejja għall-Ġublew li se jibda’ fil-Milied li ġej.  Irrodd ħajr, partikolarment lill-Awtoritajiet taljani, nazzjonali u lokali, għall-impenn kbir tagħhom biex jippreparaw il-belt ta’ Ruma sabiex tkun tista’ tilqa’ l-għadd kbir ta’ pellegrini u tippermettilhom jieħdu l-akbar frott spiritwali mill-mixja ġjubilari.

Forsi llum, aktar minnn qatt qabel, neħtieġu sena ġjubilari.  Quddiem tant tbatija li tipprovoka disperazzjoni mhux biss fil-persuni milqutin direttament, imma fis-soċjetajiet kollha tagħna; quddiem iż-żgħażagħ tagħna li minflok joħolmu ġejjieni aħjar spiss iħossuhom impotenti u frustrati; quddiem id-dlamijiet ta’ din id-dinja, li aktar jidher li qed jinfirxu minflok jitbiegħdu, il-Ġublew hu t-tħabbira li Alla qatt ma jabbanduna lill-poplu tiegħu u dejjem iżomm il-bibien tas-Saltna tiegħu miftuħin.  Fit-tradizzjoni ġudeo/kristjana il-Ġublew hu żmien ta’ grazzja li fiha nġarrbu l-ħniena t’Alla u d-don tal-paċi tiegħu.  Hu żmien ta’ ġustizzja li fih jinħafru d-dnubiet, ir-rikonċiljazzjoni tissupera l-inġustizzja, l-art tistrieħ.  Dan jista’ jkun għal kulħadd – insara u mhumiex – iż-żmien li fih ix-xwabel jitkissru u jsiru sikek tal-moħriet; iż-żmien li fih ebda ġens ma jerfa’ aktar ix-xabla kontra ġens ieħor, u lanqas jitgħallmu aktar is-sengħa tal-gwerra (cfr 2,4).

Dan hu l-awgurju tiegħi, għeżież ħuti, l-awgurju li nagħti minn qalbi lil kull wieħed u waħda minnkom, għeżież Ambaxxatrui, lill-familji tagħkom, lill-kollaboraturi u lill-popli li intom tirrappreżentaw.  Grazzi u s-sena t-tajba lil kulħadd!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber

 

 

[1] Messaġġ tal-Milied bir-radju lill-popli tad-dinja kollha, 24 ta’ Diċembru, 1944.

[2] Kost. pastorali Gaudium et spes dwar il-Knisja fid-dinja tal-lum (7 ta’ Diċembru, 1965), 79.

[3] Cfr Benedittu XV, Ittra lill-popli li jinsabu fi gwerra (1 ta’ Awwissu, 1917).

[4] Cfr Enċ. Fratelli tutti dwar il-fraternità umana u l-ħbiberija soċjali (3 ta’ Ottubru, 2020), 262.

[5] Cfr Eż. App. Laudate Deum lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba dwar il-kriżi tal-klima (4 ta’ Ottubru, 2023).

[6] Diskors lill-Konferenza tal-Istati parti mill-Konvenzjoni kwadru tal-Ġnus Magħquda dwar it-tibdil fil-klima, 2 ta’ Diċembru, 2023.

[7] Ibid.

[8] Diskors lis-sessjoni tal-aħħar tar-«Rencontres Méditerranéennes», Marsilja, 23 ta’ Settembru. 2023, 1.

[9] Cfr Messaġġ tal-Milied bir-radju lill-popli tad-dinja kollha, 24 ta’ Diċembru, 1944.

[10] Piju XI, Udjenza lid-diriġenti tal-Federazzjoni tal-universitajiet kattoliċi, 18 ta’ Diċembru, 1927.

[11] Eż. App. Il-Ferħ tal-Vanġelu (24 ta’ Novembru, 2013), 228.

[12] Ibid.

[13] Messaġġ għall-LVII Jum Dinji tal-Paċi (8 ta’ Diċembru, 2023), 1.

[14] Ibid., 2.