|
ITTRA ENĊIKLIKA
DILEXIT NOS
TAL-QDUSIJA TIEGĦU
FRANĠISKU
DWAR L-IMĦABBA UMANA U DIVINA
TAL-QALB TA’ ĠESÙ KRISTU
1. “Huwa ħabbna”, jgħid San Pawl għal Kristu (Rum 8:37), biex jgħinna niskopru li xejn “ma jista’ qatt jifridna” (Rum 8:39) minn din l-imħabba. Pawlu dan stqarru b’ċertezza għax Kristu nnifsu kien żgura lid-dixxipli tiegħu: “Jiena ħabbejtkom” (Ġw 15:9,12). Qalilna wkoll: “Sejjaħtilkom ħbieb” (Ġw 15:15). Il-qalb miftuħa tiegħu timxi qabilna u tistenniena bla ma tpoġġi kundizzjonijiet, bla ma tippretendi xi rekwiżit biex tista’ tħobbna u biex toffrilna l-ħbiberija tagħha: Hu ħabbna l-ewwel (ara 1 Ġw 4:10). Grazzi għal Ġesù, “aħna għarafna l-imħabba li Alla għandu għalina u emminnieha” (1 Ġw 4:16).
I.
L-IMPORTANZA TAL-QALB
2. Biex nesprimu l-imħabba ta’ Ġesù spiss ninqdew bis-simbolu tal-qalb. Xi wħud jistaqsu jekk dan għadx għandu tifsira valida. Imma meta niġu ttentati li nibqgħu ngħumu fil-wiċċ, li ngħaddu ħajjitna niġru mingħajr fl-aħħar mill-aħħar ma nafu għalfejn, li nsiru konsumisti bla xaba’ u lsiera tal-ingranaġġi ta’ suq li ma jinteressahx mis-sens tal-ħajja tagħna, allura jeħtieġ nirkupraw l-importanza tal-qalb.[1]
Xi rridu nfissru bil-kelma “qalb”?
3. Fil-Grieg klassiku profan it-terminu kardía jindika dak li hu l-iżjed ġewwieni fil-bnedmin, fl-annimali u fil-pjanti. F’Omeru jindika mhux biss iċ-ċentru tal-ġisem, imma anki r-ruħ u l-qalba spiritwali tal-essri uman. Fl-Illjade l-ħsieb u s-sentiment jappartienu lill-qalb u huma ħafna qrib ta’ xulxin.[2] Hawn il-qalb tidher bħala ċentru tax-xewqa u post li fih jissawru d-deċiżjonijiet importanti tal-persuna.[3] Fi Platun il-qalb tassumi funzjoni b’xi mod “sintetizzanti” ta’ dak li hu razzjonali u tat-tendenzi ta’ kull persuna, għax kemm il-mandat tal-fakultajiet superjuri u kemm il-passjonijiet jgħaddu mill-vini li jiltaqgħu fil-qalb.[4] Hekk, sa mill-qedem intbaħna bl-importanza li nqisu lill-bniedem mhux bħala l-ġabra ta’ diversi ħiliet, imma bħala dinja magħmula minn ruħ u ġisem b’ċentru li jgħaqqadha, li jagħti lil dak kollu li tgħix il-persuna l-isfond ta’ sens u ta’ orjentament.
4. Il-Bibbja tgħid li “l-kelma ta’ Alla hi ħajja u qawwija, […] tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb” (Lhud 4:12). B’dan il-mod tkellimna fuq qalba, il-qalb, li hemm wara kull ħaġa li tidher, anki wara l-ħsibijiet superfiċjali li jħawduna. Id-dixxipli ta’ Għemmaws, tul il-mixja misterjuża tagħhom ma’ Kristu Rxoxt, għexu mument ta’ fixla, konfużjoni, qtigħ il-qalb, delużjoni. Imma, lil hemm minn dan kollu u minkejja kollox, seħħet xi ħaġa fil-fond: “Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq?” (Lq 24:32).
5. Fl-istess waqt, il-qalb hija l-post tas-sinċerità, fejn ma tistax tqarraq u lanqas taħbi xi tħoss. Normalment tindika l-intenzjonijiet veri, dak li wieħed jaħseb, jemmen u jrid tabilħaqq, is-“sigrieti” li ma ngħidu lil ħadd, f’kelma waħda sewwasew il-verità għerja. Hawn għandna dak li mhux apparenza u lanqas gidba imma hu awtentiku, reali, totalment personali. Għalhekk lil Sansun, li ma riedx itarrfilha s-sigriet ta’ mnejn kienet ġejja s-saħħa tiegħu, Dalila staqsietu: “Kif tgħidli: ‘Inħobbok’, meta int ma tiftaħx qalbek miegħi?” (Mħ 16:15). Kien biss meta għarrfilha s-sigriet moħbi tiegħu, li hi “ntebħet li fetaħ qalbu magħha għalkollox” (Mħ 16:18).
6. Din il-verità ta’ kull persuna hi spiss moħbija taħt kwantità kbira ta’ “qxur” li jgħattuha, u dan iwassal biex diffiċilment naslu għaċ-ċertezza li nagħrfu lilna nfusna u iktar u iktar li nagħrfu persuna oħra: “Fuq kollox qalb il-bniedem kollha qerq u mħassra. Min jifhimha?” (Ġer 17:9). U hekk nifhmu għaliex il-ktieb tal-Proverbji jitlobna: “Ħares lil qalbek bir-reqqa kollha, għax minnha ġejja l-ħajja. Warrab minnek ħażen il-fomm, biegħed minnek qerq ix-xufftejn” (4:23-24). Is-sempliċi apparenza, il-ħabi u l-qerq jagħmlu ħsara lill-qalb u jgħawġu l-qalb. Lil hemm mill-ħafna tentattivi biex nuru jew nesprimu xi ħaġa li m’aħniex, kollox jiddependi mill-qalb: hemmhekk, li jiswa mhux dak li nuru minn barra jew dak li naħbu, għax hemmhekk aħna dak li aħna. U din hija l-bażi ta’ kull proġett b’saħħtu għall-ħajja tagħna, għax xejn validu ma nistgħu nibnu mingħajr il-qalb. L-apparenzi u l-gideb joffru biss il-vojt.
7. Bħala metafora, ippermettuli nfakkar ħaġa li diġà rrakkontajt f’okkażjoni oħra: “Għall-Karnival, meta konna tfal, in-nanna kienet tagħmlilna l-ftajjar tal-isfinġa moqlija, u l-għaġina li kienet tagħmel kienet ratba ħafna. Imbagħad kienet tixħitha fiż-żejt u dik l-għaġina kienet tintefaħ, kienet tintefaħ… U meta aħna konna nibdew ninkluha, kienet tkun vojta minn ġewwa. Dawk il-ftajjar fid-djalett tagħna konna ngħidulhom ‘bugie’. U kienet proprju n-nanna li tfissrilna għaliex: ‘Dawn il-ftajjar qishom gidbiet, jidhru kbar, imma ma għandhom xejn ġo fihom, ma hemm xejn veru fihom, ma hemm xejn ta’ sustanza’”.[5]
8. Flok ma nfittxu s-sodisfazzjon tal-qoxra jew nirreċtaw parti quddiem l-oħrajn, l-aħjar ħaġa hi li nħallu jixirfu mistoqsijiet li jagħmlu sens: Min jien tassew? X’qed infittex? X’sens irrid li jkollhom ħajti, l-għażliet tiegħi jew l-azzjonijiet tiegħi? Għaliex u għal liema għan ninsab f’din id-dinja? Kif se niżen il-ħajja tiegħi meta tasal fl-aħħar tagħha? X’tifsira rrid li jkollu dak kollu li qed ngħix? Min irrid li nkun quddiem l-oħrajn? Min jien quddiem Alla? Dawn il-mistoqsijiet idaħħluni fil-qalb tiegħi.
Nerġgħu lura għall-qalb
9. F’din id-dinja ‘likwida’ hemm bżonn nerġgħu nibdew nitkellmu fuq il-qalb; nimmiraw hemm fejn kull persuna, ta’ kull kategorija u kundizzjoni, issib is-sintesi tagħha; hemm fejn il-persuni konkreti jsibu l-għajn u l-għerq tal-forzi, il-konvinzjonijiet, il-passjonijiet, l-għażliet l-oħra kollha tagħhom. Imma aħna qed ngħixu f’soċjetajiet ta’ serje ta’ konsumaturi li jgħixu ġurnata b’ġurnata u huma maħkuma mir-ritmi u mill-ħsejjes tat-teknoloġija, mingħajr ħafna paċenzja għall-proċessi li titlob l-interjorità. Fis-soċjetà tal-lum, il-bniedem “jirriskja li jitlef iċ-ċentru, iċ-ċentru tiegħu nnifsu”.[6] “Il-bniedem tal-lum, fil-fatt, spiss isib ruħu mifxul, mifrud, kważi sajjem minn prinċipju interjuri li joħloq għaqda u armonija fl-essri tiegħu u fl-aġir tiegħu. Mudelli ta’ mġiba li b’xorti ħażina huma pjuttost mifruxa jkabbru wisq id-dimensjoni razzjonali-teknoloġika jew, bil-maqlub, dik tal-istint tiegħu”.[7] Jonqos il-qalb.
10. Issa, il-problema tas-soċjetà likwida hi waħda attwali, imma l-iżvalutazzjoni taċ-ċentru intimu tal-bniedem – il-qalb – ġejja iktar mill-bogħod: insibuha diġà fir-razzjonaliżmu Grieg u Prekristjan, fl-idealiżmu Postkristjan u fil-materjaliżmu fid-diversi xejriet tiegħu. Il-qalb ftit sabet spazju fl-antropoloġija u spiċċat kunċett barrani għall-ħsieb filosofiku għoli. Ġew ippreferuti kunċetti oħra bħal dawk tar-raġuni, ir-rieda jew il-libertà. It-tifsira tagħha mhix preċiża u ma ngħatalhiex post speċifiku fil-ħajja tal-bniedem. Forsi għaliex ma kienx faċli jinstabilha post qalb l-ideat “ċari u distinti”, jew minħabba d-diffikultà li jġib miegħu l-għarfien tagħna nfusna: donnu li r-realtà l-aktar intima hija wkoll l-aktar imbiegħda għall-għarfien tagħna. Aktarx għax il-laqgħa mal-ieħor ma tikkonsolidax ruħha bħala triq biex insibu lilna nfusna, ladarba l-ħsieb inixxi għal darb’oħra f’individwaliżmu perikoluż. Biex jibnu s-sistemi tal-ħsieb tagħhom, ħafna ħassewhom fiż-żgur fil-qasam iżjed kontrollabbli tal-intelliġenza u tar-rieda. U mingħajr post għall-qalb, distinta mill-fakultajiet u mill-passjonijiet umani meqjusa separatament waħda mill-oħra, baqgħet ma ġietx żviluppata fil-wisa’ lanqas l-idea ta’ ċentru personali li fih l-unika realtà li tista’ tgħaqqad kollox flimkien hi, bla dubju ta’ xejn, l-imħabba.
11. Jekk il-qalb hi mwarrba għall-ġenb, inkunu nwarrbu għall-ġenb ukoll dak li jfisser nitkellmu mill-qalb, naġixxu mill-qalb, nimmaturaw u nieħdu ħsieb tal-qalb. Meta ma jiġix apprezzat l-ispeċifiku tal-qalb, nitilfu t-tweġibiet li l-intelliġenza waħidha ma tistax tagħti, nitilfu l-laqgħa mal-oħrajn, nitilfu l-poeżija. U nitilfu l-istorja u l-ġrajjiet tagħna, għax il-vera avventura personali hi dik li tinbena billi nibdew mill-qalb. Fl-aħħar mill-aħħar dan biss hu li jiswa.
12. Jeħtieġ naffermaw li għandna qalb, li l-qalb tagħna tgħix fl-istess eżistenza mal-qlub l-oħra li jgħinuha tkun “int”. Billi ma nistgħux nidħlu żżejjed fuq din it-tema, ninqdew bil-persunaġġ ta’ rumanz, Stavròghin ta’ Dostoevskij.[8] Romano Guardini jpinġih bħala l-istess inkarnazzjoni tal-ħażen, għax il-karatteristika prinċipali tiegħu hi li ma għandux qalb: “Stavròghin hu bla qalb; għalhekk l-ispirtu tiegħu hu inġazzat u vojt, u ġismu jgħum fil-velenu tal-għażż u s-senswalità ‘bestjali’. Għalhekk hu ma jistax jiltaqa’ b’mod intimu ma’ ħadd u ħadd ma jiltaqa’ tassew miegħu. Għax hi l-qalb biss li toħloq l-intimità, il-vera qrubija bejn żewġ ħlejqiet. Il-qalb biss taf tilqa’ u tagħti patrija. L-intimità hija l-att, l-isfera tal-qalb. Imma Stavròghin hu distanti. […] Infinitament imbiegħed anki minnu nnifsu, għax il-bniedem jista’ jkun interjuri għalih innifsu biss bil-qalb, mhux bl-ispirtu. Li l-bniedem ikun interjuri għalih innifsu bl-ispirtu mhuwiex fis-setgħa tiegħu. Issa, jekk il-qalb ma tgħixx, il-bniedem jibqa’ barrani għalih innifsu”.[9]
13. Għandna bżonn li l-azzjonijiet kollha jitqiegħdu taħt il-“ħakma politika” tal-qalb, li l-aggressività u x-xewqat ossessivi jsibu l-paċi fil-ġid ikbar li l-qalb toffrilhom u fil-qawwa li għandha kontra l-ħażen; li anki l-intelliġenza u r-rieda joqogħdu għas-servizz tagħha, iħossu u jiggustaw il-veritajiet pjuttost milli jridu jaħkmuhom kif jagħmlu spiss ċerti xjenzi; li r-rieda tixtieq l-ogħla ġid li l-qalb taf, u li anki l-immaġinazzjoni u s-sentimenti jħallu timmoderahom it-taħbita tal-qalb.
14. Nista’ ngħid ukoll li, fl-aħħar mill-aħħar, jiena l-qalb tiegħi, għax hi dik li tagħżilni, li ssawwarni fl-identità spiritwali tiegħi u tqegħedni f’komunjoni mal-persuni l-oħra. L-algoritmu li jaħdem fid-dinja diġitali juri li l-ħsibijiet tagħna u d-deċiżjonijiet tar-rieda tagħna huma ħafna iżjed “standard” minn kemm nistgħu naħsbu. Huma faċilment prevedibbli u jistgħu jiġu mmanipulati. Mhux hekk il-qalb.
15. Hija kelma importanti għall-filosofija u t-teoloġija, li jaspiraw biex jilħqu sintesi sħiħa. Fil-fatt, il-kelma “qalb” ma tistax titfisser għalkollox mill-bijoloġija, mill-psikoloġija, mill-antropoloġija jew minn kull xjenza oħra. Hi waħda minn dawk il-kelmiet oriġinarji “li jindikaw ir-realtà li għandu l-bniedem kollu kemm hu bħala persuna korporja u spiritwali”.[10] Hekk il-bijologu mhuwiex iktar realista meta jitkellem fuq il-qalb, għax qed jara biss parti minnha, u l-ġabra flimkien mhijiex inqas reali, imma iktar. Lanqas il-lingwaġġ astratt ma jista’ jkollu l-istess tifsira konkreta u fl-istess waqt kumplessiva. Jekk il-“qalb” teħodna lejn il-qalba ġewwenija tal-persuna tagħna, tippermettilna wkoll nagħrfu lilna nfusna fis-sħuħija tagħna u mhux biss f’xi aspett iżolat.
16. Min-naħa l-oħra, din il-qawwa waħdanija tal-qalb tgħinna nifhmu għaliex jingħad li meta tilqa’ realtà b’qalbek tista’ tifhimha aħjar u b’mod aktar sħiħ. Dan iwassalna bla dubju ta’ xejn għall-imħabba li għaliha dik il-qalb hi kapaċi, għax “l-imħabba hi l-aktar fattur ġewwieni tar-realtà”.[11] Għal Heidegger, skont l-interpretazzjoni li jagħti tiegħu ħassieb kontemporanju, il-filosofija ma tibdiex minn kunċett pur jew minn ċertezza, imma minn ċaqliqa tal-emozzjoni: “Il-ħsieb ġie mċaqlaq emottivament qabel ma ħadem bil-kunċetti jew huwa u jelaborahom. Mingħajr emozzjoni profonda, il-ħsieb ma jistax imidd l-ewwel pass. L-ewwel xbieha mentali hi t-tkexkixa mal-ġisem kollu. L-ewwel ħaġa li ġġagħalna naħsbu u nistaqsu hija l-emozzjoni profonda. Il-filosofija sseħħ dejjem f’burdata fundamentali (Stimmung)”.[12] U hawn titfaċċa l-qalb, li “tilqa’ fiha l-kundizzjonijiet mentali, taħdem bħala ‘ħarriesa tal-kundizzjonijiet mentali’. Il-‘qalb’ b’mod metaforiku tagħti widen għal-‘leħen sieket’ tal-essri, u tħallih irażżanha jew jiddeterminaha”.[13]
Il-qalb li tiġbor flimkien il-biċċiet
17. Fl-istess waqt, il-qalb tagħmel possibbli kull rabta awtentika, għax relazzjoni li mhijiex mibnija permezz tal-qalb mhix kapaċi tegħleb il-frammentazzjoni tal-individwaliżmu: jibqgħu fuq riġlejhom biss żewġ dinjiet li jersqu lejn xulxin imma ma jintrabtux tassew. Il-maqlub tal-qalb hi soċjetà dejjem iżjed maħkuma min-narċisiżmu u mill-awtoreferenzjalità. Fl-aħħar naslu biex “nitilfu x-xewqa”, għax l-ieħor jgħib mix-xefaq tagħna u aħna ningħalqu fil-jien tagħna, mingħajr il-ħila ta’ relazzjonijiet sani.[14] B’konsegwenza ta’ dan, ma nibqgħux kapaċi nilqgħu lil Alla. Kif jgħid Heidegger, biex nirċievu d-divin irridu nibnu “dar għall-mistiedna”.[15]
18. U hekk qed naraw kif fil-qalb ta’ kull persuna tinħoloq din ir-rabta paradossali bejn il-valorizzazzjoni tal-persuna nfisha u l-ftuħ tagħha għall-oħrajn, bejn il-laqgħa tassew personali magħna nfusna u l-għotja tagħna nfusna lill-oħrajn. Insiru tassew u biss min aħna meta niksbu l-ħila li nagħrfu lill-ieħor, u jiltaqa’ mal-ieħor min għandu l-ħila jagħraf u jilqa’ l-identità tiegħu.
19. Il-qalb hi kapaċi wkoll tiġbor u tpoġġi f’armonija l-istorja personali, li tidher maqsuma f’elf biċċa, imma fejn kollox jista’ jkollu sens. Dan hu li jesprimi l-Evanġelju fil-ħarsa ta’ Marija, li kienet tara b’qalbha. Kienet taf tiddjaloga mal-esperjenzi li kienet tgħożż billi timmeditahom fil-qalb tagħha, u tagħtihom iż-żmien: tirrappreżentahom u tħarishom ġewwa fiha biex iżżomm ħajja t-tifkira. Fl-Evanġelju, l-aqwa espressjoni ta’ dak li taħseb qalb huma ż-żewġ siltiet ta’ San Luqa li jgħidulna li Marija “baqgħet tgħożż (syneterei) f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha, u taħseb fuqhom (symballousa) bejnha u bejn ruħha” (Lq 2:19; ara 2:51). Il-verb symballein (li minnu għandna “simbolu”) jfisser taħseb u tixtarr, tiġbor flimkien żewġ affarijiet fil-moħħ u tgħarbel lilek innifsek, tirrifletti, tiddjaloga miegħek innifsek. F’Lq 2:51 dieterei tfisser “tħares xi ħaġa bl-għożża”, u dak li hi kienet tħares ġo fiha ma kinitx biss “ix-xena” li kienet tara, imma anki dak li ma kinitx għadha qed tifhem u madankollu kien jibqa’ preżenti u ħaj fiha fl-istennija li tpoġġi kollox flimkien fil-qalb tagħha.
20. Fl-epoka tal-intelliġenza artifiċjali, ma nistgħux ninsew li biex insalvaw l-uman għandna bżonn tal-poeżija u l-imħabba. L-ebda algoritmu ma jista’ qatt jġorr fih, ngħidu aħna, dak il-mument tat-tfulija li niftakruh bi ħlewwa u li, minkejja li jgħaddu s-snin, jibqa’ jseħħ f’kull rokna tad-dinja. Qed jiġini f’moħħi l-użu tal-furketta biex nagħlqu bil-piegi l-ġnub ta’ dawk il-ftajjar maħduma d-dar ma’ ommijietna u nannietna. Huwa dak il-mument ta’ apprentistat kulinari, nofs triq bejn il-logħob u l-età adulta, li fih nassumu r-responsabbiltà tax-xogħol biex ngħinu lill-ieħor. Bħal dan tal-furketta, nista’ nsemmi mijiet ta’ dettalji ċkejkna li jsawru l-bijografiji ta’ kulħadd: inqanqlu t-tbissim b’xi battuta, inħażżu disinn kontra d-dawl dieħel minn xi tieqa, nilagħbu l-ewwel partita futbol b’ballun taċ-ċarruta, nerfgħu d-dud tal-ħarir f’kaxxa taż-żraben, innixxfu fjura qalb il-paġni ta’ ktieb, nieħdu ħsieb ta’ għasfur li waqa’ mill-bejta, nesprimu xewqa aħna u naqilgħu l-petali ta’ margerita żgħira. Dawn id-dettalji ċkejkna kollha, l-ordinarju-straordinarju, ma jistgħu qatt joqogħdu qalb l-algoritmi. Għax il-furketta, il-battuti, it-tieqa, il-ballun, il-kaxxa taż-żraben, il-ktieb, l-għasfur, il-fjura… jistrieħu fuq il-ħlewwa li nżommu ħajja fit-tifkiriet tal-qalb.
21. Il-qalba ta’ kull bniedem, l-aktar ċentru intimu tiegħu, mhijiex il-qalba tar-ruħ imma tal-persuna sħiħa fl-identità waħdanija tagħha, li għandha ruħ u ġisem. Kollox hu miġbur flimkien fil-qalb, li tista’ tkun is-sede tal-imħabba bil-komponenti spiritwali, psikiċi u anki fiżiċi kollha tagħha. Żgur mhux forsi, jekk fiha ssaltan l-imħabba, il-persuna tilħaq l-identità tagħha b’mod sħiħ u mdawwal, għax kull bniedem ġie maħluq qabelxejn għall-imħabba, ġewwa nett hu magħmul biex iħobb u jkun maħbub.
22. Għal din ir-raġuni, meta naraw kif qed jinqalgħu gwerer ġodda, bil-kompliċità, it-tolleranza jew l-indifferenza ta’ pajjiżi oħra, jew b’sempliċi ġlidiet ta’ poter madwar l-interessi tal-ftit, jagħtina li naħsbu li s-soċjetà dinjija qed titlef il-qalb tagħha. Biżżejjed inħarsu u nisimgħu lin-nisa anzjani – mid-diversi partijiet fil-ġlied – li sfaw ilsiera ta’ dawn il-kunflitti qerrieda. X’għafsa ta’ qalb tarahom jibku lin-neputijiet maqtula, jew tismagħhom jixtiequ li jmutu għax tilfu d-dar fejn għexu sa minn dejjem. Huma, li tant drabi kienu mudelli ta’ qawwa u reżistenza tul ħajjiet diffiċli u sagrifikati, issa li waslu fl-aħħar tappa tal-ħajja tagħhom mhumiex jirċievu l-paċi li jimmeritaw, imma t-tbatija, il-biża’ u l-għadab. Li noqogħdu nixħtu l-ħtija fuq l-oħrajn mhux se jsolvi din it-traġedja tal-mistħija. Li naraw lin-nanniet jibku mingħajr ma dan isir ħaġa intollerabbli hu sinjal ta’ dinja bla qalb.
23. Meta kull wieħed u waħda jirrifletti, ifittex, jimmedita fuq ħajtu u fuq l-identità tiegħu, jew jistħarreġ il-kwistjonijiet l-aktar għolja; meta jaħseb fuq is-sens ta’ ħajtu u wkoll jekk ifittex lil Alla, meta anki jħoss il-gost li lemaħ l-iċken ħjiel tal-verità, dan kollu jesiġi li jsib il-qofol tiegħu fl-imħabba. Meta tħobb, persuna tħoss li taf għaliex u għal liema skop qed tgħix. Hekk kollox jiltaqa’ fi stat ta’ rabta u ta’ armonija. Għalhekk, quddiem il-misteru personali tiegħu, forsi l-mistoqsija l-aktar deċiżiva li kull wieħed jista’ jagħmel hi din: jien għandi qalb?
In-nar
24. Dan għandu konsegwenzi fuq l-ispiritwalità. Ngħidu aħna, it-teoloġija tal-Eżerċizzi spiritwali ta’ Sant’Injazju ta’ Loyola għandha bħala prinċipju tagħha l-affectus. Id-dimensjoni tad-diskors tinbena fuq valur fundamentali (bil-qawwa kollha tal-qalb), li jagħti enerġija u riżorsi lid-dmir li wieħed jorganizza ħajtu mill-ġdid. Ir-regoli u l-kompożizzjonijiet tal-post li jfassal Injazju jiffunzjonaw fuq il-bażi ta’ “fundament” differenti minnhom, il-moħbi tal-qalb. Michel de Certeau jurina kif il-“movimenti” li dwarhom jitkellem Sant’Injazju huma l-irruzzjonijiet ta’ rieda ta’ Alla u ta’ rieda tal-qalb tagħna li tibqa’ differenti mill-ordni evidenti. Xi ħaġa mhux mistennija tibda titkellem fil-qalb tal-persuna, xi ħaġa li titwieled minn dak li ma nafux, tneħħi l-qoxra ta’ dak li hu magħruf u teħodha kontrih. Dan hu l-bidu ta’ “ordinament tal-ħajja” ġdid li jibda mill-qalb. Mhumiex diskorsi razzjonali li rridu npoġġuhom fil-prattika billi nittraduċuhom f’ħajjitna, bħallikieku l-affettività u l-prattika kienu sempliċiment konsegwenzi – dipendenti – ta’ għarfien żgurat.[16]
25. Hemm fejn il-filosfu jieqaf bil-ħsieb tiegħu, il-qalb ta’ min jemmen tħobb, tadura, titlob maħfra u toffri li ssir qaddejja fil-post li l-Mulej jagħtiha biex tagħżel ħalli timxi warajh. Hawn tifhem li hi l-“int” ta’ Alla u li tista’ tkun “jien” għax Alla huwa “int” għaliha. Il-fatt hu li l-Mulej biss joffrilna li jittrattana bħala “int” dejjem u għal dejjem. Li nilqgħu l-ħbiberija tiegħu hi kwistjoni tal-qalb u tibnina bħala persuni fis-sens sħiħ tal-kelma.
26. San Bonaventura kien jgħid li jekk inħarsu mill-qrib irridu nfittxu “mhux id-dawl, imma n-nar”.[17] U kien jgħallem li “l-fidi qiegħda fl-intellett, b’mod li tqanqal l-affezzjoni. Ngħidu aħna: li nafu li Kristu miet għalina ma jibqax biss għarfien, imma neċessarjament isir affezzjoni, imħabba”.[18] F’din il-perspettiva, San John Henry Newman għażel bħala motto tiegħu l-frażi “Cor ad cor loquitur”, għax, lil hemm minn kull djalettika, il-Mulej isalvana billi mill-Qalb Imqaddsa tiegħu jkellem lil qalbna. Din l-istess loġika wasslitu biex għalih, li kien ħassieb kbir, il-post tal-laqgħa l-aktar profonda miegħu nnifsu u mal-Mulej ma jkunx il-qari jew ir-riflessjoni, imma d-djalogu fit-talb, qalb ma’ qalb, ma’ Kristu ħaj u preżenti. Għalhekk Newman sab fl-Ewkaristija l-Qalb ta’ Ġesù ħaj, li kapaċi teħles, tagħti sens lil kull mument u ssawwab fil-bniedem is-sliem veru: “O Qalb l-aktar qaddisa u maħbuba ta’ Ġesù, int li tinsab moħbija fl-Ewkaristija mqaddsa, u hawn tħabbat dejjem għalina. […] Jiena nadurak bl-imħabba kollha tiegħi u bil-qima kollha tiegħi, bl-affezzjoni mħeġġa tiegħi u bir-rieda tiegħi l-aktar ubbidjenti u soda. O Alla tiegħi, meta int tiġi għandi fit-tqarbin imqaddes u tgħammar fija, agħmel li l-qalb tiegħi tħabbat bl-istess taħbita ma’ tiegħek. Saffiha minn dak kollu li hu kburi u senswali, li hu qalil u kiefer, minn kull ħażen, minn kull diżordni, minn kull bruda. Imlieha tant bik, li la l-ġrajjiet tal-ħajja ta’ kuljum, u lanqas iċ-ċirkustanzi tal-ħajja ma jirnexxilhom iħawduha, u fil-biża’ tiegħek u fl-imħabba tiegħek tista’ ssib il-paċi”.[19]
27. Quddiem il-Qalb ta’ Ġesù ħaj u preżenti, il-ħsieb tagħna, imdawwal mill-Ispirtu, jifhem il-kliem ta’ Ġesù. Hekk ir-rieda tagħna tibda tagħmel xi ħaġa biex tpoġġih fil-prattika. Imma dan jista’ jibqa’ għamla ta’ moraliżmu awtosuffiċjenti. Li nisimgħu u niggustaw lill-Mulej u nagħtuh ġieħ hu ħaġa tal-qalb. Il-qalb biss kapaċi tpoġġi lill-fakultajiet u l-passjonijiet l-oħra u l-persuna kollha tagħna f’atteġġjament ta’ qima u ta’ ubbidjenza kollha mħabba lill-Mulej.
Id-dinja tista’ tinbidel jekk nibdew mill-qalb
28. Huwa biss jekk nibdew mill-qalb li l-komunitajiet tagħna jista’ jirnexxilhom jgħaqqdu d-diversi intelliġenzi u ridiet u jippaċifikawhom, sa ma l-Ispirtu jmexxina bħal xibka ta’ aħwa, għax anki l-paċifikazzjoni hi ħidma tal-qalb. Il-Qalb ta’ Kristu hi estasi, hija ħruġ, hija don, hija laqgħa. Fiha nsiru tassew kapaċi nidħlu f’relazzjoni ma’ xulxin b’mod san u hieni u nibnu f’din id-dinja s-Saltna tal-imħabba u tal-ġustizzja. Il-qalb tagħna marbuta ma’ dik ta’ Kristu tkun kapaċi tasal għal dan il-miraklu soċjali.
29. Meta nieħdu l-qalb bis-serjetà, dan għandu konsegwenzi soċjali. Kif jgħallem il-Konċilju Vatikan II, “jeħtieġ li aħna lkoll inbiddlu qalbna billi nżommu quddiem għajnejna d-dinja kollha u dawk ix-xogħlijiet kollha li aħna, ilkoll flimkien, nistgħu nagħmlu biex l-umanità timxi ’l quddiem lejn qagħda aħjar”.[20] Għax “il-ħafna nuqqas ta’ ekwilibriju li jinsab fid-dinja tal-lum huwa magħqud ma’ dak in-nuqqas ta’ ekwilibriju iżjed fundamentali li għandu għeruqu fil-qalb tal-bniedem”.[21] Quddiem it-traġedji tad-dinja, il-Konċilju jistedinna nerġgħu lura għall-qalb, u jfisser li l-bniedem “b’dak li jġib ġo fih […] jisboq il-kotra tal-ħolqien, jerġa’ lura f’din l-interjorità profonda tiegħu meta jerġa’ jidħol fil-qalb tiegħu fejn ikun jistennieh Alla li jara x’hemm fil-qlub (ara 1 Sam 16:7; Ġer 17:10) u fejn jieħu d-deċiżjonijiet dwar id-destin personali tiegħu taħt il-ħarsa ta’ Alla”.[22]
30. Dan ma jfissirx li għandna nafdaw wisq fina nfusna. Noqogħdu attenti: ejjew nintebħu li l-qalb tagħna mhix awtosuffiċjenti, hi dgħajfa u hi midruba. Għandha dinjità ontoloġika, imma fl-istess waqt għandha tfittex ħajja iżjed dinjituża.[23] Jgħid mill-ġdid il-Konċilju Vatikan II li “l-ħmira tal-Evanġelju, imbagħad, qajmet u tqajjem fil-qalb tal-bniedem esiġenza, li ma tistax tinżamm, ta’ dinjità”,[24] madankollu biex ngħixu skont din id-dinjità mhux biżżejjed inkunu nafu l-Evanġelju u lanqas nagħmlu b’mod mekkaniku dak li hu jikkmanda. Għandna bżonn tal-għajnuna tal-imħabba divina. Immorru għand il-Qalb ta’ Kristu, il-qalb ta’ dak li hu, li hi forn imħeġġeġ ta’ mħabba divina u umana u hi l-ogħla milja li l-bniedem jista’ jilħaq. Huwa hemm, f’dik il-Qalb, li sa fl-aħħar nagħrfu lilna nfusna u nitgħallmu nħobbu.
31. Fl-aħħar nett, din il-Qalb Imqaddsa hija l-prinċipju li jgħaqqad ir-realtà, għax “Kristu huwa l-qalb tad-dinja; l-Għid tal-mewt u l-qawmien tiegħu huwa l-qalba tal-istorja, li grazzi għalih hija storja ta’ salvazzjoni”.[25] Il-ħlejjaq kollha huma “miexja, flimkien magħna u permezz tagħna, lejn destinazzjoni komuni, li hu Alla, f’milja traxxendenti fejn Kristu Rxoxt iħaddan miegħu u jdawwal kollox”.[26] Quddiem il-Qalb ta’ Kristu, nitlob lill-Mulej biex għal darb’oħra tiġih ħniena minn din l-art midruba, li hu ried jgħammar fiha bħala wieħed minna. Ħa jsawwab it-teżori tad-dawl u tal-imħabba tiegħu, biex id-dinja tagħna, li qed tipprova żżomm sħiħa qalb il-gwerer, l-iżbilanċi ekonomiċi, il-konsumiżmu u t-tħaddim anti-uman tat-teknoloġija, tista’ tirkupra dak li hu l-iżjed importanti u meħieġ: il-qalb.
II.
ĠESTI U KLIEM TA’ MĦABBA
32. Il-Qalb ta’ Kristu, li tissimbolizza ċ-ċentru personali tiegħu li minnu tgelgel l-imħabba tiegħu għalina, hija l-qalba ħajja tal-ewwel tħabbira. Hemmhekk hemm mnejn bdiet il-fidi tagħna, l-għan li jżomm ħajja l-konvinzjonijiet Insara tagħna.
Ġesti li jirriflettu l-qalb
33. Il-mod kif Kristu jħobbna hu xi ħaġa li hu ma kellux għalfejn ifissrilna wisq. Urihulna fil-ġesti tiegħu. Meta nħarsu lejn kif iġib ruħu hu, nistgħu niskopru kif hu jittratta lil kull wieħed u waħda minna, anki jekk dan inbatu ftit biex nifhmuh. Ejjew mela mmorru nfittxu hemm fejn il-fidi tagħna tista’ tagħrfu: fl-Evanġelju.
34. L-Evanġelju jgħid li Ġesù “ġie f’daru… niesu” (Ġw 1:11). Niesu huma aħna, għax hu ma jittrattaniex bħal xi ħaġa barranija. Iqisna ħaġa tiegħu, li hu jħarisha bl-għożża, bl-imħabba. Jittrattana bħala tiegħu. Mhux fis-sens li aħna lsiera tiegħu, dan hu stess jiċħdu: “Ma nsejħilkomx aktar qaddejja” (Ġw 15:15). Dak li hu jipproponi hu l-appartenenza reċiproka tal-ħbieb. Huwa ġie, għeleb id-distanzi kollha, ġie qrib tagħna bħall-ħwejjeġ l-aktar sempliċi u ta’ kuljum ta’ ħajjitna. Fil-fatt, hu għandu isem ieħor, li hu “Għimmanu-El” u jfisser “Alla magħna”, Alla qrib tal-ħajja tagħna, li jgħix f’nofsna. L-Iben ta’ Alla inkarna u “xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir” (Fil 2:7).
35. Dan huwa ċar fl-aġir tiegħu. Hu dejjem ifittex, dejjem qrib, il-ħin kollu miftuħ għal-laqgħa. Nikkontemplawh meta jieqaf jitkellem mas-Samaritana ħdejn il-bir fejn hi kienet tmur biex ittella’ l-ilma (ara Ġw 4:5-7). Narawh, f’nofs ta’ lejl, jiltaqa’ ma’ Nikodemu, li kien jibża’ jidher flimkien ma’ Ġesù (ara Ġw 3:1-2). Nammirawh meta bla mistħija ta’ xejn iħalli prostituta taħsillu riġlejh (ara Lq 7:36-50); meta lill-mara adultera, għajnejh f’tagħha, jgħidilha: “Lanqas jien ma nikkundannak” (ara Ġw 8:11); jew meta jaffronta l-indifferenza tad-dixxipli tiegħu u lill-agħma mixħut fit-triq jgħidlu bi mħabba: “Xi tridni nagħmillek?” (Mk 10:51). Kristu jurina li Alla hu qrubija, ħniena u ħlewwa.
36. Meta kien ifejjaq lil xi ħadd, kien jippreferi joqrob lejh: “Medd idu fuqu, messu” (Mt 8:3); “missilha idha” (Mt 8:15); “messilhom għajnejhom” (Mt 9:29). U jieqaf saħansitra jfejjaq il-morda bl-istess riq tal-bżieq tiegħu (ara Mk 7:33), bħal omm, biex ma jħossuhx barrani għall-ħajja tagħhom. Għax “il-Mulej jaf dik ix-xjenza sabiħa taż-żegħil. Il-ħlewwa ta’ Alla: ma jħobbniex bit-tpaċpiċ, imma joqrob lejna u hekk jagħtina l-imħabba tiegħu bil-ħlewwa kollha possibbli”.[27]
37. Billi għalina diffiċli nafdaw lil xulxin, għax sfajna midruba minn tant qerq, vjolenza u delużjonijiet, hu jpespsilna f’widnejna: “Agħmel il-qalb, ibni” (Mt 9:2); “Agħmel il-qalb, binti” (Mt 9:22). Irridu negħlbu l-biża’ u nintebħu li miegħu ma għandna xejn x’nitilfu. Lil Pietru, li sabha iebsa jafda, “Ġesù medd idu u qabdu: ‘[…] Għaliex iddubitajt?’” (Mt 14:31). La tibżax. Ħallih jiġi qrib tiegħek, ħallih ipoġġi bilqiegħda ħdejk. Nistgħu niddubitaw minn ħafna persuni, imma mhux minnu. U la tiqafx minħabba fi dnubietek. Ftakar li ħafna midinbin “qagħdu madwar il-mejda ma’ Ġesù” (Mt 9:10) u hu ma skandalizza ruħu b’ħadd minnhom. Il-kbarat tar-reliġjon kienu jgemgmu u kienu jittrattawh bħal wieħed “wikkiel u sakranazz, ħabib tal-pubblikani u l-midinbin” (Mt 11:19). Meta l-Fariżej kienu jikkritikaw din il-qrubija tiegħu lejn il-persuini meqjusa ta’ kundizzjoni baxxa jew nisa tat-triq, Ġesù kien jgħidilhom: “Ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju” (Mt 9:13).
38. Dak l-istess Ġesù llum qed jistenna li int tagħtih il-possibbiltà li jdawwallek ħajtek, li jerfgħek, li jimliek bil-qawwa tiegħu. Fil-fatt, qabel ma miet, hu qal lid-dixxipli tiegħu: “Ma nħallikomx iltiema. Nerġa’ niġi għandkom. Ftit ieħor, u d-dinja ma taranix aktar. Iżda intom għad tarawni” (Ġw 14:18-19). Hu dejjem se jsib mod kif juri ruħu fil-ħajja tiegħek, biex int tista’ tiltaqa’ miegħu.
Il-ħarsa
39. L-Evanġelju jirrakkonta kif wieħed għani ġie għandu, mimli b’ideali imma bla saħħa biex jibdel ħajtu. Hawn “Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba” (Mk 10:21). Jirnexxilek tistħajlu dak il-mument, dik il-laqgħa bejn l-għajnejn ta’ dan ir-raġel u l-ħarsa ta’ Ġesù? Jekk isejjaħlek, jekk jistiednek għal missjoni, l-ewwel hu jħares lejk, jgħarbel il-ġewwieni tiegħek, jara u jagħraf dak kollu li hemm fik, jixħet ħarstu fuqek: “Huwa u jdur ma’ xatt il-baħar tal-Galilija, lemaħ żewġt aħwa […]. Wara li mexa minn hemm ra żewġt aħwa oħra” (Mt 4:18,21).
40. Ħafna testi tal-Evanġelju juruna Ġesù li jagħti l-attenzjoni kollha tiegħu lill-persuni, lit-tħassib tagħhom, lit-tbatijiet tagħhom. Ngħidu aħna: “Ra n-nies u tħassarhom, għax kienu mdejqa u mitluqa” (Mt 9:36). Meta f’għajnejna jidher li kulħadd qed jinjorana, li ħadd ma interessa ruħu f’dak li għaddejjin minnu, li m’aħniex importanti għal ħadd, huwa attent għalina. Dan hu dak li nnota lil Natanjel, waħdu u ħosbien: “Rajtek taħt is-siġra tat-tin qabel ma sejjaħlek Filippu” (Ġw 1:48).
41. Proprju għaliex hu attent għalina, hu jista’ jagħraf kull intenzjoni tajba li għandek, kull azzjoni ċkejkna tajba li tagħmel. L-Evanġelju jirrakkonta li “ra wkoll waħda armla fqira titfa’ biċċtejn żgħar tal-flus [fit-teżor tat-Tempju]” (Lq 21:2) u minnufih ġibed fuqha l-attenzjoni tal-Appostli tiegħu. Ġesù huwa attent b’mod li jammira l-ħwejjeġ tajba li jagħraf fina. Meta ċ-ċenturjun talbu b’fiduċja sħiħa, “Ġesù baqa’ mistagħġeb meta sama’ dan” (Mt 8:10). Kemm hu sabiħ meta nafu li mqar jekk l-oħrajn jinjoraw l-intenzjonijiet tajba tagħna jew il-ħwejjeġ pożittivi li stajna għamilna, dawn lil Ġesù ma jaħarbulux, anzi jammirahom.
42. Hu, bħala bniedem, kien tgħallem dan mingħand Marija, ommu. Hi, li kienet tikkontempla kollox b’tant għożża u “tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha” (Lq 2:19,51), sa minn ċkunitu, flimkien ma’ San Ġużepp, għallmitu jagħti kas.
Il-kelmiet
43. Imqar jekk fl-Iskrittura għandna l-Kelma tiegħu dejjem ħajja u attwali, xi drabi Ġesù jkellimna ġewwa fina u jsejħilna biex jeħodna fl-aħjar post. U l-aħjar post huwa dak tal-Qalb tiegħu. Isejħilna biex idaħħalna hemm fejn nistgħu nerġgħu niksbu saħħitna u l-paċi: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom” (Mt 11:28). Għalhekk hu talab lid-dixxipli tiegħu: “Ibqgħu fija” (Ġw 15:4).
44. Il-kelmiet li Ġesù kien jgħid kienu juru li l-qdusija tiegħu ma kinitx ixxejjen is-sentimenti. F’xi okkażjonijiet kienu juru mħabba kollha passjoni, li tbati għalina, titqanqal, tilmenta, u tasal sal-punt tad-dmugħ. Huwa ċar li ma kinux iħalluh indifferenti l-preokkupazzjonijiet u l-ansjetà komuni tan-nies, bħall-għeja u l-ġuħ. “Nitħassarhom lil dawn in-nies; […] ma għandhom xejn x’jieklu. […] Żgur iħosshom ħażin fit-triq, għax xi wħud minnhom ġew mill-bogħod” (Mk 8:2-3).
45. L-Evanġelju ma jaħbix is-sentimenti ta’ Ġesù għal Ġerusalemm, il-belt il-maħbuba: “Wasal qrib il-belt u, kif raha, beda jibkiha” (Lq 19:41) u esprima l-ikbar xewqa tiegħu: “Mhux li għaraft imqar int ukoll f’dan il-jum x’inhu ta’ ġid għalik!” (19:42). L-evanġelisti, imqar jekk xi drabi juruh qawwi jew glorjuż, ma jonqsux li juru s-sentimenti tiegħu quddiem il-mewt u n-niket ta’ ħbiebu. Qabel ma jirrakkonta li quddiem il-qabar ta’ Lazzru “Ġesù beka” (Ġw 11:35), l-Evanġelju jieqaf biex jgħid li “Ġesù kien iħobbhom lil Marta u lil oħtha u lil Lazzru” (Ġw 11:5) u li, meta ra lil Marija u dawk li kienu magħha jibku, “ħass ruħu mqanqal u tħawwad ħafna” (Ġw 11:33). Ir-rakkont ma jħallilniex dubji dwar il-fatt li dan kien biki sinċier, ħiereġ minn tqanqil ġewwieni. Fl-aħħar, lanqas ried jaħbi d-diqa li ħass Ġesù quddiem il-mewt vjolenti b’idejn dawk li hu tant kien iħobb: “Bdew jaħkmuh il-biża’ u d-dwejjaq” (Mk 14:33), sa ma jgħid: “Inħossni mnikket għall-mewt” (Mk 14:34). Dan it-taħwid ġewwieni jesprimi ruħu bil-qawwa kollha tiegħu fil-karba tal-Imsallab: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” (Mk 15:34).
46. Dan kollu, b’ħarsa fuq fuq, jista’ jidher sempliċiment romantiċiżmu reliġjuż. Madankollu, huwa l-aktar ħaġa serja u deċiżiva. Isib l-ogħla espressjoni tiegħu fi Kristu msammar ma’ salib. Hija l-kelma ta’ mħabba l-aktar għolja. Mhix xi qoxra vojta, mhix sempliċi sentiment, mhix xi ħarba spiritwali. Hi mħabba. Għalhekk San Pawl, meta ried ifittex l-aħjar kliem biex ifisser ir-relazzjoni tiegħu ma’ Kristu, qal: “Ħabbni u ta lilu nnifsu għalija” (Gal 2:20). Din kienet l-ikbar konvinzjoni tiegħu: li jaf li hu maħbub. L-għotja ta’ Kristu fuq is-salib rebħitu għalih, imma kellha sens biss għax kien hemm xi ħaġa ikbar minn dik l-għotja: “Ħabbni”. Waqt li ħafna persuni fittxew is-salvazzjoni, il-ġid u s-sigurtà f’diversi proposti reliġjużi, Pawlu, imqanqal mill-Ispirtu li mess lil qalbu, għaraf iħares lil hemm u jistagħġeb bl-ikbar u l-aktar ħaġa fundamentali: “Ħabbni”.
47. Wara li kkontemplajna lil Kristu, u rajna dak li l-ġesti u l-kelmiet tiegħu jħalluna naraw mill-Qalb tiegħu, ejjew issa niftakru kif il-Knisja tirrifletti fuq il-misteru qaddis tal-Qalb tal-Mulej.
III.
DIN HIJA L-QALB LI TANT ĦABBET
48. Id-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Kristu mhijiex il-kult ta’ organu separat mill-Persuna ta’ Ġesù. Dak li nikkontemplaw u naduraw huwa Ġesù Kristu sħiħ, l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, irrappreżentat fi xbieha tiegħu fejn tidher il-qalb tiegħu. F’dan il-każ il-qalb tal-laħam tittieħed bħala xbieha u sinjal ipprivileġġjat tal-qalba l-aktar ġewwenija tal-Iben inkarnat u tal-imħabba tiegħu divina u umana, għax aktar minn kull membru ieħor tal-ġisem tiegħu hi “l-werrej naturali, jew aħjar is-simbolu tal-imħabba bla tarf tiegħu”.[28]
L-adorazzjoni ta’ Kristu
49. Ma nistgħux ma nenfasizzawx li r-relazzjoni tagħna mal-Persuna ta’ Kristu, fil-ħbiberija u fl-adorazzjoni, isseħħ għax ninġibdu mill-imħabba rrappreżentata fix-xbieha tal-Qalb tiegħu. Inqimu din ix-xbieha li tirrappreżentaha, imma l-adorazzjoni nagħtuha biss lil Kristu ħaj, fid-divinità tiegħu u fl-umanità sħiħa tiegħu, biex inħallu l-imħabba umana u divina tiegħu tħaddanna magħha.
50. Lil hemm mix-xbieha użata, hija ħaġa żgura li l-Qalb ħajja ta’ Kristu – u qatt xi xbieha – hi l-oġġett ta’ adorazzjoni, għax hi parti mill-ġisem imqaddes u rxuxtat tiegħu, li ma jinfiridx mill-Iben ta’ Alla li għamlu tiegħu darba għal dejjem. Hi meqjuma bħala “Qalb tal-Persuna tal-Verb, li magħha hi magħquda b’mod li jinfiridx”.[29] Ma nadurawhiex għaliha waħidha, imma għax b’din il-Qalb hu l-istess Iben inkarnat li jgħix, iħobb u jirċievi l-imħabba tagħna. Għalhekk, kull att ta’ mħabba jew adorazzjoni tal-Qalb tiegħu fir-realtà hu “verament u realment magħmul lil Kristu nnifsu”,[30] għax din il-figura minnufih tibgħatna għandu u hi “simbolu u xbieha espressiva tal-imħabba bla tarf ta’ Ġesù Kristu”.[31]
51. Għal din ir-raġuni ħadd ma għandu jaħseb li din id-devozzjoni tista’ tifridna jew taljenana minn Ġesù Kristu u mill-imħabba tiegħu. B’mod spontanju u dirett tindirizzana lejh u lejh biss, hu li jsejħilna għal ħbiberija prezzjuża magħmula minn djalogu, imħabba, fiduċja, adorazzjoni. Dan Kristu tal-qalb minfuda u mkebbsa huwa l-istess wieħed li twieled f’Betlehem għall-imħabba tagħna; huwa dak li mexa fil-Galilija jfejjaq, iżiegħel, isawwab il-ħniena; huwa dak li ħabbna għall-aħħar sa ma fetaħ dirgħajh beraħ fuq is-salib. Fl-aħħar nett, huwa l-istess wieħed li qam mill-mewt u jgħammar glorjuż f’nofsna.
Il-qima tax-xbieha tiegħu
52. Ta’ min jinnota li x-xbieha ta’ Kristu bil-qalb tiegħu, għalkemm bl-ebda mod ma hi oġġett ta’ adorazzjoni, mhix waħda qalb il-ħafna li nistgħu nagħżlu. Mhix xi ħaġa vvintata fuq skrivanija jew imħażża minn xi artista, “mhijiex simbolu mistħajjel, imma hija simbolu reali, li jirrappreżenta ċ-ċentru, l-għajn li minnha ħarġet is-salvazzjoni għall-umanità kollha”.[32]
53. Hemm esperjenza umana universali li tagħmel minn din ix-xbieha waħda unika. Fil-fatt, ma hemmx dubju li matul l-istorja u f’diversi rkejjen tad-dinja l-qalb saret simbolu tal-intimità l-aktar personali u anki tal-affezzjoni, tal-emozzjonijiet, tal-ħila li wieħed iħobb. Lil hemm minn kull spjegazzjoni xjentifika, id imqiegħda fuq il-qalb ta’ ħabib tesprimi affezzjoni speċjali; meta xi ħadd jinnamra u joqgħod qrib tal-persuna li jħobb, il-qalb tibda tħabbat b’iktar ħeffa; meta xi ħadd iħossu abbandunat jew ittradut minn persuna għażiża, iħoss bħal għafsa kbira fuq qalbu. Mill-bqija, biex nesprimu li xi ħaġa hi sinċiera, li ġejja tassew mill-qalb tal-persuna, ngħidu: “Qed ngħidhielek minn qalbi”. Il-lingwaġġ poetiku ma jistax jinjora l-qawwa ta’ dawn l-esperjenzi. Għalhekk hi ħaġa inevitabbli li matul l-istorja l-qalb kisbet kapaċità simbolika unika, u mhux waħda sempliċiment konvenzjonali.
54. Għalhekk hawn nifhmu għaliex il-Knisja għażlet ix-xbieha tal-qalb biex tirrappreżenta l-imħabba umana u divina ta’ Ġesù Kristu u l-qalba l-aktar ġewwenija tal-Persuna tiegħu. Madankollu, imqar jekk ix-xbieha ta’ qalb bil-fjammi tan-nar ħerġin minnha tista’ tkun simbolu elokwenti li jfakkarna fl-imħabba ta’ Ġesù, hemm bżonn li din il-qalb tkun tagħmel parti minn xbieha ta’ Ġesù Kristu. Hekk tkun aktar sinifikattiva s-sejħa tiegħu għal relazzjoni personali, ta’ laqgħa u ta’ djalogu.[33] Dik ix-xbieha meqjuma ta’ Kristu, fejn tispikka l-qalb kollha mħabba, għandha fl-istess waqt ħarsa li ssejjaħ għal-laqgħa, għad-djalogu, għall-fiduċja; għandha dirgħajn b’saħħithom li kapaċi jweżnuna; għandha fomm li jlissnilna l-kelma b’mod uniku u personali ħafna.
55. Il-qalb għandha l-preġju li nħarsu lejha mhux bħala organu separat, imma bħala ċentru intimu li jgħaqqad kollox flimkien u, fl-istess waqt, bħala espressjoni tat-totalità tal-persuna, ħaġa li ma għandhomx organi oħra tal-ġisem uman. Jekk hija l-qalba ġewwenija tal-persuna sħiħa, u allura parti li tirrappreżenta l-kollox, faċilment nistgħu niżnaturawha jekk nikkontemplawha separatament mill-figura tal-Mulej. Ix-xbieha tal-qalb għandha ddaħħalna f’relazzjoni mat-totalità ta’ Ġesù Kristu fil-qalba tiegħu li tiġbor kollox fiha u, fl-istess waqt, minn dik il-qalba li tgħaqqad, għandha torjentana biex nikkontemplaw lil Kristu fil-ġmiel u l-għana kollu tal-umanità u tad-divinità tiegħu.
56. Dan imur lil hemm mill-attrazzjoni li jista’ jkollhom id-diversi xbihat li jinħadmu tal-Qalb ta’ Kristu, għax, quddiem ix-xbihat ta’ Kristu, ma “għandniex nitolbuhom xi ħaġa”, lanqas “inqiegħdu l-fiduċja tagħna fix-xbihat, kif kienu jagħmlu l-pagani fiż-żminijiet tal-qedem”, imma “permezz tax-xbihat li nbusu u li quddiemhom nikxfu rasna u nbaxxuha, aħna naduraw lil Kristu”.[34]
57. Barra minn hekk, xi wħud minn dawn ix-xbihat f’għajnejna jistgħu jidhru ftit li xejn attraenti u ma jqanqluniex daqshekk għall-imħabba u għat-talb. Din hi ħaġa sekondarja, għax ix-xbieha hi biss figura li tħeġġiġna u, kif jgħidu l-Orjentali, ma rridux nieqfu fuq is-suba’ li qed juri l-qamar. Filwaqt li l-Ewkaristija hi preżenza reali li għandna nadurawha, f’dan il-każ għandna biss xbieha li, imqar jekk hi mbierka, tistedinna biex immorru lil hemm, torjentana biex nerfgħu qalbna lejn dik ta’ Kristu ħaj u biex norbtuha miegħu. Ix-xbieha meqjuma tistieden, tindika, temozzjona, biex nistgħu niddedikaw ħin għal-laqgħa ma’ Kristu u għall-adorazzjoni tiegħu, kif jidhrilna l-aħjar li nistħajluh. B’dan il-mod, aħna u nħarsu lejn ix-xbieha, noqogħdu quddiem Kristu, u quddiemu “l-imħabba tinġabar, tikkontempla l-misteru u dduqu fis-skiet”.[35]
58. Minkejja dan, ma rridux ninsew li x-xbieha tal-qalb tkellimna fuq laħam tal-ġisem uman, fuq art, u allura tkellimna wkoll fuq Alla li ried jidħol fil-kundizzjoni storika tagħna, isir parti mill-istorja u jaqsam fil-mixja tagħna fuq din l-art. Mod ta’ devozzjoni iktar astratt jew stilizzat mhux neċessarjament ikun iktar fidil lejn l-Evanġelju, għax f’dan is-sinjal sensibbli u aċċessibbli jidher il-mod li bih Alla ried juri lilu nnifsu u jkun qrib tagħna
Imħabba sensibbli
59. Imħabba u qalb mhumiex neċessarjament magħqudin, għax f’qalb ta’ bniedem jistgħu jsaltnu l-mibegħda, l-indifferenza, l-egoiżmu. Imma ma nistgħux nilħqu l-umanità sħiħa tagħna jekk ma noħorġux minna nfusna, u ma nistgħux insiru għalkollox dak li aħna jekk ma nħobbux. Għalhekk il-qalba ġewwenija tal-persuna tagħna, maħluqa għall-imħabba, tista’ biss twettaq il-pjan ta’ Alla jekk tħobb. Hekk, is-simbolu tal-qalb jissimbolizza fl-istess waqt l-imħabba.
60. L-Iben etern ta’ Alla, li jittraxxendini mingħajr limiti, ried iħobbni anki b’qalb umana. Is-sentimenti umani tiegħu jsiru sagrament ta’ mħabba infinita u defenittiva. Il-qalb tiegħu allura mhix simbolu fiżiku li jesprimi biss realtà spiritwali jew mifruda mill-materja. Il-ħarsa tagħna lejn il-Qalb tal-Mulej tikkontempla realtà fiżika, il-ġisem uman tiegħu, u din tagħmilha possibbli li Kristu jkollu emozzjonijiet u sentimenti umani, bħalna, imqar jekk ittrasformati għalkollox mill-imħabba divina tiegħu. Id-devozzjoni għandha tilħaq l-imħabba bla qies tal-persuna tal-Iben ta’ Alla, imma rridu ngħidu li din ma tistax tinfired mill-imħabba umana tiegħu, u għal dan il-għan tgħinna x-xbieha tal-qalb tiegħu tal-laħam.
61. Jekk sal-lum fis-sentiment popolari l-qalb għadna nħarsu lejha bħala ċ-ċentru affettiv ta’ kull bniedem, hija dik li l-aħjar tista’ tfisser l-imħabba divina ta’ Kristu magħquda għal dejjem u b’mod li ma jinfiridx mal-imħabba tiegħu integralment umana. Diġà Piju XII kien fakkar li l-Kelma ta’ Alla, fejn tfisser “l-imħabba tal-Qalb ta’ Ġesù Kristu, ma tifhimx biss l-imħabba divina, imma titwessa’ għas-sentimenti tal-affezzjoni umana. […] Għalhekk il-Qalb ta’ Ġesù Kristu, magħquda ipostatikament mal-Persuna divina tal-Verb, kellha bla dubju ta’ xejn tħabbat bl-imħabba u b’kull affezzjoni oħra sensibbli”.[36]
62. Fil-Missirijiet tal-Knisja, quddiem xi wħud li kienu jiċħdu jew jirrelativizzaw il-vera umanità ta’ Kristu, insibu stqarrija qawwija tar-realtà konkreta u tanġibbli tal-affezzjonijiet umani tal-Mulej. Hekk, San Bażilju jisħaq li l-inkarnazzjoni tal-Mulej mhix xi ħaġa tal-fantasija, imma li “l-Mulej kellu l-affezzjonijiet naturali tiegħu”.[37] San Ġwann Kriżostmu jipproponi eżempju: “Li kieku ma kellux in-natura tagħna, ma kienx iduq iżjed minn darba n-niket”.[38] Sant’Ambroġ jafferma: “Ladarba ħa r-ruħ tagħna, ħa wkoll il-passjonijiet tar-ruħ”.[39] U Santu Wistin jippreżenta l-affezzjonijiet umani bħala realtà li, ladarba Kristu ħadha fuqu, ma għadhiex iżjed barranija għall-ħajja tal-grazzja: “Il-Mulej Ġesù ħa fuqu dawn il-konsegwenzi kollha proprji għad-dgħufija umana (kif ħa wkoll il-mewt tal-ġisem), u dan mhux minħabba xi ħtieġa imposta fuqu, imma minħabba r-rieda tal-ħniena tiegħu. […] Hekk, jekk xi ħadd kellu jiġrilu li jitnikket u li jbati qalb it-tentazzjonijiet umani, allura, ma kellux iqis ruħu abbandunat mill-grazzja ta’ Kristu”.[40] Fl-aħħar nett, San Ġwann Damaxxenu jżomm li din l-esperjenza reali affettiva ta’ Kristu fl-umanità tiegħu hija l-prova li hu ħa fuqu n-natura tagħna b’mod sħiħ u mhux f’biċċa, biex jifdiha u jittrasformaha kollha kemm hi. Kristu allura għamel tiegħu l-elementi kollha li jsawru n-natura umana, biex kollha jiġu mqaddsin.[41]
63. Ta’ min hawn jerġa’ jaqbad ir-riflessjoni ta’ teologu, li jirrikonoxxi li, “taħt l-influwenza tal-ħsieb Grieg, it-teoloġija għal ħafna żmien xeħtet il-ġisem u s-sentimenti fid-dinja tal-pre-uman, tal-infra-uman jew tat-tentazzjoni tal-veru uman, imma dak li t-teoloġija ma solvietx fit-teorija, solvietu l-ispiritwalità fil-prattika. Hi u r-reliġjożità popolari żammew ħajja r-rabta mal-aspetti somatiċi, psikoloġiċi u storiċi ta’ Ġesù. Il-Via Crucis, id-devozzjoni lejn il-pjagi tiegħu, l-ispiritwalità tad-demm prezzjuż, id-devozzjoni lejn il-qalb ta’ Ġesù, il-prattiċi Ewkaristiċi […]. Dan kollu mela l-vojt tat-teoloġija u tema’ l-immaġinazzjoni u l-qalb, l-imħabba u s-sens ta’ ħlewwa għal Kristu, it-tama u l-memorja, ix-xewqa u n-nostalġija. Ir-raġuni u l-loġika qabdu toroq oħra”.[42]
Imħabba triplika
64. Lanqas ma nieqfu fuq is-sentimenti umani tiegħu, huma kemm huma sbieħ u kommoventi, għax meta nikkontemplaw il-Qalb ta’ Kristu nagħrfu kif fis-sentimenti nobbli u sani tiegħu, fil-ħlewwa tiegħu, fit-tqanqil tal-imħabba umana tiegħu, tidher il-verità kollha tal-imħabba divina u bla tarf tiegħu. Hekk esprimieha Benedittu XVI: “Mix-xefaq infinit tal-imħabba tiegħu, Alla ried jidħol fil-limitazzjonijiet tal-istorja u tal-qagħda umana, ħa ġisem u qalb; hekk li aħna nistgħu nikkontemplaw u niltaqgħu mal-infinit fil-finit, mal-Misteru inviżibbli u ineffabbli fil-Qalb umana ta’ Ġesù, in-Nazzarenu”.[43]
65. Fir-realtà, hemm imħabba triplika li tinsab u ssaħħarna fix-xbieha tal-Qalb tal-Mulej. Qabelxejn, l-imħabba divina infinita li nsibu fi Kristu. Imma ejjew naħsbu wkoll fid-dimensjoni spiritwali tal-umanità tal-Mulej. Minn din il-perspettiva, il-qalb “hija s-simbolu ta’ dik l-imħabba tassew tħeġġeġ, li, imsawba fir-ruħ tiegħu, tikkostitwixxi d-don prezzjuż tar-rieda umana tiegħu”. Fl-aħħar nett, “hija s-simbolu tal-imħabba sensibbli tiegħu”.[44]
66. Dawn it-tliet imħabbiet mhumiex ħiliet mifruda minn xulxin, li jiffunzjonaw b’mod parallel jew maħlul minn xulxin, imma jaġixxu u jesprimu ruħhom flimkien u f’nixxiegħa kontinwa ta’ ħajja: “Fil-fatt, fid-dawl tal-fidi, li biha nemmnu li fil-Persuna ta’ Kristu hemm l-għaqda bejn in-natura umana u dik divina, il-ħsieb tagħna jikseb il-ħila li jikkonċepixxi r-rabtiet l-aktar stretti li jeżistu bejn l-imħabba sensibbli tal-qalb fiżika ta’ Ġesù u l-imħabba spiritwali doppja tiegħu, l-umana u d-divina”.[45]
67. Għalhekk, meta nidħlu fil-Qalb ta’ Kristu, inħossuna maħbuba minn qalb umana, mimlija affezzjonijiet u sentimenti bħal tagħna. Ir-rieda umana tiegħu trid tħobbna b’mod ħieles, u din ir-rieda spiritwali hi mdawla b’mod sħiħ mill-grazzja u mill-imħabba. Meta nilħqu l-ġewwieni ta’ dik il-Qalb, niġu mfawra bil-glorja bla tarf tal-imħabba bla tarf tiegħu ta’ Iben etern, li ma nistgħux nifirdu iżjed mill-imħabba tiegħu ta’ bniedem. Huwa proprju fl-imħabba tiegħu ta’ bniedem, u mhux jekk nitbiegħdu minnha, li nsibu l-imħabba divina tiegħu: insibu “dak li ma jintemm qatt f’dak li jintemm”.[46]
68. Huwa tagħlim kontinwu u defenittiv tal-Knisja li l-adorazzjoni tagħna lill-Persuna tiegħu hija unika u tħaddan b’mod inseparabbli kemm in-natura divina tiegħu u kemm in-natura umana. Sa mill-qedem il-Knisja tgħallimna li rridu “naduraw Kristu wieħed u l-istess, Bin Alla u Bin il-bniedem, f’żewġ naturi li ma jinfirdux minn xulxin u mhumiex maqsuma”.[47] U dan “b’adorazzjoni waħda […], għax il-Verb sar bniedem”.[48] B’ebda mod Kristu ma hu “meqjum fiż-żewġ naturi, li minnhom jiġu żewġ adorazzjonijiet”, imma “l-Verb ta’ Alla inkarnat bil-ġisem tiegħu hu meqjum b’adorazzjoni waħda”.[49]
69. San Ġwann tas-Salib ried jesprimi li fl-esperjenza mistika l-imħabba bla qies ta’ Kristu Rxoxt ma ħassithiex barranija għall-ħajja tagħna. L-Infinit b’xi mod jitbaxxa biex permezz tal-Qalb miftuħa ta’ Kristu nistgħu ngħixu laqgħa ta’ mħabba tassew reċiproka: “Fil-fatt hu possibbli li għasfur li jtir fil-baxx jaqbad ajkla vera li ttir fil-għoli, jekk din, xewqana li tiġi maqbuda, tinżel ittir fil-baxx”.[50] U jfisser li “meta jilmaħ lill-għarusa midruba minn imħabbtu u jisma’ l-krib tagħha, hu jisfa midrub minn imħabbitha ladarba bejn in-namrati l-ġerħa ta’ wieħed hi ġerħa tal-ieħor u s-sentiment li għandhom huwa wieħed”.[51] Dan il-mistiku qed jifhem il-figura tal-kustat miġruħ ta’ Kristu bħala sejħa għall-għaqda sħiħa mal-Mulej. Huwa l-għażżiela midruba, miġruħa meta għadna ma ħallejniex l-imħabba tiegħu tmissna, li jinżel fejn in-nixxigħat tal-ilma biex jaqta’ l-għatx u jsib il-wens kull darba li nduru lejh:
“Erġa’ lura, o ħamiema.
L-għażżiela midruba
tfaċċat fuq l-għolja,
ħasset iż-żiffa tat-tajran frisk tiegħek”.[52]
Perspettivi Trinitarji
70. Id-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Ġesù hi tabilħaqq Kristoloġika; hija kontemplazzjoni diretta ta’ Kristu li jistedinna għall-għaqda miegħu. Dan hu leġittimu jekk inżommu quddiem għajnejna dak li titlob l-Ittra lil-Lhud: niġru l-ġirja tagħna b’“għajnejna merfugħa lejn Ġesù” (12:2). Madankollu, ma nistgħux ninjoraw li, fl-istess waqt, Ġesù jippreżenta ruħu bħala t-triq biex naslu għand il-Missier: “Jiena hu t-Triq […]. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi” (Ġw 14:6). Hu jrid iwassalna għand il-Missier. Għalhekk il-predikazzjoni tal-Knisja, sa mill-bidu, ma tridniex nieqfu ma’ Ġesù Kristu, imma twassalna għand il-Missier. Huwa hu li fl-aħħar mill-aħħar, bħala għajn u milja, għandu jiġi gglorifikat.[53]
71. Ħa nieqfu, ngħidu aħna, fuq l-Ittra lill-Efesin, fejn nistgħu naraw b’qawwa u ċarezza kif l-adorazzjoni tagħna għandha ssir lill-Missier: “Jiena ninżel għarkupptejja quddiem il-Missier” (Efes 3:14). “Alla wieħed u Missier ta’ kulħadd, li hu fuq kulħadd, b’kulħadd u f’kulħadd” (Efes 4:6). “Roddu dejjem ħajr għal kollox lil Alla u l-Missier” (Efes 5:20). Il-Missier hu Dak li għalih aħna ddestinati (ara 1 Kor 8:6). Għal din ir-raġuni, San Ġwanni Pawlu II qal li “l-ħajja Nisranija kollha hi bħal pellegrinaġġ kbir lejn id-dar tal-Missier”.[54] Hu dak li ħass Sant’Injazju ta’ Antjokja fi triqtu lejn il-martirju: “Hemm ilma ħaj li bla heda jgħidli: ‘Ejja għand il-Missier!’”.[55]
72. Huwa qabelxejn il-Missier ta’ Ġesù Kristu: “Imbierek Alla, Missier Sidna Ġesù Kristu” (Efes 1:3). Hu “Alla ta’ Sidna Ġesù Kristu, il-Missier tal-glorja” (Efes 1:17). Meta l-Iben sar bniedem, ix-xewqat u l-aspirazzjonijiet kollha tal-qalb umana tiegħu kienu indirizzati lejn il-Missier. Jekk naraw kif Kristu kien jirriferi għall-Missier, nistgħu nifhmu dan is-seħer tal-qalb umana tiegħu, dan l-orjentament perfett u kostanti lejn il-Missier.[56] L-istorja tiegħu fuq din l-art tagħna kienet mixja li fiha ħass fil-qalb umana tiegħu sejħa bla waqfien biex imur għand il-Missier.[57]
73. Aħna nafu li l-kelma Aramajka li biha hu kien isejjaħ lill-Missier kienet “Abbà”, li tfisser “pa”. Fi żmienu xi wħud din il-familjarità kienet tagħtihom fastidju (ara Ġw 5:18). Hi l-espressjoni li Ġesù uża biex jikkomunika mal-Missier meta nħakem mid-diqa tal-mewt: “Abbà (pa)! Kollox jista’ jkun għalik: biegħed minni dan il-kalċi! Imma mhux dak li rrid jien, imma dak li trid int” (Mk 14:36). Hu dejjem għaraf li hu kien maħbub mill-Missier: “Int ħabbejtni sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja” (Ġw 17:24). U Ġesù, fil-qalb umana tiegħu, imtela bil-ferħ xħin sema’ lill-Missier jgħidlu: “Int Ibni, il-maħbub: fik sibt l-għaxqa tiegħi” (Mk 1:11).
74. Ir-raba’ Evanġelju jgħid li l-Iben etern tal-Missier hu sa minn dejjem “fi ħdan il-Missier” (Ġw 1:18).[58] Sant’Irinew jistqarr li “l-Iben ta’ Alla kien sa minn dejjem għand il-Missier”.[59] U Oriġene jisħaq li l-Iben jippersevera “fil-kontemplazzjoni bla heda tal-abbiss patern”.[60] Għalhekk, meta l-Iben sar bniedem, kien iqatta’ ljieli sħaħ jikkomunika ma’ Missieru l-maħbub, fuq il-quċċata tal-muntanja (ara Lq 6:12). Kien jgħid: “Għandi nagħmel dak li hu ta’ Missieri” (Lq 2:49). Ejjew naraw x’kienu l-espressjonijiet tiegħu ta’ tifħir: “Ġesù mtela bil-ferħ fl-Ispirtu s-Santu u qal: ‘Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art’” (Lq 10:21). U l-aħħar kelmiet tiegħu, kollha fiduċja, kienu: “Missier, f’idejk nerħi ruħi” (Lq 23:46).
75. Indawru ħarsitna issa fuq l-Ispirtu s-Santu, li jimla l-Qalb ta’ Kristu u jħeġġeġ fih. Għax, kif qal San Ġwanni Pawlu II, il-Qalb ta’ Kristu hija “l-kapolavur tal-Ispirtu s-Santu”.[61] Mhijiex biss xi ħaġa tal-passat, għax “fil-Qalb ta’ Kristu hi ħajja l-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu, li lilu Ġesù attribwixxa t-tnebbiħ tal-missjoni tiegħu (ara Lq 4:18; Iż 61:1) u li fl-Aħħar Ċena kien wiegħed li jibagħtu. Huwa l-Ispirtu li jgħinna nilqgħu l-għana tas-sinjal tal-kustat minfud ta’ Kristu, li minnu ħarġet il-Knisja (ara Kostituzzjoni Sacrosanctum Concilium, 5)”.[62] Bla dubju ta’ xejn, “huwa biss l-Ispirtu s-Santu li jista’ jiftaħ quddiemna din is-sħuħija tal-‘bniedem ta’ ġewwa’, li tinsab fil-Qalb ta’ Kristu. Hu biss jista’ jagħmel li minn din is-sħuħija jiksbu l-qawwa tagħhom, ftit ftit, anki l-qlub tagħna”.[63]
76. Jekk infittxu li nidħlu fil-misteru tal-azzjoni tal-Ispirtu, naraw li hu jokrob fina u jlissen “Abbà”: “Li intom ulied jurih il-fatt li Alla bagħat fi qlubna l-Ispirtu ta’ Ibnu, jgħajjat: ‘Abbà! Missier!’” (Gal 4:6). Fil-fatt, “l-Ispirtu nnifsu, flimkien mal-ispirtu tagħna, jixhed li aħna wlied Alla” (Rum 8:16). L-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu fil-qalb umana ta’ Kristu kienet tqanqal bla waqfien din il-ġibda lejn il-Missier. U meta bi grazzja hi torbotna mas-sentimenti ta’ Kristu, u tagħtina sehem fir-relazzjoni tal-Iben mal-Missier, huwa “l-Ispirtu li jagħmilna wlied adottivi, li permezz tiegħu ngħajtu: ‘Abbà! Missier!’” (Rum 8:15).
77. Għalhekk ir-relazzjoni tagħna mal-Qalb ta’ Kristu tinbidel bil-qawwa tal-Ispirtu, li jorjentana lejn il-Missier, għajn tal-ħajja u dak li fl-aħħar mill-aħħar minnu tiġi l-grazzja. Kristu nnifsu ma jixtieqx li nieqfu biss fih. L-imħabba ta’ Kristu hi “rivelazzjoni tal-ħniena tal-Missier”.[64] Ix-xewqa tiegħu hi li, xprunati mill-Ispirtu li jgelgel mill-Qalb tiegħu, “miegħu u fih” immorru għand il-Missier. Il-glorja tingħata lill-Missier “bi” Kristu,[65] “ma’” Kristu[66] u “fi” Kristu.[67] San Ġwanni Pawlu II għallem li “l-Qalb tas-Salvatur tistedinna nerġgħu naslu għall-imħabba tal-Missier, li hu l-għajn ta’ kull imħabba awtentika”.[68] Huwa sewwasew dan li l-Ispirtu s-Santu, li jiġi għandna mill-Qalb ta’ Kristu, ifittex li jseddaq fil-qlub tagħna. Għalhekk il-Liturġija, imqanqla mill-għemil tal-Ispirtu li jagħti l-ħajja, iddur dejjem lejn il-Missier mill-Qalb irxuxtata ta’ Kristu.
Espressjonijiet tal-Maġisteru riċenti
78. Il-Qalb ta’ Kristu kienet preżenti b’diversi modi fl-istorja tal-ispiritwalità Nisranija. Fil-Bibbja u fl-ewwel sekli tal-Knisja dehret fil-figura tal-kustat minfud tal-Mulej, bħala għajn tal-grazzja jew bħala sejħa għal laqgħa intima ta’ mħabba. Hekk reġgħet dehret kontinwament fix-xhieda ta’ ħafna qaddisin sal-lum. Fl-aħħar sekli din l-ispiritwalità ħadet il-bixra ta’ kult veru u proprju tal-Qalb tal-Mulej.
79. Xi predeċessuri tiegħi tkellmu fuq il-Qalb ta’ Kristu u b’espressjonijiet differenti ħafna stednuna nintrabtu magħha. Lejn l-aħħar tas-seklu 19, Ljun XIII stedinna nikkonsagraw ruħna lilha u fil-proposta tiegħu rabat flimkien fl-istess waqt l-istedina għall-għaqda ma’ Kristu u l-ammirazzjoni għall-ġmiel tal-imħabba bla tarf tiegħu.[69] Xi tletin sena wara, Piju XI ppreżenta din id-devozzjoni bħala kompendju tal-esperjenza tal-fidi Nisranija.[70] Fuq kollox, Piju XII afferma li l-kult tal-Qalb Imqaddsa jesprimi b’mod eċċellenti, bħala l-ogħla ġabra fil-qosor, il-qima tagħna lejn Ġesù Kristu.[71]
80. Eqreb lejn żmienna, San Ġwanni Pawlu II ppreżenta l-iżvilupp ta’ dan il-kult fis-sekli l-imgħoddija bħala tweġiba għall-mod kif xi xejriet ta’ spiritwalità rigoristi u maqtugħin mir-realtà li kienu qed joktru, kienu qed jinsew il-ħniena ta’ Alla, imma fl-istess waqt bħala sejħa attwali quddiem dinja li kienet qed tipprova tibni lilna nfisha mingħajr Alla: “Id-devozzjoni lejn il-Qalb Imqaddsa, hekk kif żviluppat fl-Ewropa fl-aħħar żewġ sekli, imqanqla mill-esperjenzi mistiċi ta’ Santa Margerita Marija Alacoque, kienet it-tweġiba għar-rigoriżmu Ġansenista, li kien spiċċa biex qara b’mod żbaljat il-ħniena bla tarf ta’ Alla. […] Il-bniedem tas-seklu 21 għandu bżonn tal-Qalb ta’ Kristu biex jagħraf lil Alla u biex jagħraf lilu nnifsu; għandu bżonnha biex jista’ jibni ċ-ċiviltà tal-imħabba”.[72]
81. Benedittu XVI stedinna biex nagħrfu fil-Qalb ta’ Kristu l-preżenza intima u ta’ kuljum fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna: “Kull persuna għandha bżonn li jkollha ‘ċentru’ fil-ħajja tagħha, għajn ta’ verità u ta’ ġid li minnha tixrob biex tista’ tħabbat wiċċha mad-diversi sitwazzjonijiet u t-taħbit tal-ħajja ta’ kuljum. Kull wieħed u waħda minna, meta joqgħod fis-skiet, għandu bżonn jisma’ mhux biss it-taħbita ta’ qalbu, imma anki, b’mod iżjed profond, it-taħbita ta’ preżenza affidabbli, li tista’ tinħass bis-sensi tal-fidi u li madankollu hi ħafna iżjed reali: il-preżenza ta’ Kristu, qalb tad-dinja”.[73]
Approfondiment u attwalità
82. Ix-xbieha espressiva u simbolika tal-Qalb ta’ Kristu mhijiex l-unika riżorsa li jagħtina l-Ispirtu s-Santu biex niltaqgħu mal-imħabba ta’ Kristu, u dejjem ħa jkollha bżonn tiġi mogħnija, imdawla u mġedda permezz tal-meditazzjoni, il-qari tal-Evanġelju u l-maturazzjoni spiritwali. Diġà Piju XII kien jgħid li l-Knisja ma tippretendix “li ħa tara u tadura fil-Qalb ta’ Ġesù x-xbieha hekk imsejħa formali, jiġifieri s-sinjal proprju u perfett tal-imħabba divina tiegħu, għax mhux possibbli li l-essenza intima ta’ din tiġi rrappreżentata b’mod xieraq minn xi xbieha maħluqa”.[74]
83. Id-devozzzjoni lejn il-Qalb ta’ Kristu hi essenzjali għall-ħajja Nisranija tagħna għax tfisser il-ftuħ sħiħ tal-fidi u tal-adorazzjoni għall-misteru tal-imħabba divina u umana tal-Mulej, tant li nistgħu naffermaw għal darb’oħra li l-Qalb Imqaddsa hija ġabra fil-qosor tal-Evanġelju kollu.[75] Irridu niftakru li l-viżjonijiet u l-manifestazzjonijiet mistiċi rrakkuntati minn xi qaddisin li pproponew b’passjoni d-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Kristu ma humiex xi ħaġa li n-nies ta’ fidi huma obbligati jemmnu bħallikieku kienet il-Kelma ta’ Alla.[76] Huma tqanqil sabiħ li jista’ jimmotivana biex nagħmlu ħafna ġid, imqar jekk ħadd ma għandu jħossu obbligat jimxi magħhom jekk ma jsibx li qed jgħinuh fil-mixja spiritwali tiegħu. Mill-bqija, irridu dejjem infakkru, kif afferma Piju XII, li ma jistax jingħad li dan il-kult “jaf l-oriġni tiegħu lil rivelazzjonijiet privati”.[77]
84. Il-proposta tat-Tqarbin Ewkaristiku fl-ewwel Ġimgħa tax-xahar, ngħidu aħna, kienet messaġġ qawwi fi żmien meta ħafna persuni ma baqgħux jersqu għat-Tqarbin għax ma kellhomx fiduċja fil-maħfra divina, fil-ħniena ta’ Alla, u kienu jqisu t-Tqarbin bħala xi għamla ta’ premju għall-perfetti. F’dak il-kuntest Ġansenista, it-tħeġġiġ ta’ dik il-prattika għamel ħafna ġid, għax għen biex fl-Ewkaristija tidher l-imħabba tal-Qalb ta’ Kristu, mogħtija b’xejn u dejjem qrib tagħna, li ssejħilna għall-għaqda tagħna miegħu. Nistgħu naffermaw li anki llum dan jista’ jiswa ta’ ħafna ġid għal raġuni oħra: għax qalb it-taħwid tad-dinja tal-lum u l-ossessjoni tagħna bil-ħin liberu, il-konsum u d-divertiment, il-mobiles u l-media soċjali, qed ninsew insostnu lil ħajjitna bil-qawwa tal-Ewkaristija.
85. Bl-istess mod, ħadd ma għandu jħossu obbligat jagħmel siegħa adorazzjoni nhar ta’ Ħamis. Imma kif nistgħu ma nirrakkomandawhiex? Meta xi ħadd jagħmel din il-prattika b’ħeġġa flimkien ma’ tant aħwa u jsib fl-Ewkaristija l-imħabba kollha tal-Qalb ta’ Kristu, “ikun jadura flimkien mal-Knisja s-simbolu u kważi t-tifkira tal-Imħabba Divina, li waslet biex saħansitra tħobb lill-bnedmin bil-Qalb tal-Verb Inkarnat”.[78]
86. Dan ħafna Ġansenisti kienu jsibuha bi tqila jifhmuh, għax kienu jħarsu minn fuq għal isfel lejn dak kollu li kien uman, affettiv, korporju, u bla dubju ta’ xejn kienu jżommu li din id-devozzjoni kienet tbiegħed mill-aktar adorazzjoni safja ta’ Alla l-Aktar Għoli. Piju XII ddefinixxa bħala “mistika falza”[79] l-atteġġjament elitarjan ta’ xi gruppi li kienu jaraw lil Alla hekk għoli, hekk separat, hekk imbiegħed, li kienu jqisu l-espressjonijiet sensibbli tal-pjetà popolari bħala perikolużi u fil-bżonn tal-kontroll ekkleżjastiku.
87. Nistgħu nsostnu li llum, iktar milli quddiem il-Ġanseniżmu, ninsabu quddiem l-iżvilupp qawwi tas-sekularizzazzjoni, li jfittex dinja ħielsa minn Alla. Ma’ dan inżidu li qed joktru fis-soċjetà diversi xejriet ta’ reliġjożità mingħajr ebda riferiment għal relazzjoni personali ma’ Alla ta’ mħabba, li huma manifestazzjonijiet ġodda ta’ “spiritwalità mingħajr ġisem”. Dan huwa minnu. Madankollu, irrid ngħid li fi ħdan il-Knisja nfisha d-duwaliżmu perikoluż Ġansenista reġa’ tfaċċa taħt uċuħ ġodda. Kiseb qawwa ġdida fl-aħħar għexieren ta’ snin, imma hu manifestazzjoni ta’ dak in-Njostiċiżmu li diġà kien qed jagħmel ħsara lill-ispiritwalità fl-ewwel sekli tal-fidi Nisranija, u li kien jinjora l-verità tas-“salvazzjoni tal-ġisem”. Għalhekk jiena nħares lejn il-Qalb ta’ Kristu u nagħmel stedina biex inġeddu d-devozzjoni lejha. Nittama li tista’ tkun attraenti wkoll għas-sensibbiltà tal-lum u b’dan il-mod tgħinna naffrontaw dawn id-duwaliżmi qodma u ġodda li għalihom toffri tweġiba adegwata.
88. Nixtieq inżid li l-Qalb ta’ Kristu teħlisna fl-istess waqt minn duwaliżmu ieħor: dak ta’ komunità u ragħajja kkonċentrati biss fuq attivitajiet esterni, riformi strutturali sajma mill-Evanġelju, organizzazzjonijiet ossessivi, proġetti mondani, riflessjonijiet sekularizzati, fuq diversi proposti ppreżentati bħala rekwiżiti li xi drabi nippretendu li nimponu fuq kulħadd. Minn dawn spiss joħroġ Kristjaneżmu li nesa l-ħlewwa tal-fidi, il-ferħ tad-dedikazzjoni għall-qadi, il-ħeġġa tal-missjoni minn persuna għal oħra, biex nintrebħu mill-ġmiel ta’ Kristu, mill-gratitudni emozzjonanti għall-ħbiberija li huwa joffri u għas-sens aħħari li jagħti lill-ħajja personali tagħna. F’kelma waħda, għamla oħra ta’ traxxendentaliżmu qarrieq, u daqstant ieħor maqtugħ mir-realtà.
89. Dawn il-mardiet tant attwali, li minnhom, meta ħallejniehom jaħkmuna, mank inħossu x-xewqa li nfiqu, iwassluni biex nipproponi lill-Knisja kollha approfondiment ġdid fuq l-imħabba ta’ Kristu rrappreżentata fil-Qalb qaddisa tiegħu. Hemm nistgħu nsibu l-Evanġelju kollu, hemm hi miġbura fil-qosor il-verità li nemmnu, fiha hemm dak li naduraw u nfittxu fil-fidi, dak li l-aktar għandna bżonn.
90. Quddiem il-Qalb ta’ Kristu nistgħu nerġgħu lura għas-sintesi inkarnata tal-Evanġelju u ngħixu dak li pproponejt ftit taż-żmien ilu, meta fakkart lill-maħbuba Santa Tereża tal-Bambin Ġesù: “L-aktar atteġġjament xieraq hu li nqiegħdu l-fiduċja ta’ qalbna barra minna nfusna: fil-ħniena bla qies ta’ Alla li jħobb bla limiti u li fis-Salib ta’ Ġesù tana kollox”.[80] Hi għexitu b’mod intens għax kienet skopriet fil-Qalb ta’ Kristu li Alla hu mħabba: “Lili tani l-Ħniena bla qies tiegħu; u huwa permezz tagħha li jien nikkontempla u nadura l-perfezzjonijiet divini l-oħra!”.[81] Għalhekk it-talba l-aktar popolari, qisha bħal vleġġa ħierġa sparata mill-Qalb ta’ Kristu, sempliċiment tgħid: “Jien nafda fik”.[82] Ma hemmx bżonn ta’ kliem ieħor.
91. Fil-kapitli li ġejjin se nuru żewġ aspetti fundamentali li llum id-devozzjoni lejn il-Qalb Imqaddsa għandha żżomm magħquda flimkien biex tkompli trejjaqna u tqarribna lejn l-Evanġelju: l-esperjenza spiritwali personali u l-imħabba komunitarja u missjunarja.
IV.
L-IMĦABBA LI TISQI
92. Nerġgħu lura għall-Iskrittura Mqadda, għall-kitbiet imnebbħa li huma l-imkien ewlieni li fih insibu r-Rivelazzjoni. Fihom u fit-Tradizzjoni ħajja tal-Knisja hemm dak li l-Mulej innifsu ried jgħidilna mal-medda tal-istorja kollha. Ibda mill-qari tat-testi tat-Testment il-Qadim u tal-Ġdid, naraw xi effetti tal-Kelma li jidhru fil-mixja twila spiritwali tal-Poplu ta’ Alla.
L-għatx għall-imħabba ta’ Alla
93. Il-Bibbja turina li l-poplu li kien qasam id-deżert u li kien qed jistenna l-ħelsien, irċieva l-aħbar ta’ kotra ta’ ilma ħaj: “Kollkom ferħana timlew l-ilma mill-għejun tas-salvazzjoni” (Iż 12:3). It-tħabbiriet messjaniċi ħadu l-bixra ta’ għajn ta’ ilma safi: “U rroxx fuqkom ilma safi, u tissaffew mit-tinġis kollu tagħkom. […] U ruħ ġdida nqiegħed ġo fikom” (Eżek 36:25-26). Hu l-ilma li se jrodd lill-poplu ħajja sħiħa, bħal għajn li tgelgel mit-Tempju u mnejn tgħaddi xxerred ħajja u saħħa: “U ara, kif konna rieġgħa lura, rajt ħafna siġar ma’ xatt ix-xmara, fuq naħa u fuq oħra. […] U jiġri li, kull fejn tgħaddi dik ix-xmara, kull ħaġa ħajja li tiċċaqlaq tgħix; […] minn kull fejn jgħaddi dak l-ilma, l-ilma jitjieb u jkun hemm il-ħajja minn kull fejn tgħaddi x-xmara” (Eżek 47:7,9).
94. Il-festa Lhudija tal-Għerejjex (Sukkot), li kienet tfakkar l-erbgħin sena fid-deżert, ftit ftit kienet ħadet is-simbolu tal-ilma bħala element ċentrali u fiha kien isir rit ta’ offerta tal-ilma kull filgħodu, li kien isir b’mod solenni ħafna fl-aħħar jum tal-festa: kienet issir purċissjoni kbira sat-Tempju fejn, fl-aħħar, kienu jsiru seba’ dawriet madwar l-altar u qalb storbju kbir joffru l-ilma lil Alla.[83]
95. It-tħabbira tal-miġja taż-żmien messjaniku kienet ippreżentata bħala għajn miftuħa għall-poplu: “U fuq id-dar ta’ David u fuq dawk li jgħammru f’Ġerusalemm insawwab spirtu ta’ ħniena u talb. U huma jħarsu lejn dak li jkunu nifdu. […] Dakinhar jiġri li tinfetaħ għajn għad-dar ta’ David u għan-nies ta’ Ġerusalemm, biex jindafu mill-ħtijiet u mit-tinġis” (Żak 12:10; 13:1).
96. Bniedem minfud, għajn miftuħa, spirtu ta’ grazzja u ta’ talb. L-ewwel Insara din il-wegħda kienu jarawha mwettqa b’mod ċar fil-kustat miftuħ ta’ Kristu, għajn li minnha toħroġ il-ħajja ġdida. Jekk inqallbu l-Evanġelju ta’ Ġwanni naraw kif dik il-profezija seħħet fi Kristu. Nikkontemplaw il-kustat miftuħ tiegħu, li minnu gelgel l-ilma tal-Ispirtu: “Wieħed mis-suldati nifidlu ġenbu b’lanza, u minnufih ħareġ demm u ilma” (Ġw 19:34). Imbagħad l-evanġelista jżid: “Huma għad iħarsu lejn min nifdu” (Ġw 19:37). Hekk jerġa’ jaqbad it-tħabbira tal-profeta li wiegħed lill-poplu għajn miftuħa f’Ġerusalemm, meta għad iħarsu lejn dak li ġie minfud (ara Żak 12:10). L-għajn miftuħa hija l-ġenb minfud ta’ Ġesù.
97. Ninnutaw li l-Evanġelju stess ħabbar dan il-mument qaddis, preċiżament “fl-aħħar jum tal-festa” tal-Għerejjex (Ġw 7:37). Hemm Ġesù qam jgħid b’leħen għoli quddiem il-poplu li kien qed jiċċelebra fil-purċissjoni kbira: “Min jieħdu l-għatx, jiġi għandi u jixrob […] minnu joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj” (Ġw 7:37-38). Biex iseħħ dan, riedet tasal is-“siegħa” tiegħu, għax Ġesù “kien għadu ma ġiex igglorifikat” (Ġw 7:39). Kollox seħħ fl-għajn imfawra tas-Salib.
98. Fil-Ktieb tal-Apokalissi jerġgħu jidhru kemm il-Minfud: “L-għajnejn kollha jarawh, ukoll dawk li kienu nifduh” (Apok 1:7), kemm l-għajn miftuħa: “Min hu bil-għatx, ħa jiġi, ħa jieħu b’xejn min irid l-ilma tal-Ħajja” (Apok 22:17).
99. Il-kustat minfud huwa fl-istess waqt is-sede tal-imħabba, imħabba li Alla ddikjara lill-poplu tiegħu b’tant kelmiet differenti li tajjeb infakkruhom:
“Għax int kont għażiż f’għajnejja, kollok ġieħ u jien ħabbejtek” (Iż 43:4).
“Tista’ mara tinsa t-tarbija tagħha, u ma tħennx għal bin ġufha? Imqar jekk din tinsa, jien ma ninsiek qatt! Ara! Naqqaxtek fuq kefef idejja” (Iż 49:15-16).
“Jistgħu jitħarrku l-muntanji, jitheżżu l-għoljiet, imma mħabbti minn miegħek ma titħarrikx, u s-sliem tal-patt tiegħi ma jitheżżiżx” (Iż 54:10).
“Bi mħabba ta’ dejjem ħabbejtek, għalhekk il-ħlewwa tiegħi rfajt għalik” (Ġer 31:3).
“Il-Mulej, Alla tiegħek, qiegħed f’nofsok, gwerrier li jsalva; minħabba fik jithenna b’hena kbir, fi mħabbtu jġeddek, jinfexx minħabba fik f’għajat ta’ ferħ” (Sof 3:17).
100. Il-profeta Hosegħa jasal biex jitkellem fuq il-qalb ta’ Alla: “Bi ħbula ta’ bnedmin jien ġbidthom, b’rabtiet ta’ mħabba” (11:4). Minħabba din l-istess imħabba mkasbra, seta’ jgħid: “Daret għalija qalbi, tqanqlet bil-bosta ħnienti” (11:8). Imma dejjem tirbaħ il-ħniena (ara Hos 11:9), li tilħaq l-ogħla espressjoni tagħha fi Kristu, il-kelma aħħarija u dejjiema ta’ mħabba.
101. Fil-Qalb minfuda ta’ Kristu jingħaqdu flimkien, miktuba fuq il-laħam, l-espressjonijiet kollha ta’ mħabba fl-Iskrittura. Mhix imħabba sempliċiment iddikjarata, imma l-kustat miftuħ tiegħu hu għajn ta’ ħajja għal dawk kollha li huma maħbuba, hi dik l-għajn li taqta’ l-għatx tal-poplu tiegħu. Kif għallem San Ġwanni Pawlu II, “għalhekk, l-elementi essenzjali ta’ din id-devozzjoni jappartienu b’mod permanenti lill-ispiritwalità tal-Knisja matul l-istorja tagħha, għax sa mill-bidu l-Knisja xeħtet ħarsitha fuq il-qalb ta’ Kristu minfuda fuq is-salib”.[84]
Kif dwiet il-Kelma fl-istorja
102. Ejjew inħarsu lejn xi effetti li din il-Kelma ta’ Alla ħalliet fl-istorja tal-fidi Nisranija. Diversi Missirijiet tal-Knisja, fuq kollox tal-Asja Minuri, semmew il-ġerħa fil-kustat ta’ Ġesù bħala l-għajn tal-ilma tal-Ispirtu: tal-Kelma, tal-grazzja tiegħu u tas-sagramenti li jwassluha. Il-qawwa tal-martri tgħix mill-“għajn smewwija tal-ilma ħaj li jgelgel mill-ġewwieni ta’ Kristu”,[85] jew, kif jittraduċi Rufinu, mill-“għejun smewwija u eterni li ġejjin mill-ġewwieni ta’ Kristu”.[86] Aħna li nemmnu, li aħna mwielda mill-ġdid mill-Ispirtu, ġejjin minn dik il-qasma fil-blat, “aħna ħriġna minn ħdan Kristu”.[87] Il-kustat miġruħ tiegħu, li aħna ninterpretawh bħala l-qalb tiegħu, hu mimli bl-Ispirtu s-Santu u minnu jasal għandna bħala xmajjar ta’ ilma ħaj: “L-għajn tal-Ispirtu hi kollha kemm hi fi Kristu”.[88] Imma l-Ispirtu li nirċievu ma jbegħedniex mill-Mulej Irxoxt, imma jimliena bih, għax meta nixorbu mill-Ispirtu nkunu nixorbu minn Kristu nnifsu: “Ixrob minn Kristu, għax huwa l-blata li ssawwab l-ilma. Ixrob minn Kristu, għax hu l-għajn tal-ħajja. Ixrob minn Kristu, għax hu x-xmara li l-qawwa tagħha tferraħ il-belt ta’ Alla. Ixrob minn Kristu, għax huwa l-paċi. Ixrob minn Kristu, għax minn ħdanu jnixxi ilma ħaj”.[89]
103. Santu Wistin fetaħ it-triq għad-devozzjoni tal-Qalb Imqaddsa bħala post ta’ laqgħa personali mal-Mulej. Fil-fatt, għalih is-sider ta’ Kristu mhuwiex biss l-għajn tal-grazzja u tas-sagramenti, imma jippersonalizzah, u jippreżentah bħala simbolu tal-għaqda intima ma’ Kristu, bħala post ta’ laqgħa ta’ mħabba. Hemmhekk hemm il-bidu tal-għerf l-aktar prezzjuż, li huwa dak li nagħrfu lilu. Fil-fatt, Santu Wistin jikteb li Ġwanni, il-maħbub, meta fl-Aħħar Ċena mejjel rasu fuq sider Ġesù, resaq lejn il-lok mistur tal-għerf.[90] Hawn ma aħniex quddiem sempliċi kontemplazzjoni intellettwali ta’ verità teoloġika. San Ġirolmu fisser li persuna li kapaċi tikkontempla, “ma tgawdix mill-ġmiel tan-nixxiegħa ta’ ilma, imma tixrob mill-ilma ħaj tal-kustat tal-Mulej”.[91]
104. San Bernard reġa’ qabad dan is-simboliżmu tal-kustat minfud tal-Mulej, u fehmu espliċitament bħala rivelazzjoni u don tal-imħabba tal-Qalb tiegħu. Mill-ġerħa jsir aċċessibbli għalina u nistgħu nagħmlu tagħna l-misteru kbir tal-imħabba u tal-ħniena: “Niġbor għalija mill-ġewwieni tal-Mulej dak li jonqosni, għax hu kotran fil-ħniena, u lanqas huma nieqsa x-xquq li minnhom jista’ jċarċar sa għandi. Taqqbulu jdejh u riġlejh, nifdulu ġenbu bil-lanza, u minn dawn ix-xquq jiena nista’ niġbed l-għasel mill-ġebla u ż-żejt mill-blat iebes tassew, jiġifieri niggosta u nara kemm hu ħelu l-Mulej. […] Il-ħadid ċarrat lil ruħu, u resaq lejn qalbu biex issa ma tistax iżjed ma tagħdirx id-dgħufijiet tiegħi. Mill-ġrieħi tal-ġisem hi miftuħa d-daħla għall-moħba tal-qalb, u jfeġġ dak is-sagrament kbir tat-tjieba, jinkixef il-ġewwieni tal-ħniena ta’ Alla tagħna”.[92]
105. Dan jerġa’ jidher b’mod partikulari f’Guliermu ta’ Saint-Thierry, li jistedinna nidħlu fil-Qalb ta’ Ġesù, li jitmagħna minn ħdanu stess.[93] Ma nistagħġbux b’dan, jekk niftakru li għal dan l-awtur “l-arti ta’ kull arti hija l-arti tal-imħabba. […] L-imħabba hi mqanqla mill-Ħallieq tan-natura […]. L-imħabba hi qawwa tar-ruħ, li tmexxiha b’piż naturali lejn il-post u l-fini li huma tagħha”.[94] U l-post li hu tagħha, fejn l-imħabba ssaltan b’mod sħiħ, huwa l-Qalb ta’ Kristu: “Mulej, fejn teħodhom lil dawk li tħaddan u tross ma’ dirgħajk, jekk mhux fil-qalb tiegħek? Il-qalb tiegħek, Ġesù, hija l-manna ħelwa tad-divinità tiegħek (ara Lhud 9:4), li żżomm fik fil-ġarra tad-deheb tar-ruħ tiegħek, li tmur lil hemm minn kull għerf ieħor. Henjin dawk li t-tħaddina tiegħek twassalhom sa hemm. Henjin dawk li, mgħaddsa f’dan il-fond kollu, int ħbejthom fis-satra tal-qalb tiegħek”.[95]
106. San Bonaventura jiġbor flimkien iż-żewġ linji spiritwali madwar il-Qalb ta’ Kristu: waqt li jippreżentaha bħala għajn tas-sagramenti u tal-grazzja, jipproponi li din il-kontemplazzjoni ssir relazzjoni ta’ ħbiberija, laqgħa personali ta’ mħabba.
107. Minn naħa, jgħinna nagħrfu l-ġmiel tal-grazzja u tas-sagramenti li joħorġu minn dik l-għajn tal-ħajja li hi l-kustat miġruħ tal-Mulej: “Biex mill-kustat ta’ Kristu rieqed fuq is-salib tissawwar il-Knisja u sseħħ l-Iskrittura li tgħid: ‘Huma għad iħarsu lejn min nifdu’, wieħed mis-suldati nifdu b’lanza u fetaħlu l-kustat. U dan kien mogħti mill-providenza divina, biex, hekk kif mill-ġerħa joħorġu demm u ilma, jissawwab ir-rahan tal-fidwa tagħna, li, ħiereġ mill-għajn moħbija tal-qalb, jagħti lis-sagramenti tal-Knisja l-virtujiet li jagħtu l-ħajja tal-grazzja, u jkun għal dawk li jgħixu fi Kristu bħal kalċi mimli mill-għajn ħajja, li tibqa’ tnixxi sal-ħajja ta’ dejjem”.[96]
108. Imbagħad jistedinna nagħmlu pass ieħor, biex l-aċċess għall-grazzja ma jsirx xi ħaġa maġika, xi għamla ta’ emanazzjoni ta’ bixra Neoplatonika, imma relazzjoni diretta ma’ Kristu, li tgħix fil-Qalb tiegħu, għax min jixrob hu ħabib ta’ Kristu, hu qalb li tħobb: “Qum, mela, ruħ ħabiba ta’ Kristu, u kun il-ħamiema li tbejjet fix-xquq tal-blat; kun il-ħuttaf li sab dar u ma jehdiex iħarisha; kun il-gamiema li taħbi l-frieħ tal-imħabba safja tagħha f’dak ix-xaqq l-aktar qaddis”.[97]
It-tixrid tad-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Kristu
109. Ftit ftit, il-kustat miġruħ, fejn tgħammar l-imħabba ta’ Kristu, li minnu mbagħad toħroġ il-ħajja tal-grazzja, ħa l-figura tal-qalb, fuq kollox fil-ħajja monastika. Nafu li matul l-istorja l-kult tal-Qalb ta’ Kristu ma deherx bl-istess mod u li l-aspetti żviluppati fl-epoka moderna, marbuta ma’ diversi esperjenzi spiritwali, ma nistgħux naqilgħuhom u npoġġuhom ħdejn il-forom Medjevali u wisq inqas ħdejn dawk bibliċi li fihom nistgħu nilmħu ż-żerriegħa ta’ dan il-kult. Madankollu, illum il-Knisja ma twarrab xejn mill-ġid li l-Ispirtu s-Santu tana matul is-sekli, fl-għarfien li hu dejjem possibbli nagħrfu tifsira iżjed ċara u sħiħa ta’ xi dettalji tad-devozzjoni, jew nifhmu u nikxfu aspetti ġodda tagħha.
110. Bosta nisa qaddisa rrakkontaw esperjenzi tal-laqgħa tagħhom ma’ Kristu, ikkaratterizzata mill-mistrieħ fil-Qalb tal-Mulej, għajn ta’ ħajja u ta’ paċi interjuri. Dan hu l-każ ta’ Santa Lutgarda, ta’ Santa Matilde ta’ Hackeborn, ta’ Sant’Anġela ta’ Foligno, ta’ Ġuljana ta’ Norwich, fost l-oħrajn. Santa Ġertrude ta’ Helfta, monaka Ċisterċensi, irrakkontat mument ta’ talb li fih hi mejlet rasha fuq il-Qalb ta’ Kristu u setgħet tħoss it-taħbita tagħha. Fi djalogu ma’ San Ġwann l-Evanġelista staqsietu għaliex fl-Evanġelju tiegħu ma kienx tkellem dwar dak li ħass meta kellu l-istess esperjenza. Ġertrude tikkonkludi li “l-ħlewwa ta’ dawn it-taħbitiet kienet irriservata għaż-żminijiet moderni, biex, meta jisimgħuhom, tista’ ġġedded id-dinja li xjaħet u birdet fl-imħabba ta’ Alla”.[98] Nistgħu forsi naħsbu li din hi bxara għal żminijietna, sejħa biex nagħrfu kemm din id-dinja “xjaħet”, u għandha bżonn tifhem il-messaġġ dejjem ġdid tal-imħabba ta’ Kristu? Santa Ġertrude u Santa Matilde kienu meqjusa fost “l-aktar ħbieb intimi tal-Qalb Imqaddsa”.[99]
111. Iċ-Ċertosini, imqawwija fuq kollox minn Ludolfu tas-Sassonja, sabu fid-devozzjoni lejn il-Qalb Imqaddsa triq biex jimlew bl-affezzjoni u bil-qrubija r-relazzjoni tagħhom ma’ Ġesù Kristu. Min jgħaddi mill-ġerħa tal-Qalb tiegħu jitkebbes bl-imħabba. Santa Katarina ta’ Siena kitbet li t-tbatijiet li bata l-Mulej mhumiex xi ħaġa li jista’ jkollna sehem fiha, imma li l-Qalb miftuħa ta’ Kristu hi għalina l-possibbiltà ta’ laqgħa attwali u personali ma’ tant imħabba: “Dan hu li wrejtkom b’ġenbi miftuħ, fejn issibu s-sigriet tal-qalb tiegħi: urejtkom li ħabbejtkom wisq iżjed milli qatt stajt nurikom bit-tbatija li batejt”.[100]
112. Id-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Kristu ftit ftit għaddiet mill-ħajja monastika biex żejnet l-ispiritwalità ta’ tant mgħallma, predikaturi u fundaturi qaddisa ta’ kongregazzjonijiet reliġjużi li xerrduha fil-postijiet l-aktar imbiegħda tad-dinja.[101]
113. Ta’ interess partikulari kienet l-inizjattiva ta’ San Ġwann Eudes, li “wara li flimkien mal-missjunarji tiegħu wettaq missjoni mħeġġa tassew f’Rennes, kiseb mingħand Monsinjur Isqof l-approvazzjoni biex f’dik id-djoċesi tiġi ċċelebrata l-festa tal-Qalb adorabbli ta’ Sidna Ġesù Kristu. Din kienet l-ewwel darba li din il-festa ġiet awtorizzata uffiċjalment fil-Knisja. Wara dan, l-Isqfijiet ta’ Coutances, Evreux, Bayeux, Lisieux u Rouen bejn l-1670 u l-1671 awtorizzaw l-istess festa għad-djoċesijiet rispettivi tagħhom”.[102]
San Franġisk de Sales
114. Fiż-żminijiet moderni ta’ min jinnota l-kontribut ta’ San Franġisk de Sales. Hu spiss ikkontempla l-Qalb miftuħa ta’ Kristu, li tistedinna ngħammru fiha f’relazzjoni personali ta’ mħabba, li fiha jiddawlu l-misteri tal-ħajja. Fil-ħsieb ta’ dan il-qaddis Duttur nistgħu naraw kif, quddiem morali rigorista jew reliġjożità ta’ sempliċi osservanza, il-Qalb ta’ Kristu dehritlu bħala sejħa mill-ġdid għall-fiduċja sħiħa fl-azzjoni misterjuża tal-grazzja tiegħu. Hekk esprimieh dan fil-proposta tiegħu lill-Barunessa ta’ Chantal: “Huwa ċar ħafna għalija li aħna m’aħniex se nibqgħu fina nfusna […] u li għad ngħammru għal dejjem fil-ġenb minfud tal-Feddej; mingħajru, fil-fatt, aħna mhux biss ma nistgħux, imma mqar kieku stajna, ma rridu nagħmlu xejn”.[103]
115. Għalih din id-devozzjoni kienet bogħod sew milli ssir xi għamla ta’ superstizzjoni jew oġġettivizzazzjoni żbaljata tal-grazzja, għax kienet tfisser l-istedina għal relazzjoni personali li fiha kulħadd iħossu uniku quddiem Kristu, magħruf fir-realtà irrepetibbli tiegħu, maħsub minn Kristu u meqjus b’mod dirett u esklussiv: “Din il-qalb l-aktar adorabbli u maħbuba tal-Imgħallem tagħna, imkebbsa bl-imħabba li għandha għalina, qalb li fiha naraw imnaqqxa l-ismijiet kollha tagħna […]. Ċertament hu argument ta’ faraġ kbir il-fatt li aħna maħbuba tant mis-Sinjur Tagħna li jġorrna dejjem fil-Qalb tiegħu”.[104] Dak l-isem imnaqqax sewwasew fuq il-Qalb ta’ Kristu kien il-mod li bih San Franġisk de Sales kien ifittex jissimbolizza sa liema punt l-imħabba ta’ Kristu għal kull wieħed u waħda minna mhix xi ħaġa astratta jew ġenerika, imma timplika personalizzazzjoni li biha min jemmen iħossu vvalorizzat jew rikonoxxut għal dak li hu: “Kemm hu sabiħ dan is-sema issa li l-Feddej sar ix-xemx tiegħu u s-sider tiegħu hu għajn ta’ mħabba li minnha l-henjin jixorbu sa ma jaqtgħu l-għatx. Kull wieħed imur jikkontemplah u jilmaħ miktub, ġo fih, l-isem tiegħu b’karattri ta’ mħabba li l-imħabba biss taf taqra u l-imħabba biss naqqxithom. Aħ, binti, mhux sa jidhru hemm l-ismijiet tagħna? Iva, bla dubju li jidhru, għax imqar jekk il-qalb tagħna ma għandhiex l-imħabba, imma għandha x-xewqa għall-imħabba u l-bidu tal-imħabba”.[105]
116. Hu tant kien iqis din l-esperjenza bħala xi ħaġa fundamentali għal ħajja spiritwali li kien iqiegħed din il-konvinzjoni qalb il-veritajiet kbar tal-fidi: “Iva, binti l-għażiża, hu jaħseb fik, u mhux biss fik, imma mqar fl-inqas xagħra ta’ fuq rasek: hija verità tal-fidi li assolutament ma nistgħux inpoġġu fid-dubju”.[106] Minn hawn joħoroġ li dak li jemmen isir kapaċi jintelaq kompletament fil-Qalb ta’ Kristu, fejn isib il-mistrieħ, il-faraġ u l-qawwa: “O Alla, x’ferħ hu dan li jiena nkun hekk fid-dirgħajn u fuq is-sider [tas-Salvatur]. […] Ibqa’ hekk, binti l-għażiża, u bħal San Ġwann ieħor ċkejken, waqt li l-oħrajn jieklu bosta ikel mill-mejda tas-Salvatur, int, b’fiduċja l-aktar sempliċi, strieħ u mejjel ir-ras tiegħek, ir-ruħ tiegħek, l-ispirtu tiegħek fuq is-sider kollu mħabba tal-Mulej l-għażiż”.[107] “Nittama li bl-ispirtu tiegħek int tinsab fix-xaqq fejn tistkenn il-gamiema u fil-ġenb miftuħ tal-għażiż Feddej tagħna. […] Kemm hu twajjeb dan il-Mulej, għażiża binti! Kemm hi ta’ min iħobbha l-qalb tiegħu! Nibqgħu hemm, f’dik l-għamara mqaddsa”.[108]
117. Madankollu, fidil lejn it-tagħlim tiegħu fuq it-tqaddis fil-ħajja ta’ kuljum, hu ppropona li dan jingħax qalb l-attivitajiet, il-ħidmiet u d-doveri tal-ħajja ta’ kuljum: “Tistaqsuni kif għandhom iġibu ruħhom fl-azzjonijiet kollha tagħhom l-erwieħ li huma miġbuda fit-talb lejn din is-sempliċità mqaddsa u lejn dan l-abbandun perfett f’Alla? Inwieġeb li, mhux biss fit-talb, imma fl-imġiba tal-ħajja kollha tagħhom, għandhom bla dubju ta’ xejn jimxu fi spirtu ta’ sempliċità, abbandun u jagħtu ruħhom kollha, l-azzjonijiet u s-suċċessi kollha tagħhom lir-rieda ta’ Alla, bi mħabba ta’ fiduċja perfetta u assoluta, u jintelqu fil-grazzja u l-kura tal-imħabba eterna li l-Providenza Divina għandha għalihom”.[109]
118. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, meta ġie biex jaħseb f’simbolu li seta’ jiġbor fih il-proposta tiegħu ta’ ħajja spiritwali, hu kkonkluda: “Ħsibt għalhekk, għażiża Madre, jekk taqbel, li għandna nagħżlu bħala stemma tagħna qalb waħda minfuda minn żewġ vleġeġ, imdawra b’kuruna tax-xewk”.[110]
Dikjarazzjoni ġdida ta’ mħabba
119. Kien taħt l-influwenza tajba ta’ din l-ispiritwalità ta’ San Franġisk de Sales li seħħu l-ġrajjiet ta’ Paray-le-Monial fi tmiem is-seklu 17. Santa Margerita Marija Alacoque rrakkontat dehriet importanti li seħħu bejn tmiem Diċembru 1673 u Ġunju 1675. Fundamentalment hi dikjarazzjoni ta’ mħabba li tispikka fl-ewwel dehra kbira. Ġesù jgħid: “Il-Qalb divina tiegħi hi tant appassjonata bl-imħabba għall-bnedmin u għalik b’mod partikulari, li, billi ma tistax iżżomm magħluqa iżjed fiha nfisha l-fjammi tal-Imħabba mħeġġa tagħha, tħoss il-ħtieġa li tqassamhom permezz tiegħek u li turi ruħha lill-bnedmin biex tagħnihom bit-teżori prezzjużi li se nurik”.[111]
120. Santa Margerita Marija tiġbor kollox b’mod qawwi u mħeġġeġ: “Tarrafli l-għeġubijiet ta’ Mħabbtu u s-sigrieti bla qies tal-Qalb Imqaddsa tiegħu, li kien żammli moħbija sa dak il-waqt, li fih hu fetaħhieli għall-ewwel darba. U dan għamlu b’mod hekk reali u sensibbli li ma ħallilix l-iċken dell ta’ dubju”.[112] Fil-manifestazzjonijiet li ġew wara nerġgħu nsibu enfasi fuq il-ġmiel ta’ dan il-messaġġ: “Kixifli l-għeġubijiet bla tarf tal-Imħabba safja tiegħu u sa liema punt dan kien wasslu biex iħobb lill-bnedmin”.[113]
121. Dan l-għarfien intens tal-imħabba ta’ Ġesù li għadditilna Santa Margerita Marija joffrilna stimoli prezzjużi għall-għaqda tagħna miegħu. Dan ma jfissirx li nħossuna obbligati naċċettaw jew nagħmlu tagħna d-dettalji kollha ta’ din il-proposta spiritwali, fejn, kif spiss jiġri, mal-azzjoni divina jitħalltu elementi umani marbuta max-xewqat, mal-preokkupazzjonijiet u mal-immaġni interjuri li jkollu s-suġġett.[114] Din il-proposta għandna nerġgħu naqrawha dejjem fid-dawl tal-Evanġelju u tat-tradizzjoni għanja spiritwali kollha tal-Knisja, waqt li nagħrfu kemm ġid għamlet lil tant aħwa. Dan jippermettilna nagħrfu d-doni tal-Ispirtu s-Santu fi ħdan din l-esperjenza ta’ fidi u ta’ mħabba. Iktar importanti mid-dettalji hi l-qalba tal-messaġġ li qed jiġi mgħoddi lilna u li nistgħu niġbruh f’dawk il-kelmiet li Santa Margerita semgħet: “Araha dik il-Qalb li tant ħabbet lill-bnedemin u li xejn ma żammet għaliha sa ma xxejnet u ntemmet biex turihom Imħabbitha”.[115]
122. Din il-manifestazzjoni hi stedina biex nikbru fil-laqgħa tagħna ma’ Kristu, grazzi għal fiduċja bla riservi, sa ma naslu għall-għaqda sħiħa u dejjiema: “Il-Qalb divina ta’ Ġesù tant titwaħħad ma’ tagħna li tgħix u taħdem biss fina u għalina. Ir-Rieda tagħha […] tista’ taħdem assolutament mingħajr xejn xi jżommha min-naħa tagħna; fl-aħħar nett, l-affezzjonijiet, ix-xewqat, il-ħsibijiet tagħha jieħdu post tagħna, imma fuq kollox l-imħabba tagħha maħbuba minnu stess fina u għalina. U hekk, la dik il-Qalb maħbuba ta’ Ġesù tkun għalina f’kull ħaġa, nistgħu ngħidu ma’ San Pawl li ma ngħixux iżjed aħna, imma li huwa hu li jgħix fina”.[116]
123. Fil-fatt, fl-ewwel messaġġ li rċiviet, hi ppreżentat din l-esperjenza b’mod iżjed personali, iżjed konkret, mimli nar u ħlewwa: “Talabni qalbi u jiena tkarrabtlu biex jeħodha. Ħadha u poġġieha fil-Qalb adorabbli tiegħu, li fiha wrihieli bħal atomu ċkejken, jintemm f’dak il-forn jikwi”.[117]
124. F’punt ieħor ninnotaw li Dak li jingħata għalina hu Kristu Rxoxt, mimli glorja, mimli ħajja u dawl. Imqar jekk f’diversi mumenti jitkellem fuq it-tbatijiet li ġarrab għalina u fuq l-ingratitudni li jirċievi, hawn mhumiex id-demm u l-ġrieħi tat-tbatija li jispikkaw, imma d-dawl u n-nar tal-Ħaj. Il-ġrieħi tal-Passjoni, li ma jgħibux, jiġu ttrasfigurati. Hekk, il-Misteru tal-Għid jidher hawn b’mod sħiħ: ‘Darba, […] waqt li kien espost is-Sagrament Imqaddes, […] Ġesù Kristu, l-Imgħallem ħelu tiegħi, deherli kollu dija tal-glorja bil-ħames pjagi tiegħu jgħammxu bħal ħamest ixmux. Minn kull naħa ta’ dik l-Umanità qaddisa kienu ħerġin fjammi, imma fuq kollox mis-sider adorabbli tiegħu, li kien jixbah forn jaqbad. Wara li rajtu, urieni l-Qalb tiegħu kollha mħabba, għajn ħajja ta’ dawk il-fjammi. Kien hawn li hu wrieni l-għeġubijiet bla tarf tal-Imħabba safja tiegħu u sa liema punt wasslitu biex iħobb lill-bnedmin, li mingħandhom imbagħad ma rċiviex lura ħlief ingratitudni u indifferenza”.[118]
San Klawdju de La Colombière
125. Meta San Klawdju de La Colombière sar jaf bl-esperjenzi ta’ Santa Margerita, minnufih sar difensur tagħhom u fittex li jxerridhom. Hu kellu rwol speċjali fl-għarfien u fit-tixrid ta’ din id-devozzjoni lejn il-Qalb Imqaddsa, imma anki fl-interpretazzjoni tagħha fid-dawl tal-Evanġelju.
126. Waqt li xi espressjonijiet ta’ Santa Margerita, jekk jinftiehmu ħażin, jistgħu jwassluna biex nafdaw iżżejjed fis-sagrifiċċji tagħna u fl-offerti tagħna, San Klawdju jurina li l-kontemplazzjoni tal-Qalb ta’ Kristu, jekk tkun awtentika, ma tqanqalniex biex noqogħdu nieħdu pjaċir bina nfusna jew għal vanaglorja fl-esperjenzi jew fl-isforzi umani, imma għal abbandun bla tarf fi Kristu li jimla l-ħajja bil-paċi, bis-sigurtà, bid-determinazzjoni. Hu esprima tajjeb ħafna din il-fiduċja assoluta f’talba famuża:
“Ngħid għalija, o Alla tiegħi, jiena wisq persważ li inti tgħasses fuq dawk kollha li jittamaw fik, u li ma jista’ jonqoshom xejn, meta jittamaw kollox minnek. Għalhekk jiena determinat li ngħix il-ġejjieni mingħajr ebda tħassib, u li nixħet f’riġlejk l-inkwiet kollu tiegħi […]. Qatt mhu se nitlef din it-tama, se nżommha ħajja fija sal-aħħar mument ta’ ħajti; u x-xjaten kollha tal-infern għalxejn jitħabtu dakinhar biex jaħtfuhieli […]. Ħa jistenna ħaddieħor il-ferħ tiegħu mill-għana jew mill-intelliġenza; ħa jafda ħaddieħor fl-innoċenza tal-ħajja tiegħu jew fir-rigorożità tal-penitenza tiegħu, jew fil-kotra ta’ karità tiegħu, jew fil-ħerqa tat-talb tiegħu […]. Għalija, Mulej, il-fiduċja kollha tiegħi tinsab fik biss. Din il-fiduċja qatt ma qarrqet b’ħadd […]. Nista’ għalhekk nibqa’ fiż-żgur li se nkun għal dejjem hieni, għax nittama fis-sod li nkun hekk u għax huwa int, o Alla tiegħi, int dak li minnu nittamah”.[119]
127. San Klawdju kiteb nota f’Jannar 1677, li fil-bidu tagħha hemm ftit linji li jirriferu għaċ-ċertezza li kien iħoss dwar il-missjoni tiegħu: “Għaraft li Alla riedni naqdih billi nfittex li nwettaq ix-xewqat tiegħu dwar id-devozzjoni li hu ssuġġerixxa lil persuna li magħha jikkomunika b’mod kunfidenzjali, u li għall-ġid tagħha ried jinqeda bid-dgħufija tiegħi; diġà nebbaħt biha lil ħafna persuni”.[120]
128. Importanti ninnotaw kif, fl-ispiritwalità ta’ La Colombière, hemm sintesi sabiħa bejn l-esperjenza spiritwali għanja u sabiħa ta’ Santa Margerita u l-kontemplazzjoni konkreta ħafna tal-Eżerċizzi Injazjani. Huwa kiteb hekk fil-bidu tat-Tielet Ġimgħa tax-xahar tal-Eżerċizzi: “Żewġ affarijiet qanqluni bil-kbir. L-ewwel waħda hi d-dispożizzjoni li biha Ġesù wera ruħu lil dawk li fittxuh. Il-Qalb tiegħu hi mgħaddsa fi mrar tal-biża’; il-passjonijiet qliel kollha jqumu kontrih, in-natura kollha maqluba ta’ taħt fuq, u qalb dan it-taħwid kollu, dawk it-tentazzjonijiet kollha, il-Qalb iddur direttament lejn Alla; ma tibqax lura milli tieħu n-naħa li tissuġġerilha l-virtù u l-ogħla virtù. It-tieni ħaġa hi l-imġiba ta’ din l-istess Qalb quddiem Ġuda li ttradieh, quddiem l-Appostli li abbandunawh b’mod viljakk, quddiem is-saċerdoti u quddiem l-awturi l-oħra tal-persekuzzjoni li għaliha kellu joqgħod; dan kollu ma kienx kapaċi jqanqal fih l-iċken sentiment ta’ mibegħda jew ta’ korla. Nersaq, għalhekk, lejn din il-Qalb bla ebda korla, bla qilla, mimlija b’vera ħlewwa lejn l-għedewwa tiegħu”.[121]
San Charles de Foucauld u Santa Tereża tal-Bambin Ġesù
129. San Charles de Foucauld u Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, bla ma kellhom din il-pretensjoni, reġgħu għaġnu xi elementi tad-devozzjoni tal-Qalb ta’ Kristu, u għenuna nifhmuha b’mod iżjed fidil lejn l-Evanġelju. Ħa naraw issa kif din id-devozzjoni esprimiet ruħha fil-ħajja tagħhom. Fil-kapitlu li jmiss nerġgħu lura għalihom biex nuru l-oriġinalità tad-dimensjoni missjunarja li t-tnejn li huma żviluppaw, b’modi differenti.
Iesus Caritas
130. F’Louye, San Charles de Foucauld għamel żjara lis-Santissmu Sagrament flimkien ma’ kuġina tiegħu, Madame de Bondy, u jum wieħed hi wrietu xbieha tal-Qalb Imqaddsa.[122] Din il-kuġina kienet fundamentali fil-konverżjoni ta’ Karlu, kif hu stess ammetta: “Billi Alla t-twajjeb għamlek l-ewwel strument tal-ħniena tiegħu miegħi, din ġejja kollha minnek: li kieku ma kkonvertejtnix int, u ma reġġajtnix lura għand Ġesù, kieku ma għallimtnix ftit ftit, kważi kelma b’kelma, x’inhu tajjeb u qaddis, illum kont ħa nkun fejn jien?”.[123] Imma dak li hi qanqlet fih kien proprju l-għarfien imħeġġeġ tal-imħabba ta’ Ġesù. Kollox kien hemm, din kienet l-aktar ħaġa importanti. U dan kien idur partikularment madwar id-devozzjoni tal-Qalb ta’ Kristu, fejn hu kien isib ħniena bla tarf: “Nittamaw fil-ħniena bla qies ta’ Dak li int urejtni l-Qalb Imqaddsa tiegħu”.[124]
131. Wara dan, id-direttur spiritwali tiegħu, Dun Henri Huvelin, għenu jinżel aktar fil-fond ta’ dan il-misteru prezzjuż: “Din il-Qalb imbierka li dwarha int kont tkellimna tant spiss”.[125] Fis-6 ta’ Ġunju 1889, Karlu kkonsagra ruħu lill-Qalb Imqaddsa, li fiha kien isib imħabba assoluta. Lil Kristu jgħidlu: “Tant imlejtni b’ġid li jidhirli li nkun ingrat lejn il-qalb tiegħek jekk ma nemminx li hija pronta biex timlieni b’kull ġid, hu kemm hu kbir, u li l-imħabba tiegħek kif ukoll il-ġenerożità tiegħek huma bla qies”.[126] Hu kellu jkun l-eremita “bl-isem tal-Qalb Imqaddsa”.[127]
132. Fis-17 ta’ Mejju 1906, l-istess jum li fih Fratel Karlu, waħdu, ma setax jiċċelebra iktar il-quddiesa, kiteb din il-wegħda: “Inħalli tgħix fija l-Qalb ta’ Ġesù sakemm ma nibqax iżjed jien li ngħix, imma l-Qalb ta’ Ġesù li tgħix fija, kif għexet f’Nazaret”.[128] Il-ħbiberija tiegħu ma’ Ġesù, qalb ma’ qalb, ma kellha xejn mid-devozzjonaliżmu intimistiku. Kienet l-għerq ta’ dik il-ħajja mneżżgħa ta’ Nazaret li biha Karlu ried jixbah lil Kristu u jitwaħħad miegħu. Din id-devozzjoni ħelwa lejn il-Qalb ta’ Kristu kellha konsegwenzi konkreti ħafna fuq l-istil ta’ ħajtu u n-Nazaret tiegħu kienet titmantna minn din ir-relazzjoni personali ħafna mal-Qalb ta’ Kristu.
Santa Tereża tal-Bambin Ġesù
133. Bħal San Charles de Foucauld, Santa Tereża tal-Bambin Ġesù gawdiet mid-devozzjoni enormi li kien hemm fi Franza tas-seklu 19. Is-saċerdot Almire Pichon kien id-direttur spiritwali tal-familja tagħha u kien meqjus appostlu kbir tal-Qalb Imqaddsa. Waħda minn ħutha ħadet l-isem reliġjuż ta’ “Marija tal-Qalb Imqaddsa”, u l-monasteru li fih daħlet il-Qaddisa kien iddedikat lill-Qalb Imqaddsa. Madankollu, id-devozzjoni tagħha libset xi karatteristiċi partikulari għaliha, lil hemm mix-xejriet li fihom kienet tesprimi ruħha fl-epoka.
134. Meta kellha ħmistax-il sena, sabet mod kif tiġbor fil-qosor ir-relazzjoni tagħha ma’ Ġesù: “Dak li Qalbu tħabbat flimkien ma’ tiegħi”.[129] Sentejn wara, meta kellmuha fuq Qalb inkurunata bix-xewk, żiedet hekk f’ittra: “Int taf li jien ma narax lill-Qalb Imqaddsa bħalma jaraha kulħadd. Jien nemmen li l-Qalb tal-Għarus tiegħi hija tiegħi biss, bħalma tiegħi hija tiegħu biss; għalhekk, jien inkellmu fis-solitudni ta’ din il-qalb ma’ qalb kollha għaxqa, waqt li noqgħod nistenna li ’l quddiem nikkontemplah wiċċ imb wiċċ”.[130]
135. F’poeżija hija esprimiet is-sens tad-devozzjoni tagħha, aktar magħmula minn ħbiberija u fiduċja, milli sserraħ fuq is-sagrifiċċji tagħha:
“Neħtieġ qalb taqbad u tħeġġeġ bil-ħlewwa,
li tibqa’ għal dejjem tiegħi r-rifda qawwija
li fija kollox, sal-istess dgħufija, tħobb…
u li lejl u nhar qatt ma titlaqni […].
Jeħtieġ ikolli xi Alla li bniedem bħali jsir
u ħija jkun li bħali wkoll ibati jista’ […].
Aħ! Jien naf tajjeb, il-ġustizzja tagħna
f’għajnejk ebda siwi ma għandha […].
Għalhekk, bħala purgatorju tiegħi nagħżel
in-nar iħeġġeġ ta’ mħabbtek, o Qalb ta’ Alla tiegħi!”.[131]
136. Forsi l-aktar test importanti biex nistgħu nifhmu t-tifsira tad-devozzjoni tagħha lejn il-Qalb ta’ Kristu hu l-ittra li kitbet, tliet xhur qabel ma mietet, lill-ħabib tagħha Maurice Bellière: “Meta nara lill-Maddalena riesqa lejn l-Imgħallem meqjum quddiem il-mistednin kollha, u taħsillu riġlejh bid-dmugħ tagħha, waqt li tmissu għall-ewwel darba, inħoss li qalbha fehmet il-kobor għammieq tal-imħabba u l-ħniena tal-Qalb ta’ Ġesù, u, għalkemm il-midinba li kienet, il-Qalb kollha mħabba mhux biss kienet imħejjija li taħfrilha, iżda wkoll li titfa’ fuqha b’id miftuħa l-barkiet tal-intimità divina u terfagħha sal-ogħla qċaċet tal-kontemplazzjoni. Aħ! Għażiż Ħija ċkejken, minn meta kienet mogħtija lili l-grazzja li nifhem ukoll l-imħabba tal-Qalb ta’ Ġesù, nammetti li din il-grazzja keċċiet kull biża’ minn qalbi. It-tifkira ta’ ħtijieti tumiljani u twassalni biex qatt ma noqgħod fuq il-qawwa tiegħi li mhix ħlief dgħufija; imma din it-tifkira lili tkellimni aktar u aktar fuq ħniena u mħabba”.[132]
137. L-imħuħ moralistiċi, li jippretendu li jistgħu jikkontrollaw il-ħniena u l-grazzja, aktarx jirraġunaw li hi setgħet tgħid dan għax kienet qaddisa, imma li wieħed midneb ma jistax jgħid dan. Meta jagħmlu hekk, ikunu jisirqu lill-ispiritwalità ta’ Tereża min-novità sabiħa tagħha li tirrifletti l-qalba tal-Evanġelju. B’xorti ħażina, saret frekwenti f’xi ambjenti Nsara din il-fehma li nagħlqu lill-Ispirtu s-Santu fi skema li tippermettilna li jkollna kollox taħt is-superviżjoni tagħna. Madankollu, din id-Duttur għaref tal-Knisja tgiddibhom u teħodha direttament kontra din l-interpetazzjoni fqira b’dawn il-kelmiet ċari ħafna: “Li kieku wettaqt id-dnubiet kollha li jistgħu jaħsbu fihom, jien xorta waħda kien ikolli l-istess fiduċja, u kont inħoss li dan il-ħażen ta’ kull xorta kien ikun bħal qatra ilma mitfugħ f’forn ta’ nar l-aktar qawwi”.[133]
138. Lil Swor Marija, li kienet tfaħħarha għall-imħabba ġeneruża tagħha lejn Alla, lesta wkoll għall-martirju, tweġibha fit-tul f’ittra li llum hi waħda mill-akbar mumenti tal-istorja tal-ispiritwalità. Din il-paġna messna naqrawha ħafna drabi tant kemm hi profonda, ċara u sabiħa. Fiha hi tgħin lil oħtha “tal-Qalb Imqaddsa” biex ma tikkonċentrax id-devozzjoni tagħha fuq aspett ta’ dwejjaq, billi xi wħud kien jifhmu r-riparazzjoni bħala xi għamla ta’ primat tas-sagrifiċċji jew ta’ twettiq moralistiku. Imma hi tiġbor kollox fil-fiduċja bħala l-aħjar offerta, mogħġuba mill-Qalb ta’ Kristu: “Ix-xewqat tiegħi għall-martirju ma huma xejn; mhumiex huma li jagħtuni l-fiduċja bla limiti li nħoss f’qalbi. Biex ngħid is-sewwa, l-għana spiritwali huwa dak li jagħmel lil wieħed mhux ġust, meta jaħseb li jista’ jistrieħ fuqu fi kwiet tal-qalb u li dan ikun xi ħaġa kbira. […] Dak li jogħġbu huwa li hu jarani nħobb iċ-ċokon u l-faqar tiegħi, u t-tama għamja li għandi fil-ħniena tiegħu. Dan huwa t-teżor waħdieni tiegħi. […] Jekk trid tħossok ferħana, u jkollok ġibda għat-tbatija, huwa faraġ tiegħek li tkun qiegħda tfittex dan. […] Ifhem li biex tħobb lil Ġesù, biex tkun il-vittma tiegħu ta’ mħabba, aktar ma tkun dgħajfa, bla xewqat u bla virtù, aktar tkun tajba biex din l-Imħabba li teqred u tibdel kollox fiha taħdem fik! […] O! Kemm nixtieq inkun nista’ nasal biex infiehmek dak li nħoss fija jien! Hija l-fiduċja, u xejn aktar ħlief il-fiduċja, li għandha twassalna lejn l-imħabba”.[134]
139. F’ħafna mit-testi tagħha ninnotaw it-taqbida tagħha kontra xejriet ta’ spiritwalità wisq ikkonċentrati fuq l-isforz uman, fuq il-mertu personali, fuq l-offerta tas-sagrifiċċji, fuq affarijiet partikulari li nwettqu biex “nirħbu l-ġenna”. Għaliha, “il-mertu ma jinstabx filli tagħmel ħafna jew tagħti ħafna, iżda iktar filli tirċievi ħafna, tħobb ħafna”.[135] Naqraw mill-ġdid xi testi sinifikattivi ħafna li fihom tisħaq fuq din it-triq, li hi mod sempliċi u ħafif kif naslu għand il-Mulej permezz tal-qalb.
140. Hekk tikteb lil oħtha Léonie: “Niżgurak li Alla l-Imbierek hu ħafna aħjar minn kemm taħseb int: jikkuntenta ruħu b’ħarsa, b’nifs ta’ mħabba. Ngħid għalija, inħossha faċli ħafna ngħix il-perfezzjoni, għax fhimt li ma għandi bżonn nagħmel xejn ħlief niggranfa mal-qalb ta’ Ġesù! Int ħares lejn tfajjel, li għadu kemm weġġa’ l-qalb ta’ ommu. […] Jekk bi tbissima jnewlilha d-dirgħajn ċkejkna tiegħu u jgħidilha: ‘Għannaqni, ma nerġax’, tista’ forsi ommu ma trossux ma’ qalbha bil-ħlewwa u tinsa n-nuqqasijiet tiegħu ta’ tfajjel? Madankollu, hi taf tajjeb li ċ-ċkejken għażiż tagħha jerġa’ jagħmilha mal-ewwel okkażjoni, imma ma jimpurtahiex: jekk hu jerġa’ jfittex il-qalb tagħha, qatt ma jiġi kkastigat”.[136]
141. F’ittra oħra lil Patri Adolphe Roulland, tgħidlu: “Triqti hija kollha fiduċja u mħabba. Jien ma nifhimx lil dawk l-erwieħ li jibżgħu minn Ħabib hekk ħelu. Xi drabi, meta nkun qiegħda naqra xi trattati spiritwali li juru l-perfezzjoni permezz ta’ elf xkiel u mdawra b’għadd kbir ta’ illużjonijiet, l-imsejken moħħ żgħir tiegħi malajr jegħja; nagħlaq il-ktieb tal-għorrief li jkissirli rasi u jnixxifli qalbi, u naqbad f’idejja l-Iskrittura Mqaddsa. Imbagħad, kollox jidhirli mimli dawl; kelma waħda biss tikxef lil ruħi orizzonti bla tarf, il-perfezzjoni tidhirli sempliċi, u nara li huwa biżżejjed li wieħed jagħraf ix-xejn tiegħu u jintelaq f’dirgħajn Alla bħal tifel ċkejken”.[137]
142. U lir-Reverendu Maurice Bellière, dwar wieħed ġenitur tgħidlu: “Ma nemminx li l-qalb tal-missier hieni tkun tista’ tibqa’ iebsa quddiem din il-fiduċja filjali ta’ ibnu, li mħabbtu u s-sinċerità tiegħu huma magħrufa minnu. B’danakollu, hu jaf li ibnu aktar minn darba kien se jerġa’ jaqa’ fl-istess nuqqasijiet, imma huwa dejjem lest li jaħfirlu, jekk ibnu jagħraf dejjem jieħdu min-naħa tal-qalb”.[138]
Riżonanzi fil-Kumpanija ta’ Ġesù
143. Rajna kif San Klawdju de La Colombière rabat l-esperjenza spiritwali ta’ Santa Margerita mal-proposta tal-Eżerċizzi spiritwali. Nemmen li jixraq insemmu fil-qosor il-post tal-Qalb Imqaddsa fl-istorja tal-Kumpanija ta’ Ġesù.
144. L-ispiritwalità tal-Kumpanija ta’ Ġesù dejjem ipproponiet “li nsiru nafu intimament lill-Mulej biex aktar inħobbuh u nimxu warajh”.[139] Sant’Injazju jistedinna, fl-Eżerċizzi spiritwali tiegħu, biex noqogħdu quddiem l-Evanġelju li jgħidilna li “nifdulu [lil Ġesù] ġenbu bil-lanza u minnu ħareġ ilma u demm”.[140] Meta min jagħmel l-Eżerċizzi jsib ruħu quddiem il-kustat minfud ta’ Kristu, Injazju jipproponilu li jidħol fil-Qalb ta’ Kristu. Din hija triq biex nimmaturaw il-qalb tagħna bl-għajnuna ta’ “mgħallem tal-affezzjonijiet”, skont l-espressjoni li juża San Pietru Favre f’waħda mill-ittri tiegħu lil Sant’Injazju.[141] Anki Patri Juan Alfonso de Polanco jitkellem fuq hekk fil-bijografija tiegħu ta’ Sant’Injazju: “[Il-Kardinal Contarini] għaraf li f’Patri Injazju kien sab mgħallem tal-affezzjonijiet”.[142] Il-kollokji li jipproponi Sant’Injazju huma parti essenzjali minn din l-edukazzjoni tal-qalb, għax inħossu u niggustaw bil-qalb tagħna messaġġ tal-Evanġelju u nitkellmu dwaru mal-Mulej. Sant’Injazju jgħid li lill-Mulej nistgħu ngħidulu bil-ħwejjeġ tagħna u nitolbuh parir dwarhom. Kull min jagħmel l-Eżerċizzi jista’ jintebaħ li fihom hemm djalogu bejn żewġt iqlub.
145. Sant’Injazju jagħlaq il-kontemplazzjonijiet tiegħu f’riġlejn il-Kurċifiss, bi stedina lil min jagħmel l-Eżerċizzi biex idur bi mħabba kbira fuq Kristu Msallab u jistaqsih, “bħalma ħabib ikellem ħabib ieħor, jew qaddej lil sidu”, x’għandu jagħmel għalih.[143] Il-mixja tal-Eżerċizzi tilħaq il-qofol tagħha fil-“Kontemplazzjoni biex naslu għall-imħabba”, li minnhom joħorġu r-radd il-ħajr u l-offerta ta’ “memorja, intellett u rieda” lill-Qalb li hi għajn u bidu ta’ kull ġid.[144] Dan l-għarfien interjuri tal-Mulej ma nibnuhx bil-ħiliet tagħna jew l-isforzi tagħna, imma nitolbuh b’don.
146. Din l-istess esperjenza hija l-bażi ta’ katina twila ta’ saċerdoti Ġiżwiti li għamlu riferiment espliċitu għall-Qalb ta’ Ġesù, bħal San Franġisk Borgia, San Pietru Favre, Sant’Alfonz Rodriguez, Patri Álvarez de Paz, Patri Vincenzo Carafa, Patri Kasper Drużbicki u tant oħrajn. Fl-1883 il-Ġiżwiti ddikjaraw li “l-Kumpanija ta’ Ġesù taċċetta u tilqa’ bi spirtu mfawwar bil-ferħ u l-gratitudni, il-piż ħelu tassew fdat lilha minn Sidna Ġesù Kristu li tipprattika, tippromovi u xxerred id-devozzjoni lejn il-Qalb l-aktar divina tiegħu”.[145] F’Diċembru 1871, Patri Pieter Jan Beckx ikkonsagra l-Kumpanija lill-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù u, b’xhieda tal-fatt li għadu sal-lum element tal-ħajja tal-Kumpanija, Patri Pedro Arrupe għamel hekk mill-ġdid fl-1972, b’konvinzjoni li tesprimi ruħha f’dawn il-kelmiet: “Irrid ngħid lill-Kumpanija xi ħaġa li nħoss li ma għandhiex tiskot. Sa min-novizzjat tiegħi, dejjem kont konvint li dik li aħna nsejħulha ‘Devozzjoni tal-Qalb Imqaddsa’ tiġbor fiha espressjoni simbolika tal-qalba l-aktar profonda tal-ispirtu Injazjan, u effikaċja straordinarja – ultra quam speraverint – kemm għall-perfezzjoni tagħna u kemm għall-frott appostoliku tagħna. Għad għandi din l-istess konvinzjoni. […] F’din id-devozzjoni nsib waħda mill-għejun l-aktar b’saħħithom tal-ħajja interjuri tiegħi”.[146]
147. Meta San Ġwanni Pawlu II stieden lill-“membri kollha tal-Kumpanija biex jippromovu b’żelu ikbar din id-devozzjoni li twieġeb iżjed minn qatt qabel għax-xewqat ta’ żminijietna”, dan għamlu għaliex għaraf ir-rabtiet intimi bejn id-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Kristu u l-ispiritwalità Injazjana, ladarba “x-xewqa li ‘nagħrfu intimament lill-Mulej’ u li ‘nżommu djalogu’ miegħu, qalb ma’ qalb, grazzi għall-Eżerċizzi spiritwali hi karatteristika tad-dinamiżmu spiritwali u appostoliku Injazjan, totalment għas-servizz tal-imħabba tal-Qalb ta’ Alla”.[147]
Kurrent twil ta’ ħajja interjuri
148. Id-devozzjoni tal-Qalb ta’ Kristu terġa’ tidher fil-mixja spiritwali ta’ ħafna qaddisin differenti sew minn xulxin, u f’kull wieħed u waħda minnhom din id-devozzjoni tilbes aspetti ġodda. San Vinċenz de Paul, biex nagħtu eżempju wieħed, kien jgħid li dak li Alla jrid huwa l-qalb: “Alla jitlobna qabelxejn il-qalb, il-qalb: din hi l-ħaġa prinċipali. Għaliex min ma għandu xejn jista’ jkollu iktar merti minn min għandu ġid kbir x’jiċċaħħad minnu? Għax min ma għandu xejn imur għandu b’aktar imħabba; u dan hu li Alla jrid b’mod għalkollox partikulari”.[148] Dan iwassalna biex naċċettaw li l-qalb tagħna tintrabat ma’ dik ta’ Kristu: “Soru li tagħmel kulma tista’ biex tħejji qalbha għall-għaqda ma’ dik tas-Sinjur Tagħna […] liema barkiet ma tirċevix mingħand Alla!”.[149]
149. Xi drabi aħna ttentati nqisu dan il-misteru ta’ mħabba bħala fatt ta’ min jammirah mill-imgħoddi, bħal spiritwalità sabiħa minn żminijiet oħra, imma rridu niftakru dejjem mill-ġdid, kif kien jgħid missjunarju qaddis, li “din il-Qalb divina li ħalliet li tiġi minfuda minn lanza tal-għadu biex setgħet issawwab minn dik il-fetħa qaddisa s-Sagramenti, mnejn ġiet imsawra l-Knisja, xorta waħda ma waqfitx tħobb”.[150] Qaddisin oħra iktar riċenti, bħal San Piju ta’ Pietrelcina, Santa Tereża ta’ Calcutta u ħafna oħrajn, jitkellmu b’devozzjoni ħerqana dwar il-Qalb ta’ Kristu. Imma rrid infakkar ukoll l-esperjenzi ta’ Santa Fawstina Kowalska, li jerġgħu jipproponu d-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Kristu b’aċċent qawwi fuq il-ħajja glorjuża tal-Irxoxt u fuq il-ħniena divina. Fil-fatt, imqanqal minn dawn l-esperjenzi tal-qaddisa u l-wirt spiritwali tal-Isqof San Józef Sebastian Pelczar (1842-1924),[151] San Ġwanni Pawlu II rabat b’mod qawwi r-riflessjoni tiegħu fuq il-ħniena mad-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Kristu: “Il-Knisja b’mod speċjali tidher li qiegħda tistqarr il-ħniena ta’ Alla u tqimha meta tħares lejn il-Qalb ta’ Kristu. Hu proprju dan it-tqarrib lejn Kristu fil-misteru tal-Qalb tiegħu li jgħinna nieqfu fuq dan il-ħsieb […] tar-rivelazzjoni tal-imħabba kollha ħniena tal-Missier, rivelazzjoni li kienet il-qofol tal-missjoni messjanika tal-Iben ta’ Alla”.[152] L-istess San Ġwanni Pawlu II, meta jirriferi għall-Qalb Imqaddsa, irrikonoxxa b’mod tassew personali: “Lili laqtitni sa minn meta kont għadni żagħżugħ”.[153]
150. L-attwalità tad-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Kristu hi partikularment evidenti fil-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni u edukazzjoni ta’ għadd kbir ta’ kongregazzjonijiet reliġjużi femminili u maskili li sa mill-bidu tagħhom kienu mmarkati minn din l-esperjenza spiritwali Kristoloġika. Li kellna nsemmuhom kollha ma konna nispiċċaw qatt. Ħa naraw biss żewġ eżempji li qbadna minn hawn u minn hemm: “Il-Fundatur [San Daniele Comboni] sab fil-misteru tal-Qalb ta’ Ġesù l-qawwa fit-tħabrik missjunarju tiegħu”.[154] “Imqanqla mill-imħabba tal-Qalb ta’ Ġesù, infittxu li nseddqu l-persuni fid-dinjità umana tagħhom u bħala wlied Alla, mibnija fuq l-Evanġelju u fuq l-esiġenzi tiegħu ta’ mħabba, ta’ maħfra, ta’ ġustizzja u ta’ solidarjetà mal-foqra u mal-imwarrbin”.[155] Bl-istess mod, is-Santwarji kkonsagrati lill-Qalb ta’ Kristu, imxerrda mad-dinja, huma għajn attraenti ta’ spiritwalità u ħeġġa. Lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor għandhom sehem minn dawn l-imkejjen ta’ fidi u ta’ mħabba nagħtihom il-barka tiegħi.
Id-devozzjoni tal-faraġ
151. Il-ġerħa tal-kustat, li minnha jgelgel l-ilma ħaj, tibqa’ miftuħa fl-Irxoxt. Din il-ġerħa kbira magħmula mil-lanza u l-pjagi tal-kuruna tax-xewk, li spiss jidhru fir-rappreżentazzjonijiet tal-Qalb Imqaddsa, ma tistax tifridhom minn din id-devozzjoni. Fil-fatt, fihom nikkontemplaw l-imħabba ta’ Ġesù li kien kapaċi jingħata sal-aħħar. Il-qalb tal-Irxoxt iżżomm fiha dawn is-sinjali tal-għotja sħiħa tagħha nfisha, li magħha ġabet tbatija kbira, għall-imħabba tagħna. Għaldaqstant hu b’xi mod inevitabbli li min jemmen, jixxennaq li jwieġeb mhux biss għal din l-imħabba kbira, imma anki għat-tbatija li Kristu aċċetta li jġarrab għal tant imħabba.
Miegħu fuq is-Salib
152. Ta’ min nerġgħu nikrupraw din l-espressjoni tal-esperjenza spiritwali li kibret madwar il-Qalb ta’ Kristu: ix-xewqa interjuri li nfarrġuh. Hawn mhux se nitkellem fuq il-prattika tar-“riparazzjoni”, li naraha toqgħod aktar fil-kuntest tad-dimensjoni soċjali ta’ din id-devozzjoni u li se niżviluppa fil-kapitlu li jmiss. Hawn irrid nikkonċentra biss fuq dik ix-xewqa li spiss twarrad fil-qalb ta’ min jemmen u hu nnamrat, meta jikkontempla l-misteru tal-Passjoni ta’ Kristu u jgħixu bħala misteru li mhux biss jiġi mfakkar, imma li bi grazzja jsir preżenti, jew aħjar, iwassalna biex inkunu mistikament preżenti għal dak il-mument feddej. Jekk l-iżjed importanti hu l-Maħbub, kif allura ma rridux infarrġuh?
153. Il-Papa Piju XI fittex li jagħti bażi għal din l-esperjenza billi stedinna nagħrfu li l-misteru tal-Fidwa permezz tal-Passjoni ta’ Kristu jmur lil hemm, bi grazzja ta’ Alla, minn kull distanza ta’ żmien u ta’ spazju, hekk li kif hu fuq is-Salib ingħata anki għad-dnubiet futuri, id-dnubiet tagħna, bl-istess mod l-għemejjel tagħna offruti llum għall-faraġ tiegħu, imorru lil hemm miż-żminijiet, u jilħqu l-Qalb minfuda tiegħu: “Jekk minħabba d-dnubiet tagħna wkoll fil-futur, imma previsti, ir-ruħ ta’ Ġesù tnikktet għall-mewt, ma għandniex niddubitaw li ma ħassitx anki xi faraġ sa minn dak il-ħin meta rat ir-riparazzjoni tagħna, xħin lilu “deherlu anġlu mis-sema” (Lq 22:43) biex ifarraġ il-qalb tiegħu magħfusa min-niket u mit-tbatija. U hekk anki issa b’mod tal-għaġeb imma veru, aħna nistgħu u għandna nfarrġu dik il-Qalb Imqaddsa kontinwament miġruħa mid-dnubiet tal-bnedmin ingrati”.[156]
Ir-raġunijiet tal-qalb
154. Jista’ jidher li din l-espressjoni ta’ devozzjoni ma għandhiex biżżejjed bażi teoloġika, imma fir-realtà l-qalb għandha r-raġunijiet tagħha. Is-sensus fidelium iħoss li hawnhekk hawn xi ħaġa misterjuża li tmur lil hemm mil-loġika umana, u li l-Passjoni ta’ Kristu mhix sempliċi fatt tal-passat: fiha nistgħu nipparteċipaw bil-fidi. Il-meditazzjoni tal-għotja li Kristu għamel tiegħu nnifsu fuq is-salib, għad-devozzjoni tal-fidili hi xi ħaġa ikbar minn sempliċi tifkira. Din il-konvinzjoni hi msejsa b’mod b’saħħtu fit-teoloġija.[157] Ma’ dan inżidu l-għarfien tad-dnub tagħna, li hu refa’ fuq spallejh miġruħa, u tan-nuqqas ta’ ħila tagħna quddiem tant imħabba, li dejjem tgħaddina fil-wisa’.
155. Hu x’inhu, aħna nistaqsu kif inhu possibbli nidħlu f’relazzjoni ma’ Kristu ħaj, irxoxt, hieni għalkollox u, fl-istess waqt, infarrġuh fil-Passjoni. Inqisu l-fatt li l-Qalb irxuxtata xorta ġġorr fiha l-ġerħa tagħha bħala memorja kontinwa u li l-azzjoni tal-grazzja tqanqal esperjenza li mhix għalkollox miżmuma fil-mument kronoloġiku. Dawn iż-żewġ konvinzjonijiet jippermettulna nammettu li qegħdin quddiem triq mistika li tmur lil hemm mit-tentattivi tar-raġuni u tesprimi dak li l-istess Kelma ta’ Alla tissuġġerilna. “Imma”, jikteb il-Papa Piju XI, “kif jista’ jingħad li Kristu jsaltan hieni fis-Sema, jekk jista’ jiġi mfarraġ minn dawn l-atti ta’ riparazzjoni? ‘Agħtini ruħ li tħobb, u tifhem dak li qed ngħid’ (In Ioannis evangelium, XXVI, 4), inwieġbu bi kliem Wistin, li jgħodd sewwasew għal dak li qed ngħidu. Fil-fatt, kull ruħ tabilħaqq imkebbsa fl-imħabba ta’ Alla, jekk bil-ħsieb tagħha tqis żmien l-imgħoddi, xħin timmedita hija tara u tikkontempla lil Ġesù jbati għall-bniedem, maħqur, qalb l-eħrex tbatijiet, ‘għalina l-bnedmin u għall-fidwa tagħna’, kważi mifni min-niket, mill-uġigħ u mill-moħqrijiet, anzi “misħuq minħabba fi dnubietna” (Iż 53:3), u qed ifejjaqna bil-ġrieħi tiegħu. B’verità wisq akbar l-erwieħ qaddisa jimmeditaw dawn il-ħwejjeġ, għax id-dnubiet u l-ħażen tal-bnedmin, saru meta saru, kienu l-kawża li għaliha l-Iben ta’ Alla ġie mogħti għall-mewt”.[158]
156. Dan it-tagħlim ta’ Piju XI għandna nżommuh quddiem għajnejna. Fil-fatt, meta l-Iskrittura tistqarr li dawk li jemmnu u ma jgħixux skont il-fidi tagħhom “bl-istess imġiba tagħhom, jerġgħu jsallbu lill-Iben ta’ Alla” (Lhud 6:6), u li meta nġarrab it-tbatijiet għall-oħrajn “jiena ntemm f’ġismi dak li jonqos mit-tbatijiet ta’ Kristu” (Kol 1:24), jew li Kristu fil-Passjoni tiegħu talab mhux biss għad-dixxipli tiegħu ta’ dakinhar, imma “wkoll għal dawk li għad jemmnu fih bis-saħħa tal-kelma tagħhom” (ara Ġw 17:20), qed tgħid xi ħaġa li tkisser l-iskemi limitati tagħna. Qed turina li mhux possibbli nistabbilixxu qabel jew wara mingħajr ebda rabta bejniethom, imqar jekk il-ħsieb tagħna ma jafx kif jispjegah dan. L-Evanġelju, fid-diversi aspetti tiegħu, mhux biss xi ħaġa biex nirriflettu fuqha jew niftakruha, imma biex ngħixuha, kemm fl-opri tal-imħabba u kemm fl-esperjenzi interjuri, u dan jgħodd fuq kollox għall-misteru tal-mewt u tal-qawmien ta’ Kristu. Is-separazzjonijiet temporali li l-moħħ tagħna jinqeda bihom ma jidhirx li jistgħu jħaddnu fihom il-verità ta’ din l-esperjenza tal-fidi li fuqha mibnija l-għaqda ma’ Kristu fit-tbatija u fl-istess waqt il-qawwa, il-faraġ u l-ħbiberija li ngawdu mal-Irxoxt.
157. Ejjew inħarsu mela lejn l-għaqda tal-Misteru tal-Għid, fiż-żewġ aspetti tagħha li ma jistgħux jinfirdu minn xulxin u jdawlu lil xulxin. Dan il-Misteru wieħed, li jsir preżenti bi grazzja fiż-żewġ dimensjonijiet tiegħu, jippermetti li waqt li nfittxu li noffru xi ħaġa lil Kristu biex infarrġuh, l-istess tbatijiet tagħna jiġu mdawla u ttrasfigurati mid-dawl Paskwali tal-imħabba. Li jiġri hu li nkunu nieħdu sehem f’dan il-Misteru fil-ħajja konkreta tagħna, għax qabilna Kristu stess ried jieħu sehem fil-ħajja tagħna, ried jgħix minn qabel bħala ras dak li kellu jgħix il-ġisem ekkleżjali tiegħu, tant fil-ġrieħi daqskemm fil-faraġ. Meta ngħixu fil-grazzja ta’ Alla, din il-parteċipazzjoni reċiproka ssir esperjenza spiritwali. Bla dubju, huwa l-Irxoxt li, bl-għemil tal-grazzja tiegħu, jagħmilha possibbli li ningħaqdu misterjożament mal-Passjoni tiegħu. Dan jafuh il-qlub ta’ dawk li jemmnu u li jgħixu l-ferħ tal-qawmien, imma fl-istess waqt jixtiequ jieħdu sehem fid-destin tal-Mulej tagħhom. Huma lesti għal din il-parteċipazzjoni bit-tbatijiet, it-taħbit u l-għeja, id-delużjonijiet u l-biżgħat li jagħmlu parti minn ħajjithom. Ma jgħixux dan il-Misteru waħidhom, għax dawn il-ġrieħi huma daqstant ieħor parteċipazzjoni fid-destin tal-ġisem mistiku ta’ Kristu li jterraq fil-poplu qaddis ta’ Alla u li jġorr fih id-destin ta’ Kristu f’kull żmien u post tal-istorja. Id-devozzjoni tal-faraġ mhix xi ħaġa maqlugħa barra mill-istorja jew astratta, imma titlaħħam fil-mixja tal-Knisja.
Is-sogħba
158. Ix-xewqa insopportabbli li nfarrġu lil Kristu, li titlaq mit-tbatija li nħossu aħna u nikkontemplaw dak li hu bata għalina, titrejjaq ukoll bl-għarfien sinċier tal-jasar li mixħutin fih, tar-rabtiet żejda, tan-nuqqas ta’ ferħ fil-fidi, tat-tiftix fieragħ u, lil hemm mid-dnubiet konkreti, tan-nuqqas ta’ korrispondenza tal-qalb mal-imħabba tiegħu u mal-pjanijiet tiegħu għalina. Hija esperjenza li ssaffina, għax l-imħabba għandha bżonn tat-tisfija tad-dmugħ li fl-aħħar iħalluna iktar bil-għatx ta’ Alla u inqas ossessjonati bina nfusna.
159. Hekk naraw li iktar ma tkun qawwija x-xewqa li nfarrġu lill-Mulej, iktar tinżel fil-fond is-sogħba tal-qalb ta’ min jemmen, li “mhix sens ta’ ħtija li jixħitna mal-art, mhijiex skruplu li jipparalizza, imma niggieża ta’ ġid li jaħraq ġo fina u jfejjaqna, għax il-qalb, meta tara l-ħażen tagħha u tintebaħ li hi midinba, tinfetaħ, tilqa’ l-għemil tal-Ispirtu s-Santu, ilma ħaj li jċaqlaqha u joħorġilha d-dmugħ fuq ħaddejha […]. Dan mhux biex noqogħdu nibku lilna nfusna, kif spiss inkunu ttentati nagħmlu. […] Imma li jkollok dmugħ ta’ sogħba jfisser li jiddispjaċik serjament li nikkitt lil Alla bid-dnub; ifisser nagħrfu li aħna dejjem midjuna u qatt minn fuq […]. Bħalma qatra tħaffer ġebla, hekk id-dmugħ ftit ftit iħaffer il-qlub li bbiesu. B’dan il-mod nassistu għall-miraklu tan-niket, tan-niket it-tajjeb li jwassal għall-ħlewwa […]. Is-sogħba mhijiex frott ix-xogħol tagħna, imma hi grazzja u bħala tali rridu nitolbuha fit-talb”.[159] Hi li nitolbu li jkollna “n-niket ma’ Kristu abbandunat, it-turment ma’ Kristu tturmentat, id-dmugħ, sogħba qawwija għat-tbatija kbira li Kristu bata għalija”.[160]
160. Nitlob, għalhekk, li ħadd ma jiżżuffjetta bl-espressjonijiet ta’ ħeġġa fil-fidi tal-poplu qaddis u fidil ta’ Alla, li fil-pjetà popolari tiegħu jfittex kif ħa jfarraġ lil Kristu. U nistieden lil kull wieħed u waħda biex jistaqsi lilu nnifsu jekk hemmx iktar razzjonalità, iktar verità u iktar għerf f’ċerti manifestazzjonijiet ta’ din l-imħabba li tfittex kif tfarraġ lill-Mulej, milli fl-atti ta’ mħabba kiesħa, distanti, ikkalkulati u minimi li kapaċi nagħmlu aħna li nippretendu li għandna fidi iżjed riflessiva, ikkultivata u matura.
Imfarrġa biex infarrġu
161. F’din il-kontemplazzjoni tal-Qalb ta’ Kristu li ngħata sal-aħħar għalina aħna nirċievu l-faraġ. Id-diqa li nħossu f’qalbna tagħmel wisa’ għal fiduċja sħiħa, u fl-aħħar dak li jibqa’ hu gratitudni, ħlewwa, paċi; tibqa’ l-imħabba tiegħu li ssaltan fil-ħajja tagħna. Is-sogħba “ma tqanqalx diqa, imma tħaffef ir-ruħ mit-toqol tagħha, għax taġixxi fil-ġerħa tad-dnub, u tiddisponina biex proprju hemm nirċievu ż-żegħila tal-Mulej”.[161] U t-tbatija tagħna tingħaqad ma’ dik ta’ Kristu fuq is-salib, għax meta ngħidu li bil-grazzja nistgħu negħlbu d-distanzi kollha, dan ifisser anki li Kristu, meta bata, ingħaqad mat-tbatijiet kollha tad-dixxipli tiegħu tul l-istorja. Hekk, jekk inbatu, nistgħu nħossu l-faraġ interjuri li nagħrfu li Kristu nnifsu qed ibati magħna. Mixtieqa li nfarrġuh, niġu mfarrġin aħna.
162. Imma f’ċertu punt f’din il-kontemplazzjoni tal-qalb ta’ min jemmen, trid tidwi dik is-sejħa drammatika tal-Mulej: “Farrġu, farrġu l-poplu tiegħi” (Iż 40:1). U jerġgħu lura fi ħsiebna l-kelmiet ta’ San Pawl, li jfakkarna li Alla jfarraġna “biex aħna, permezz tal-faraġ li bih Alla jfarraġ lilna, inkunu nistgħu nfarrġu lil dawk kollha li jinsabu f’kull xorta ta’ hemm” (2 Kor 1:4).
163. Dan jistedinna issa biex infittxu ninżlu fil-fond tad-dimensjoni komunitarja, soċjali u missjunarja ta’ kull devozzjoni awtentika lejn il-Qalb ta’ Kristu. Fil-fatt, fl-istess mument li fih il-Qalb ta’ Kristu twassalna għand il-Missier, hi tibgħatna għand ħutna. Fil-frott tas-servizz, il-fraternità u l-missjoni li l-Qalb ta’ Kristu tkattar fina, isseħħ ir-rieda tal-Missier. Hekk iċ-ċirku jingħalaq: “Din hi l-glorja ta’ Missieri, li intom tagħmlu ħafna frott” (Ġw 15:8).
V.
MINN IMĦABBA GĦAL IMĦABBA
164. Fl-esperjenzi spiritwali ta’ Santa Margerita Marija, flimkien mad-dikjarazzjoni mħeġġa ta’ mħabba ta’ Ġesù, insibu wkoll sejħa interjuri li ssejħilna nagħtu ħajjitna. Jekk nafu li aħna maħbuba u npoġġu l-fiduċja kollha tagħna f’din l-imħabba, dan ma jfissirx li nikkanċellaw il-ħiliet kollha tagħna li ningħataw, ma jimplikax li nagħlqu l-bieb għal dik ix-xewqa, li ma nistgħux nidfnu, li nagħtu xi tweġiba bil-ħiliet żgħar u limitati tagħna.
Lamentazzjoni u karba
165. Sa mit-tieni manifestazzjoni kbira lil Santa Margerita, Ġesù jesprimi n-niket tiegħu li l-imħabba kbira tiegħu għall-bnedmin “ma rċivietx lura ħlief ingratitudni u indifferenza”, “bruda u rifjut”. “Dan”, jgħid il-Mulej, “iġagħalni nbati iżjed minn dak kollu li batejt fil-Passjoni tiegħi”.[162]
166. Ġesù jitkellem fuq l-għatx tiegħu għall-imħabba, u jurina li l-Qalb tiegħu mhix indifferenti għar-reazzjoni tagħna għax-xewqa tiegħu: “Għandi l-għatx, għatx hekk ħerqan li li niġi maħbub mill-bnedmin fis-Santissmu Sagrament, li qed jikkonsmani. U safrattant ma nsib lil ħadd li, kif nixtieq jien, jipprova jaqtagħli l-għatx billi jwieġeb għal imħabbti”.[163] It-talba ta’ Ġesù hi li jkun maħbub. Meta l-qalb li temmen, tiskropiha, it-tweġiba li toħroġ spontanjament mhijiex xi tiftixa peżanti ta’ sagrifiċċji jew is-sempliċi twettiq ta’ xi dmir tqil, imma kwistjoni ta’ mħabba: “Irċivejt mingħand Alla tiegħi grazzji straordinarji ta’ Mħabbtu; ħassejtni mqanqla mix-xewqa li npattilu lura u li nagħtih imħabba bi tweġiba għall-imħabba”.[164] Hekk jgħallem Ljun XIII, meta jikteb li, permezz tax-xbieha tal-Qalb Imqaddsa, l-imħabba ta’ Kristu “tqanqalna biex għall-imħabba nwieġbu bl-imħabba”.[165]
Inwessgħu mħabbtu f’ħutna
167. Jeħtieġ nerġgħu lura għall-Kelma ta’ Alla biex nagħrfu li l-aħjar tweġiba għall-imħabba tal-Qalb tiegħu hi l-imħabba għal ħutna; ma hemmx ġest ikbar li nistgħu noffrulu biex inwieġbu għall-imħabba bl-imħabba. Il-Kelma ta’ Alla dan tgħidu b’ċarezza sħiħa:
“Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40).
“Il-Liġi kollha tinġabar f’liġi waħda: ‘Ħobb lil għajrek bħalek innifsek” (Gal 5:14).
“Nafu li għaddejna mill-mewt għall-ħajja; dan nafuh għax inħobbu lil ħutna; min ma jħobbx jinsab fil-mewt” (1 Ġw 3:14).
“Min ma jħobbx lil ħuh li jara, kif jista’ jħobb lil Alla li hu qatt ma rah?” (1 Ġw 4:20).
168. L-imħabba tal-aħwa ma nġibuhiex minn żniedna, mhijiex ir-riżultat ta’ sforz naturali tagħna, imma titlob bidla tal-qalb egoista tagħna. Allura tinbet b’mod spontanju din it-talba magħrufa: “Ġesù, agħmel li l-qalb tagħna tkun tixbah lil tiegħek”. Għall-istess raġuni, l-istedina ta’ San Pawl ma kinitx: “Tħabtu biex tagħmlu opri tajba”. L-istedina tiegħu kienet sewwasew: “Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù” (Fil 2:5).
169. Tajjeb niftakru li fl-Imperu Ruman ħafna foqra, barranin u tant persuni oħra mwarrba kienu jsibu fl-Insara rispett, imħabba u għożża. Dan ifisser ir-raġunament tal-Imperatur apostata Ġuljanu, li kien jistaqsi għaliex l-Insara kienu daqshekk irrispettati u mfittxija, u kien iżomm li waħda mir-raġunijiet kienet l-impenn tagħhom biex jgħinu lill-foqra u l-barranin, ladarba l-Imperu kien jinjorahom u jiskterrahhom. Għal dan l-imperatur kien intollerabbli li l-foqra tiegħu ma jirċevux għajnuna min-naħa tiegħu, waqt li mbagħad l-Insara mibgħuda tant “jitimgħu lil tagħhom, u lil tagħna wkoll”.[166] F’ittra huwa jitkellem fuq kollox fuq l-ordni li joħloq istituzzjonijiet ta’ għajnuna biex jikkompeti mal-Insara u jiġbed lejh ir-rispett tas-soċjetà: “Iftaħ f’kull belt diversi akkomodazzjonijiet, biex il-barranin jistgħu jgawdu mill-umanità tagħna. […] Darri lill-Griegi fl-opri ta’ ġid”.[167] Imma hu ma rnexxilux jilħaq l-għan tiegħu, bla dubju għaliex wara dawn l-opri ma kienx hemm l-imħabba Nisranija, li kienet tippermetti li tiġi magħrufa d-dinjità unika ta’ kull persuna.
170. Ġesù identifika ruħu maż-żgħar nett fis-soċjetà (ara Mt 25:31-46), u hekk “introduċa l-karattru ġdid tal-għarfien tad-dinjità ta’ kull persuna, u anki u fuq kollox ta’ dawk il-persuni li kienu meqjusa ‘indenji’. Dan il-prinċipju ġdid fl-istorja umana, fejn il-bniedem, aktar ma hu dgħajjef, fqir u batut, sal-punt li jitlef l-istess ‘figura’ umana, aktar hu ‘denn’ ta’ rispett u ta’ mħabba, biddel il-wiċċ tad-dinja, u welled istituzzjonijiet li jieħdu ħsieb tal-persuni li jsibu ruħhom f’qagħdiet imwiegħra: it-trabi tat-twelid abbandunati, l-iltiema, l-anzjani mitluqa waħidhom, il-morda mentali, il-persuni milquta minn mardiet li ma hemmx fejqan għalihom jew bi sfigurazzjonijiet gravi, dawk li jgħixu fit-triq”.[168]
171. Anki mill-perspettiva tal-ġerħa tal-Qalb tiegħu, jekk inħarsu lejn il-Mulej, li “rafa’ fuqu d-dgħufija tagħna, u tgħabba bil-mard tagħna” (Mt 8:17), jgħinna nagħtu iktar attenzjoni lit-tbatijiet u lill-ħtiġijiet tal-oħrajn, jagħmilna iktar b’saħħitna biex nistgħu nieħdu sehem fl-opra tiegħu ta’ ħelsien, bħala strumenti għat-tixrid ta’ mħabbtu.[169] Jekk nikkontemplaw l-għotja li Kristu għamel tiegħu nnifsu għal kulħadd, ma nistgħux naħarbu mill-mistoqsija għaliex m’aħniex kapaċi nagħtu ħajjitna għall-oħrajn: “B’dan naslu biex nagħrfu x’inhi l-imħabba: li Ġesù Kristu ta ħajtu għalina. Aħna wkoll mela għandna nagħtu ħajjitna għall-aħwa” (1 Ġw 3:16).
Xi sejħat mill-istorja tal-ispiritwalità
172. Din l-għaqda bejn id-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Ġesù u l-impenn b’risq l-aħwa narawha fl-istorja tal-ispiritwalità Nisranija. Ħa naraw xi eżempji.
Inkunu għajn għall-oħrajn
173. Ibda minn Oriġene, diversi Missirijiet tal-Knisja interpretaw it-test ta’ Ġwanni 7:38 – “minnu joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj” – bħala riferiment għal dak stess li jemmen, imqar jekk hu l-konsegwenza tal-fatt li hu stess xorob minn Kristu. Hekk l-għaqda ma’ Kristu timmira mhux biss biex taqta’ l-għatx tagħna, imma wkoll biex tagħmilna għajn ta’ ilma frisk għall-oħrajn. Oriġene kien jgħid li Kristu jwettaq il-wegħda tiegħu u jagħmel li minna joħorġu għejun ta’ ilma: “Ir-ruħ tal-bniedem, li hu xbieha ta’ Alla, tista’ ġġorr fiha u tipproduċi minnha bjar, għejun u xmajjar”.[170]
174. Sant’Ambroġ kien tal-parir li nixorbu minn Kristu “sakemm toktor fik l-għajn tal-ilma li jnixxi għall-ħajja ta’ dejjem”.[171] U Mario Vittorino kien isostni li l-Ispirtu s-Santu jingħata b’kotra hekk kbira li “min jirċevih isir ġuf li jsawwab xmajjar ta’ ilma ħaj”.[172] Santu Wistin kien jgħid li din ix-xmara li tgelgel minn min jemmen hija t-tjieba.[173] San Tumas ta’ Aquino saħaq fuq din l-idea u qal li meta xi ħadd “iħaffef iqassam lill-oħrajn il-bosta doni tal-grazzja li rċieva mingħand Alla, minn ħdanu jgelgel ilma ħaj”.[174]
175. Fil-fatt, jekk “is-sagrifiċċju tas-Salib, offrut b’ruħ kollha mħabba u ubbidjenti, jagħmel tajjeb b’mod kotran u bla tarf għall-ħtijiet tal-ġeneru uman”,[175] il-Knisja, li titwieled mill-Qalb ta’ Kristu, ittawwal u tikkomunika f’kull żmien u f’kull post l-effetti tal-Passjoni waħda li fdietna, li jmexxu lill-persuni lejn l-għaqda diretta mal-Mulej.
176. Fi ħdan il-Knisja, il-medjazzjoni ta’ Marija, omm li tinterċedi għalina, nistgħu nifhmuha biss bħala “sehem mill-medjazzjoni waħdanija ta’ Kristu”,[176] il-Feddej waħdieni, u “l-Knisja ma żżommx lura milli tistqarr din il-funzjoni subordinata ta’ Marija”.[177] Fil-fatt, id-devozzjoni lejn il-qalb ta’ Marija ma trid tisraq xejn mill-adorazzjoni waħdanija li tixraq lill-Qalb ta’ Kristu, imma tħeġġeġ għaliha: “Is-sehem ta’ Marija bħala omm bl-ebda mod ma jdallam jew inaqqas il-medjazzjoni ta’ Kristu, iżda juri kemm hi qawwija”.[178] Grazzi għall-għajn immensa li tgelgel mill-kustat miftuħ ta’ Kristu, il-Knisja, Marija u dawk kollha li jemmnu, b’modi differenti, isiru kanali ta’ ilma ħaj. B’dan il-mod Kristu nnifsu jxerred il-glorja tiegħu fiċ-ċokon tagħna.
Fraternità u mistika
177. San Bernard, waqt li jistedinna biex ningħaqdu mal-Qalb ta’ Kristu, inqeda bl-għana ta’ din id-devozzjoni biex jipproponi bidla ta’ ħajja msejsa fuq l-imħabba. Hu kien tal-fehma li hi possibbli bidla tal-affettività, li l-pjaċiri jassru taħthom, u li ma neħilsuhiex bl-ubbidjenza għamja lejn xi kmand, imma fi tweġiba għall-ħlewwa tal-imħabba ta’ Kristu. Il-ħażen jintrebaħ bit-tajjeb, il-ħażen jintrebaħ billi nikbru fl-imħabba: “Ħobb mela lill-Mulej Alla tiegħek bl-imħabba kollha ta’ qalbek, ħobbu bl-attenzjoni kollha u l-għożża tar-raġuni, ħobbu mbagħad bil-qawwa kollha tiegħek; la tibżax tmut għall-imħabba tiegħu […]. Il-Mulej Ġesù jkun twajjeb u ħelu għall-imħabba tiegħek, kontra l-ħajriet pjaċevoli imma li jirvinawk tal-ħajja tal-ġisem; il-ħlewwa tegħleb il-ħlewwa, kif musmar itajjar musmar ieħor”.[179]
178. San Franġisk de Sales kien iħalli ddawlu fuq kollox it-talba ta’ Ġesù: “Tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11:29). B’dan il-mod, kien jgħid, bil-ħwejjeġ l-aktar sempliċi u ordinarji nisirqu qalb il-Mulej: “Ikun kuntent bina biss jekk naraw li naqduh tajjeb fil-ħwejjeġ importanti u li jispikkaw bħal fil-ħwejjeġ żgħar u bla sinifikat; kemm b’tal-ewwel u kemm b’tat-tieni, nistgħu nisirqulu qalbu […]. Il-ġesti ċkejknin ta’ kuljum ta’ karità, xi uġigħ ta’ ras, uġigħ ħafif, stramberija tar-raġel jew tal-mara, vażun imkisser, xi fastidju, wiċċ imkerrah, it-telfa ta’ ingwanta, ta’ ċurkett, ta’ maktur; dak l-isforz ċkejken biex immorru norqdu ftit aktar kmieni filgħaxija u nqumu fil-ħin filgħodu biex nitolbu, biex nitqarbnu; dik il-mistħija ċkejkna li nħossu meta nagħmlu xi att ta’ devozzjoni fil-pubbliku; biex naqtagħha fil-qasir, il-kuntrarji kollha żgħar li naċċettaw u nħaddnu bi mħabba jagħtu pjaċir bla qies lit-Tjieba divina”.[180] Imma, bla dubju ta’ xejn, il-muftieħ tat-tweġiba tagħna għall-imħabba tal-Qalb ta’ Kristu hu l-imħabba għall-proxxmu: “imħabba stabbli, kostanti, immutabbli, li ma tiqafx fuq l-affarijiet iż-żgħar, lanqas fuq il-kwalità jew il-kundizzjoni tal-persuni, mhijiex suġġetta għal bidliet jew antipatiji. […] Il-Mulej tagħna jħobbna bla waqfien, jissaporti d-difetti tagħna kif ukoll l-imperfezzjonijiet tagħna; mela jeħtieġ nagħmlu l-istess fil-konfront ta’ ħutna, bla qatt nixbgħu nissaportuhom”.[181]
179. San Charles de Foucauld ried jixbah lil Ġesù, jgħix bħalu, iġib ruħu bħalu, jagħmel dejjem dak li Ġesù kien jagħmel kieku kien floku. Biex iwettaq dan l-għan b’mod sħiħ, kellu bżonn jitwaħħad mas-sentimenti tal-Qalb ta’ Kristu. Hekk tidher għal darb’oħra l-espressjoni “imħabba għall-imħabba”, meta jgħid: “Għandi xewqa nbati biex inpattilu bl-imħabba għall-imħabba; […] biex nieħu sehem fil-ħidma tiegħu, noffri ruħi miegħu, minkejja li ma jien xejn, bħala sagrifiċċju, bħala vittma, għat-tqaddis tal-bnedmin”.[182] Ix-xewqa li jwassal l-imħabba ta’ Ġesù, it-tħabrik missjunarju tiegħu fost l-iktar foqra u minsija tal-art, wassluh biex jagħżel bħala motto Iesus Caritas, bis-simbolu tal-Qalb ta’ Kristu b’salib fuqha.[183] Ma kinitx xi deċiżjoni superfiċjali: “Bil-qawwa kollha tiegħi rrid nuri, nipprova lil dawk l-aħwa foqra li tilfu t-triq, li r-reliġjon tagħna hi kollha mħabba, kollha fraternità, li l-emblema tagħha hi Qalb”.[184] U x-xewqa tiegħu kienet li flimkien ma’ aħwa oħra jmur joqgħod “il-Marokk f’isem il-Qalb ta’ Ġesù”.[185] Hekk l-opra tagħhom ta’ evanġelizzazzjoni ssir dawl għall-oħrajn: “L-imħabba għandha tiddi mill-fraternità, kif tiddi mill-qalb ta’ Ġesù”.[186] Din ix-xewqa għamlitu ftit ftit ħu kulħadd, għax, waqt li ħalla l-Qalb ta’ Kristu tagħġnu fiha, xtaq jilqa’ fil-qalb fraterna tiegħu l-umanità kollha fit-tbatija: “Il-qalb tagħna, bħal dik tal-Knisja, bħal dik ta’ Ġesù, għandha tħaddan fiha lill-bnedmin kollha”.[187] “L-imħabba tal-Qalb ta’ Ġesù għall-bnedmin, din l-imħabba li hu juri fil-Passjoni tiegħu, araw, din li għandu jkollna għall-bnedmin kollha”.[188]
180. Dun Huvelin, direttur spiritwali ta’ San Charles de Foucauld, kien jgħid li “meta s-Sinjur tagħna jgħammar f’qalb, jagħtiha dawn is-sentimenti, u din il-qalb titbaxxa lejn iċ-ċkejknin. Hekk kienet id-dispożizzjoni tal-qalb ta’ Vinċenz de Paul. […] Meta s-Sinjur tagħna jgħammar fir-ruħ ta’ saċerdot, jagħtiha inklinazzjoni għall-foqra”.[189] Importanti ninnutaw kif din il-ħajja mogħtija ta’ San Vinċenz, li Dun Huvelin fisser, ukoll kienet imseddqa mid-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Kristu. Vinċenz kien jistieden lin-nies biex jisiltu “mill-qalb tal-Mulej tagħna xi kelma ta’ faraġ għall-imsejken marid”.[190] Biex dan iseħħ, hemm bżonn li l-qalb ta’ dak li jkun tiġi mibdula mill-imħabba u mill-ħlewwa tal-Qalb ta’ Kristu, u San Vinċenz kien itenni ħafna din il-konvinzjoni fil-prietki tiegħu u fil-pariri li jagħti, tant li għamilha element li jispikka fil-Kostituzzjonijiet tal-Kongregazzjoni tiegħu: “Kulħadd iħabrek kemm jista’ biex jitgħallem din il-lezzjoni li għallimna Ġesù: ‘Tgħallmu minni, għax jiena ta’ qalb ħelwa u umli’; u jżomm f’moħħu li, kif jgħid Hu stess, bil-ħlewwa tal-qalb ikollna b’wirtna l-art, għax bil-prattika ta’ din il-virtù nirbħu l-qlub tal-bnedmin biex indawruhom lejn Alla, ħaġa li ma jistax jikseb min iġib ruħu mal-proxxmu b’mod iebes u aħrax”.[191]
Ir-riparazzjoni: nibnu fuq it-tifrik
181. Dan kollu jippermettilna nifhmu, fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla, x’tifsira għandna nagħtu lir-“riparazzjoni” offruta lill-Qalb ta’ Kristu, x’jistenna tassew il-Mulej li aħna npattulu bl-għajnuna tal-grazzja tiegħu. Intqal ħafna dwar dan, imma San Ġwanni Pawlu II offra tweġiba ċara biex jorjenta lilna l-Insara tal-lum lejn spirtu ta’ riparazzjoni iżjed f’sintonija mal-Evanġelju.
Tifsira soċjali tar-riparazzjoni lill-Qalb ta’ Kristu
182. San Ġwanni Pawlu II fisser li, jekk flimkien noffru lilna nfusna lill-Qalb ta’ Kristu, “fuq it-tifrik miġmugħ mill-mibegħda u mill-vjolenza, tista’ tinbena ċ-ċiviltà tal-imħabba tant mixtieqa, is-saltna tal-qalb ta’ Kristu”; dan ċertament jimplika li jkollna l-ħila “ngħaqqdu mal-imħabba ta’ wlied lejn Alla, l-imħabba tal-proxxmu”; għalhekk, “din hi l-vera riparazzjoni mitluba mill-Qalb tal-Feddej”.[192] Flimkien ma’ Kristu, fuq it-tifrik li aħna nħallu f’din id-dinja bid-dnub tagħna, aħna msejħin nibnu ċiviltà ġdida tal-imħabba. Dan ifisser li nagħmlu riparazzjoni kif tistenna minna l-Qalb ta’ Kristu. Qalb id-diżastru li jħalli l-ħażen, il-Qalb ta’ Kristu riedet li tiġi bżonn tal-kollaborazzjoni tagħna biex nibnu mill-ġdid it-tajjeb u s-sabiħ.
183. Hi ħaġa ċerta li kull dnub jagħmel ħsara lill-Knisja u lis-soċjetà, u għalhekk “kull dnub għandu […] il-karattru ta’ dnub soċjali”, anki jekk dan jgħodd fuq kollox għal xi dnubiet li “minħabba l-istess oġġett tagħhom, huma vjolenza diretta kontra l-proxxmu”.[193] San Ġwanni Pawlu II fisser li r-ripetizzjoni ta’ dawn id-dnubiet kontra l-oħrajn tispiċċa ħafna drabi biex issaħħaħ “struttura ta’ dnub” li tħalli effett fuq l-iżvilupp tal-popli.[194] Dak spiss jagħmel parti minn mentalità dominanti li tqis normali jew razzjonali dak li fir-realtà hu biss egoiżmu u indifferenza. Dan il-fenomenu nistgħu nsejħulu aljenazzjoni soċjali: “Hi aljenata s-soċjetà li, fl-għamliet tagħha ta’ organizzazzjoni soċjali, ta’ produzzjoni u ta’ konsum, tagħmel iktar diffiċli t-twettiq ta’ dan id-don u l-bini ta’ din is-solidarjetà bejn il-bnedmin”.[195] Mhijiex biss norma morali dik li twassalna biex nieqfu kontra dawn l-istrutturi soċjali aljenati, biex nikxfu l-qerq tagħhom u biex inġibu dinamiżmu soċjali li jerġa’ jfittex u jibni t-tajjeb, imma hija l-istess “konverżjoni tal-qalb” li “timponi l-obbligu”[196] li nsewwu strutturi bħal dawn. Hija t-tweġiba tagħna għall-Qalb ta’ Ġesù Kristu li tħobbna u tgħallimna nħobbu.
184. Proprju għax ir-riparazzjoni evanġelika fiha sinifikat qawwi soċjali, l-għemejjel tagħna ta’ mħabba, ta’ qadi, ta’ rikonċiljazzjoni, biex ikunu tassew ta’ riparazzjoni, iridu jkunu mħeġġin u mmotivati minn Kristu, irid ikun hu li jagħmilhom possibbli. Mill-ġdid San Ġwanni Pawlu II kien jgħid li biex tibni ċ-ċiviltà tal-imħabba l-umanità tal-lum għandha bżonn tal-Qalb ta’ Kristu.[197] Ir-riparazzjoni Nisranija ma nistgħux nifhmuha biss bħala ġabra ta’ opri minn barra, li xorta waħda huma indispensabbli u xi drabi ammirevoli. Din tesiġi spiritwalità, ruħ, sens li jagħtuha qawwa, enerġija u kreattività bla heda. Għandha bżonn tal-ħajja, tan-nar u tad-dawl li jiġu mill-Qalb ta’ Kristu.
Insewwu l-qlub midruba
185. Mill-bqija, riparazzjoni li ssir biss minn barra mhix biżżejjed la għad-dinja u lanqas għall-Qalb ta’ Kristu. Jekk kull wieħed u waħda jaħseb fid-dnubiet tiegħu u fil-konsegwenzi tiegħu fuq l-oħrajn, jiskopri li t-tpattija għall-ħsara li tkun saret lil din id-dinja timplika anki x-xewqa li jsewwi l-qlub midruba, fejn saret l-ikbar ħsara, l-iktar ġerħa li tuġa’.
186. Spirtu ta’ riparazzjoni “jistedinna nittamaw li kull ġerħa tista’ titfejjaq, anki jekk hi fonda. Riparazzjoni sħiħa xi drabi tidher impossibbli, meta ġid jew persuni għeżież ikunu ntilfu għalkollox jew meta ċerti istituzzjonijiet ikunu saru irriversibbli. Imma l-intenzjoni li nsewwu u li nagħmlu dan konkretement hi essenzjali għall-proċess ta’ rikonċiljazzjoni u għar-ritorn tal-paċi fil-qalb”.[198]
Is-sabiħ li nitolbu maħfra
187. L-intenzjoni tajba mhix biżżejjed; huwa indipensabbli dinamiżmu interjuri ta’ xewqa li tqanqal konsegwenzi esterni. Sostanzjalment, “ir-riparazzjoni, biex tkun Nisranija, biex tmiss il-qalb tal-persuna li ġiet offiża u ma tkunx biss sempliċi att ta’ ġustizzja komutattiva, tippresupponi żewġ atteġġjamenti impenjattivi: li nagħrfu li aħna ħatja u li nitolbu maħfra. […] Huwa minn dan l-għarfien onest tad-deni li nkunu għamilna lil ħuna, u mis-sentiment profond u sinċier li l-imħabba ġiet midruba, li tinbet ix-xewqa li wieħed jirripara”.[199]
188. Ma għandniex naħsbu li l-għarfien tad-dnub tagħna quddiem l-oħrajn hu xi ħaġa li tbaxxina jew tagħmel ħsara lid-dinjità umana tagħna. Bil-maqlub, tfisser li nieqfu nigdbu lilna nfusna, tfisser li nagħrfu l-istorja tagħna hekk kif inhi, immarkata mid-dnub, fuq kollox meta għamilna d-deni lil ħutna: “Li nakkużaw lilna nfusna jagħmel parti mill-għerf Nisrani. […] Dan jogħġob lill-Mulej, għax il-Mulej jilqa’ l-qalb niedma”.[200]
189. Tagħmel parti minn dan l-ispirtu ta’ riparazzjoni d-drawwa li nitolbu maħfra lil ħutna, li hu qlubija kbira qalb id-dgħufijiet tagħna. Li nitolbu maħfra hu mod kif infejqu r-relazzjonijiet għax “jerġa’ jiftaħ id-djalogu u juri r-rieda li nerġgħu nsibu r-rabta fl-imħabba fraterna. […] Imiss il-qalb ta’ ħuna, ifarrġu u jqanqal fih ir-rieda li jrodd il-maħfra mitluba”. Hekk, “jekk dak li ma jistax jissewwa ma nistgħux inpattu għalih kompletament, l-imħabba dejjem tista’ terġa’ titwieled, u hekk il-ġerħa tkun sopportabbli”.[201]
190. Qalb li kapaċi jisgħobbiha tista’ tikber fil-fraternità u fis-solidarjetà, għax “min ma jibkix, jaqa’ lura, jixjieħ minn ġewwa, filwaqt li min jilħaq talba iżjed sempliċi u intima, magħmula minn adorazzjoni u tqanqil quddiem Alla, dak jimmatura. Jintrabat dejjem inqas miegħu nnifsu u iżjed ma’ Kristu, u jsir fqir fl-ispirtu. B’dan il-mod iħossu iżjed qrib tal-foqra, il-magħżulin ta’ Alla”.[202] B’konsegwenza ta’ dan, jinbet spirtu awtentiku ta’ riparazzjoni, għax “min jisgħobbih f’qalbu jħossu iżjed ħu l-midinbin kollha tad-dinja, iħossu iżjed ħuhom, bla ebda ħjiel ta’ superjorità jew ġudizzju aħrax, imma dejjem bix-xewqa li jħobb u jsewwi”.[203] Din is-solidarjetà mnissla mis-sogħba fl-istess waqt tagħmel ir-rikonċiljazzjoni ħaġa possibbli. Il-persuna li għandha l-ħila jisgħobbiha, “flok tinkorla u tieħu skandlu minħabba l-ħażen li jagħmlu l-aħwa, tibki għal dnubiethom. Ma tiskandalizzax ruħha. B’xi mod l-affarijiet iduru bil-maqlub, fejn it-tendenza naturali li nkunu ħanina magħna nfusna u inflessibbli mal-oħrajn tinqaleb ta’ taħt fuq u, bi grazzja ta’ Alla, insiru sodi magħna nfusna u ħanina mal-oħrajn”.[204]
Ir-riparazzjoni: it-twessigħ tal-Qalb ta’ Kristu
191. Hemm mod ieħor kumplimentari kif nifhmu r-riparazzjoni, fejn nistgħu npoġġuha f’relazzjoni iktar diretta mal-Qalb ta’ Kristu, mingħajr ma neskludu minn din ir-riparazzjoni l-impenn konkret lejn ħutna li dwarhom tkellimna.
192. F’kuntest ieħor jien affermajt li “b’xi mod, hu [Alla] ried jillimita lilu nnifsu billi ħalaq dinja li għandha bżonn tikber, fejn ħafna ħwejjeġ li aħna nqisuhom ħżiena, perikli u għejun ta’ tbatija, fis-sewwa kollu jagħmlu parti minn dak l-uġigħ tal-ħlas, li jixprunawna biex nikkollaboraw mal-Ħallieq”.[205] Il-kollaborazzjoni tagħna tista’ tippermetti lill-qawwa u lill-imħabba ta’ Alla li tixtered fil-ħajja tagħna u fid-dinja, waqt li r-rifjut u l-indifferenza jistgħu jżommuh. Xi espressjonijiet bibliċi dan jesprimuh metaforikament, bħal meta Alla jgħid: “Jekk trid terġa’ lura, Iżrael, erġa’ ejja għandi” (Ġer 4:1). Jew meta, quddiem ir-rifjut tal-poplu tiegħu, jgħid: “Daret għalija qalbi, tqanqlet bil-bosta ħnienti” (Hos 11:8).
193. Imqar jekk mhux possibbli nitkellmu fuq tbatija ġdida ta’ Kristu glorjuż, “il-Misteru tal-Għid ta’ Kristu […] u dak kollu li hu Kristu, u dak kollu li għamel u bata għall-bnedmin kollha, għandu sehem mill-eternità ta’ Alla u għalhekk iħaddan iż-żminijiet kollha u jagħmilhom kollha ‘llum’”.[206] Imma nistgħu ngħidu li hu stess aċċetta li jillimita l-glorja mifruxa tal-qawmien tiegħu, li jrażżan it-tixrid tal-imħabba immensa u mkebbsa tiegħu biex iħalli wisa’ għall-koperazzjoni ħielsa tagħna mal-Qalb tiegħu. Tant hu reali dan li r-rifjut tagħna jwaqqaf dan l-impuls ta’ għotja tiegħu, l-istess kif il-fiduċja tagħna u l-offerta tagħna nfusna tiftaħ spazju, toffri kanal ħieles minn kull xkiel għat-tiswib tal-imħabba tiegħu. Ir-rifjut tagħna jew l-indifferenza tagħna jillimitaw l-effetti tal-qawwa tiegħu u l-frott tal-imħabba tiegħu fina. Jekk ma jsibx fija fiduċja u ftuħ, l-imħabba tiegħu tiġi mċaħħda – għax hu stess hekk ried – mit-twessigħ tagħha fil-ħajja tiegħi, li hi unika u irripetibbli, u fid-dinja li fiha hu jsejjaħli biex nagħmlu preżenti. Dan mhux ġej minn xi dgħufija tiegħu, imma mil-libertà bla tarf tiegħu, mill-qawwa paradossali tiegħu u mill-perfezzjoni ta’ mħabbtu għal kull wieħed u waħda minna. Meta l-omnipotenza ta’ Alla tidher fid-dgħufija tal-libertà tagħna, “il-fidi biss tista’ tagħrafha”.[207]
194. Fil-fatt, Santa Margerita Marija tirrakkonta li, f’waħda mill-manifestazzjonijiet ta’ Kristu, hu kellimha fuq il-Qalb tiegħu mfawra bl-imħabba għalina, li “għax ma tistax iżżomm aktar fiha nfisha l-fjammi tal-Imħabba mkebbsa tagħha, tħoss il-bżonn li xxerridha”.[208] Ladarba l-Mulej, li kollox jista’, fil-libertà divina tiegħu ried li jiġi bżonn tagħna, bir-riparazzjoni nkunu nneħħu x-xkiel li aħna stess poġġejna għat-twessigħ tal-imħabba ta’ Kristu fid-dinja bin-nuqqasijiet tagħna ta’ fiduċja, gratitudni u ġenerożità.
L-offerta lill-Imħabba
195. Biex nirriflettu aħjar fuq dan il-misteru, tiġi tgħinna mill-ġdid l-ispiritwalità mdawla ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù. Hi kienet taf li xi persuni kienu żviluppaw xejra estrema ta’ riparazzjoni, bir-rieda tajba li jingħataw għall-oħrajn, li kienet tikkonsisti f’li joffru lilhom infushom bħala xi għamla ta’ “kalamita tas-sajjetti” biex tista’ sseħħ il-ġustizzja divina: “Kont qiegħda naħseb fl-erwieħ li joffru lilhom infushom bħala vittmi tal-Ġustizzja ta’ Alla sabiex idawru fuqhom il-kastigi merfugħin għall-ħatja”.[209] Imma, tidher kemm tidher ammirevoli din l-offerta, hi ma tantx kienet konvinta minnha: “Kont wisq ’il bogħod milli nħoss li nista’ nasal biex nagħmilha jien”.[210] Din l-insistenza fuq il-ġustizzja divina wasslet għall-ħsieb li s-sagrifiċċju ta’ Kristu ma kienx sħiħ jew kien biss effikaċi parzjalment, jew li l-ħniena tiegħu ma kinitx kbira biżżejjed.
196. Bl-intenzjoni spiritwali tagħha Santa Tereża skopriet li hemm mod ieħor kif noffru lilna nfusna, li fih ma hemmx bżonn naqtgħu l-għatx tal-ġustizzja divina, imma nħallu lill-imħabba bla tarf tal-Mulej tixtered mingħajr xkiel: “O Alla tiegħi! Dik l-Imħabba mmaqdra tiegħek sejra tibqa’ magħluqa f’Qalbek? Jidhirli li, kieku kellek issib erwieħ li joffru lilhom infushom bħala vittmi ta’ sagrifiċċju lil Imħabbtek, int kont ittemmhom malajr; jidhirli li int kont tibqa’ hieni li ma żżommx lura l-mewġ ta’ ħlewwa bla qies li jinsab fik”.[211]
197. Ma hemm xejn xi nżidu mas-sagrifiċċju waħdieni tal-fidwa ta’ Kristu, imma hu minnu li r-rifjut tal-libertà tagħna ma jħallix lill-Qalb ta’ Kristu twessa’ f’din id-dinja l-“mewġiet tal-ħlewwa bla tarf” tagħha. U għalhekk li l-Mulej innifsu jrid jirrispetta din il-possibbiltà. Huwa dan, iktar milli l-ġustizzja divina, li jħasseb il-qalb ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, għax għaliha l-ġustizzja tinftiehem biss fid-dawl tal-imħabba. Rajna li hi kienet tadura l-perfezzjonijiet kollha divini permezz tal-ħniena, u hekk kienet tarahom ittrasfigurati, jiddu bl-imħabba. Kienet tgħid: “Saħansitra l-istess Ġustizzja (u forsi din aktar mill-oħrajn kollha) tidhirli mlibbsa bl-imħabba”.[212]
198. U hekk jitwieled l-att ta’ offerta tagħha, mhux lill-ġustizzja divina, imma lill-Imħabba ħanina: “Noffri lili nnifsi bħala vittma ta’ sagrifiċċju lill-Imħabba kollha ħniena tiegħek, waqt li nitolbok bil-ħniena li ttemmni bla heda, billi tħalli jfuru f’ruħi l-ħalel ta’ ħlewwa bla tarf li jinsabu magħluqa fik; u hekk, inkun nista’ nsir Martri tal-Imħabba tiegħek, o Alla tiegħi!”.[213] Importanti ninnotaw li hawn mhux biss inkunu nippermettu lill-Qalb ta’ Kristu li xxerred il-ġmiel tal-imħabba tagħha fil-qalb tagħna, permezz ta’ fiduċja totali, imma anki li permezz tal-ħajja tagħna tasal għand l-oħrajn u tibdel id-dinja: “Fil-Qalb tal-Knisja, Ommi, jiena nkun l-Imħabba! […] U hekk tkun seħħet il-ħolma tiegħi”.[214] Iż-żewġ aspetti huma magħqudin ma’ xulxin b’mod li ma jistax jinfired.
199. Il-Mulej aċċetta l-offerta tagħha. Fil-fatt, xi żmien wara hi stess uriet imħabba intensa lejn l-oħrajn u stqarret li kienet ġejja mill-Qalb ta’ Kristu mwessgħa permezz tagħha. Hekk qalet lil oħtha Léonie: “Jiena nħobbok għal elf darba iżjed milli l-aħwa soltu jħobbu lil xulxin, għax nista’ nħobbok bil-Qalb tal-Għarus tagħna tas-Sema”.[215] U xi żmien wara qalet lil Maurice Bellière: “Kemm nixtieq nista’ nagħmel li int tasal biex tifhem il-ħlewwa tal-Qalb ta’ Ġesù u x’jistenna minnek hu”.[216]
Integrità u armonija
200. Ħuti, nipproponi li niżviluppaw din ix-xejra ta’ riparazzjoni, li tfisser, fl-aħħar mill-aħħar, li noffru lill-Qalb ta’ Kristu possibbiltà ġdida li xxerred f’din id-dinja l-fjammi tal-ħlewwa mkebbsa tagħha. Jekk hu minnu li r-riparazzjoni timplika x-xewqa li nagħmlu tajjeb għall-weġgħat li b’kull mod saru lill-Imħabba mhux maħluqa, għax ninsewha jew għax noffenduha,[217] l-aħjar mod hu li l-imħabba tagħna toffri lill-Mulej possibbiltà li titwessa’ bi tpattija għal dawk id-drabi li fihom ġiet irrifjutata jew miċħuda. Dan iseħħ jekk immorru lil hemm mis-sempliċi “faraġ” lil Kristu li dwaru tkellimna fil-kapitlu li għadda, u dan jittraduċi ruħu f’għemejjel ta’ mħabba fraterna li biha nieħdu ħsieb tal-ġrieħi tal-Knisja u tad-dinja. B’dan il-mod inkunu noffru espressjonijiet ġodda lill-qawwa tal-Qalb ta’ Kristu li kapaċi ġġedded.
201. Iċ-ċaħdiet u t-tbatijiet mitluba minn dawn l-għemejjel ta’ mħabba għall-proxxmu jorbtuna mal-passjoni ta’ Kristu, u aħna u nbatu ma’ Kristu f’“dik il-kruċifissjoni mistika li dwarha jitkellem l-Appostlu, wisq aktar frott kotran ta’ propizjazzjoni u ta’ espjazzjoni nistgħu naħsdu għalina u għall-oħrajn”.[218] Kristu waħdu jsalvana bis-sagrifiċċju tiegħu fuq is-salib għalina, hu biss jifdi, għax “wieħed hu Alla, u wieħed hu l-medjatur bejn Alla u l-bniedem, il-Bniedem Kristu Ġesù, li ta lilu nnifsu bħala prezz tal-fidwa għal kulħadd” (1 Tim 2:5-6). Ir-riparazzjoni li noffru hi parteċipazzjoni aċċettata b’mod ħieles fl-imħabba feddejja tiegħu u fis-sagrifiċċju waħdieni tiegħu. Hekk intemmu f’ġisimna “dak li jonqos mit-tbatijiet ta’ Kristu għall-ġisem tiegħu li hu l-Knisja” (Kol 1:24), u hu Kristu nnifsu li jtawwal fina l-effetti tal-għotja sħiħa tiegħu fl-imħabba.
202. It-tbatijiet spiss għandhom x’jaqsmu mal-jien miġruħ tagħna, imma hi sewwasew l-umiltà tal-Qalb ta’ Kristu li turina t-triq biex niċċekknu. Alla ried jiġi għandna billi jixxejjen, isir ċkejken. Dan diġà jgħallmu t-Testment il-Qadim b’diversi metafori li juru Alla li jidħol fiċ-ċokon tal-istorja u jħalli l-poplu tiegħu jirrifjutah. L-imħabba tiegħu titħallat mal-ħajja ta’ kuljum tal-poplu maħbub u jsir tallab għal tweġiba, bħallikieku qed jitlob il-permess biex juri l-glorja tiegħu. Min-naħa l-oħra, “forsi darba waħda, bi kliemu, il-Mulej Ġesù fakkar fil-qalb tiegħu. U wera din il-karatteristika unika: ‘ħelwa u umli’. Bħallikieku ried jgħid li b’din it-triq biss irid jirbaħ lill-bniedem għalih”.[219] Meta Kristu qal: “Tgħallmu minni, għax jiena ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11:29), hu wriena li “biex jesprimi ruħu għandu bżonn taċ-ċokon tagħna, illi aħna nitbaxxew”.[220]
203. F’dan li għedna importanti ninnotaw diversi aspetti inseparabbli, għax dawn l-azzjonijiet ta’ mħabba lejn il-proxxmu, biċ-ċaħdiet, is-sagrifiċċji personali, it-tbatijiet u t-taħbit kollha li jġibu magħhom, iwettqu din il-funzjoni meta huma misjuqa mill-imħabba ta’ Kristu nnifsu. Hu jagħtina li nħobbu bħalma ħabb hu u hekk hu stess iħobb u jaqdi permezz tagħna. Jekk minn banda jidher qed jiċċekken, jixxejjen, għax ried juri mħabbtu bil-ġesti tagħna, tal-ieħor, fl-iktar opri sempliċi ta’ ħniena, il-Qalb tiegħu hi gglorifikata u turi l-kobor kollu tagħha. Qalb ta’ bniedem li tagħmel wisa’ għall-imħabba ta’ Kristu permezz tal-fiduċja totali u tippermettilu jkompli jitwessa’ fil-ħajja tagħha bin-nar tiegħu, issir kapaċi tħobb lill-oħrajn bħal Kristu, billi tiċċekken u tkun qrib ta’ kulħadd. Hekk Kristu jaqta’ l-għatx tiegħu u jxerred b’mod glorjuż fina u permezz tagħna l-fjammi tal-ħlewwa ħerqana tiegħu. Ninnotaw l-armonija sabiħa li hemm f’dan kollu.
204. Fl-aħħar nett, biex nifhmu din id-devozzjoni fl-għana kollu tagħha, irridu nżidu, aħna u naqbdu mill-ġdid dak li għedna fuq id-dimensjoni Trinitarja tagħha, li r-riparazzjoni ta’ Kristu bħala essri uman noffruha lill-Missier bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu fina. Għalhekk, ir-riparazzjoni tagħna lill-Qalb ta’ Kristu fl-aħħar mill-aħħar qed nagħmluha lill-Missier, li jitgħaxxaq jarana magħqudin ma’ Kristu meta noffru lilna nfusna bih, miegħu u fih.
Ngħinu lid-dinja tinnamra
205. Il-proposta Nistranija hi attraenti meta tista’ tingħax u tiġi mmanifestata b’mod integrali: mhux bħala sempliċi kenn f’sentimenti reliġjużi jew f’riti li jgħammxu l-għajnejn. X’qima nkunu nagħtu lil Kristu jekk nikkuntentaw ruħna biss b’relazzjoni individwali mingħajr interess li ngħinu lill-oħrajn biex ibatu inqas u jgħixu aħjar? Forsi tieħu pjaċir il-Qalb li tant ħabbet jekk nibqgħu magħluqa f’esperjenza reliġjuża intima, mingħajr konsegwenzi fraterni u soċjali? Inkunu onesti u naqraw il-Kelma ta’ Alla b’mod sħiħ. Imma għal din ir-raġuni ngħidu wkoll li lanqas hi biss promozzjoni soċjali nieqsa minn sinifikat reliġjuż, li fl-aħħar tfisser li nixtiequ għall-bniedem inqas minn dak li Alla jrid jagħtih. Huwa għalhekk li rridu nagħlqu dan il-kapitlu billi nfakkru d-dimensjoni missjunarja tal-imħabba tagħna għall-Qalb ta’ Kristu.
206. San Ġwanni Pawlu II, barra li jitkellem fuq id-dimensjoni soċjali tad-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Kristu, jirriferi għar-“riparazzjoni, li hi koperazzjoni appostolika fis-salvazzjoni tad-dinja”.[221] Bl-istess mod, il-konsagrazzjoni lill-Qalb ta’ Kristu “għandha titpoġġa qrib l-azzjoni missjunarja tal-Knisja nfisha, għax twieġeb għax-xewqa tal-Qalb ta’ Ġesù li jxerred fid-dinja, permezz tal-membri tal-Ġisem tiegħu, l-għotja sħiħa tiegħu għas-Saltna”.[222] B’konsegwenza ta’ dan, permezz tal-Insara, “l-imħabba tissawwab fil-qlub tal-bnedmin, biex jinbena l-ġisem ta’ Kristu li hi l-Knisja u tinbena wkoll soċjetà ta’ ġustizzja, paċi u fraternità”.[223]
207. Il-fjammi ta’ mħabba tal-Qalb ta’ Kristu jkomplu jixterdu wkoll fil-ħidma missjunarja tal-Knisja, li twassal il-bxara tal-imħabba ta’ Alla murija fi Kristu. San Vinċenz de Paul dan kien jgħallmu tajjeb ħafna meta kien jistieden lid-dixxipli tiegħu jiitolbu lill-Mulej “din il-qalb, din il-qalb li teħodna kullimkien, din il-qalb tal-Iben ta’ Alla, il-qalb ta’ Sidna, […] li tħejjina biex immorru, kif kien imur hu […] u tibgħat lilna wkoll bħalhom [l-Appostli] biex inwasslu kullimkien in-nar”.[224]
208. San Pawlu VI idur fuq il-Kongregazzjonijiet li jxerrdu d-devozzjoni lejn il-Qalb Imqaddsa, u jfakkar li “ma hemmx dubju li l-impenn pastorali u ż-żelu missjunarju jitkebbsu b’mod l-aktar ħaj, jekk, saċerdoti u fidili, bl-għan li jxerrdu l-glorja ta’ Alla, jikkontemplaw l-eżempju tal-imħabba eterna li Kristu wriena, u jwettqu l-isforzi tagħhom biex idaħħlu parteċipi lill-bnedmin kollha fl-għana bla qies ta’ Kristu”.[225] Għad-dawl tal-Qalb Imqaddsa, il-missjoni ssir kwistjoni ta’ mħabba, u l-ikbar riskju f’din il-missjoni hu li jingħadu u jsiru ħafna affarijiet, imma ma jirnexxilniex inwasslu għal-laqgħa hienja mal-imħabba ta’ Kristu li tħaddan u li ssalva.
209. Il-missjoni, mifhuma fil-perspettiva li xxerred l-imħabba tal-Qalb ta’ Kristu, titlob missjunarji nnamrati, li jħallu mill-ġdid lil Kristu jirbaħhom għalih u li ma jistgħux ħlief ixerrdu din l-imħabba li bidlitilhom ħajjithom. Għalhekk jitnikktu jaraw min jitlef il-ħin jiddiskuti kwistjonijiet sekondarji jew jimponi veritajiet u regoli, għax il-preokkupazzjoni prinċipali tagħhom hi li jikkomunikaw dak li jgħixu u, fuq kollox, li l-oħrajn jistgħu jaraw it-tjieba u l-ġmiel tal-Maħbub fl-isforzi fqajrin tagħhom. Mhux dan li jgħaddi minnu kull innamrat? Ta’ min jaqbad, ngħidu aħna, il-kelmiet li bihom Dante Alighieri, innamrat, ipprova jesprimi din il-loġika:
“Nistqarr, meta naħseb fuq is-siwi tagħha,
l-Imħabba hekk ħelwa ġġagħalni nħoss
li jekk il-kuraġġ ma jonqosnix,
lil kulħadd inwassal biex iħobb”.[226]
210. Li jitkellem dwar Kristu, bix-xhieda jew bil-kelma, b’mod li l-oħrajn ma jridux jagħmlu sforz kbir biex iħobbuh, din hi l-ikbar xewqa ta’ missjunarju tar-ruħ. Ma hemmx proselitiżmu f’din id-dinamika ta’ mħabba: il-kelmiet tal-innamrat ma jdejqux, ma jimponux, ma jisfurzawx, imma biss iwasslu lill-oħrajn biex jistaqsu kif inhi possibbli mħabba bħal din. Bl-ikbar rispett lejn il-libertà u d-dinjità tal-ieħor, l-innamrat sempliċiment jittama li jkun jista’ jirrakkonta din il-ħbiberija li timlielu ħajtu.
211. Kristu qed jitolbok, mingħajr ma tonqos mill-prudenza u r-rispett, li ma tistħix tirrikonixxi l-ħbiberija tiegħek miegħu. Qed jitolbok li jkollok il-kuraġġ tirrakkonta lill-oħrajn li l-laqgħa tiegħek miegħu ġid għamlitlek: “Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li hu miegħi, jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet” (Mt 10:32). Imma għall-qalb innamrata dan mhux obbligu, imma ħtieġa li diffiċli żżomm għaliha: “Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelju” (1 Kor 9:16). “Iżda f’qalbi hemm bħal nar jaqbad, magħluq f’għadmi. Għejejt inżommu magħluq ġo fija, ma niflaħx aktar għalih” (Ġer 20:9).
F’komunjoni ta’ qadi
212. Ma rridux naħsbu f’din il-missjoni li nwasslu lil Kristu bħallikieku kienet biss ħaġa bejna u bejnu. Ngħixuha f’komunjoni mal-komunità tagħna u mal-Knisja. Jekk nitbiegħdu mill-komunità, inkunu nitbiegħdu wkoll minn Ġesù. Jekk ninsewha u ma nagħtux kasha, il-ħbiberija tagħna ma’ Ġesù tibred. Ma għandna ninsewh qatt dan is-sigriet. L-imħabba għall-aħwa tal-komunità tagħna – reliġjuża, parrokkjali, djoċesana – hi bħaż-żejt li jkebbes il-ħbiberija tagħna ma’ Ġesù. L-għemejjel ta’ mħabba lejn ħutna tal-komunità jistgħu jkunu l-aħjar mod, jew xi drabi l-uniku wieħed possibbli, biex nesprimu lill-oħrajn l-imħabba ta’ Ġesù Kristu. Dan qalu l-Mulej stess: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom” (Ġw 13:35).
213. Hija mħabba li ssir qadi lill-komunità. Ma negħja qatt infakkar li Ġesù dan qalu b’ċarezza kbira: “Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40). Hu qed jipproponilek li ssibu wkoll hemm, f’kull wieħed u waħda minn ħutek, fuq kollox fl-iktar foqra, mistkerrha u mwarrba tas-soċjetà. X’laqgħa sabiħa!
214. Għalhekk, jekk niddedikaw ruħna biex ngħinu lil xi ħadd, ma jfissirx li qed ninsew lil Ġesù. Bil-maqlub, insibuh b’mod ġdid. U meta nfittxu kif nerfgħu u nfejqu lil xi ħadd, Ġesù jinsab hemm qrib tagħna. Fil-fatt, tajjeb niftakru li meta hu bagħat lid-dixxipli tiegħu f’missjoni, “il-Mulej kien jaħdem magħhom” (Mk 16:20). Hu jinsab hemm, jaħdem, jitqabad u jagħmel il-ġid flimkien magħna. B’mod misterjuż, hija l-imħabba tiegħu li tidher fil-qadi tagħna, huwa hu stess li jkellem lid-dinja b’dak il-lingwaġġ li xi kultant ma jistax ikollu kliem.
215. Hu qed jibagħtek ixxerred il-ġid u jimbuttak minn ġewwa. Għalhekk isejjaħlek b’vokazzjoni ta’ qadi: tista’ tagħmel il-ġid bħala tabib, bħala omm, bħala għalliema, bħala saċerdot. Kull fejn tkun, tista’ tħoss li hu qed isejjaħlek u jibagħtek tgħix din il-missjoni fuq l-art. Hu stess jgħidlek: “Qiegħed nibgħatkom” (Lq 10:3). Dan jagħmel parti mill-ħbiberija tagħna miegħu. Għalhekk, biex ħbiberija bħal din timmatura, hemm bżonn li tħallih jibagħtek twettaq missjoni f’din id-dinja, b’fiduċja, b’ġenerożità, b’libertà, bla biża’. Jekk tingħalaq fil-kumditajiet tiegħek, dawn mhux sa jagħtuk ċertezza, għax il-biżgħat, is-swied il-qalb, id-dwejjaq dejjem se jitfaċċa. Min ma jwettaqx il-missjoni tiegħu fuq din l-art, ma jistax ikun ferħan, ikun iffrustrat. Għalhekk aħjar tħallih jibagħtek, tħallih imexxik fejn irid hu. Tinsiex li hu jimxi miegħek. Ma jixħtekx fl-abbiss u jħallik mitluq waħdek tipprova. Hu jħeġġek u jsieħbek. Dan wiegħed u hekk jagħmel: “Jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien” (Mt 28:20).
216. B’xi mod trid tkun missjunarju, missjunarja, kif kienu l-Appostli ta’ Ġesù u l-ewwel dixxipli, li marru jxandru l-imħabba ta’ Alla, marru jirrakkontaw li Kristu hu ħaj u hu ta’ min jiltaqa’ miegħu. Santa Tereża tal-Bambin Ġesù dan għexitu bħala element essenzjali tal-offerta tagħha lill-Imħabba ħanina: “Ridt nagħti jixrob lill-Maħbub tiegħi, u jiena nnifsi ħassejtni miblugħa mill-għatx tal-erwieħ”.[227] Din hija wkoll il-missjoni tiegħek. Kull wieħed u waħda jwettaqha bil-mod tiegħu, u inti trid tara kif tista’ tkun missjunarju, missjunarja. Ġesù jixraqlu dan. Jekk issib il-kuraġġ, hu jdawlek. Jimxi miegħek u jsaħħek, u tgħix esperjenza prezzjuża li tagħmillek ħafna ġid. Mhux importanti jirnexxilekx tara r-riżultati, dan ħallih għall-Mulej li jaħdem fis-satra tal-qlub, imma tiqafx tgħix il-ferħ li tfittex li tqassam l-imħabba ta’ Kristu lill-oħrajn.
KONKLUŻJONI
217. Dan li dan id-dokument jesprimi, jgħinna niskopru li dak li hemm miktub fl-Enċikliċi soċjali Laudato si’ u Fratelli tutti mhuwiex barrani għal-laqgħa tagħna mal-imħabba ta’ Ġesù Kristu, għax, jekk nixorbu minn din l-imħabba, insiru kapaċi ninsġu rabtiet ta’ bejn l-aħwa, nagħrfu d-dinjità ta’ kull bniedem u nieħdu ħsieb flimkien tad-dar komuni tagħna.
218. Illum kollox nixtru u nħallsu, u donnu l-istess tifsira tad-dinjità tiddependi minn ħwejjeġ li jinkisbu bis-setgħa tal-flus. Aħna mħajrin biss niġimgħu, nikkonsmaw u naljenaw ruħna, imjassra minn sistema degradanti li ma tħalliniex inħarsu lil hemm mill-bżonnijiet immedjati u dojoq tagħna. L-imħabba ta’ Kristu tinsab barra minn dan l-ingranaġġ pervers u hu biss jista’ jeħlisna minn dan id-deni li fih ma għadx hemm spazju għal imħabba b’xejn. Hu kapaċi jagħti qalb lil din l-art u jerġa’ jpoġġi l-imħabba hemm fejn naħsbu li l-ħila li nħobbu mietet għal dejjem.
219. Għandha bżonn ta’ dan ukoll il-Knisja, biex ma tispiċċax flok l-imħabba ta’ Kristu tpoġġi strutturi li jispiċċaw, ossessjonijiet ta’ żminijiet oħra, adorazzjoni tal-mentalità tagħha, fanatiżmi ta’ kull xorta li jispiċċaw biex jieħdu post tal-imħabba b’xejn ta’ Alla li teħles, tagħti l-ħajja, thenni l-qalb u sseddaq il-komunità. Mill-ġerħa tal-kustat ta’ Kristu tissokta tgelgel dik ix-xmara li ma tinxef qatt, li ma tgħaddix, li toffri ruħha dejjem mill-ġdid lil min irid iħobb. L-imħabba tiegħu biss tagħmel possibbli umanità ġdida.
220. Nitlob lill-Mulej Ġesù li mill-Qalb qaddisa tiegħu jnixxu għalina lkoll xmajjar ta’ ilma ħaj biex ifejqu l-ġrieħi li bihom nifnu lil xulxin, biex isaħħu l-ħila tagħna li nħobbu u naqdu, biex iħeġġuna nitgħallmu nimxu flimkien lejn dinja ġusta, solidali u fraterna. Dan sa ma għad niċċelebraw hienja u magħqudin il-festa tat-tieġ fis-Saltna tas-Smewwiet. Hemm ikun hemm Kristu Rxoxt, li jġib is-sliem fost id-differenzi kollha tagħna bid-dawl li jiddi bla waqfien mill-Qalb miftuħa tiegħu. Ħa tkun imbierka għal dejjem!
Mogħtija Ruma, f’San Pietru, fl-24 ta’ Ottubru tas-sena 2024, it-tnax-il waħda tal-Pontifikat.
Franġisku
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard
[1] Il-parti l-kbira tar-riflessjonijiet ta’ dan l-ewwel kapitlu huma mnebbħa minn kitbiet inediti ta’ Patri Diego Fares sj. Il-Mulej jagħtih il-mistrieħ ta’ dejjem.
[2] Ara Omeru, Illjade, 21, 441.
[3] Ara ibid., 10, 244.
[4] Ara Timeo 65 c-d; 70.
[5] Omelija fil-quddiesa ta’ filgħodu fid-Domus Sanctæ Marthæ, 14 ta’ Ottubru 2016: L’Osservatore Romano, 15 ta’ Ottubru 2016, p. 8.
[6] San Ġwanni Pawlu II, Angelus, 2 ta’ Lulju 2000: L’Osservatore Romano, 3-4 ta’ Lulju 2000, p. 4.
[7] Ibid., Katekeżi, 8 ta’ Ġunju 1994: L’Osservatore Romano, 9 ta’ Ġunju 1994, p. 5.
[8] I demoni (1873).
[9] Romano Guardini, Il mondo religioso di Dostojevskij, Brescia 1980, 236.
[10] Karl Rahner, Alcune tesi per una teologia della devozione al cuore di Gesù, f’Teologia del Cuore di Cristo, Roma 1995, 60.
[11] Ibid., 61.
[12] Byung-Chul Han, Heideggers Herz. Zum Begriff der Stimmung bei Martin Heidegger, München 1996, 39.
[13] Ibid., 60; ara 176.
[14] Ara ibid., Eros in agonia, Milano 2019.
[15] Ara Martin Heidegger, La poesia di Hölderlin, Milano 1988, 144.
[16] Ara Michel de Certeau, Lo spazio del desiderio. Gli “Esercizi spirituali” di Loyola, f’Il parlare angelico: figure per una poetica della lingua. Secoli XVI e XVII, Firenze 1989, 95-110.
[17] Itinerarium mentis in Deum, VII, 6: San Bonaventura, Itinerario della mente in Dio. Riconduzione delle Arti alla Teologia, Roma 1995, 93.
[18] Id., Prœmium in I Sent., q. 3: Opera Omnia, Quaracchi 1882, vol. 1, 13.
[19] San John Henry Newman, Meditazioni e Preghiere, Milano 2002, 106.
[20] Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, 82.
[21] Ibid., 10.
[22] Ibid., 14.
[23] Ara Dikasteru għad-Duttrina tal-Fidi, Dikjarazzjoni Dignitas infinita (2 ta’ April 2024), 8. Ara L’Osservatore Romano, 8 ta’ April 2024.
[24] Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, 26.
[25] San Ġwanni Pawlu II, Angelus, 28 ta’ Ġunju 1998: L’Osservatore Romano, 30 ta’ Ġunju-1 ta’ Lulju 1998, p. 7.
[26] Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 83: AAS (2015), 880.
[27] Omelija fil-quddiesa ta’ filgħodu fid-Domus Sanctæ Marthæ, 7 ta’ Ġunju 2013: L’Osservatore Romano, 8 ta’ Ġunju 2013, p. 8.
[28] Piju XII, Ittra enċiklika Haurietis aquas (15 ta’ Mejju 1956), I: AAS 48 (1956), 316.
[29] Piju VI, Kostituzzjoni Auctorem fidei (28 ta’ Awwissu 1794), 63: DH, 2663.
[30] Ljun XIII, Ittra enċiklika Annum sacrum (25 ta’ Mejju 1899): ASS 31 (1898-99), 649.
[31] Ibid.: “Inest in Sacro Corde symbolum atque expressa imago infinitæ Iesu Christi caritatis”.
[32] Angelus, 9 ta’ Ġunju 2013: L’Osservatore Romano, 10-11 ta’ Ġunju 2013, p. 8.
[33] Hekk nifhmu għaliex il-Knisja pprojbiet li jitqiegħdu fuq l-altar raffigurazzjonijiet tal-qalb ta’ Ġesù u ta’ Marija waħidha (ara Tweġiba tal-Kongregazzjoni tar-Riti lir-Rev. Charles Lecoq, P.S.S., 5 ta’ April 1879: Decreta authentica Congregationis Sacrorum Rituum ex actis ejusdem collecta, vol. III, 107-108, n. 3492). ’Il barra mil-Liturġija, “għad-devozzjoni privata” (ibid.), jista’ jintuża s-simboliżmu bħala espressjoni didattika, figura estetika jew emblema li tistieden biex wieħed jaħseb fl-imħabba ta’ Kristu, imma jkun hemm ir-riskju li wieħed jieħu l-qalb bħala oġġett ta’ adorazzjoni jew ta’ djalogu spiritwali separatament mill-persuna ta’ Kristu. Fil-31 ta’ Marzu 1887, il-Kongregazzjoni tat tweġiba oħra simili (ibid., 187, n. 3673).
[34] Konċilju Ekumeniku ta’ Trento, Sess. XXV, Decr. Mandat Sancta Synodus (3 ta’ Diċembru 1563): DH, 1823.
[35] V Konferenza Ġenerali tal-Isqfijiet tal-Amerika Latina u l-Karribej, Dokument ta’ Aparecida (29 ta’ Ġunju 2007), n. 259.
[36] Ittra enċiklika Haurietis aquas (15 ta’ Mejju 1956), I: AAS 48 (1956), 323-324.
[37] Ep. 261, 3: PG 32, 972.
[38] In Io. homil. 63, 2: PG 59, 350.
[39] De fide ad Gratianum, II, 7, 56: PL 16, 594 (ed. 1880).
[40] Enarr. in Ps. 87, 3: PL 37, 1111.
[41] Ara De fide orth. 3, 6.20: PG 94, 1006.1081.
[42] Olegario González de Cardedal, La entraña del cristianismo, Salamanca 2010, 70-71.
[43] Angelus, 1 ta’ Ġunju 2008: L’Osservatore Romano, 2-3 ta’ Ġunju 2008, p. 1.
[44] Piju XII, Ittra enċiklika Haurietis aquas (15 ta’ Mejju 1956), II: AAS 48 (1956), 327-328.
[45] Ibid., 28: AAS 48 (1956), 343-344.
[46] Benedittu XVI, Angelus, 1 ta’ Ġunju 2008: L’Osservatore Romano, 2-3 ta’ Ġunju 2008, p. 1.
[47] Viġilju, Kostituzzjoni Inter innumeras sollicitudines (14 ta’ Mejju 553): DH, 420.
[48] Konċilju Ekumeniku ta’ Efesu, Anatemi ta’ Ċirillu ta’ Lixandra, 8: DH, 259.
[49] Konċilju Ekumeniku II ta’ Kostantinopli, Sess. VIII (2 ta’ Ġunju 553), Kan. 9: DH, 431.
[50] San Ġwann tas-Salib, Kantiku spiritwali A, Strofa 22, 4: Opere, Roma 1979, 919.
[51] Ibid., Strofa 12, 8: Opere, cit., 881.
[52] Ibid., Strofa 12,1: 878.
[53] “Għalina Alla wieħed hemm: il-Missier li minnu ġej kollox u aħna bih neżistu” (1 Kor 8:6). “Lil dan Alla u Missierna, glorja għal dejjem ta’ dejjem. Ammen” (Fil 4:20). “Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, Missier il-ħniena u Alla ta’ kull faraġ” (2 Kor 1:3).
[54] Ittra appostolika Tertio millennio adveniente (10 ta’ Novembru 1994), 49: AAS 87 (1995), 35.
[55] Ad Rom., 7: PG 5, 694.
[56] “Ħalli d-dinja tagħraf li jiena nħobb lill-Missier” (Ġw 14:31). “Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda” (Ġw 10:30). “Jiena fil-Missier u l-Missier fija” (Ġw 14:10).
[57] “Immur għand il-Missier” (pros ton Patéra: Ġw 16:28). “Jiena ġej għandek” (pros se: Ġw 17:11).
[58] “Eis ton kolpon tou Patrós”.
[59] Adv. Hær., III, 18, 1: PG 7, 932.
[60] In Joh., II, 2: PG 14, 110.
[61] Angelus, 23 ta’ Ġunju 2002: L’Osservatore Romano, 24-25 ta’ Ġunju 2002, p. 1.
[62] San Ġwanni Pawlu II, Messaġġ fiċ-ċentinarju tal-konsagrazzjoni tal-ġeneru uman lill-Qalb divina ta’ Ġesù, Warsaw, 11 ta’ Ġunju 1999, Solennità tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù: L’Osservatore Romano, 12 ta’ Ġunju 1999, p. 5.
[63] Ibid., Angelus, 8 ta’ Ġunju 1986, 4: L’Osservatore Romano, 9-10 ta’ Ġunju 1986, p. 5.
[64] Omelija, Żjara lill-Poliklinika Gemelli u lill-Fakultà tal-Mediċina tal-Università Kattolika tal-Qalb ta’ Ġesù, 27 ta’ Ġunju 2014: L’Osservatore Romano, 29 ta’ Ġunju 2014, p. 7.
[65] Efes 1:5,7; 2:18; 3:12.
[66] Efes 2:5,6; 4:15.
[67] Efes 1:3,4,6,7,11,13,15; 2:10,13,21,22; 3:6,11,21.
[68] Messaġġ fiċ-ċentinarju tal-konsagrazzjoni tal-ġeneru uman lill-Qalb divina ta’ Ġesù, Warsaw, 11 ta’ Ġunju 1999, Solennità tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù: L’Osservatore Romano, 12 ta’ Ġunju 1999, p. 5.
[69] “Quoniamque inest in Sacro Corde symbolum atque expressa imago infinitae Iesu Christi caritatis, quæ movet ipsa nos ad amandum mutuo, ideo consentaneum est dicare se Cordi eius augustissimo: quod tamen nihil est aliud quam dedere atque obligare se Iesu Christo […]. En alterum hodie oblatum oculis auspicatissimum divinissimumque signum: videlicet Cor Iesu sacratissimum, superimposita cruce, splendidissimo candore inter flammas elucens. In eo omnes collocandae spes: ex eo hominum petenda atque expectanda salus” (Ittra enċiklika Annum sacrum [25 ta’ Mejju 1899]: ASS 31 [1898-99], 649; 651).
[70] “F’dak is-sinjal l-aktar hieni u fl-għamla li toħroġ minnu forsi ma hemmx is-sustanza kollha tar-reliġjon u speċjalment in-norma ta’ ħajja iżjed perfetta, bħal dik li tmexxi minn triq iżjed faċli l-imħuħ biex jagħrfu b’mod intimu lil Ġesù Kristu u twassal lill-qlub biex iħobbuh b’ħerqa ikbar u b’ġenerożità ikbar jimitawh?” (Ittra enċiklika Miserentissimus Redemptor [8 ta’ Mejju 1928]: AAS 20 (1928), 167.
[71] “Huwa att eċċellentissmu tal-virtù tar-reliġjon, jiġifieri att ta’ sottomissjoni u konsagrazzjoni assoluta u inkundizzjonata min-naħa tagħna lill-imħabba tal-Feddej Divin, li tagħha hi werrej u simbolu dejjem espressiv il-Qalb tiegħu minfuda […]; fiha nistgħu nammiraw mhux biss is-simbolu imma wkoll, biex ngħidu hekk, il-ġabra fil-qosor tal-misteru kollu tal-fidwa tagħna […]. Ġesù Kristu espressament u ripetutement wera l-Qalb tiegħu bħala simbolu dejjem maħsub biex iqanqal il-bnedmin għall-għarfien u l-istima ta’ mħabbtu; u flimkien ma’ dan għamlu kważi sinjal u rahan ta’ ħniena u ta’ grazzja għall-bżonnijiet spiritwali tal-Knisja fiż-żminijiet moderni” (Ittra enċiklika Haurietis aquas [15 ta’ Mejju 1956], Prœmio; III; IV: AAS 48 (1956), 311; 336; 340).
[72] Katekeżi, 8 ta’ Ġunju 1994, 2: L’Osservatore Romano, 9 ta’ Ġunju 1994, p. 5.
[73] Angelus, 1 ta’ Ġunju 2008: L’Osservatore Romano, 2-3 ta’ Ġunju 2008, p. 1.
[74] Ittra enċiklika Haurietis aquas (15 ta’ Mejju 1956), IV: AAS 48 (1956), 344.
[75] Ara ibid.: AAS 48 (1956), 336.
[76] “Il-valur tar-rivelazzjonijiet privati hu essenzjalment differenti mill-unika rivelazzjoni pubblika: din tesiġi l-fidi tagħna […]. Rivelazzjoni privata […] hija għajnuna, li hi offruta, imma li m’aħniex obbligati nużawha” (Benedittu XVI, Eżortazzjoni appostolika Verbum Domini [30 ta’ Settembru 2010], 14: AAS 102 [2010], 696).
[77] Ittra enċiklika Haurietis aquas (15 ta’ Mejju 1956), IV: AAS 48 (1956), 340.
[78] Ibid.: AAS 48 (1956), 344.
[79] Ibid.
[80] Eżortazzjoni appostolika C’est la confiance (15 ta’ Ottubru 2023), 20: L’Osservatore Romano, 16 ta’ Ottubru 2023.
[81] Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, Ms A, 83v: Opere complete, Roma 1997, 209.
[82] Santa Marija Fawstina Kowalska, Diario. La Misericordia Divina nella mia anima (1° quaderno, 22 febbraio 1931), Città del Vaticano 2021, 74.
[83] Ara Mišna Sukkâ IV, 5. 9.
[84] Ittra lir-Reverendu Patri Peter-Hans Kolvenbach, Prepostu ġenerali tal-Kumpanija ta’ Ġesù, Paray-le-Monial (Franza), 5 ta’ Ottubru 1986: L’Osservatore Romano, 7 ta’ Ottubru 1986, p. IX.
[85] Atti tal-Martri ta’ Lyons, f’Ewsebju ta’ Ċesarija, Hist. Eccles., V, 1, 22: PG 20, 418.
[86] Rufinu, V, 1, 22: GCS, Eusebius II, 1, p. 411, 13s.
[87] San Ġustinu, Dial. 135: PG 6,787.
[88] Novazjanu, De Trinitate, 29: PL 3, 944. Ara San Girgor ta’ Elvira, Tractatus Origenis de libris Ss. Scripturarum, 20, Paris 1900, 210.
[89] San Ambroġ, Expl. Ps. I, 33: PL 14, 983-984.
[90] Ara Tract. in Joann. 61, 6: PL 35,1801.
[91] Epist. ad Rufinum 3, 4.3: PL 22, 334.
[92] Sermones in Cant. 61, 4: PL 183, 1072.
[93] Ara Expositio altera super Cantica Canticorum, c. 1: PL 180, 487.
[94] Guliermu ta’ Saint-Thierry, De natura et dignitate amoris, 1: PL 184, 379.
[95] Ibid., Meditativæ Orationes 8, 6: PL 180, 230.
[96] San Bonaventura, Lignum vitæ. De mysterio passionis, 30: Opuscoli Spirituali, 3, Roma 1992 (Sancti Bonaventuræ Opera, XIII), 245.
[97] Ibid., 47.
[98] Santa Ġertrude ta’ Helfta, Legatus divinæ pietatis, IV, 4, 4: SCh, 255, 66.
[99] Leone Dehon, Directoire spirituel des prêtres du Sacré Cœur de Jésus, Turnhout 1936, II, cap. VII, n. 141.
[100] Santa Katarina ta’ Siena, Djalogu tal-providenza divina, LXXV: Fiorilli M.–Caramella S. (ed.), Bari 1928, 144.
[101] Ara, ngħidu aħna, Angelus Walz, De veneratione divini cordis Iesu in Ordine Praedicatorum, Roma 1937.
[102] Rafael García Herreros, Vida de San Juan Eudes, Bogotá 1943, 42.
[103] Ittra lil Santa Giovanna Francesca de Chantal, 24 ta’ April 1610: Opere complete di Francesco di Sales, vol. 8/2: Lettere 1605-1610, Roma 2021, 686.
[104] Prietka għat-II Ħadd tar-Randan, 20 ta’ Frar 1622.
[105] Ittra lil Santa Giovanna Francesca de Chantal fis-Solennità tal-Axxensjoni tal-1612: San Franġisk de Sales, Tutte le lettere, vol. II (1611-1618), Roma 1967, 183, lett. n. 781.
[106] Ittra lil Maria Amata di Blonay, 18 ta’ Frar 1618: ibid., 1056, lett. n. 140.
[107] Ittra lil Santa Giovanna Francesca de Chantal, tmiem Novembru 1609: ibid., 610, lett. n. 552.
[108] Ittra lil Santa Giovanna Francesca de Chantal, lejn il-25 ta’ Frar 1610: ibid., 654, lett. n. 573.
[109] Entretien XIV, De la simplicité et prudence religieuse.
[110] Ittra lil Santa Giovanna Francesca de Chantal, 10 ta’ Ġunju 1611: San Franġisk de Sales, Tutte le lettere, vol. II (1611-1618), Roma 1967, 56, lett. n. 69.
[111] Santa Margerita Marija Alacoque, Autobiografia, n. 53, Roma 1983, 131.
[112] Ibid.
[113] Ibid., 134.
[114] Ara Dikasteru għad-Duttrina tal-Fidi, Normi għad-dixxerniment ta’ preżunti fenomeni sopranaturali, 17 ta’ Mejju 2024, I, A, 12.
[115] Santa Margerita Marija Alacoque, Autobiografia, n. 92, Roma 1983, 180.
[116] Ibid., Ittra lil Swor de la Barge, 22 ta’ Ottubru 1689: Vita e opere di Santa Margherita Maria Alacoque, vol. II, Roma 1985, 301.
[117] Ibid., Autobiografia, n. 53, Op. cit., 132.
[118] Ibid., n. 55, op. cit., 134.
[119] San Klawdju de La Colombière, Discorso sulla confidenza in Dio: Discorsi sacri su N.S. Gesù Cristo, su Maria Vergine Santissima, sui Santi, sui Novissimi, ecc., vol. III, Torino 1913, 484-485.
[120] Ibid., Irtir f’Londra, 1-8 ta’ Frar 1677.
[121] Ibid., Eżerċizzi spiritwali f’Lyons, Ottubru-Novembru 1674.
[122] Ara San Charles de Foucauld, Lettre à Madame de Bondy, 27 ta’ April 1897, f’Fonds Charles de Foucauld – Archives Diocésaines Viviers.
[123] Ibid., Ittra lil Madame de Bondy, 28 ta’ April 1901: C. de Foucauld, Lettere a M.me de Bondy. Dalla Trappa a Tamanrasset, Roma 1968, 73. Ara Ittra lil Madame de Bondy, 5 ta’ April 1909: “Huwa permezz tiegħek li sirt naf bl-espożizzjonijiet tas-Santissmu Sagrament, il-barkiet u l-Qalb Imqaddsa!”: ibid., 154.
[124] Ittra lil Madame de Bondy, 7 ta’ April 1890: C. de Foucauld, op. cit., 29.
[125] Ittra lil Dun Huvelin, 27 ta’ Ġunju 1892: C. de Foucauld–Don Huvelin, Corrispondenza inedita, Torino-Leumann 1965, 30.
[126] San Charles de Foucauld, Meditazzjonijiet fuq it-Testment il-Qadim (1896-1897), XXX, 1-21: C. de Foucalud, Chi può resistere a Dio? Meditazioni sulla Sacra Scrittura (1896-1898), Roma 1983, 77-78.
[127] Ibid., Ittra lil Dun Huvelin, 16 ta’ Mejju 1900: C. de Foucauld–Don Huvelin, Corrispondenza inedita, Torino-Leumann 1965, 132-133.
[128] Ibid., Djarju, 17 ta’ Mejju 1906: Opere spirituali, Roma 1983, 346.
[129] Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, Ittra 67 liz-zija tagħha Madame Guérin, 18 ta’ Novembru 1888: Opere complete, Città del Vaticano 1997, 354.
[130] Ibid., Ittra 122 lil Celine, 14 ta’ Ottubru 1890: Opere complete, 421.
[131] Ibid., Poeżija 23, “Lill-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù”, Ġunju u Ottubru 1895: Opere complete, 667-668.
[132] Ibid., Ittra 247, lir-Reverendu Maurice Bellière, 21 ta’ Ġunju 1897: Opere complete, 587.
[133] Ibid., L-aħħar ħsibijiet. Skritt isfar, 11 ta’ Lulju 1897: Opere complete, 1014-1015.
[134] Ibid., Ittra 197, lil Swor Marija tal-Qalb Imqaddsa, 17 ta’ Settembru 1896: Opere complete, 537-538. Dan ma jfissirx li Tereżina ma kinitx toffri sagrifiċċji, niket, dwejjaq bħala mod kif tissieħeb mat-tbatijiet ta’ Kristu, imma meta riedet tinżel fil-fond kienet tara li ma tagħtix lil dawn l-offerti importanza li ma għandhomx.
[135] Ibid., Ittra 142, lil Celine, 6 ta’ Lulju 1893: Opere complete, 451.
[136] Ibid., Ittra 191, lil Lèonie, 12 ta’ Lulju 1896: Opere complete, 528.
[137] Ibid., Ittra 226, lil P. Roulland, 9 ta’ Mejju 1897: Opere complete, 573.
[138] Ibid., Ittra 258 lir-Reverendu Maurice Bellière, 18 ta’ Lulju 1897: Opere complete, 598.
[139] Ara Sant’Injazju ta’ Loyola, Esercizi Spirituali, n. 104, Roma 1984, 110.
[140] Ibid., n. 297, cit., 211.
[141] Ara Ittra lil Sant’Injazju, 23 ta’ Jannar 1541.
[142] De Vita P. Ignatii et Societatis Iesu initiis, c. 8, 96, Bilbao-Santander 2021, 147.
[143] Sant’Injazju ta’ Loyola, Esercizi Spirituali, 54, Roma 1984, 80.
[144] Ara ibid., 230ss.
[145] XXIII Kongregazzjoni Ġenerali tal-Kumpanija ta’ Ġesù, Digriet 46, 1: Institutum Societatis Iesu, 2, Firenze 1893, 511.
[146] “In Lui solo… la speranza”, Milano 1983, 180-181.
[147] Ittra lill-Prepostu Ġenerali tal-Kumpanija ta’ Ġesù, Paray-le-Monial, 5 ta’ Ottubru 1986.
[148] Konferenza lis-Saċerdoti tal-Missjoni, 132 (13 ta’ Awwissu 1655), “Il-faqar”: San Vinċenz de Paul, Opere, vol. 10, Roma 2008, 208.
[149] Konferenzi lil Ulied il-Karità, 89 (9 ta’ Diċembru 1657), “Mortifikazzjoni, korrispondenza, ikel, ħruġ” (Regoli komuni, artt. 24-27): op. cit., vol. 9, 807.
[150] San Danjel Comboni, Kitbiet, 3324: Daniele Comboni, Gli scritti, Bologna 1991, 998.
[151] Ara Omelija fil-quddiesa għall-kanonizzazzjoni, 18 ta’ Mejju 2003: L’Osservatore Romano, 19-20 ta’ Mejju 2003, p. 6.
[152] Ittra enċiklika Dives in misericordia (30 ta’ Novembru 1980), 13: AAS 72 (1980), 1219.
[153] Katekeżi, 20 ta’ Ġunju 1979: L’Osservatore Romano, 22 ta’ Ġunju 1979, p. 1.
[154] Missjunarji Kombonjani tal-Qalb ta’ Ġesù, Regola di Vita, Costituzioni e Direttorio Generale, Roma 1988, 3.
[155] Reliġjużi tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù (Soċjetà tal-Qalb Imqaddsa), Kostituzzjonijiet tal-1982, 7.
[156] Ittra enċiklika Miserentissimus Redemptor (8 ta’ Mejju 1928): AAS 20 (1928), 174.
[157] Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, n. 1085: “Dak kollu li hu Kristu, u dak kollu li għamel u bata għall-bnedmin kollha, għandu sehem mill-eternità ta’ Alla u għalhekk iħaddan iż-żminijiet kollha u jagħmilhom kollha ‘llum’”.
[158] Piju XI, Ittra enċiklika Miserentissimus Redemptor (8 ta’ Mejju 1928): AAS 20 (1928), 174.
[159] Omelija fil-Quddiesa tal-Griżma, 28 ta’ Marzu 2024: L’Osservatore Romano, 28 ta’ Marzu 2024, p. 2.
[160] Sant’Injazju ta’ Loyola, Esercizi Spirituali, 203, Roma 1984, 160.
[161] Omelija fil-Quddiesa tal-Griżma, 28 ta’ Marzu 2024: L’Osservatore Romano, 28 ta’ Marzu 2024, p. 2.
[162] Santa Margerita Marija Alacoque, Autobiografia, n. 55, Roma 1983, 134.
[163] Ibid., Ittra 133, 10: Scritti autobiografici, Roma 1984, 182-183.
[164] Ibid., Autobiografia, n. 92, op. cit., 180.
[165] Ittra enċiklika Annum sacrum (25 ta’ Mejju 1899): ASS 31 (1898-99), 649.
[166] Ġuljanu, Ep. XLIX ad Arsacium Pontificem Galatiæ, Mainz 1828, 90-91.
[167] Ibid.
[168] Dikasteru għad-Duttrina tal-Fidi, Dikjarazzjoni Dignitas infinita (2 ta’ April 2024), 19: L’Osservatore Romano, 8 ta’ April 2024.
[169] Ara Benedittu XVI, Ittra lill-Prepostu Ġenerali tal-Kumpanija ta’ Ġesù fl-okkażjoni tal-50 anniversarju tal-Enċiklika ‘Haurietis aquas’ (15 ta’ Mejju 2006): AAS 98 (2006), 461.
[170] In Num. homil. 12, 1: PG 12, 657.
[171] Epist. 29, 24: PL 16, 1060.
[172] Adv. Arium 1, 8: PL 8, 1044.
[173] Tract. in Joannem 32, 4: PL 35, 1643.
[174] In Ev. S. Joannis, cap. VII, lectio 5.
[175] Piju XII, Ittra enċiklika Haurietis aquas (15 ta’ Mejju 1956), II: AAS 48 (1956), 321.
[176] San Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Redemptoris Mater (25 ta’ Marzu 1987), 38: AAS 79 (1987), 411.
[177] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 62.
[178] Ibid., 60.
[179] Sermones super Cant., XX, 4: PL 183, 869.
[180] Daħla għall-ħajja devota, p. III, c. XXXV: Opere complete di Francesco di Sales, vol. 3: Filotea. Introduzione alla vita devota, Roma 2009, 220-221.
[181] Prietka għas-XVII-il Ħadd wara Għid il-Ħamsin.
[182] Ġesù, il-Passjoni tiegħu, Irtir f’Nazaret, 5-15 ta’ Novembru 1987: C. de Foucauld, La vita nascosta. Ritiri in Terra Santa (1897-1900), Roma 1974, 72.
[183] Mid-19 ta’ Marzu 1902, l-ittri kollha tiegħu jiftħu bil-kelmiet Jesus Caritas mifruda minn qalb b’salib fuqha.
[184] Ittra lil Dun Huvelin, 15 ta’ Lulju 1904: Opere spirituali, Roma 1983, 633.
[185] Ittra lil Dom Martin, 25 ta’ Jannar 1903: C. de Foucauld, “Cette chère dernière place”. Lettres à mes frères de la Trappe, Paris 2012, 311.
[186] Ikkwotata f’René Voillaume, Les fraternités du Père de Foucauld, Paris, 1946, 173.
[187] Meditazioni dei santi Vangeli sui passi relativi a quindici virtù, Nazaret 1897-1898, Carità 77 ( Mt 20,28): C. de Foucauld, Meditazioni sui passi dei vangeli relativi a Dio solo, fede, speranza, carità (1897-1898), Roma 1973, 325.
[188] Ibid., Carità 90 ( Mt 27,30): op. cit., 338.
[189] H. Huvelin, Quelques directeurs d’âmes au XVII siècle, Paris 1911, 97.
[190] Ara Konferenzi lill-Ulied tal-Karità, 85 (11 ta’ Novembru 1657), “Servizz lill-morda, kura tas-saħħa personali” (Regoli komuni, artt. 12-16): San Vinċenz de Paul, Opere, vol. 9, Roma 2008, 757.
[191] Costituzioni e Statuti della Congregazione della Missione, Roma 1984, 110.
[192] Ittra lill-Prepostu Ġenerali tal-Kumpanija ta’ Ġesù (Paray-le-Monial, 5 ta’ Ottubru 1986): L’Osservatore Romano, 6 ta’ Ottubru 1986, p. 7.
[193] San Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Reconciliatio et pænitentia (2 ta’ Diċembru 1984), 16: AAS 77 (1985), 215.
[194] Ara ibid., Ittra enċiklika Sollicitudo rei socialis (30 ta’ Diċembru 1987), 36: AAS 80 (1988), 561-562.
[195] Ibid., Ittra enċiklika Centesimus annus (1 ta’ Mejju 1991), 41: AAS 83 (1991), 844-845.
[196] Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, n. 1888.
[197] Ara Katekeżi, 8 ta’ Ġunju 1994, 2: L’Osservatore Romano, 9 ta’ Ġunju 1994, p. 5.
[198] Diskors lill-parteċipanti fil-kollokju internazzjonali “Réparer l’irréparable”, fit-350 anniversarju mid-dehriet ta’ Ġesù f’Paray-le-Monial, 4 ta’ Mejju 2024: L’Osservatore Romano, 4 ta’ Mejju 2024, p. 12.
[199] Ibid.
[200] Omelija fil-quddiesa ta’ filgħodu fid-Domus Sanctæ Marthæ, 6 ta’ Marzu 2018: L’Osservatore Romano, 5-6 ta’ Marzu 2018, p. 8.
[201] Diskors lill-parteċipanti fil-kollokju internazzjonali “Réparer l’irréparable”, fit-350 anniversarju mid-dehriet ta’ Ġesù f’Paray-le-Monial, 4 ta’ Mejju 2024: L’Osservatore Romano, 4 ta’ Mejju 2024, p. 12.
[202] Omelija fil-Quddiesa tal-Griżma, 28 ta’ Marzu 2024: L’Osservatore Romano, 28 ta’ Marzu 2024, p. 2.
[203] Ibid.
[204] Ibid.
[205] Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 80: AAS 107 (2015), 879.
[206] Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, n. 1085.
[207] Ibid., n. 268.
[208] Autobiografia, n. 53, Roma 1983, 131.
[209] Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, Ms A, 84r: Opere complete, Roma 1997, 209-210.
[210] Ibid.: op. cit., 210.
[211] Ibid.
[212] Ibid., Ms A, 83v: op. cit., 209; ara Ittra 226 lil Patri Adolfo Roulland, 9 ta’ Mejju 1897: op. cit., 572.
[213] Ibid., Att ta’ offerta tiegħi vittma ta’ sagrifiċċju lill-Imħabba kollha ħniena ta’ Alla l-Imbierek, 2r-2v: op. cit., 943.
[214] Ibid., Ms B, 3v: op. cit., 223.
[215] Ibid., Ittra 186, lil Lèonie, 11 ta’ April 1896: op. cit., 521.
[216] Ibid., Ittra 258, lir-Reverendu Maurice Bellière, 18 ta’ Lulju 1897, 2r: Op. cit., 598.
[217] Ara Piju XI, Ittra enċiklika Miserentissimus Redemptor (8 ta’ Mejju 1928): AAS 20 (1928), 169.
[218] Ibid.
[219] San Ġwanni Pawlu II, Katekeżi, 20 ta’ Ġunju 1979: L’Osservatore Romano, 22 ta’ Ġunju 1979, p. 1.
[220] Omelija fil-quddiesa ta’ filgħodu fid-Domus Sanctæ Marthæ, 27 ta’ Ġunju 2014: L’Osservatore Romano, 28 ta’ Ġunju 2014, p. 8.
[221] Messaġġ fiċ-ċentinarju tal-konsagrazzjoni tal-ġeneru uman lill-Qalb divina ta’ Ġesù, Warsaw, 11 ta’ Ġunju 1999, Solennità tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù: L’Osservatore Romano, 12 ta’ Ġunju 1999, p. 5.
[222] Ibid.
[223] Ittra lill-Arċisqof ta’ Lyons fl-okkażjoni tal-pellegrinaġġ f’Paray-le-Monial, għaċ-ċentinarju tal-konsagrazzjoni tal-ġeneru uman lill-Qalb divina ta’ Ġesù, 4 ta’ Ġunju 1999: L’Osservatore Romano, 12 ta’ Ġunju 1999, p. 4.
[224] Konferenza lis-Saċerdoti tal-Missjoni, 135 (22 ta’ Awwissu 1655), “Ripetizzjoni tal-Orazzjoni”: San Vinċenz de Paul, Opere, vol. 10, Roma 2008, 237-238.
[225] Ittra Diserti interpretes (25 ta’ Mejju 1965), 4: Enchiridion della Vita Consacrata, Bologna-Milano 2001, n. 3809.
[226] Vita Nova, XIX, 5-6 .
[227] Ms A, 45v: Opere complete, Roma 1997, 146.
Imħejji minn Mons. Prof. Hector Scerri
Ir-referenzi huma lkoll għall-paragrafi tal-Enċiklika. Il-lista tal-kliem, f’ordni alfabetiku, hi għall-ismijiet ta’ awturi u qaddisin, kif ukoll għat-temi u l-kunċetti prinċipali li huma ppreżentati mill-Papa f’dan id-dokument tal-Maġisteru Pontifiċju.
Kliem bħal mħabba, ħniena, qalb, Ġesù, Alla u Evanġelju mhumiex inklużi fl-Indiċi peress li jidhru spiss ħafna, tul l-Enċiklika kollha.
A
Abbandun fi Kristu, 126
Adorazzjoni, 49, 50, 85
Alacoque, Santa Margerita M., 80, 119-126, 128, 165, 194
Aljenazzjoni soċjali, 183
Ambroġ, Sant’, 102, 174
Arrupe, Pedro, 146
Awtoreferenzjalità, 17
B
Bażilju, San, 62
Benedittu XVI, il-Papa, 64, 81
Bernard, San, 104, 177
Bonaventura, San, 26, 106, 107, 108
C
Certeau, de, 24
Comboni, San Daniele, 150
D
Dante, 209
Devozzjoni, 78-91, 109, 112, 144-151, 163
Dinja likwida, 9, 10
Dixxipli ta’ Għemmaws, 4
Dixxiplu l-maħbub, id-, 103
Djalogu, 26
Dmugħ, 159
Dnub, 183, 188
Dostoevskij, 12
Duwaliżmu, 87, 88
E
Eudes, San Ġwann, 113
Ewkaristija, 26, 84, 85, 166
Eżerċizzi Injazjani, 128, 143, 144, 145, 147
F
Faraġ, 153, 155, 157, 158, 161, 162
Favre, San Pietru, 144
Fiduċja fil-Mulej, 126, 137, 138, 141
Foqra, 169, 170, 190, 213
Foucauld, San Charles, 130, 131, 132, 179
Frammentazzjoni, 17
Franġisk de Sales, San, 114-118, 178
Fraternità, 179, 190
Ġ
Ġanseniżmu, 80, 84, 86, 87
Ġertrude, Santa, 110
Ġlormu, San, 103
Ġuljan l-Apostata, 169
Ġustizzja divina, 195-198
Ġwann Damaxxenu, San, 62
Ġwann Kriżostmu, San, 62
Ġwann tas-Salib, San, 69
Ġwanni Pawlu II, il-Papa San, 71, 75, 80, 101, 147, 149, 182-184, 206
G
Gideb, 7
Guardini, Romano, 12
Guliermu ta’ Saint-Thierry, 105
GĦ
Għarfien tagħna nfusna, 15, 24, 30
Għatx għall-imħabba, 166, 203, 216
Għerejjex, Festa tal-, 94, 97
Għid, Misteru tal-, 124, 156, 157, 193
Ħ
Ħarsa ta’ Ġesù, 39-41, 54
Ħażen, 177
Ħbiberija (ara Relazzjoni)
H
Heidegger, 16, 17
Huvelin, Abbé, 180
I
Ilma ħaj, 173, 174, 219, 220
Injazju ta’ Antjokja, Sant’, 71
Injazju ta’ Loyola, Sant’, 24, 144, 145
Inkarnazzjoni, 34, 49, 61, 62, 66, 68
Intelliġenza artifiċjali, 20
Irinew, Sant’, 74
K
Katarina ta’ Siena, Santa, 111
Klawdju de la Colombière, San, 125-128
Knisja, 219
Komunjoni, 212
Konsagrazzjoni, 206
Kustat ta’ Kristu, 95-99, 101, 102, 104, 107, 109, 114, 116, 144, 149, 151, 176, 219
L
Ljun XIII, il-Papa, 79, 166
M
Maħfra, 142, 189
Marija, il-Verġni, 19, 42, 176
Mario Vittorino, 174
Medjazzjoni ta’ Kristu, 176
Missjoni, 208, 209, 215
Missjunarji, 208-210, 216
N
Nar, 24, 30, 54
Narċisiżmu, 17
Newman, San John Henry, 26
Njostiċiżmu, 87
O
Offerta, 195, 198, 199
Oriġene, 74, 173
P
Passjoni ta’ Kristu, 154, 156, 157, 161, 171, 175, 193, 195, 197, 201
Pawl, San, 46
Pawlu VI, il-Papa San, 208
Piju XI, il-Papa, 79, 153, 155, 156
Piju XII, il-Papa, 79, 82, 83, 86
Pjetà popolari, 160
Preżenza, 152
Proxxmu, 178, 182, 203
Q
Qadi, 213-215
Qalba, 21, 48, 55, 146
Qerq, 6, 7
Qima, 52, 57
R
Relazzjoni ma’ Kristu, 105, 108, 110, 111, 114, 115, 132, 134, 138, 140, 155, 173, 175, 211, 212, 215, 217
Reliġjożità, xejriet żbaljati ta’, 87
Rieda, 24
Riparazzjoni, 153, 155, 181-195, 200, 201, 204, 206
Rufinu, 102
S
Sagramenti, 106, 107
Salib, is-, 46, 201
Sensus fidelium, 154
Sinċerità, 5
Skrittura, 141
Sogħba, 158, 159, 161
Spirtu s-Santu, 121
T
Tereża tal-Bambin Ġesù, Santa, 90, 133-142, 195-199, 216
Trinità, 70-77
Tumas ta’ Aquino, San, 174
U
Umiltà, 202
V
Vatikan II, 29, 30
Viċinanza tal-Mulej, 34-38, 43, 44 (ara wkoll il-ħarsa ta’ Ġesù)
Vinċenz de Paul, San, 148, 180, 207
W
Wistin, Santu, 62, 103, 155, 174
Ż
Żgħar tas-soċjetà, 170