VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

F’BUDAPEST FL-OKKAŻJONI TAL-QUDDIESA TA’ TMIEM

IT-52 KUNGRESS EWKARISTIKU INTERNAZZJONALI,

U FIS-SLOVAKKJA

(12-15 ta’ SETTEMBRU, 2021)

LAQGĦA MAL-KOMUNITÀ GĦEBRAJKA

 DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Pjazza Rybné námestie (Bratislava)
It-Tnejn, 13 ta’ Settembru, 2021

 Għeżież ħuti, il-lejla t-tajba!

Irroddilkom ħajr tal-kliem ta’ merħba u għax-xhieda li tajtu.  Jien ninsab hawn bħala pellegrin biex immiss dan il-post u nħallih imiss lili.  Il-pjazza li qiegħdin fiha hi ta’ tifsir kbir għall-komunità tagħkom.  Iżżomm ħajja t-tifkira tal-għana tal-imgħoddi: għal sekli sħaħa kienet il-kwartier għebrajk; hawnhekk kien jaħdem iċ-ċelebri rabbi Chatam Sofer.  Hawnhekk kien hawn sinagoga propju biswit il-Katidral tal-Inkoronazzjoni.  Kif intqal, l-arkitettura kienet espressjoni ta’ konvivenza paċifika bejn iż-żewġ komunitajiet, simbolu rari u ta’ impatt kbir, sinjal stupend ta’ għaqda f’isem Alla ta’ missirijietna.  Hawnhekk jien ukoll qed inħoss il-bżonn, bħal ħafna minnhom, li “ninża’ s-sandli”, għax ninsab f’imkien imbierek mill-fraternità tal-bnedmin f’isem l-Aktar Għoli.

Iżda aktar tard, isem Alla safa mkasbar: fil-ġenn tal-mibegħda, fit-tieni gwerra dinjija, kienu nqatlu aktar minn mittelf għebrej slovakki.  U meta riedu jeqirdu għal kollox kull ħjiel tal-komunità, inqerdet ukoll is-sinagoga ta’ hawnhekk.  Hemm miktub: “Issemmix isem Alla fil-batal” (Eż 20,7).  L-isem divin, jiġifieri l-istess realtà personali tiegħu, hi sejħa fiergħa meta tkun abbużata d-dinjità unika tal-bniedem maħluq xbieha tiegħu.   Hawnhekk isem Alla safa mżeblaħ, għax l-akbar dagħwa li tista’ ssirlu hi dik li (isem Alla) jintuża għal-għanijiet personali minflok bir- rispett u l-imħabba tal-oħrajn.  Hawnhekk, quddiem l-istorja tal-poplu għebrajk, immarkat b’din l-offiża traġika u kundannabbli għall-aħħar, nistħu nammettu: kemm drabi l-isem ineffabbli tal-Aktar Għoli kien użat biex jitwettqu atti ta’ diżumanità li ma jitfissrux!  Kemm oppressuri ddikjaraw: “Alla magħna”, iżda kienu huma stess li ma kinux ma’ Alla.

Għeżież ħuti, l-istorja tagħkom hi l-istorja tagħna, in-niket tagħkom huwa n-niket tagħna.  Għal xi wħud minnkom, dan il-Memorjal tax-Shoah hu l-imkien waħdieni fejn tistgħu tagħtu ġieħ lill-memorja tal-għeżież tagħkom.   Jien ukoll ningħaqad magħkom.  Fuq il-Memorjal hemm miktub bl-Għebrajk Zachor: “Ftakar!”  Il-memorja ma tistax u m’għandhiex iċċedi postha biex tnessi kollox għaliex mhux se jkun hemm żerniq dejjiemi ta’ fraternità jekk qabel ma nkunux qsamna bejnietna u ħallejna d-dlam tal-lejl.  Tidwi għalina wkoll il-kelma tal-profeta: “Għassies, fiex inhu l-lejl?” (Iż 21.11).  Għalina dan hu żmen li fih ma nistgħux indallmu x-xbieha ta’ Alla li tilma fil-bniedem.  Ngħinu lil xulxin f’dan.  Għax illum ukoll l-idoli fiergħa u foloz ma jonqsux, idoli li jkasbru isem l-Aktar Għoli.  Huma dawk tal-poter u tal-flus li qed jimponu ruħhom fuq id-dinjità tal-bniedem, l-indifferenza li ddawwar wiċċha n-naħa l-oħra, il-manipulazzjoni li tistrumentalizza r-reliġjon u tagħmilha oġġett ta’ supremazija, inkella tagħmilha irrilevanti.  Aktar, meta ninsew l-imgħoddi, l-injoranza li tġġustifika kollox, ir-rabja u l-mibegħda.  Aħna magħqudin, - intenniha - biex nikkundannaw kull vjolenza, kull għamla ta’ antisemitiżmu, fl-impenn biex ix-xbieha ta’ Alla fil-ħlejqa umana ma tkunx imkasbra.

Imma dil-pjazza, għeżież ħuti, hi wkoll imkien fejn jilma d-dawl tat-tama.  Kull sena intom tiġu hawn biex tixegħlu l-ewwel fjamma tal-kandelabru taċ-Chanukia.  Hekk, fid-dlam, jidher il-messaġġ li mhux il-qerda u l-mewt għandhom l-aħħar kelma, iżda t-tiġdid  u l-ħajja.  U jekk is-sinagoga f’dal-post inqerdet, il-komunità għadha hawn.  Hi ħajja u miftuha għad-djalogu.  Hawnhekk jiltaqgħu mill-ġdid l-istejjer tagħna.  Hawnhekk flimkien, quddiem Alla, naffemaw ir-rieda li nibqgħu għaddejjin fil-mixja ta’ avviċinament u ħbiberija.

Rigward dan għadni ngħozz ħajja t-tifkira li kelli f’Ruma fl-2017 mar-rappreżentanti tal-komunitajiet għebrajċi u nsara tagħkom.  Jien kuntent li wara twaqqfet kummissjoni għad-djalogu mal-Knisja kattolika u li flimkien ippubblikajtu dokumenti importanti.  Hu sewwa li flimkien naqsmu u nxandru dak li jgħaqqadna.  Huwa tajjeb ukoll li nibqgħu għaddejjin, bil-verità u s-sinċerità, fil-mixja fraterna ta’ tisfija tal-memorja biex infejqu l-ġrieħi tal-imgħoddi, kif ukoll biex niftakru t-tajjeb li rċevejna u offrejna.  Skont it-Talmud min jeqred imqar bniedem wieħed ikun qed jerqed id-dinja kollha, u min isalva bniedem ikun salva d-dinja kollha.  Kull bniedem jiswa, u jiswa ħafna dak li tagħmlu bil-kondiviżjoni prezzjuża tagħkom.  Irroddilkom ħajr tal-bibiem li ftaħtu miż-żewġ naħat.

Id-dinja teħtieġ bibien miftuħin.  Huma sinjali ta’ barka għall-umanità.  Lill-missierna Abram Alla qallu: “Bik jitbierku t-tribujiet kollha tal-art” (Ġen 12,4).  Ir-ritornell tal-arloġġ tal-ħajja tal-missirijiet (cfr Ġen 18,18; 22,18; 26,4).  Lil Ġakobb, jew Iżrael, Alla qallu: “U jkun nislek bħat-trab tal-art, u int għad tinfirex lejn il-Punent u lejn il-Lvant, lejn it-Tramuntana u lejn in-Nofsinhar u jitbierku bik u bin-nisel tiegħek it-tribujiet kollha tal-art” (Ġen 28,14).  Hawnhekk, f’din l-art slovakka, art ta’ laqgħa bejn il-lvant u l-punent, bejn it-tramuntana u n-nofsinhar, il-familja ta’ ulied Iżrael tkompli tikkultiva dil-vokazzjoni, is-sejħa biex tkun sinjal ta’ barka għall-familji kollha tad-dinja.  Il-barka tal-Aktar Għoli tkun fuqna meta tara familja ta’ aħwa li jirrispettaw lil xulxin, iħobbu lil xulxin u jikkollaboraw flimkien.  Iberikkom Dak li jista’ kollox, għax fost tant inkwiet li qed iniġġes id-dinja tagħna intom tkunu dejjem u flimkien xhieda tal-paċi!  Shalom! 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber