Laqgħa mal-Isqfijiet tal-Mediterran

DISKORS tal-QDUSIJA TIEGĦU PAPA FRANĠISKU

Bażilka ta’ San Nikola (Bari)
Il-Ħadd 23 ta’ Frar 2020

Għeżież ħuti,

Kuntent li qed niltaqa’ magħkom, u nħossni grat lejkom talli aċċettajtu l-istedina tal-Konferenza Episkopali Taljana biex tieħdu sehem f’din il-laqgħa li ġabet flimkien il-Knejjes tal-Mediterran. Illum, waqt li qegħdin f’din il-Knisja, fil-bażilka ta’ San Nikola, tiġi f’moħħi l-laqgħa oħra li saret hawnhekk f’Bari, meta ltqajna mal-mexxejja tal-Knejjes Insara, Ortodossi, Kattoliċi.... Din hi t-tieni darba li fi ftit xhur qed nagħmlu dan il-ġest ta’ unità. L-ewwel laqgħa kienet meta sibna ruħna flimkien għall-ewwel darba wara x-xiżma, u din it-tieni waħda hi l-ewwel darba li qed niltaqgħu flimkien bħala l-isqfijiet kollha tal-Mediterran. Jekk Mons. Cacucci jaqbel magħna, naħseb li nistgħu ngħidu li Bari hi l-belt kapitali tal-unità fil-Knisja! Eċċellenza, grazzi ħafna tal-akkoljenza tiegħek.

Meta l-Kardinal Bassetti qalli b’din l-inizjattiva, mill-ewwel ilqajtha bil-ferħ. Rajt li tista’ tiftaħ triq għal proċess ta’ smigħ u diskussjoni li jgħin biex tinbena l-paċi f’din il-parti kruċjali tad-dinja. Għalhekk xtaqt li nkun preżenti u nuri l-importanza ta’ dan il-mudell ġdid ta’ fraternità u kolleġġjalità li intom tirrappreżentaw. Għoġbitni l-kelma li intom żidtu ma’ djalogu:ġovjalità

Hu sinifikattiv il-fatt li din il-laqgħa qed issir f’Bari, belt hekk  importanti minħabba r-rabtiet tagħha mal-Lvant Nofsani u l-Afrika, sinjal ċar tal-għeruq fondi tar-relazzjonijiet  bejn popli u tradizzjonijiet differenti. Id-djoċesi ta’ Bari dejjem għamlet ħilitha biex iżżomm ħaj id-djalogu ekumeniku u dak interreliġjuż, filwaqt li ħadmet bis-sħiħ biex twaqqaf rabtiet ta’ stima reċiproka u fraternità. Ma kienx b’kumbinazzjoni, li sena u nofs ilu, - kif ġa għidt – għażilt din il-belt biex niltaqa’ mal-mexxejja tal-komunitajiet Insara tal-Lvant Nofsani meta saret il-laqgħa importanti ta’ diskussjoni u komunjoni bl-għan li l-Knejjes aħwa jimxu flimkien u jħossuhom aktar qrib xulxin.

Intom qed tiltaqgħu hawnhekk  biex tirriflettu fuq il-vokazzjoni u l-ġejjieni tal-Mediterran, fuq it-trażmissjoni tal-fidi u l-ħidma favur il-paċi. Il-Mare nostrum  hu l-post fiżiku u spiritwali fejn issawret iċ-ċiviltà tagħna minn diversi popli li ġew flimkien. Il-pożizzjoni tiegħu tobbliga lill-popli u ‘l-kulturi ta’ madwaru biex ikunu qrib xulxin, filwaqt li jistedinhom biex iżommu quddiem għajnejhom dak li hemm komuni bejniethom u biex jifhmu li hu biss permezz tal-għaqda ta’ bejnithom li jistgħu jgawdu l-opportunitajiet li joffri dan ir-reġjun, grazzi għar-riżorsi, għall-ġmiel naturali u għat-tradizzjonijiet differenti.   

Il-proċess ta’ globalizzazzjoni li qed ngħixu f’dan iż-żmien bl-ebda mod ma jnaqqas l-importanza ta’ din il-parti tad-dinja. Anzi bil-kontra: il-globalizzazzjoni kompliet tenfasizza r-rwol tal-Mediterran, fejn għandek nisġa ta’ interessi u kurrenti soċjali, politiċi, reliġjużi u ekonomiċi importanti. Il-Mediterran jibqa’ żona strateġika, li l-ekwilibrju tagħha jħalli impatt anki fuq partijiet oħra tad-dinja.

Nistgħu ngħidu li d-daqs tal-Mediterran mhux proporzjonat mal-importanza tiegħu li twasslek biex tqabblu aktar ma’ oċean milli ma’ għadira, kif għamel Giorgio La Pira. Filwaqt li xebbaħ lil dan il-baħar mal-“għadira kbira ta’ Tiberiade”, hu silet analoġija bejn żmien Ġesù u żmienna, bejn l-ambjent li Ġesù għex fih u dak li qed jgħixu fih il-popli tal-lum. Ġesù għex u ħadem f’kuntest ta’ kulturi u twemmin differenti, u llum aħna wkoll qed ngħixu f’ambjent b’diversi wċuh, mifni b’firdiet u diżugwaljanzi, fejn dejjem tonqos l-istabbiltà. Aħna msejħin biex noffru x-xhieda tagħna ta’ għaqda u paċi propju fejn hemm dawn il-firdiet u kunflitti ekonomiċi, reliġjużi, konfessjonali u politiċi. Il-fidi u s-sehem tagħna fil-ħajja tal-Knisja, jqanqluna biex nistaqsu lilna nfusna x’għandu jkun is-sehem tagħna bħala dixxipli tal-Mulej u x’nistgħu noffru lill-irġiel u nisa kollha li jgħixu fir-reġjun tal-Mediterran.

It-trażmissjoni tal-fidi u l-frott li joħroġ mill-patrimonju li nsibu fil-Mediterran huma marbutin. Il-komunitajiet insara jieħdu ħsieb dan il-patrimonju u jżommuh ħaj permezz tal-katekeżi u taċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti, tal-formazzjoni tal-kuxjenzi u tas-smigħ individwali u komunitarju tal-Kelma tal-Mulej. Grazzi b’mod partikulari għall-pjetà popolari, l-esperjenza nisranija ħadet forma sinifikattiva li ma ntilfitx matul iż-żmien: id-devozzjoni tal-poplu, li fil-biċċa l-kbira tagħha hi espressjoni ta’ fidi sempliċi u ġenwina. Meta niġi biex nitkellem dwar dan, spiss inħoss li għandi nsemmi dak il-ġojjell li nsibu f’numru 48 tal-Evangelii nuntiandi. Hawnhekk, meta San Pawlu VI tkellem dwar il-pjetà popolari, hu għamel użu mill-kelma “pjetà” minflok il-kelma “reliġjożità”, u anki ppreżenta r-rikkezzi u  n-nuqqasijiet tagħha. Din is-silta għandha tiggwidana fit-tħabbira tal-Evanġelju.   

F’din l-erja nsibu wkoll potenzjal enormi artistiku li jgħaqqad il-kontenut tal-fidi mar-rikkezza tal-kulturi, mal-ġmiel tal-opri tal-arti. Dan hu patrimonju li jattira miljuni ta’ nies mid-dinja kollha biex imorru jarawh. Jeħtieġ li jkun imħares b’attenzjoni, għax dan hu wirt prezzjuż li ġie “misluf” lilna u rridu ngħadduh lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.

Dan kollu jurina li t-tħabbira tal-Evanġelju ma nistgħux nifirduha mill-impenn favur il-ġid komuni, u jqanqalna biex ma ngħejjew qatt naġixxu bħala bennejja tal-paċi. Illum, fl-erja tal-Mediterran insibu bosta rqajja ta’ instabbiltà u ta’ gwerra, kemm fil-Lvant Nofsani kif ukoll f’xi stati tal-Afrika ta’ Fuq,  u anki bejn diversi etniji u gruppi reliġjużi u konfessjonali. Ma ninsewx ukoll il-kunflitt li għad hemm bejn l-Israeliti u l-Palestnjani, flimkien mal-periklu li ma jkunx hemm soluzzjonijiet ekwi, xi ħaġa li twassal għal kriżijiet ġodda.

Il-gwerra, li torjenta r-riżorsi tal-pajjiż lejn ix-xiri tal-armi u l-forza militari mingħajr attenzjoni għall-ħtiġijiet soċjali, bħal għajnuna lill-qasam tal-familja, tas-saħħa u tal-edukazzjoni, hi xi ħaġa li ma tagħmilx sens. Hekk jgħid it-tagħlim ta’ San Ġwanni XXIII (ara Enc. Pacem in terris, 62; 67). Fi kliem ieħor, il-gwerra hi ġenn, għax hu ġenn teqred djar, pontijiet, fabbriki, sptarijiet; hu ġenn toqtol in-nies u ġġib fix-xejn ir-riżorsi minflok ma tibni relazzjonijiet umani u ekonomiċi. Ma nistgħux nirrassenjaw ruħna u naċċettaw dan il-ġenn: qatt ma nistgħu nqisu l-gwerra bħala xi ħaġa normali jew naċċettawha bħala t-triq inevitabbli biex nirregolaw id-diverġenzi u l-kunflitti ta’ interess. Dan ma nistgħu nagħmluh qatt!

Il-paċi tibqa’ l-għan aħħari ta’ kull soċjetà umana, u għal darb’oħra nisħqu li “m’hemm ebda alternattiva oħra għall-paċi, għal ħadd”. (Laqgħa mal-Mexxejja tal-Knejjes u Komunitajiet Insara tal-Lvant Nofsani, Bari, 7 ta’ Lulju 2018). M’hemm ebda alternattiva oħra bis-sens,  għax kull proġett ta’ sfruttament u supremazija jbaxxi kemm lil min iwettqu kif ukoll lil min ikun milqut minnu. Dan juri li wieħed ma jħarisx fil-bogħod, għax ma joffri futur lil ħadd.  Il-gwerra hi falliment ta’ kull pjan uman u divin: biżżejjed iżżur raħal jew belt milquta mill-ġlied biex tara x’tagħmel il-mibegħda: tibdel ġnien f’art ta’ deżolazzjoni, u ġenna tal-art issir infern. Ma’ dan nixtieq inżid id-dnub gravi tal-ipokresija. Ikun hemm laqgħat internazzjonali fejn bosta pajjiżi jitkellmu fuq il-paċi, imbagħad ibigħu armi lill-pajjiżi li jkunu fi gwerra. Din hi ipokreżija fl-aqwa tagħha.     

 Ma jistax ikun hemm paċi jekk ma jkunx hemm ġustizzja, u l-Knisja u kull istituzzjoni ċivili oħra trid tħares lejn il-ġustizzja bħala prijorità. Il-paċi hi kkalpestata meta l-ħtiġijiet tal-individwi jkunu injorati u meta l-interessi ekonomiċi ta’ xi parti jiġu qabel id-drittijiet tal- individwi u tal-komunità. Barra minn hekk, il-ġustizzja hi mfixkla mill-kultura tal-iskart, li tittratta lill-persuni daqs li kieku kienu oġġetti, u tiġġenera u tkabbar id-diżugwaljanzi b’mod li fuq ix-xtut ta’ dan l-istess baħar hemm soċjetajiet li jgħumu fl-abbundanza tal-ġid u oħrajn fejn bosta jissiltu biex ikunu jistgħu jgħixu.

Il-komunitajiet insara li jwettqu numru bla għadd ta’ opri ta’ karità, ta’ edukazzjoni u ta’ formazzjoni, jagħtu s-sehem deċiżiv tagħhom biex tingħeleb din il-kultura. Kull darba li d-djoċesijiet, il-parroċċi, l-assoċjazzjonijiet, il-volontarjat – il-volontarjat hu wieħed mit-teżori l-kbar tal-pastorali Taljana – jew individwi jaħdmu biex jgħinu lil min hu abbandunat jew fil-bżonn, l-Evanġelju jakkwista qawwa ġdida li tattira lejh. 

Meta nfittxu l-ġid komuni – li hu isem ieħor tal-paċi – tajjeb nużaw il-kriterju li jindika l-istess La Pira: li nkunu ggwidati minn “dak li jistennew il-foqra” (“Le attese della povera gente”, in Cronache sociali 1/1950). Jekk nieħdu dan il-prinċipju bis-serjetà, li qatt m’għandu jitwarrab minħabba kalkoli jew raġunijiet ta’ konvenjenza, naraw isseħħ żvolta antropoloġika radikali, li tagħmel lil kulħadd aktar uman.

X’tiswa soċjetà li tikseb riżultati teknoloġiċi ġodda, imbagħad ma tkunx solidali ma’ min hu fil-bżonn? Iżda bit-tħabbira tal-Evanġelju aħna nittrażmettu l-loġika li ħadd ma għandu jibqa’ lura u nagħmlu ħilitna sabiex b’impenn dejjem aktar attiv, il-Knisja, il-Knejjes ikunu sinjal ta’ attenzjoni privileġġata lejn iż-żgħir u l-fqir, ħalli “l-membri tal-ġisem li jidhru l-aktar dgħajfa, jkunu l-aktar meħtieġa” (1 Kor 12,22) u “jekk membru jbati, il-membri kollha jbatu miegħu” (1 Kor 12, 26).

Fost dawk li l-aktar ibatu fil-Mediterran, hemm dawk li jaħarbu mill-gwerra jew iħallu arthom biex ifittxu ħajja li tixraq lill-bniedem. In-numru ta’ dawn ħutna li qed ikollhom jabbandunaw lil dawk li jħobbu u lil art twelidhom u jiffaċċaw kundizzjonijiet ta’ prekarjetà estrema, qiegħed dejjem jiżdied, għax żdiedu l-kunflitti u l-kundizzjonijiet drammatiċi tal-klima u tal-ambjent. Faċli tantiċipa li dan il-fenomenu, bid-dinamika epokali tiegħu, ser iħalli effett fuq ir-reġjun tal-Mediterran, u għalhekk l-Istati u l-komunitajiet reliġjużi ma jistgħux ma jkunux ippreparati. Dan il-fenomenu qed jaffettwa mhux biss lill-pajjiżi li minnhom jgħaddu għadd kbir ta’ immigrati waqt li jkunu qed jivvjaġġaw u lill-pajjiżi fejn ikunu jridu jaslu fl-aħħar tal-vjaġġ tagħhom, imma qed ikollu effett ukoll fuq il-gvernijiet u l-Knejjes tal-pajjiżi mnejn qed jitilqu dawn in-nies. Il-fatt li qed jitilqu għad kbir ta’ żgħażagħ qed ifaqqar il-ġejjieni ta’ dawn il-pajjiżi.  

Nafu li hemm diversi kuntesti soċjali fejn qed tiżdied l-indifferenza, u saħansitra fejn hi miċħuda l-għajnuna, xi ħaġa li tfakkrek fl-attaġġjament ta’ dawk li jingħalqu fir-rikkezza u l-awtonomija tagħhom infushom bla ma jagħtu kas ta’ min jitlob l-għajnuna bil-kliem jew bil-ħajja iebsa li jkun jinsab fiha; bosta parabboli tal-Evanġelju jwissuna kontra din l-imġiba. Qed jikber ukoll ċertu sens ta’ biża’ li jqanqal il-ħtieġa li wieħed jiddefendi ruħu minn dik li qed tkun impinġija bħala invażjon, sitwazzjoni li qed tkun strumentalizzata. Ir-retorika dwar ċiviltà kontra oħra sservi biss biex tiġġustifika l-vjolenza u tqanqal il-mibegħda. Il-falliment fil-politika jew id-dgħufija tagħha u l-partiġjaniżmu jwasslu għal forom ta’ radikaliżmu u ta’ terroriżmu. Il-komunità internazzjonali ħasbet għall-interventi militari minflok ma sawret istituzzjonijiet li jiggarantixxu opportunitajiet indaqs u spazji fejn iċ-ċittadini jkunu jistgħu jħossuhom responsabbli tal-ġid komuni.

Ħuti, hemm bżonn li aħna ngħollu leħinna biex nitolbu lill-gvernijiet iħarsu l-minoranzi u l-libertà reliġjuża. Hemm komunitajiet insara – iżda mhux huma biss - li qed ikunu vittmi tal-persekuzzjoni. Din il-ferita  ma tistax tħallina indifferenti.

Fl-istess ħin qatt ma nistgħu naċċettaw li dawk li qed ifittxu t-tama permezz tal-baħar jispiċċaw imutu bla għajnuna, jew inkella li dawk li jiġu mill-bogħod jispiċċaw vittmi ta’ sfruttament sesswali, ħlas mhux xieraq jew maħkuma minn gruppi mafjużi. 

Naf li l-akkoljenza u l-integrazzjoni dinjituża huma parti minn proċess li mhu faċli xejn, iżda  ma nistgħux naffaċċaw dan il-proċess billi nibnu ħitan. Inħoss ċertu biża’ meta nisma’ dak li jgħidu xi mexxejja ta’ forom ġodda ta’ populiżmu; ifakkruni f’diskorsi tas-snin ’30 fis-seklu l-ieħor li kienu jiżirgħu l-biża’ u mbagħad il-mibegħda. Kif ġa għidt, qatt ma nistgħu naffrontaw il-proċess ta’ akkoljenza u integrazzjoni dinjituża billi nibnu l-ħitan. Jekk nagħmlu dan, inkunu qed nagħlqu l-bieb għar-rikkezza tal-oħrajn li dejjem tippreżentalna okkażjoni biex nikbru. Meta nirrifjutaw ix-xewqa għall-komunjoni li tinsab miktuba fil-qalb ta’ kull bniedem u fl-istorja tal-ġnus, inkunu qed immorru kontra l-proċess tal-għaqda tal-familja umana, li minkejja l-isfidi kollha hu proċess li qed ikompli javanza. Il-ġimgħa li għaddiet, artista minn Turin bagħatli kwadru żgħir maħdum bi ħruq fuq l-injam, li juri l-ħarba tal-Familja Mqaddsa lejn l-Eġittu. San Ġużepp ma tantx jidher trankwill kif imdorrijin narawh; għandu l-bixra ta’ rifuġjat Sirjan b’tifel fuq spallejh. F’dan il-kwadru toħroġ it-tbatija u l-esperjenza iebsa ta’ Ġesù Bambin fil-ħarba lejn l-Eġittu. Dan hu li qed isseħħ illum.

Il-Mediterran għandu vokazzjoni unika f’dan ir-rigward: huwa baħar fejn in-nies jitħalltu ma’ xulxin, “kulturalment dejjem miftuħ biex in-nies jiltaqgħu, biex ikun hemm djalogu u inkulturazzjoni reċiproka” (Laqgħa mal-Mexxejja tal-Knejjes u tal-Komunitajiet Insara fil-Lvant Nofsani, Bari, 7 ta’ Lulju 2018). In-nozzjonijiet dwar razza pura m’għandhomx futur.  Il-messaġġ tat-taħlit għandu ħafna x’jgħidilna. Għalhekk, hemm potenzjal straordinarju fil-fatt li nagħmlu parti mir-reġjun tal-Mediterran: ejjew ma nħallux l-ispirtu ta’ nazzjonaliżmu jiġri bina biex inxerrdu persważjoni bil-kontra, jiġifieri biex ngħidu li dawk l-istati li huma inqas aċċessibbli u ġeografikament aktar iżolati huma privileġġati. Id-djalogu biss jagħtina l-possibbiltà li niltaqgħu, negħlbu l-preġudizzji u l-isterotipi, nirrakkuntaw l-istejjer tagħna u nsiru nafu aħjar lilna nfusna. Id-djalogu hu dik il-kelma li smajt illum: konvivjalità.

Iż-żgħażagħ ukoll jirrapreżentaw opportunità partikulari. Meta dawn ikunu mogħtija r-riżorsi u l-possibiltajiet meħtieġa biex ikunu l-protagonisti tal-ġejjieni tagħhom, huma juru li  kapaċi jiġġeneraw futur u tama. Dan jista’ jseħħ biss fejn hemm akkoljenza li ma tkunx superfiċjali imma li tkun sinċiera u trid tagħmel il-ġid. Trid tkun mgħejxa fil-livelli kollha, kemm fir-relazzjonijiet interpersonali fil-ħajja ta’ kuljum kif ukoll fuq livell politiku u istituzzjonali, u jridu jinkuraġġuha dawk li jfasslu kultura u għandhom responsabbiltà akbar fejn tidħol l-opinjoni publika.

Għal min jemmen fl-Evanġelju, id-djalogu m’għandux biss valur antropoliġiku, imma wkoll valur teoloġiku. Tisma’ lil ħuk mhuwiex biss att ta’ mħabba, imma wkoll mod kif tisma’ l-Ispirtu t’Alla, li żgur jaħdem anki fil-persuna l-oħra u jsemma’ leħnu  lil hinn mil-limiti li spiss aħna jkollna t-tentazzjoni li nagħlqu fihom il-verità. Imbagħad jeħtieġ nagħrfu l-valur tal-ospitalità: “Xi wħud laqgħu l-anġli bla ma kienu jafu” (Lhud 13,2)

Hemm bżonn nelaboraw teoloġija tal-akkoljenza u tad-djalogu, li twassal biex niġġeddu fl-interpretazzjoni u t-tixrid tat-tagħlim bibliku. Din it-teoloġija tista’ tkun elaborata biss jekk nagħmlu sforz biex nieħdu l-ewwel pass u ma neskludux iż-żerriegħa tal-verità li tinsab fl-oħrajn. B’dan il-mod, id-diskussjoni dwar il-kontenut tat-twemmin reliġjużi differenti ma tibqax tirrigwarda biss il-veritajiet li nemmnu fihom, imma tkun ukoll dwar temi speċifiċi, li  minnhom joħorġu punti li jkunu jgħoddu għat-tagħlim kollu kemm hu.

L-istorja spiss għaddiet minn tilwim u kunflitti mibnija fuq il-persważjoni mgħawġa li meta noħduha kontra min m’għandux l-istess twemmin tagħna, inkunu qed niddefendu lil Alla. Fir- realtà, l-estremiżmu u l-fundamentaliżmu jiċħdu d-dinjità tal-bniedem u l-libertà reliġjuża tiegħu, filwaqt li jnaqqsu l-qawwa morali u jqanqlu kunċett antagonistiku tar-rabtiet umani. Dan juri wkoll il-ħtieġa urġenti li nies ta’ twemmin reliġjuż differenti jiltaqgħu bejniethom,  imqanqla minn rispett sinċier lejn xulxin u minn xewqa kbira għall-paċi. 

Id-Dokument dwar il-Fratellanza ffirmat f’Abu Dhabi jħeġġeġ għal laqgħa ta’ din ix-xorta. Dan jgħid li “t-tagħlim veru tar-reliġjonijiet jistieden biex nibqgħu ankrati mal-valuri tal-paċi; biex niddefendu l-valuri li joħorġu billi nsiru nafu lil xulxin, nagħrfu li l-bnedmin huma lkoll aħwa ta’ xulxin u ngħixu flimkien”. Gruppi reliġjużi u komunitajiet differenti jistgħu jikkollaboraw b’mod aktar attiv fejn tidħol l-għajnuna li tingħata lill-foqra u l-akkoljenza lill-immigranti, biex hekk il-ħidma tkun animata minn għaniet komuni u akkumpanjata minn  impenn li jista’ jitwettaq. Dawk li jħammġu idejhom flimkien biex jibnu l-paċi u jipprattikaw l-akkoljenza, ma jibqgħux aktar jiġġieldu  bejniethom minħabba dak li jemmnu fih, imma  jimxu fit-triq li twassal għal diskussjoni  li ssir b’rispett, għal solidarjetà reċiproka u triq li tfittex l-għaqda. Dan hu l-kontra ta’ dak li ħassejt meta mort Lampedusa, dik l-arja ta’ indifferenza: fil-gżira kien hemm l-akkoljenza, imma mbagħad fid-dinja kien hemm il-kultura tal-indifferenza.

Għeżież ħuti, dawn huma t-tamiet  li xtaqt naqsam magħkom fit-tmiem ta’ din il-laqgħa li tat il-frott u mliet fil-faraġ. Nitlob lill-Appostlu Pawlu jinterċedi għalikom, hu li kien l-ewwel wieħed li qasam il-Mediterran filwaqt li ffaċċa perikli u tbatija ta’ kull xorta biex iwassal l-Evanġelju ta’ Kristu lil kulħadd. Jalla l-eżempju tiegħu jurikom it-triqat li tridu tgħaddu minnhom biex twettqu l-impenn ta’ ferħ u ħelsien li permezz tiegħu titrażmettu l-fidi fi żmienna.

Qabel titilqu nixtieq inħallilkom  il-kliem tal-profet Isaija, għax dawn huma kliem li jistgħu jagħtu tama u qawwa lilkom u lill-komunitajiet tagħkom. Meta l-profeta ra l-qerda ta’ Ġerusalemm wara l-eżilju, hu ma naqasx li jħares lejn ġejjieni ta’ paċi u prosperità: “Mill-ġdid għad jibnu l-ħerbiet tal-qedem, itellgħu t-tiġdid tal-imgħoddi, iġeddu l-bliet imġarrfa, meqruda minn żmien twil” (Is 61,4). Din hi l-ħidma li l-Mulej qed jafda f’idejkom għall-erja maħbuba tal-Mediterran: li ssawru mill-ġdid ir-rabtiet li tkissru, li tibnu mill-ġdid il-bliet meqruda bil-vjolenza, li l-art li llum hi deżert twassluha biex issir ġnien, li tnisslu t-tama  f’min tilifha u li tħeġġu lil min hu magħluq fih innifsu biex ma jibżax minn ħutu. U li tħarsu lejn dak li sar ċimiterju bħala post ta’ qawmien għall-erja kollha kemm. Jalla l-Mulej jakkumpanjakom fil-passi kollha li tagħmlu u jbierek il-ħidma tagħkom ta’ rikonċiljazzjoni u paċi. Grazzi.  

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Vivienne Attard