VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIR-RENJU TAL-BAĦREJN

fl-okkażjoni tal-“Bahrain Forum for Dialogue: East and West for Human Coexistence

(3-6 TA’ NOVEMBRU 2022)

LAQGĦA MAŻ-ŻGĦAŻAGĦ   

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

Skola tal-Qalb ta’ Ġesù, Awali
is-Sibt, 5 ta’ Novembru 2022

 

Għeżież ħbieb, ħuti, l-għodwa t-tajba!

Grazzi talli tinsabu hawn, minn tant pajjiżi differenti u b’tant entużjażmu! Nixtieq nirringrazzja lil Sor Rosalyn tal-kliem ta’ merħba li indirizzat lili u tal-impenn li bih, flimkien ma’ tant oħrajn, tmexxi din l-Iskola tal-Qalb ta’ Ġesu.

Ninsab kuntent li fis-Saltna tal-Baħrejn rajt post ta’ djalogu fejn jiltaqgħu kulturi u twemmin differenti. U issa, filwaqt li nħares lejkom, intom li m’intomx tal-istess reliġjon u ma tibżgħux li tkunu flimkien, naħseb li mingħajrkom din il-koeżistenza ta’ differenzi ma tistax tkun possibbli. U ma jkollhiex futur! Fl-għaġna tad-dinja, intom il-ħmira tajba destinata li tikber, li tegħleb tant ostakli soċjali u kulturali u li tippromwovi żerriegħa ta’ fraternità u nifs ġdid. Intom iż-żgħażagħ li, bħala vjaġġaturi li m’għandkomx kwiet, intom miftuħin għal dak kollu li hu ġdid, ma tibżgħux tikkonfrontaw lil xulxin, tiddjalogaw, li “tagħmlu xi ftit tal-istorbju” u titħalltu ma’ xulxin, u hekk issiru l-bażi ta’ soċjetà immarkata bil-ħbiberija u bis-solidarjetà. U dan, għeżież ħbieb, hu fundamentali fil-kuntesti kumplessi u pluralisti li qed ngħixu fihom: li nġarrfu ċerti ħitan biex ikollna dinja aktar umana, aktar fraterna, anke jekk dan ifisser li intom tħabbtu wiċċkom ma’ ħafna sfidi. Fuq dan, nieħu spunt mill-esperjenzi tagħkom u mill-mistoqsijiet tagħkom, u għalhekk nixtieq nagħmlilkom tliet stediniet żgħar, mhux tant biex ngħallimkom xi ħaġa, imma biex nagħmlilkom kuraġġ.

Inħaddnu l-kultura tal-kura

L-ewwel stedina: inħaddnu l-kultura tal-kura. Sor Rosalyn użat din l-espressjoni: “kultura ta’ kura”. Il-kura tfisser li niżviluppaw attitudni interjuri ta’ empatija, ħarsa attenta li teħodna ʼl barra minna nfusna, preżenza ġentili li tegħleb l-indifferenza u timbuttana biex nieħdu interess fl-oħrajn. Dan huwa l-punt ta’ bidla, il-bidu tan-novità, il-mediċina għal dinja magħluqa fiha nfisha li, mimlija bl-individwaliżmu, tibla lil uliedha; kontra dinja li qisha ħabs minħabba d-dwejjaq, li tiġġenera indifferenza u solitudni. Ippermettuli ngħidilkom: kemm jagħmlilna ħażin l-ispirtu tad-dwejjaq, kemm jagħmlilna ħażin! Għax jekk ma nitgħallmux nieħdu ħsieb dak li hemm madwarna – tal-oħrajn, tal-belt, tas-soċjetà, tal-ħolqien – nispiċċaw inqattgħu ħajjitna bħala dak li dejjem sejjer, jaħdem, jagħmel tant affarijiet, imma, fl-aħħar mill-aħħar, jibqa’ mdejjaq u waħdu, għax qatt ma daq bis-sħiħ il-ferħ tal-ħbiberija u tal-gratuwità. U ma tax lid-dinja dik il-ftit sbuħija li hu, u ħadd iktar ma jista’ jagħti.  Bħala Nisrani, naħseb f’Ġesù u nara li l-azzjonijiet tiegħu dejjem kienu mqanqlin mill-kura. Kien jieħu ħsieb ir-relazzjonijiet ma’ dawk kollha li jiltaqa’ magħhom fid-djar, fl-ibliet u waqt li kien ikun miexi fit-triq: iħares lejn in-nies f’għajnejhom, jisma’ t-talbiet tagħhom għall-għajnuna, resaq qrib tagħhom u mess il-feriti tagħhom. Intom tħarsu lejn in-nies f’għajnejhom? Ġesù daħal fl-istorja biex jgħidilna li l-Iktar Għoli jieħu ħsiebna; biex ifakkarna li jekk int tinsab fuq in-naħa t’Alla dan ifisser li tieħu ħsieb xi ħadd jew xi ħaġa, speċjalment dawk l-aktar fil-bżonn.

Għeżież ħbieb, kemm hu sabiħ li tieħu ħsieb ħaddieħor, li tibni relazzjonijiet! Madankollu, bħal kull ħaġa fil-ħajja, dan jitlob taħriġ kontinwu. Mela tinsewx, l-ewwelnett, trid tieħu ħsieb tiegħek innifsek: mhux biss minn barra, imma minn ġewwa wkoll, li hija l-iktar parti profonda u prezzjuża tagħkom infuskom. Liema parti hija dik? Hija r-ruħ tiegħek, qalbek! U kif tista’ tieħu ħsieb il-qalb? Billi tipprova toqgħod fis-skiet u tismagħha. Ipprova għamel ħin biex iżżomm kuntatt ma’ dak li jkun għaddej ġewwa fik, biex tapprezza r-rigal li huwa int, biex tilqa’ l-eżistenza tiegħek innifsek u ma tħallihiex tiżloq minn idejk. Tħallux li jiġrielkom li tkunu "turisti tal-ħajja", li tarawha biss minn barra, b’mod superfiċjali. Fis-skiet, imxi mar-ritmu ta’ qalbek, u kellem lil Alla. Għidlu dwarek innifsek u dwar in-nies li tiltaqaʼ magħhom ta’ kuljum, u dwar dawk li hu tak bħala kumpanji fil-vjaġġ tiegħek. Urih wiċċhom, il-ferħ u n-niket tagħhom, għax m’hemmx talb mingħajr relazzjonijiet, bħalma m’hemmx ferħ mingħajr imħabba.

U l-imħabba – kif diġà tafu – mhijiex xi “soap opera” jew xi film romantiku: li tħobb ifisser li jkollok lill-oħrajn għal qalbek, li tieħu ħsieb tal-oħrajn, li toffri l-ħin u t-talenti tiegħek lil min hu fil-bżonn, li tieħu riskji biex tagħmel li ħajtek tkun rigal li jiġġenera ħajja ikbar. Ħuduhom ir-riskji! Ħbieb tiegħi, jekk jogħġobkom, tinsew qatt ħaġa waħda: intom ilkoll – mingħajr eċċezzjoni – intom teżor, teżor uniku u prezzjuż. Allura, tagħlqux ħajjitkom  ġo xi “safe”, billi taħseb li huwa aħjar li taħseb għal rasek u li ż-żmien li tiddedika ħajtek għall-oħrajn għadu ma wasalx! Ħafna minnkom tinsabu hawn għal ftit taż-żmien biss minħabba x-xogħol, ħafna drabi għal perjodu ta’ żmien biss. Iżda jekk ngħixu b’dik il-mentalità ta’ turisti, nitilfu l-mument preżenti u nirriskjaw li narmu biċċiet sħaħ minn ħajjitna! Kemm hu sabiħ, min-naħa l-oħra, li nagħmlu marka pożittiva fil-vjaġġ tagħna anke issa, billi nieħdu ħsieb il-komunità tagħna, lil sħabna tal-klassi, lill-kollegi tagħna fuq ix-xogħol, u tal-ħolqien ta’ madwarna... Nagħmlu tajjeb, allura, meta nistaqsu lilna nfusna: jiena x’marka qed inħalli issa, hawn fejn noqgħod, f’dan il-post fejn ġabitni l-Providenza?

Inxerrdu l-fraternità

Din, mela, hija l-ewwel stedina tiegħi, biex inħaddnu il-kultura tal-kura. Jekk inħaddnuha, ngħinu biex iż-żerriegħa tal-fraternità tikber. U din hija t-tieni stedina tiegħi: li nxerrdu l-fraternità. Għoġobni dak li qal Għabdulla: "Irridu nkunu champions mhux biss fil-ground tal-football, iżda fil-ħajja!" Champions barra mill-ground! Kemm hu veru dan, għalhekk istinkaw biex tkunu champions  tal-fraternità, barra mill-ground! Din hija l-isfida tal-lum biex għada nkunu nistgħu nirbħu! L-isfida li qed jiffaċċjaw is-soċjetajiet tagħna dejjem aktar globalizzati u multikulturali. Araw ftit, l-apparat u t-teknoloġija li toffrilna l-modernità mhumiex biżżejjed biex bihom nagħmlu dinja ta’ paċi u ta’ għaqda. Dan qed narawh jiġri quddiem għajnejna: bil-progress teknoloġiku b’kollox ma jrażżanx l-irjieħ tal-gwerra li qed jonfħu bla waqfien. B’sogħba qed naraw li f’ħafna reġjuni, it-tensjonijiet u t-theddid qed jiżdiedu u, xi drabi, jispiċċaw f’kunflitti. Imma dan spiss qed jiġri għax mhux qed naħdmu fuq il-qalb; inħallu d-distanzi ta’ bejnna u bejn ħaddieħor jiżdiedu u, bħala riżultat, naraw jinbtu differenzi etniċi, kulturali, reliġjużi u oħrajn u dawn jispiċċaw biex jiżdiedu l-problemi u l-biżgħat li jiżolawna aktar milli joffrulna opportunitajiet biex jikbru flimkien. U meta dawk id-differenzi jidhru aktar qawwija mill-fraternità li żżommna flimkien, nirriskjaw konfrontazzjoni u kunflitt.

Intom iż-żgħażagħ, magħrufin li m’għandkomx kantunieri, intom aktar kapaċi tagħmlu kuntatti u tibnu ħbiberiji, tegħilbu preġudizzji u ostakli ideoloġiċi, nixtieq ngħidilkom dan: komplu iżirgħu ż-żerriegħa tal-fraternità, u hekk tkunu bennejja tal-ġejjieni, għax fil-fraternità biss id-dinja tagħna jista’ jkollha futur! Din l-istedina ġejja mill-qalba tal-fidi tiegħi. Tabilħaqq, il-​Bibbja tgħid, “Min ma jħobbx lil ħuh li jara, kif jista’ jasal li jħobb lil Alla li qatt ma ra? Il-kmandament li hu tana hu dan, li min iħobb lil Alla għandu wkoll iħobb lil ħuh” (1 Ġw 4:20-21). Iva, Ġesù jgħidilna biex qatt ma nifirdu l-imħabba ta’ Alla mill-imħabba tal-proxxmu, u biex insiru proxxmu ta’ kulħadd (ara Lq 10,29-37). Kulħadd, jiġifieri mhux biss in-nies li jogħġbuna. Li ngħixu ta’ aħwa hija l-vokazzjoni universali fdata lil kull ħlejqa. Intom iż-żgħażagħ – intom aktar minn ħaddieħor – quddiem it-tendenza prevalenti li nibqgħu indifferenti u intolleranti lejn l-oħrajn, anke saħansitra li naslu li nappoġġaw gwerer u kunflitti, intom imsejħin biex “twieġbu b’viżjoni ġdida ta’ fraternità u ħbiberija soċjali li ma tibqax biss fuq il-livell tal-kliem” (Fratelli Tutti, 6). Il-kliem mhux biżżejjed: hemm bżonn ta’ ġesti konkreti magħmula ta’ kuljum.

Hawnhekk ukoll, nistgħu nistaqsu lilna nfusna ftit mistoqsijiet. Jien miftuħ xejn għal ħaddieħor? Kapaċi nagħmel ħbieb ma’ xi ħadd li m’għandux l-interessi kollha tiegħi, jew għandu twemmin u drawwiet differenti minn tiegħi? Nipprova niltaqa’ ma’ oħrajn, jew nippreferi ningħalaq mal-grupp ta’ nies li naf? Iċ-ċavetta, fi ftit kliem, tinsab f’dak li qalilna Nevin: li “noħolqu relazzjonijiet tajbin” ma’ kulħadd. Intom iż-żgħażagħ ħerqana li tivvjaġġaw u titgħallmu dwar artijiet ġodda, tmorru lil hinn mill-fruntieri li soltu tkunu fihom. Jien ngħidilkom dan: tgħallmu kif tivvjaġġaw fikom infuskom ukoll, wessgħu l-fruntieri ta’ ġo fikom, biex il-preġudizzji kontra l-oħrajn ikunu jistgħu jgħibu, in-nuqqas ta’ fiduċja tiċkien, il-ħitan tal-biża’ jitneħħew, u hekk il-fraternità u l-ħbiberija jkunu jistgħu jiffjorixxu! Jalla tħallu t-talb jgħinkom, għax it-talb jiftaħ il-qalb, u jippermettielna niltaqgħu ma’ Alla u naraw f’kull min niltaqgħu lil ħija u lil oħti. Kemm hu sabiħ, allura, il-kliem tal-profeta li qal: “Mhux Alla wieħed lilna ħalaqna? Mela għaliex nimxu bil-qerq bejnietna?” (Mal 2:10). Soċjetajiet bħal tagħkom, li hija għanja b’mod notevoli b’diversi reliġjonijiet, tradizzjonijiet u ilsna, jistgħu jsiru “postijiet taʼ taħriġ għall-fraternità”. Hawn ninsabu fil-bibien tal-kontinent kbir u multiformi tal-Asja, li wieħed teologu sejjaħlu “il-kontinent ta’ ħafna ilsna” (A. PIERIS, Teologia in Asia, Brescia, 2006, 5). Tgħallmu kif tgħaqqdu dawn l-ilsna fil-lingwa waħda tal-imħabba, u tkunu vera champions tal-fraternità!

Ilqgħu l-isfida li tagħmlu għażliet f’ħajjitkom

Nixtieq nagħmlilkom ukoll it-tielet stedina: ilqgħu l-isfida li tagħmlu għażliet f’ħajjitkom. Mill-esperjenza tagħkom intom tafu li ma teżistix ħajja mingħajr sfidi. Meta fit-triq inti tasal quddiem salib it-toroq, trid tagħżel, hekk ukoll meta tħabbat wiċċek ma’ sfida, dejjem trid timpenja ruħek, tirriskja u tieħu deċiżjoni. Imma jeħtieġ li l-ewwelnett tippjana sew. Ma tistax tagħmel dak li jiġik f’moħħok dak il-ħin! Allura kif tipprepara, kif tiżviluppa l-kapaċità tiegħek li tiddeċiedi, li tkun krejattiv, kuraġġuż u perseveranti? Kif inti tista’ tirfina l-ħarsa interjuri, u kif titgħallem tiġġudika s-​sitwazzjonijiet, u tagħżel dak li hu importanti? Jeħtieġ li titgħallem kif tiżen l-għażliet tiegħek u tieħu d-direzzjoni t-tajba. Huwa għalhekk li t-tielet stedina tiegħi hija li fil-ħajja trid tieħu deċiżjonijiet, id-deċiżjonijiet it-tajba.

Dan kollu ġieni f’moħħi waqt li kont qed naħseb fuq il-mistoqsijiet li għamlet Merina. Kienu mistoqsijiet dwar il-ħtieġa li nifhmu x’direzzjoni għandna nieħdu fil-ħajja. Hija kuraġġuża, għall-mod kif qalet l-affarijiet! Jiena nista’ nitkellem mill-esperjenza tiegħi stess: jien ukoll kont adolexxenti bħalkom, bħal kulħadd, u ħajti kienet dik ta’ żagħżugħ normali. Kif nafu, l-adolexxenza hija proċess, dak il-perjodu meta nibdew nikbru u meta nibdew inħabbtu wiċċna mal-kumplessità tal-ħajja u niffaċċjaw ċerti sfidi għall-ewwel darba. Ukoll, il-parir tiegħi huwa dan. Imxi ʼl quddiem bla ma tibża’, imma qatt timxi waħdek! Huma żewġ affarijiet: imxi ʼl quddiem mingħajr biża' u li qatt ma timxi waħdek! Alla qatt ma jħallikom waħedkom; imma biex jgħinkom jistenna li titolbuh. Huwa jakkumpanjana u jiggwidana, mhux b’sinjali u b’mirakli straordinarji, imma billi jitkellem bil-kemm jinstema’ permezz tal-ħsibijiet u s-sentimenti tagħna; u anke permezz tal-għalliema tagħna, tal-ħbieb, tal-ġenituri u ta’ kull min irid jgħinna.

Huwa importanti, allura, li nitgħallmu kif nagħrfu leħnu, il-vuċi t’Alla li tkellimna. U kif nitgħallmu nagħmlu dan? Kif għidtilna int Merina: permezz ta’ talb sieket u djalogu intimu miegħu, u ngħożżu f’qalbna dak li jagħmlilna l-ġid u dak li jagħtina l-paċi. Il-paċi hija sinjal tal-preżenza t’Alla. Id-dawl ta’ Alla jdawwal il-ħafna ħsibijiet, emozzjonijiet u sentimenti li ħafna drabi nsibu ruħna fihom. Il-Mulej irid idawwal l-intelliġenza tagħkom, , il-ħsibijiet l-aktar intimi tagħkom, l-aspirazzjonijiet f’qalbkom, u l-ġudizzji li jimmaturaw fikom. Irid jgħinkom tiddistingwu dak li hu essenzjali minn dak li hu superfluwu, dak li hu tajjeb minn dak li jagħmel il-ħsara lilkom u lill ħaddieħor, dak li hu sewwa minn dak li jwassal għall-inġustizzja u t-taħwid. Xejn minn dak li nesperjenzaw aħna mhu barrani għal Alla, xejn. Ħafna drabi nkunu aħna li nitbiegħdu minnu; meta nonqsu milli nafdaw f’idejh persuni u sitwazzjonijiet, u minflok ningħalqu fina nfusna bil-biża’ u l-mistħija. Ejjew nikkultivaw fit-talb iċ-ċertezza li l-Mulej iħarisna, ma jorqodx, imma jħarisna dejjem.

Għeżież ħbieb, żgħażagħ, l-għażliet li nagħmlu mhumiex xi ħaġa li nagħmlu weħidna. Mela ħa ngħidilkom l-aħħar ħaġa. Qabel ma tmorru tfittxu fuq l-Internet, l-ewwel fittxu persuni tajbin li jagħtukom parir fil-ħajja, nies għaqlin u affidabbli li jistgħu jiggwidawkom u jgħinukom. Għamlu dan l-ewwel. Jiġuni f’moħħi l-ġenituri u l-għalliema, iżda wkoll l-anzjani, in-nanniet tagħkom, u sibu wkoll gwida spiritwali tajjeb. Kull wieħed minna jeħtieġ li jkun akkumpanjat fit-triq tal-ħajja! Nerġa ngħidilkom: qatt waħedkom! Jeħtieġ li tkunu akkumpanjati fit-triq tal-ħajja.

Għeżież żgħażagħ, għandna bżonnkom. Neħtieġu l-kreattività tagħkom, il-ħolm tagħkom u l-kuraġġ tagħkom, is-simpatija u t-tbissima tagħkom, il-ferħ tagħkom hu ferħ li jittieħed, u dak id-daqsxejn bluha tagħkom li tagħmlu f’kull sitwazzjoni, lilna jgħinuna biex joħorġuna mid-drawwiet u l-modi ta’ kif inħarsu lejn l-affarijiet. Bħala Papa, irrid ngħidilkom: il-Knisja hija magħkom u għandha bżonn ħafna lil kull wieħed u waħda minnkom, biex inkunu nistgħu niġġeddu, nesploraw toroq ġodda, nesperimentaw lingwaġġi ġodda, u nsiru aktar ferrieħa u li nilqgħu lill-oħrajn. Qatt titilfu l-kuraġġ li toħolmu bil-kbir u li tgħixu l-ħajja tagħkom bis-sħiħ! Adottaw il-kultura tal-kura u xerrduha. Kunu champions tal-fraternità. Iffaċċjaw l-isfidi tal-ħajja billi tkunu mmexxija mill-kreattività fidila t’Alla u minn persuni tajbin li jistgħu jagħtukom parir. U fl-aħħar, ftakru fija fit-talb tagħkom. L-istess se nagħmel jien għalikom, inġorrkom f’qalbi. Grazzi!

Alla jkun magħkom! Allaħ magħkum! 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes