VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIR-RENJU TAL-BAHREIN

fl-okkażjoni tal-“Bahrain Forum for Dialogue: East and West for Human Coexistence

(3-6 TA’ NOVEMBRU 2022) 

KONFERENZA STAMPA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

FIT-TITJIRA LURA

 

Titjira Papali

Il-Ħadd 6 ta’ Novembru 2022

 

Il-Papa Franġisku

Il-ġurnata t-tajba, grazzi ħafna tal-kumpanija ta’ dawn il-jiem, tax-xogħol tagħkom. Verament grazzi. Issa nista’ nilqa’ l-mistoqsijiet tagħkom. Nipprova nwieġeb dak kollu li naf! Grazzi.

 

Matteo Bruni

Tajjeb, Santità, l-ewwel mistoqsija hi ta’ ġurnalista mill-Bahrein, Fatima Al Najem, mill-aġenzija tal-istampa Bahreinita.

 

Fatima Al Najem (Bahrain News Agency)

Santità, jiena Fatima Al Najem mill-Bahrain News Agency. Nixtieq sempliċiment ngħid ħaġa qabel nibda bil-mistoqsija tiegħi. Int għandek post speċjali ħafna f’qalbi, mhux biss għax ġejt iżżur lil pajjiżi imma għax meta ġie mħabbar li sirt Papa fil-Vatikan, dak kien għeluq snini! Issa għandi mistoqsija waħda. Kif tevalwa r-riżultati taż-żjara storika tiegħek fir-Renju tal-Bahrein u kif tara li huma l-isforzi tal-Bahrein biex iseddaq u jippromovi l-koeżistenza fl-oqsma kollha tas-soċjetà, tar-reliġjonijiet, sessi u razez kollha?

 

Il-Papa Franġisku

Nista’ ngħid li kien vjaġġ ta’ laqgħa. Għax l-iskop kien proprju li niltaqgħu fid-djalogu interreliġjuż mal-Iżlam u fid-djalogu ekumeniku ma’ Bartilmew. L-ideat li espona l-Imam il-Kbir ta’ Al-Azhar kienu sewwasew f’dik id-direzzjoni li nfittxu l-għaqda, għaqda fi ħdan l-Iżlam billi nirrispettaw in-nuances, id-differenzi, imma b’sens ta’ għaqda; għaqda mal-Insara u mar-reliġjonijiet l-oħra.

 

U biex nidħlu fid-djalogu interreliġjuż jew fid-djalogu ekumeniku jrid ikollna identità tagħna, ma tistax titlaq minn identità mxerrda. “Jiena Musulman”, “Jiena Nisrani”, għandi din l-identità u hekk nista’ nitkellem b’identità. Meta ma jkollokx identità tiegħek, jew tkun xi ftit “fl-art”, diffiċli d-djalogu għax ma hemmx mnejn ħa titlaq u fejn ħa tasal, għalhekk hi importanti. U dawn it-tnejn li ġew, kemm l-Imam il-Kbir ta’ Al-Azhar u kemm il-Patrijarka Bartilmew, għandhom identità qawwija. U dan hu tajjeb.

 

Mill-perspettiva Iżlamika smajt b’attenzjoni t-tliet interventi tal-Imam il-Kbir u laqatni l-mod kif hu saħaq tant fuq id-djalogu intra-Iżlamiku, bejnietkom, mhux biex tħassru d-differenzi imma biex tifhmu lil xulxin u taħdmu flimkien, ma tkunux kontra xulxin. Aħna l-Insara għandna storja xi ftit kerha tad-differenzi li wasslitna għal gwerer tar-reliġjon: Kattoliċi kontra Ortodossi u kontra Luterani. Issa, għall-grazzja ta’ Alla, wara l-Konċilju, kien hemm tqarrib, nistgħu niddjalogaw u naħdmu flimkien u dan hu importanti, nagħtu xhieda li nagħmlu l-ġid lill-oħrajn. Imbagħad l-ispeċjalisti, it-teologi jiddiskutu l-ħwejjeġ teoloġiċi, imma aħna rridu naħdmu flimkien bħala nies ta’ fidi, bħala ħbieb, bħala aħwa, nagħmlu l-ġid.

 

Laqtuni wkoll xi ħwejjeġ li ntqalu fil-Kunsill Musulman tal-Anzjani, dwar il-ħolqien u dwar il-ħarsien tal-ħolqien: din hi preokkupazzjoni komuni għal kulħadd, Musulmani, Insara, kulħadd.

 

Issa, fl-istess ajruplan, sejrin mill-Bahrein għall-Kajr is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan u l-Imam il-Kbir ta’ Al-Azhar, flimkien, bħala aħwa. Din hi ħaġa li waħidha diġà kommoventi… Importanti, din hi ħaġa li għamlet ħafna ġid. Anki l-preżenza tal-Patrijarka Bartilmew, li hu awtorità fil-qasam ekumeniku, għamlet tajjeb. Rajnieh fl-azzjoni, fil-funzjoni ekumenika li għamilna, u anki fil-kelmiet li hu qal qabel. Biex niġbor kollox: kien vjaġġ ta’ laqgħa.

 

Għalija, imbagħad, il-ħaġa ġdida li ltqajt magħha kienet kultura miftuħa għal kulħadd. F’pajjiżkom hemm post għal kulħadd. Ir-Re qalli: “Hawn kulħadd jagħmel dak li jrid: jekk mara trid taħdem, ħa taħdem. Ftuħ totali”. Hekk qalli hu – int taf, you work –. U anki l-parti reliġjuża, anki hawn hemm ftuħ… Laqtitni l-kwantità ta’ Nsara, Filippini, Indjani minn Kerala li jinsabu hawn, huma jgħixu fil-pajjiż u jaħdmu fil-pajjiż, huma ħafna.

 

Fatima Al Najem

Għidlu li jħobbuh, anzi jadurawh fil-fatt!

 

Matteo Bruni

Iħobbuk ħafna!

 

Il-Papa Franġisku

Din hi l-idea, sibt il-ġdid u dan jgħinni nifhem u niddjaloga iżjed man-nies. Il-kelma-muftieħ hija djalogu, u biex tiddjaloga trid tibda mill-identità tiegħek, irid ikollok identità.

 

Fatima Al Najem

Grazzi, Santità. Nitlob lil Allah li jista’ kollox, biex ibierkek b’saħħa tajba u ferħ u ħajja twila!

 

Il-Papa Franġisku

Iva, iva, itlob għalija. Favur, mhux kontra!

 

Matteo Bruni

Santità, it-tieni mistoqsija ġejja minn Imad Atrach ta’ Sky tv News Arabia.

 

Imad Atrach (Sky Tv News Arabia)

Santità, mill-iffirmar tad-“Dokument fuq il-Fraternità Umana”, tliet snin ilu, saż-żjara f’Baghdad u mbagħad anki riċentement fil-Każakistan: hi mixja li fil-fehma tiegħek qed tagħti frott tanġibbli? Nistgħu nimmaġinaw li tilħaq il-qofol tagħha f’laqgħa l-Vatikan? U mbagħad nixtieq nirringrazzjak li semmejt il-Libanu llum, għax bħala Lebaniż nista’ ngħidlek li veru għandna bżonn ta’ vjaġġ urġenti tiegħek, anki u fuq kollox għax issa lanqas president ma għandna, allura mur u għannaq lill-poplu direttament. Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku

Grazzi. Jiena ħsibt ħafna f’dawn il-jiem, u tkellimna mal-Imam il-Kbir, fuq kif ġiet l-idea tad-Dokument ta’ Abu Dhabi, dak id-Dokument li għamilna flimkien, l-ewwel wieħed. Hu kien ġie l-Vatikan għal żjara ta’ kortesija u kellna ż-żjara tal-protokoll. Kien kważi ħin il-pranzu u hu kien sejjer u, huwa u sejjer, staqsejtu: “Imma int fejn sejjer tiekol?”. Ma nafx x’qalli… “Ejja, nieklu flimkien”. Kienet ħaġa li ħarġitli naturali. Imbagħad, bilqiegħda mal-mejda, hu, is-segretarju tiegħu, żewġ kunsilliera, jien, is-segretarju tiegħi, il-kunsillier tiegħi, qbadna l-ħobż, qsamnieh u newwilnieh lil xulxin: ġest ta’ ħbiberija, toffri l-ħobż. Kien pranzu sabiħ ħafna, fratern ħafna. U lejn it-tmiem, ma nafx min ġietu l-idea: “Għaliex ma nagħmlux kitba fuq din il-laqgħa?”. U hekk twieled id-Dokument ta’ Abu Dhabi. Bdew jaħdmu ż-żewġ segretarji, b’abbozz li jmur, abbozz li jiġi lura, wieħed ġej u wieħed sejjer… U fl-aħħar approfittajna mil-laqgħa f’Abu Dhabi biex nippubblikawh. Kienet ħaġa li riedha Alla, ma tistax tifhimha mod ieħor, għax ħadd minna ma kellu dan f’moħħu. Ħarġet waqt pranzu bejn il-ħbieb, u din hi ħaġa kbira.

 

Imbagħad komplejt naħseb, u d-Dokument ta’ Abu Dhabi kien il-bażi ta’ Fratelli tutti. Anki dak li ktibt wara fuq il-ħbiberija umana fil-Fratelli tutti, għandu l-bażi tiegħu fid-Dokument ta’ Abu Dhabi. Nemmen li ma nistgħux naħsbu fi triq bħal din mingħajr ma naħsbu f’barka speċjali tal-Mulej fuq din il-mixja. Dan irrid ngħidu b’ġustizzja, jidhirli li għandkom tkunu tafu kif il-Mulej nebbaħ din it-triq. Jiena mank x’jismu l-Imam il-Kbir ma kont naf, u mbagħad sirna ħbieb u għamilna ħaġa ta’ żewġt iħbieb. U issa tkellimna flimkien, kull darba li niltaqgħu. Dan dwar id-Dokument, li hu attwali, u qed naħdmu biex isiru jafu dwaru iktar nies.

 

Imbagħad, fuq il-Libanu. Il-Libanu hu weġgħa ta’ qalb għalija, għax il-Libanu mhux biss hu pajjiż [biex tarah] fih innifsu – dan qalu Papa qabli – il-Libanu mhuwiex biss pajjiż, hu messaġġ. Il-Libanu għandu sinifikat kbir ħafna għalina lkoll. U l-Libanu bħalissa qed ibati. Jiena nitlob. U napprofitta biex nagħmel appell lill-politiċi tal-Libanu: warrbu għall-ġenb l-interessi personali, ħarsu lejn il-pajjiż u ftiehmu. L-ewwel Alla u l-patrija, imbagħad l-interessi. Imma l-ewwel Alla u l-patrija. Bħalissa ma rridx ngħid: “Salvaw il-Libanu”, għax aħna m’aħniex salvaturi, imma nitlobkom, għinuh lil-Libanu, biex il-Libanu jieqaf minn din it-triq li qed tniżżlu ’l isfel, biex il-Libanu jerġa’ jaqbad it-triq tal-kobor. Hemm żewġ mezzi… Hemm il-ġenerożità tal-Libanu: kemm rifuġjati politiċi għandu l-Libanu! Hu hekk ġeneruż, u qed ibati. Napprofitta biex nitlobkom talba għal-Libanu. Anki t-talb hu ħbiberija. Intom ġurnalisti, ħarsu lejn il-Libanu u tkellmu fuq dan biex jikber l-għarfien. Dan li rrid ngħidilkom. Grazzi!

 

Matteo Bruni

Grazzi, Santità, it-tielet mistoqsija ġejja minn Carol Glatz, mill-Catholic News Service.

 

Carol Glatz (CNS)

Grazzi, Santità. Matul dan il-vjaġġ fil-Bahrein int tkellimt fuq id-drittijiet fundamentali, inklużi dawk tal-mara, fuq id-dinjità tagħha, id-dritt li jkollha l-ispazju tagħha fl-isfera soċjali u pubblika, u ħeġġiġt, bħal dejjem, liż-żgħażagħ biex jagħmlu kuraġġ, biex jagħmlu ħoss; biex jimxu ’l quddiem biex jibnu dinja iżjed ġusta. Meta tqis is-sitwazzjoni hawn qrib fl-Iran, bil-protesti kbar ta’ xi nisa u ta’ tant żgħażagħ li jridu iżjed libertà, int tappoġġja dan l-impenn tan-nisa u tal-bnedmin li qed jitolbu li jkollhom drittijiet fundamentali li jinsabu wkoll fid-Dokument fuq il-Fraternità Umana?

 

Il-Papa Franġisku

Irridu ngħidu l-verità: il-ġlieda għad-drittijiet tal-mara hija ġlieda kontinwa. Għax f’xi postijiet il-mara tasal biex ikollha ugwaljanza mal-irġiel, imma f’postijiet oħra ma tasalx. Mhux hekk? Jiena niftakar fis-snin 50 f’pajjiżi, meta kien hemm il-ġlieda għad-drittijiet ċivili tan-nisa, biex in-nisa jkunu jistgħu jivvutaw – għax sas-snin 50, ftit jew wisq, in-naħa tagħna l-irġiel biss kienu jivvutaw. U niftakar f’din l-istess ġlieda fl-Istati Uniti, famuża, għall-vot tan-nisa. Imma għaliex – nistaqsi – il-mara għandha tiġġieled hekk biex iżżomm id-drittijiet tagħha? Hemm – ma nafx hix leġġenda – leġġenda fuq kif bdew il-ġojjelli tan-nisa, li tispjegalna l-kefrija ta’ tant sitwazzjonijiet kontra l-mara. Jingħad li l-mara ġġorr tant ġojjelli fuqha għax f’xi pajjiż – ma niftakarx, forsi storika – kien hemm id-drawwa li meta r-raġel kien jixba’ mill-mara, kien jgħidilha “itlaq!”, u hi ma setgħetx tidħol lura d-dar biex tieħu xejn. Kellha titlaq b’ta’ fuqha senduqha. U għalhekk, kienu jżommu fuqhom id-deheb biex almenu jġorru xi ħaġa magħhom. Jgħidu li hekk bdew il-ġojjelli. Ma nafx din hix vera jew le, imma l-immaġni tgħinna.

 

Id-drittijiet huma fundamentali. Kif jista’ jkun li llum, illum!, fid-dinja ma nafux inwaqqfu t-traġedja tal-infibulazzjoni tat-tfajliet? Imma terribbli dan! Illum! Li għad hawn din il-prattika, li l-umanità ma jirnexxilhiex twaqqaf dan l-att kriminali, att kriminali! In-nisa, skont żewġ kummenti li smajt, jew huma materjal “uża u armi” – kerha! – jew “speċi protetta”. Imma l-ugwaljanza bejn irġiel u nisa għadha ma teżistix universalment. U hemm dawn l-episodji, fejn in-nisa huma tas-sekonda klassi jew inqas. Irridu nkomplu niġġieldu għal dan, għax in-nisa huma rigal. Alla ma ħalaqx lir-raġel u mbagħad tah kelba biex jiddeverti biha. Le! Ħalaqhom tnejn, indaqs: raġel u mara. U dak li Pawlu kiteb f’waħda mill-Ittri tiegħu fuq ir-rabta bejn raġel u mara, li llum jidhrilna antikwat, f’dak iż-żmien kien rivoluzzjonarju tant li skandalizza: il-fedeltà tar-raġel lejn il-mara, u li l-bniedem “jieħu ħsieb tal-mara bħalma jieħu ħsieb ta’ ġismu stess” (ara 2 Kor 5:28-29). U din il-ħaġa f’dak il-mument kienet rivoluzzjonarja! Id-drittijiet kollha tal-mara jiġu minn din l-ugwaljanza. U soċjetà li mhix kapaċi tagħti lill-mara l-post tagħha ma timxix ’il quddiem. Għandna l-esperjenza.

 

Fil-ktieb li ktibt, Nerġgħu nibdew noħolmu, il-parti dwar l-ekonomija ngħidu aħna: hemm nisa ekonomisti f’dan il-mument fid-dinja li bidlu l-viżjoni ekonomika u kapaċi jmexxuha ’l quddiem. Għax dawn għandhom don differenti. Jafu jmexxu l-affarijiet b’mod ieħor, li mhuwiex inqas, hu kumplimentari. Darba kelli kollokju ma’ Kap ta’ gvern, Kap kbir ta’ gvern, omm ta’ bosta wlied, li kellha suċċess kbir ħafna biex solviet sitwazzjoni diffiċli ħafna. U jien staqsejtha: “Għidli, Sinjura, kif għamilt int biex issolvi sitwazzjoni daqshekk diffiċli?”. U hi bdiet tħarrek idejha, fis-skiet, u qaltli: “Kif nagħmlu aħna l-ommijiet”. Il-mara biex issolvi l-problema għandha triq tagħha, li mhix dik tar-raġel. U ż-żewġ toroq għandhom jaħdmu flimkien: il-mara daqs ir-raġel għall-ġid komuni b’dik l-intuwizzjoni li għandhom in-nisa. Rajt li fil-Vatikan, kull darba li mara tidħol tagħmel xi xogħol, l-affarijiet jitjiebu. Ngħidu aħna, il-Viċi-Governatriċi tal-Vatikan [Segretarja Ġenerali tal-Governatorat] hija mara, u l-affarijiet inbidlu għall-aħjar. Fil-Kunsill għall-Ekonomija hemm sitt Kardinali u sitt lajċi, kollha rġiel: biddilt u bħala lajċi poġġejt raġel u ħames nisa. U din hi rivoluzzjoni, għax in-nisa jafu jsibu t-triq it-tajba, jafu jimxu ’l quddiem. U issa poġġejt lil Marianna Mazzuccato fl-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja, ekonomista kbira tal-Istati Uniti, biex tagħti ftit ta’ umanità. In-nisa jġibu dak li hu tagħhom. Ma għandhomx isiru bħall-irġiel, le, huma nisa, aħna għandna bżonn tagħhom. U soċjetà li tikkanċella n-nisa mill-ħajja pubblika hi soċjetà li tiftaqar. Tiftaqar. Ugwaljanza ta’ drittijiet, iva, imma anki ugwaljanza ta’ opportunitajiet, ugwaljanza biex nimxu ’l quddiem, għax bil-maqlub inkunu niftaqru. Nemmen li b’dan għidtlek fuq fuq dak li għandu jsir. U għad fadal triq twila x’nimxu għax hemm dan il-maskiliżmu. Jiena ġej minn poplu maskilista. Aħna l-Arġentini aħna maskilisti, dejjem. U din ħaġa kerha! U meta rridu, immorru għand l-ommijiet li huma dawk li jsolvu l-problemi. Imma dan il-maskiliżmu qed joqtol l-umanità. Grazzi li tajtni l-opportunità li ngħid dan, li għandi ħafna għal qalbi. Niġġieldu mhux biss għad-drittijiet, imma għax hemm bżonn li jkollna nisa fis-soċjetà li jgħinuna, jgħinuna ninbidlu. Grazzi.

 

Matteo Bruni

Grazzi, Santità. Mistoqsija oħra ġejja minn Antonio Pelayo, ta’ Vida Nueva.

 

Antonio Pelayo (Vida Nueva)

Santità, l-unika darba li f’dan il-vjaġġ int tkellimt spontanjament kien biex tirreferi għall-“imsejkna Ukrajna” u għan-“negozjati ta’ paċi”. Nixtieq nistaqsik tistax tgħidilna xi ħaġa fuq kif sejrin in-negozjati min-naħa tal-Vatikan; u mistoqsija oħra li tikkumplimenta: int dan l-aħħar tkellimt ma’ Putin jew għandek f’moħħok tagħmel dan fil-qrib?

 

Il-Papa Franġisku

Tajjeb. Qabelxejn il-Vatikan hu kontinwament attent, is-Segreterija tal-Istat qed taħdem u taħdem tajjeb, taħdem tajjeb. Naf li s-Segretarju [għar-Relazzjonijiet mal-Istati u l-Organizzazzjonijiet Internazzjonali], Mons. Gallagher, jaħdem tajjeb. Imbagħad, ftit tal-istorja. L-għada li bdiet il-gwerra – kien ġieni f’moħħi nagħmel dan, ħaġa mhux tas-soltu –, mort fl-Ambaxxata Russa [fis-Santa Sede], biex nitkellem mal-Ambaxxatur, li hu raġel tajjeb, li ili nafu sitt snin, minn meta wasal, umanista. Niftakar kumment li għamilli dakinhar: “Nous sommes tombés dans la dictature de l’argent” (Waqajna fid-dittatura tal-flus), huwa u jitkellem fuq iċ-ċivilizzazzjoni. Umanista, raġel li jissielet għall-ugwaljanza. Għidtlu li kont lest immur Moska biex nitkellem ma’ Putin, jekk ikun hemm bżonn. Weġibni b’kortesija kbira [il-Ministru tal-Affarijiet Barranin] Lavrov: grazzi, wieġeb, imma għalissa ma kienx meħtieġ. Imma minn dak il-mument interessajna ruħna ħafna. Tkellimt tliet darbiet fuq it-telefon mal-President Zelensky; imbagħad mal-Ambaxxatur Ukren xi ftit iżjed. U qed issir ħidma ta’ tqarrib, biex infittxu soluzzjonijiet. Is-Santa Sede tagħmel dak li għandha tagħmel fil-konfront tal-priġunieri… Huma affarijiet li jsiru dejjem, is-Santa Sede dejjem għamlithom, dejjem. U mbagħad il-predikazzjoni għall-paċi. Lili tolqotni – għalhekk nuża l-kelma “msejkna” għall-Ukrajna – il-kefrija, li mhix tal-poplu Russu, għax il-poplu Russu hu poplu kbir, imma hi tal-merċenarji, tas-suldati li jmorru jagħmlu gwerra qishom qed jagħmlu avventura: il-merċenarji. Nippreferi naħsibha hekk, għax għandi stima oħra tal-poplu Russu, tal-umaniżmu Russu. Biżżejjed taħseb f’Dostoevskij li sal-lum għadu jispirana, jispira l-Insara biex jaħsbu l-Kristjaneżmu. Għandi stima kbira lejn il-poplu Russu. U għandi stima kbira wkoll lejn il-poplu Ukren. Meta kelli ħdax-il sena, kien hemm qribna qassis Ukren li kien jiċċelebra u ma kellux abbati, u għallimni ngħin il-quddiesa bl-Ukren. Dan il-kant kollu Ukren jien nafu bil-lingwa tagħhom, għax tgħallimtu meta kont ċkejken, għalhekk għandi mħabba kbira ħafna għal-liturġija Ukrena. Ninsab f’nofs żewġ popli li t-tnejn nixtiqilhom il-ġid.

 

Imma mhux jien biss, is-Santa Sede għamlet ħafna laqgħat riservati, ħafna ħwejjeġ b’riżultat tajjeb. Għax ma nistgħux niċħdu li gwerra, għall-bidu, forsi timla bil-kuraġġ, imma mbagħad tgħejja u tagħmel il-ħsara u jidher id-deni li tagħmel gwerra. Dan dwar il-parti iżjed umana, iżjed qrib.

 

Imbagħad napprofitta minn din il-mistoqsija: nixtieq nilmenta: f’seklu, f’seklu tliet gwerer dinjija! Dik tal-1914-1918, dik tal-1939-1945, u din! Għax din hi gwerra dinjija. Għax hu minnu li meta l-imperi, kemm minn naħa u kemm mill-oħra, jiddgħajfu, ikollhom bżonn jagħmlu gwerra biex iħossuhom b’saħħithom u anki biex ibigħu l-armi! Għax illum nemmen li l-ikbar traġedja, l-ikbar waħda li għandna fid-dinja hi l-industrija tal-armi. Qaluli, ma nafx hux minnu jew le, li jekk għal sena sħiħa ma jsirux armi, jaf jispiċċa l-ġuħ mid-dinja. L-industrija tal-armi hi terribbli. Xi snin ilu, tlieta jew erbgħa, wasal minn xi pajjiż vapur mimli armi, f’Genova, u riedu jgħabbu l-armi għal fuq vapur ikbar biex jeħduhom il-Yemen. Il-ħaddiema ta’ Genova ma ridux jagħmlu dan… Kien ġest. Il-Yemen: iżjed minn għaxar snin ta’ gwerra. It-tfal tal-Yemen ma għandhomx x’jieklu! U r-Rohingya, “żingari” minn parti għall-oħra għax ġew imkeċċija, dejjem fi gwerra, fil-Myanmar: terribbli dak li qed jiġri. Issa, nittama li llum fl-Etjopja jwaqqfu xi ħaġa, bi trattat… Qegħdin fi gwerra kullimkien u dan ma nifhmuhx. Issa qed tmissna mill-qrib, fl-Ewropa, il-gwerra Russa-Ukrena. Imma ma’ kullimkien, ilha snin: fis-Sirja tnax-tlettax-il sena ta’ gwerra, u ħadd ma jaf jekk hemmx priġunieri u x’inhu għaddej hemmhekk. Imbagħad il-Libanu, tkellimna fuq din it-traġedja… Ma nafx dan għidtux xi darba lilkom: meta mort Redipuglia, fl-2014 – u n-nannu tiegħi kien għamel il-Piave u rrakkuntali x’ġara hemm – rajt dawk l-oqbra, kollha żgħażagħ, jiena bkejt, bkejt, ma nistħix ngħid. Imbagħad f’xi 2 ta’ Novembru – immur dejjem f’ċimiterju fit-2 ta’ Novembru – mort Anzio, xi snin wara, u rajt il-qabar ta’ żewġ żgħażagħ Amerikani, fl-iżbark ta’ Anzio: 19, 20, 22, 23 sena, u bkejt, veru, ħareġ mill-qalb. U ħsibt fl-ommijiet, meta jmorru jħabbtulhom: “Sinjura, dan l-envelop għalik”. Tiftaħ l-envelop: “Sinjura, għandi l-unur ninfurmak li int għandek ibnek eroj tal-Patrija”. It-traġedji tal-gwerra. Imbagħad, hemm ħaġa, ma rrid ngħid xejn fuq ħadd, imma messitli qalbi: meta saret il-kommemorazzjoni tal-iżbark fin-Normandija, kien hemm il-Kapijiet ta’ tant Gvernijiet biex ifakkruh. Huwa minnu, dan kien il-bidu tal-waqgħa tan-Nażiżmu, huwa minnu. Imma kemm tfal mietu fuq ix-xatt tan-Normandija? Jgħidu li xi 30,000. Min jaħseb fihom? Il-gwerra tiżra’ dan kollu. Għalhekk, intom li intom ġurnalisti, nitlobkom, kunu paċifisti, tkellmu kontra l-gwerer, iġġieldu kontra l-gwerra. Dan qed nitlobhulkom bħala ħukom. Grazzi.

 

Matteo Bruni

Grazzi, Santità, għal dawn il-kelmiet. Mistoqsija oħra minn Hugues Lefèvre ta’ I. Media, ġurnalista Franċiż.

 

Hugues Lefèvre (I. Media)

Grazzi, Santità. Dalgħodu fid-diskors tiegħek lill-kleru tal-Bahrein, int tkellimt fuq l-importanza tal-ferħ Nisrani, imma fil-jiem ta’ qabel ħafna fidili Franċiżi tilfuh dan il-ferħ meta skoprew mill-istampa li l-Knisja kienet żammet sigrieta l-kundanna fl-2021 ta’ Isqof, issa fil-pensjoni, li kien wettaq abbużi sesswali fis-snin 90 meta kien saċerdot; meta ħarġet fuq l-istampa din l-istorja, ħames vittmi ġodda resqu ’l quddiem. Illum ħafna Kattoliċi jixtiequ jafu jekk il-kultura tas-segretezza tal-ġustizzja kanonika għandhiex tinbidel u ssir trasparenti, u nixtieq naf jekk int taħsibx li s-sanzjonijiet kanoniċi għandhom isiru pubbliċi. Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku

Grazzi lilek tal-mistoqsija tiegħek, grazzi. Nixtieq nibda bi ftit ta’ storja dwar dan. Il-problema tal-abbużi dejjem kienet, dejjem, mhux biss fil-Knisja. Ma’ kullimkien. Intom tafu li bejn 43 u 46% tal-abbużi sesswali jsiru fil-familja jew fil-post fejn wieħed jgħix: dan hu gravi ħafna. Imma dejjem kien hemm il-vizzju li wieħed jaħbi. Fil-familja sal-lum jgħattu kollox, u anki fil-post fejn jgħixu jgħattu kollox jew tal-inqas il-parti l-kbira. Hi drawwa kerha li fil-Knisja bdiet tinbidel meta kien hemm l-iskandlu ta’ Boston, tal-Kardinal Law, li kien Kardinal hemm u llum il-ġurnata miet. Minħabba dak l-iskandlu l-Kardinal Law kien irriżenja: l-ewwel darba li ħareġ hekk, bħala skandlu. U minn hemm il-Knisja bdiet tagħraf dan u bdiet taħdem, waqt li fis-soċjetà normalment jgħattu, normalment, f’sitwazzjonijiet oħra.

 

Meta kien hemm il-laqgħa tal-Presidenti tal-Konferenzi Episkopali, tlabt lill-Unicef, lill-Ġnus Magħquda, l-istatistiċi u tajthom il-persentaġġi: liema persentaġġ fil-familji, liema fil-postijiet residenzjali – il-parti l-kbira –, kemm fl-iskejjel, fl-attività sportiva… Hi ħaġa li studjaw tajjeb, u anki fil-Knisja. Jiġi xi ħadd jgħid: “Qegħdin f’minoranza”. Imma mqar li kien każ wieħed biss, hu traġiku, hu traġiku, għax int saċerdot għandek il-vokazzjoni li tgħin in-nies jikbru u minflok b’dan int qed teqridhom. Għal saċerdot qisu qed imur kontra n-natura tiegħu ta’ saċerdot, anki kontra n-natura soċjali tiegħu. Għalhekk hi ħaġa traġika u ma għandniex nieqfu, ma għandniex nieqfu.

 

F’dawn il-qawmien biex nagħmlu l-indaġni u l-akkużi, mhux dejjem il-ħaġa kienet ugwali: xi ħwejjeġ ġew moħbija. Qabel l-iskandlu Law ta’ Boston, kienu jibdlu l-persuni… Issa hu kollu ċar u qed nimxu ’l quddiem fuq dan il-punt. Għalhekk ma għandniex nistagħġbu li joħorġu każi bħal dan. Jew jiġini f’moħħi isqof ieħor… Hemm diversi, taf? U mhux faċli tgħid “ma konniex nafu” jew “kienet il-kultura taż-żmien u għadha l-kultura soċjali ta’ ħafna, li jaħbu”. Ħa ngħidlek din: il-Knisja fuq dan hi determinata, u rrid nirringrazzja pubblikament hawnhekk l-erojċità tal-Kardinal O’Malley: huwa Kapuċċin bravu, li ra l-bżonn li jistituzjonalizza dan ix-xogħol bil-Kummissjoni għall-ħarsien tal-minuri; qed imexxiha tajjeb, u dan jiswa ta’ ġid għalina kollha u jagħmlilna kuraġġ.

 

Qed naħdmu b’dak kollu li nistgħu, imma kun af li hemm persuni fil-Knisja li għadhom mhumiex jarawha ċara, ma jaħsbuhiex bl-istess mod: “Nistennew ftit, naraw…”. Huwa proċess li qed nagħmlu b’kuraġġ u mhux kulħadd għandu l-istess kuraġġ. Xi drabi, it-tentazzjoni tal-kompromessi żżommok, u aħna lkoll ilsiera tad-dnubiet tagħna. Imma r-rieda tal-Knisja hi li tiċċara kollox.

 

Ngħidu aħna: fl-aħħar xhur wasluli żewġ ilmenti ta’ abbużi li kienu ġew mgħottija u ma ġewx iġġudikati tajjeb mill-Knisja. Dritt għidt: nistudjawhom mill-ġdid, u qed isiru ġudizzji ġodda. Anki dan: reviżjoni ta’ ġudizzji qodma, li ma kinux magħmulin tajjeb. Nagħmlu dak li nistgħu, aħna midinbin. U l-ewwel ħaġa li rridu nħossu hi l-mistħija, ir-regħxa profonda għal dan. Nemmen li l-mistħija hi grazzja, taf? Nistgħu niġġieldu kontra l-ħażen kollu tad-dinja, imma mingħajr mistħija ma nistgħux. Għalhekk jgħaġġibni Sant’Injazju meta fl-Eżerċizzi jgħidlek biex titlob maħfra tad-dnubiet li għamilt, u jwasslek saħansitra sal-mistħija, u jekk int ma jkollokx il-grazzja tal-mistħija, ma tistax timxi ’l quddiem. Wieħed mill-insulti li għandna f’art twelidi hi “int bla mistħija”, u nemmen li l-Knisja ma tistax tkun “bla mistħija”, li għandha tistħi minħabba fil-ħwejjeġ ħżiena, kif ukoll trodd ħajr lil Alla għall-ħwejjeġ tajba li tagħmel. Dan ridt ngħidlek: bir-rieda kollha tajba u nimxu ’l quddiem, anki bl-għajnuna tagħkom.

 

Matteo Bruni

Grazzi, Santità. Il-mistoqsija l-oħra hi ta’ Vania De Luca, mir-Rai.

 

Vania De Luca (Rai-Tg3)

Santità, il-migranti: tkellimt fuqhom int ukoll f’dawn il-jiem. Erba’ vapuri qrib Sqallija, b’mijiet ta’ nisa, irġiel, tfal f’diffikultà, imma mhux kollha jistgħu jiżbarkaw. Tbeżżgħek lilek li fl-Italja reġgħet lura l-politika tal-“bibien magħluqa” tal-Lemin Moderat? U kif tivvaluta fuq dan il-pożizzjoni anki ta’ xi pajjiżi tat-tramuntana tal-Ewropa? U mbagħad, xtaqt nistaqsik ukoll b’mod ġenerali: x’impressjoni, x’ġudizzju għandek fuq il-Gvern ġdid tal-Italja, li għall-ewwel darba hu mmexxi minn mara?

 

Il-Papa Franġisku

Hija sfida, hija sfida fuq il-migranti. Il-prinċipju għall-migranti: il-migranti għandna nilqgħuhom, inseħbuhom, nippromovuhom u nintegrawhom. Jekk ma jistgħux isiru dawn l-erba’ passi, il-ħidma mal-migranti ma tkunx tajba. Milqugħa, imsieħba, imwieżna u integrati: naslu sal-integrazzjoni. U t-tieni ħaġa li ngħid hi din: kull Gvern tal-Unjoni Ewropea għandu jiftiehem fuq kemm migranti jista’ jieħu. Għax għall-kuntrarju huma erbgħa l-pajjiżi li qed jirċievu l-migranti: Ċipru, il-Greċja, l-Italja u Spanja, għax huma dawk tal-Mediterran l-iżjed fil-qrib. Iktar ’il ġew fuq l-art hemm xi wħud, bħall-Polonja, il-Belorussja… Imma l-parti l-kbira tal-migranti ġejjin mill-baħar. Il-ħajja rridu nsalvawha! Illum, taf int, il-Mediterran hu ċimiterju, forsi l-ikbar ċimiterju tad-dinja.

 

Naħseb li l-aħħar darba għidtilkom li qrajt ktieb bl-Ispanjol li jismu Hermanito, ċkejken ħafna, taqrah malajr, nemmen li żgur ġie tradott fil-Franċiż, anki t-Taljan. Ma ddumx biex taqrah, f’sagħtejn. Hu l-istorja ta’ tifel tal-Afrika, ma nafx, mit-Tanżanija jew mnejn kien, li mexa fuq il-passi ta’ ħuh u wasal fi Spanja. Ħames xorta ta’ jasar ġarrab, qabel tela’ abbord! U ħafna persuni, jirrakkonta, jeħduhom billejl fuq dawk id-dgħajjes – mhux fuq il-vapuri kbar li għandhom rwol ieħor – u jekk ma jkunux iridu jitilgħu: pumm, pumm!, u jitilquhom mejta fuq ix-xatt. Tassew hu dittatura, il-jasar, dak li jagħmlu dawk in-nies [it-traffikanti]. U mbagħad, ir-riskju li jmutu fuq il-baħar. Jekk issib ċans aqrah, importanti.

 

Il-politika tal-migranti għandha tiġi miftiehma bejn il-pajjiżi kollha: ma nistgħux nagħmlu politika mingħajr kunsens, u l-Unjoni Ewropea fuq dan għandha tieħu f’idejha politika ta’ kollaborazzjoni u ta’ għajnuna, ma tistax tħalli f’idejn Ċipru, il-Greċja, l-Italja, Spanja r-responsabbiltà tal-migranti kollha li jaslu fi xtuthom. Il-politika tal-Gvernijiet sa issa kienet li jsalvaw il-ħajjiet, dan hu minnu. Sa ċertu punt hekk sar; u nemmen li dan il-Gvern [Taljan] għandu l-istess politika, mhuwiex diżuman… Id-dettalji ma nafhomx, imma ma naħsibx li jrid ikeċċihom. Naħseb li diġà ħalla jiżbarkaw it-tfal, l-ommijiet, il-morda, nemmen li ħalliehom jiżbarkaw – hekk naħseb, minn dak li smajt. Tal-inqas dik kienet l-intenzjoni. L-Italja, naħsbu f’dawn, f’dan il-Gvern, jew naħsbu fix-xellug, ma tista’ tagħmel xejn mingħajr il-qbil mal-Ewropa, ir-responsabbiltà hi Ewropea.

 

U mbagħad, irrid insemmi ħaġa oħra, responsabbiltà Ewropea oħra: l-Afrika. Nemmen li dan qalitu waħda min-nisa l-kbar statisti li kellna u għandna, Merkel: qalet li l-problema tal-migranti għandha tissolva fl-Afrika. Imma jekk naħsbu fl-Afrika bil-motto “l-Afrika qiegħda biex tiġi sfruttata”, huwa loġiku li l-migranti, in-nies jaħarbu minn dak l-isfruttament. Hu meħtieġ, l-Ewropa għandha tfittex tfassal pjanijiet ta’ żvilupp għall-Afrika. Meta taħseb li xi pajjiżi fl-Afrika ma humiex sidien tal-art li għandhom taħt saqajhom, li għadhom jiddependu mill-potenzi kolonjalisti! Hi ipokrezija li ssolvi l-problema tal-migranti fl-Ewropa, le, ejjew immorru nsolvuha wkoll f’darhom. L-isfruttament tan-nies fl-Afrika hu terribbli minħabba dan il-kunċett. Fl-1 ta’ Novembru, il-jum tal-Qaddisin kollha, kelli laqgħa ma’ studenti universitarji tal-Afrika, l-istess li kelli mal-istudenti tal-Loyola University tal-Istati Uniti. Dawk l-istudenti għandhom ħila, intelliġenza, kapaċità ta’ kritika, rieda li jmexxu l-affarijiet ’il quddiem! Imma xi drabi ma jistgħux minħabba l-qawwa kolonjalista li għandha l-Ewropa fuq il-Gvernijiet tagħhom. Jekk irridu nsolvu l-problema tal-migranti darba għal dejjem, ejja nsolvu l-Afrika. Il-migranti li jiġu minn postjiet oħra huma inqas; immorru l-Afrika, ngħinu lill-Afrika, nimxu ’l quddiem.

 

Il-Gvern ġdid qed jibda issa, u jiena ninsab hawn biex nawguralu l-aħjar. Dejjem nawgura l-aħjar lill-gvern għax il-gvern hu għal kulħadd. U nawguralu l-aħjar biex jista’ jmexxi l-Italja ’l quddiem; u l-oħrajn, li huma kontra l-partit rebbieħ, ħa jikkollaboraw bil-kritika, bl-għajnuna, imma gvern ta’ kollaborazzjoni, mhux gvern fejn idawrulek wiċċhom, iwaqqgħuk jekk ma togħġbokx ħaġa jew l-oħra. Nitlobkom, fuq dan insejjaħ għar-responsabbiltà. Għidli: tajjeb li mill-bidu tas-seklu sa issa l-Italja kellha għoxrin gvern? Ejjew ma nibqgħux niċċajtaw iktar!

 

Matteo Bruni

Nagħmlu l-aħħar mistoqsija, ta’ Ludwig Ring-Eifel, mill-Aġenzija tal-istampa Kattolika Ġermaniża.

 

Ludwig Ring-Eifel (Centrum informationis Catholicum)

Jiena wkoll irrid qabelxejn ngħid xi ħaġa personali, għax inħossni emozzjonat ħafna, għax wara pawża ta’ tmien snin erġajt mill-ġdid fuq it-titjira papali. Inħossni grat ħafna li ninsab mill-ġdid hawn.

 

Il-Papa Franġisku

Merħba lura!

 

Ludwig Ring-Eifel

Grazzi. Aħna fil-grupp Ġermaniż aħna ftit, tlieta biss f’din it-titjira, u ħsibna: kif nistgħu naraw rabta bejn dak li rajna fil-Bahrein u s-sitwazzjoni fil-Ġermanja? Għax fil-Bahrein rajna Knisja żgħira, merħla żgħira, Knisja fqira, b’tant u tant restrizzjonijiet, u aktar, imma Knisja ħajja, mimlija tama, li qed tikber. Imma fil-Ġermanja għandna Knisja kbira, bi tradizzjonijiet kbar, sinjura, b’teoloġija, flus u dan kollu, li imma qed titlef kull sena 300,000 ruħ li qed jitilqu, li tinsab fi kriżi qawwija. Hemm xi ħaġa x’nitgħallmu minn din il-merħla żgħira li rajna fil-Bahrein għall-kbira Ġermanja?

 

Il-Papa Franġisku

Il-Ġermanja għandha storja reliġjuża qadima. Nikkwota lil Hölderlin: “Vieles haben sie verlernt, vieles” (Ħafna għandhom x’jippruvaw jinsew, ħafna). L-istorja vera reliġjuża hi kbira u kkumplikata, bit-taqbid tagħha. Lill-Kattoliċi Ġermaniżi ngħidilhom: il-Ġermanja hi Knisja kbira u sabiħa Evanġelika; ma rridx oħra, li mhix ħa tkun tajba daqs dik; imma rridha Kattolika, it-tip Kattoliku, fi fraternità ma’ dik Evanġelika. Xi drabi nitilfu s-sens reliġjuż tal-poplu, tal-poplu qaddis u fidil ta’ Alla, u naqgħu fid-diskussjonijiet etiċisti, fid-diskussjonijiet ċirkustanzjali, fid-diskussjonijiet politiċi ekkleżjastiċi, fid-diskussjonijiet li huma konsegwenzi teoloġiċi, imma ma humiex il-qalba tat-teoloġija. Kif jaħsibha l-poplu qaddis u fidil ta’ Alla? Kif jaħsibha l-poplu qaddis ta’ Alla? Immorru hemm infittxu kif jaħsibha, xi jħoss, dik ir-reliġjożità sempliċi, li ssib fin-nanniet. M’iniex ngħid li nerġgħu lura, le, imma lejn l-għajn tal-ispirazzjoni, lejn l-għeruq. Ilkoll kemm aħna għandna storja ta’ għeruq tal-fidi, anki l-popli għandhom: jeħtieġ nerġgħu nsibuha! Tiġini f’moħħi dik il-frażi ta’ Hölderlin għal żmienna: “Dass dir halte der Mann, was er als Knabe gelobt” (Ix-xwejjaħ iżomm dak li wiegħed meta kien żgħir). Meta konna żgħar, fit-tama tagħna aħna wegħedna ħafna affarijiet, ħafna affarijiet. Issa nxtħitna f’diskussjonijiet etiċi, f’diskussjonijiet taċ-ċirkustanza… Imma l-għeruq tar-reliġjon hi d-“daqqa ta’ ħarta” li jagħtik il-Vanġelu, il-laqgħa ma’ Ġesù Kristu ħaj: u minn hemm il-konsegwenzi, kollha; minn hemm il-kuraġġ appostoliku, minn hemm li noħorġu fil-periferiji, anki fil-periferiji morali tan-nies, biex ngħinuhom; imma dejjem mil-laqgħa ma’ Ġesù Kristu. Jekk ma hemmx il-laqgħa ma’ Ġesù Kristu, ikun hemm etiċiżmu trasvestit bil-Kristjaneżmu. Dan ridt ngħid, mill-qalb. Grazzi.

 

Nawguralkom l-ikla t-tajba u wasla tajba f’Ruma. U nitlobkom biex titolbu għalija. Jien nitlob għalikom. Grazzi tal-kollaborazzjoni magħkom.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard