VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
fl-okkażjoni tal-“Bahrein Forum for Dialogue: East and West for Human Coexistence"
(3 - 6
ta’ NOVEMBRU, 22)

LAQGĦA TA’ TALB MAL-ISQFIJIET, SAĊERDOTI, PERSUNI KONSAGRATI, SEMINARISTI U OPERATURI PASTORALI

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Knisja tal-Qalb Imqaddsa f’Manama
Il-Ħadd, 6 ta’ Novembru, 2022

 

Għeżież Isqfijiet, saċerdoti, persuni konsagrati u seminaristi, operaturi pastorali, il-jum it-tajjeb! Good morning!

 

Hieni li ninsab fostkom, f’dil-komunità nisranija li turi tajjeb il-wiċċ “kattoliku” tagħha, jiġifieri l-universali: Knisja mgħammra minn persuni ġejjin minn diversi nħawi tad-dinja, li jinsabu flimkien biex jistqarru fidi waħdanija fi Kristu.  Ilbieraħ, Mons Hinder, li rrodlu ħajr għas-servizz tiegħu u għall-kliem li ndirizzali, tkellem dwar “merħla żgħira magħmula minn migranti”: jien u nsellem lil kull wieħed u waħda minnkom, għalhekk, indawwar ħsiebi wkoll fuq il-popli li intom ġejjin minnhom, il-familji tagħkom li intomm iġġorru fi qlubkom b’xi ftit nostalġija, lill-pajjiżi oriġinarji tagħkom.  B’mod partikolari, jien u nara hawn preżenti, lil-fidili mil-Libanu, irrid naċċertakom illi nitlob u jien qrib dak il-pajjiż maħbub, tant għajjien, hekk imġarrab, u lejn il-popli kollha tal-Lvant Nofsani li qed ibatu.  Sabih li tkun tifforma parti minn Knisja magħmula minn stejjer u wċuħ differenti li l-armonija ta’ bejniethom isibuha fil-wiċċ waħdieni ta’ Kristu.  U dil-varjetà – rajt dan tul dawn l-aħħar jiem – hija l-mera ta’ dal-pajjiż, tal-ġnus li jgħammru fih iżda wkoll tal-pajsaġġ li jikkaratterizzah u li, minkejja li dominat mid-deżert, jiftaħar li fih preżenza għanja ta’ pjanti u bnedmin, varja ħafna. Kliem Ġesu li għadna kif smajna hu dwar l-ilma ħaj li jnixxi minn Kristu u minn min jemmen (cfr Ġw 7, 37-39).  Ġagħluni niftakar propju f’din l-art: hu minnu li hawn ħafna deżert, imma hawn ukoll għejjun ta’ ilma ħelu li jiġru fis-skiet taħt l-art, u jsaqqiha.  Hi xbieha sabiha ta’ dak li intom intom, u, fuq kollox, ta’ dak li l-fidi topera fil-ħajja: fil-wiċċ tidher l-umanità, imnixxfa minn tant fraġilità, biżgħat, sfidi li jkollna naffrontaw, diversi deni personali u soċjali; imma fil-qiegħ tar-ruħ, propju ġewwa fina, fil-qiegħ tal-qalb, jiġri bil-kalma u fis-skiet l-ilma ħelu tal-Ispirtu, li jsaqqi d-deżerti tagħna, jerġa’ jagħti l-ħajja li kulma hemm riskju li jinxef, jaħsel dak kollu li jkerraħna, jaqta’ l-għatx tal-hena tagħna.  U dejjem iġedded il-ħajja.  Ġesù jitkellem dwar dan l-ilma ħaj, din hi l-għajn ta’ ħajja ġdida  li jwegħedna: id-don tal-Ispirtu s-Santu, il-preżenza tenera, mimlija mħabba li twelled mill-ġdid lil Alla fina.

Jagħmlilna tajjeb, allura, nieqfu ftit fuq ix-xena li jiddeskrivielna l-Evanġelju.  Ġesù jinsab fit-tempju ta’ Ġerusalemm, fejn hemm iċ-ċelebrazzjoni ta’ waħda mill-aktar festi importanti, li fiha l-poplu jbierek lill-Mulej għad-don tal-art u tal-ħsad, filwaqt li jagħmel il-memorja tal-Patt.  U f’dak il-jum ta’ festa kien isir rit importanti: is-saċerdot il-kbir kien imur fil-pixxina ta’ Siloe, jieħu ftit ilma, u waqt li l-poplu kien ikanta u jeżulta, kien ixerrdu barra mill-ħitan tal-belt biex juri li minn Ġerusalemm kellha toħroġ barka kbira fuq kulħadd.  Infatti s-salmista kien qal hekk dwar Ġerusalemm: “Minnek joħorġu l-għejjun tiegħi kollha”; u l-profeta Eżekjel kien tkellem dwar għajn tal-ilma li kellha toħroġ mit-tempju u ssaqqi u tiffertilizza bħal xmara, l-art kollha (cfr Eż 47, 1-12).

Bi premessi bħal dawn nifhmu tajjeb xi jrid jgħidilna l-Evanġelju ta’ Ġwanni b’din ix-xena: ninsabu fl-aħħar jum tal-festa, Ġesù jqum bil-wieqfa u b’leħen għoli jgħid: “min jieħdu l-għatx jiġi għandi” (Ġw 7, 37) għax “xmajjar ta’ ilma ħaj” joħorġu minn ġufu (v. 38)  Xi stedina sabiha!  U l-Evanġelista jispjega: “Dan qalu għall-Ispirtu li kellhom jirċievu, billi Ġesù kien għadu ma ġiex igglorifikat” (v. 39).  Ġesù kien qed jirreferi għall-waqt li fih kellu jmut fuq is-salib: dak il-ħin, mhux aktar mit-tempju tal-ġebel imma mill-kustat miftuh ta’ Kristu, kellu joħroġ ilma ta’ ħajja ġdida, l-ilma li jagħti l-ħajja tal-Ispirtu s-Santu, iddestinat li jġedded l-umanità kollha u jeħlisha mid-dnub u mill-mewt.

Ħuti, niftakruh dejjem dan: il-Knisja titwieled hemm, titwieled mill-kustat miftuh ta’ Kristu, minn ħasil ta’ riġenerazzjoni fl-Ispirtu s-Santu (cfr Tt 3,5). M’aħniex insara mertu tagħna, inkella għax marbutin ma’ xi twemmin, imma għax fil-Magħmudija kien mogħti lilna l-ilma ħaj tal-Ispirtu, li bejnietna jagħmilna wlied maħbuba t’Alla u aħwa, jagħmilna ħolqien ġdid.  Kollox inixxi mill-grazzja – kollox hu grazzja! – kollox jiġi mill-Ispirtu s-Santu.  Allura, ippermettuli nieqaf għall-ftit flimkien magħkom fuq tlett doni kbar  li jtina l-Ispirtu s-Santu u jitlobna nilqugħhom u ngħejxuhom: il-ferħ, l-għaqda u l-profezija.  Il-ferħ, l-għaqda u l-profezija.

Qabel kollox, l-Ispirtu hu għajn ta’ ferħ.  L-ilma ħelu li l-Mulej irid jiċċirkola fid-deżerti tal-umanità tagħna, magħġuna mit-trab u l-fraġilità, hi ċ-ċertezza li qatt m’aħna waħedna fil-mixja tal-ħajja.  Infatti, l-Ispirtu hu dak li ma jħalliniex waħedna, hu l-Konsolatur; ifarraġna bil-preżenza tiegħu mdehena u ta’ fejda, jakkumpanjana bl-imħabba, iweżinna fit-taqbid u fid-diffikultajiet, itina l-kuraġġ għall-isbaħ ħolm tagħna u l-aktar xewqat sbieħ tagħna, jiftaħna għall-istagħġib u s-sbuħija tal-ħajja.  Il-ferħ tal-Ispirtu għalhekk mhux xi stat tal-okkażjoni jew xi emozzjoni tal-mument’ anqas u anqas mhux dik l-ispeċi ta’ ferħ konsumista u individwalista tant preżenti f’xi esperjenzi kulturali tal-lum (Eż. App. Gaudete et exsultate, 128).  Iżda l-ferħ fl-Ispirtu hu dak li jinbet mir-relazzjoni ma’ Alla, mill-għarfien li, minkejja l-għejja u l-iljieli mdallma li kultant jiġu fuqna, m’aħniex waħedna, mitlufin jew telliefa, għax Hu jinsab magħna.  U miegħu aħna nistgħu naffrontaw u ngħelbu kollox, saħansitra l-abbissi tal-uġigħ u tal-mewt.

Lilkom, li skoprejtu dal-ferħ u li tgħejxuh f’komunità, nixtieq ngħidilkom: ikkonservawh, anzi, immoltiplikawh.  U tafu liema hu l-aħjar metodu biex tagħmlu dan”  Tatuh.  Iva, hekk hu: il-ferħ nisrani jittieħed, għax l-Evanġelju joħroġna minna nfusna biex inxerrdu s-sbuħija tal-imħabba t’Alla.  Għalhekk huwa essenzjali li fil-komunitajiet insara il-ferħ m’għandux ikun nieqes imma għandu jinqasam; m’għandniex nillimitaw ruħna li noqgħodu nirrepetu ġesti bi drawwa, mingħajr entużjażmu, bla kreattività.  Inkella nitilfu l-fidi u nsiru komunità buruża, u dan hu ikraħ!  Importanti li bil-Liturġija, partikolarment iċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa, għajn u quċċata tal-ħajja nisranija (cfr Sacrosanctum ConciliumI, 10), niċċirkolaw ukoll il-ferħ tal-Evanġelju b’azzjoni pastorali vivaċi, speċjalment fost iż-żgħażagħ, il-familji u l-vokazzjonijiet għall-ħajja saċerdotali u reliġjuża.  Il-ferħ nisrani ma nistgħux inżommuh għalina waħedna, u meta nibdew niċċirkolawh, jitkattar.

It-tieni, l-Ispritu s-Santu hu għajn ta’ għaqda.  Kulmin jilqgħu jirċievi l-imħabba tal-Missier u jsir ibnu/bintu (cfr Rum 8, 15-16); u, għaliex ulied Alla, aħwa wkoll.  Ma jistax jingħata lok għall-opri tal-ġisem, jiġifieri l-egoiżmu, firdiet, tilwim, ilsien ħażin, tqassis.

It-tieni, l-Ispirtu s-Santu hu għajn tal-għaqda.  Kulmin jilqgħu jirċievi l-imħabba tal-Missier u jsir ibnu/bintu (cfr Rum 8,15-16); u, jekk ulied Alla, aħwa wkoll.  Ma nistgħux inħallu spazju għall-opri tal-ġisem, jiġifieri tal-egoiżmu: għall-firdiet, għat-tilwim, għall-ilsien ħażin, għat-tqassis.  Iftħu għajnejkom mit-tpaċpiċ, jekk jogħġobkom: it-tqassis huwa l-qerda tal-komunità.  Il-firdiet tad-dinja, u wkoll id-differenzi etniċi, kulturali u ritwali, m’għandhom qatt iġerrgħu jew jikkompromettu l-għaqda tal-Ispirtu.  Għall-kuntrarju, in-nar tiegħu jaħraq ix-xewqat tad-dinja u jkebbsilna ħajjitna b’dik l-imħabba akkoljenti u mimlija mogħdrija li biha ħabbna Ġesù, sabiex aħna wkoll inkunu nistgħu nħobbu hekk lil xulxin bejnietna.  Għalhekk, meta l-Ispirtu tal-Irxoxt jinżel fuq id-dixxipli, jsir għajn ta’ għaqda u fratellanza kontra kull egoiżmu; jinawgura l-lingwaġġ ewlieni tal-imħabba, ħalli d-diversi lingwaġġi umani ma jibgħux imbegħdin minn xulxin u ma jinftehemux; iġarraf il-ħitan tad-diffidenza u tal-mibgħeda biex joħloq spazji ta’ akkoljenza u djalogu; jeħles mill-biża’ u jsawwab il-kuraġġ biex noħorġu ħalli niltaqgħu mal-oħrajn mhux bil-qawwa tal-armi imma bl-għożża tal-ħniena.

Dan jagħmel l-Ispirtu s-Santu u hekk fassal il-Knisja sa mill-oriġini: ibda mill-Pentekoste, il-provenjenza, is-sensibbiltà u l-opinjonijiet differenti jintisġu f’armonija ta’ komunjoni, mgħaġunin f’għaqda li mhix uniformità, li hija armonija, għax l-Ispirtu s-Santu hu armonija.  Jekk aħna rċevejna l-Ispirtu, il-vokazzjoni ekkleżjali tagħna hi qabel kollox dik li nindukraw l-għaqda u nikkultivaw is-solidarjetà, jiġifieri – kif jgħid San Pawl –“ħabirku biex iżommu spirtu wieħed bir-rabta tas-sliem’ ġisem wieħed u ruħ waħda, l-istess kif kontu (u għadna) msejħa għal tama waħda” (Ef 4,3-4).

Fix-xhieda tiegħu, Chris qal li meta kien għadu żgħir ħafna, dak li kien jaffaxxinah fil-Knisja kattolika kienet “id-devozzjoni komuni tal-fidili kollha flimkien”, indipendentement mill-kulur tal-ġilda, tal-post ġjografiku li ġejjin minnu, tal-lingwa: ilkoll magħqudin familja waħda, ilkoll ikantaw it-tifħir lill-Mulej.  Din hi l-forza tal-komunità nisranija, l-ewwel xhieda li nistgħu nagħtu lid-dinja.  Ejjew inkunu ħarriesa u bennejja tal-għaqda!  Biex inkunu kredibbli fid-djalogu mal-oħrajn, ejjew ngħixu l-fraternità bejnietna.  Nagħmlu dan fil-komunità, billi nivvalorizzaw il-kariżmi ta’ kulħadd, bla ma nimmortifikaw lil ħadd; nagħmlu dan fid-djar tar-reliġjużi, bħala sinjali ħajja ta’ armonija u paċi; nagħmlu dan ukoll fil-familji, sabiex ir-rabta tal-imħabba tissarraf f’atteġġjamenti ta’ servizz u maħfra fil-ħajja ta’ kuljum; nagħmlu dan ukoll fis-soċjetà multi-reliġjuża u multi-kulturali li fiha ngħixu: dejjem favur id-djalogu, dejjem, nissieġa tal-komunjoni ma ħutna ta’ twemmin ieħor jew ta’ denominazzjonijiet oħra.  Naf li f’dil-mixja intom diġà toffru eżempju sabih, imma l-fraternità u l-komunjoni huma doni li qatt m’għandna nhedew nitolbuhom lill-Ispirtu s-Santu, biex ma nagħtux wiċċ lit-tentazzjoniijiet tal-għadu, li dejjem jiżra’ s-sikrana.

Fl-aħħar, l-Ispirtu hu għajn ta’ profezija.  L-istorja tas-salvazzjoni, kif nafu, hi miżgħuda b’għadd kbir ta’ profeti li Alla jsejjaħ, jikkonsagra u jibgħat fost il-poplu sabiex jitkellmu f’ismu.  Mill-Ispirtu s-Santu l-profeti jirċievu d-dawl ġewwieni li jagħmilhom interpreti tar-realtà, bil-ħila li fil-qalba tan-nisġa tal-istejjer, kultant mudlama, tal-istorja, isibu l-preżenza t’Alla u juruha lill-poplu.  Spiss kliem il-profeti hu aħrax: lill-proġetti tal-ħażen li jbejtu fi qlub in-nies isejħulhom b’isimhom, idaħħlu fi kriżi s-sikurezzi umani u reliġjużi, jistiednu għall-konverżjoni.

Aħna wkoll għandna dil-vokazzjoni profetika: l-imgħammdin kollha rċevew l-Ispirtu s-Santu u lkoll huma profeti.  U għaliex huma hekk ma nistgħux nilgħabuha tal-boloħ u ma narawx l-opri tal-ħażen, nibqgħu ngħixu “b’idejna fuq żaqqna” biex ma nħammġux idejna.  In-nisrani, xi ħin jew ieħor ikollu jħammeġ idejh biex jgħix il-ħajja nisranija tiegħu u jagħti xhieda.  Għall-kuntrarju, aħna rċevejna Spirtu ta’ profezija biex inwasslu d-dawl bix-xhieda ta’ ħajjitna, l-Evanġelju.  Għaldqstant San Pawl jeżorta: “Ixxenqu għad-doni tal-Ispirtu, l-aktar għad-don tal-profezija” (i Kor 14,1).  Il-profezija ttina l-ħila li nitħarrġu fil-beatitudnijiet evanġeliċi fis-sitwazzjonijiet tal-ħajja ta’ kuljum, jiġifieri li nibnu b’manswetudni soda dik is-Saltna t’Alla li fiha l-imħabba, il-ġustizzja u l-paċi, jeħduha kontra kull forma ta’ egoiżmu, vjolenza u deġenerazzjoni.  Apprezzajt li Swor Rosa tkellmet dwar il-ministeru fost il-ħabsin nisa.   Sabiħa din!  Possibbiltà li għandna nkunu grati minħabba fiha.  Il-profezija li tedifika u tfarraġ lil dawn il-persuni hi, li tqatta’ ż-żmien magħhom, tispjegalhom l-irqaqat tal-Kelma tal-Mulej, titlob magħhom.  Hi li ttihom l-attenzjoni, għax hemm, fejn jinsabu l-aħwa fil-bżonn, bħalma huma l-ħabsin, hemm Ġesù, Ġesù miġrugħ f’kull persuna li qed tbati (cfr Mt 25,40).  Taf x’naħseb jien, meta nidħol f’xi ħabs?  “Għaliex huma u mhux jien?”.  Din hi l-ħniena t’Alla.   Imma l-kura ta’ min hu maqful hi ta’ fejda għal kulħadd, bħala komunità umana, għax id-dinjità u t-tama tas-soċjetà titkejjel minn kif ikunu ttrattati dawk tal-aħħar.

Għeżież ħuti, f’dawn ix-xhur qed nitolbu ħafna għal-paċi.  F’dal-qafas, inissel it-tama l-ftehim li ġie ffirmat rigward is-sitwazzjoni fl-Etjopja.  Ninkoraġġixxi lil kulħadd biex isostni dan l-impenn għal paċi dejjiema, sabiex, bl-għajnuna t’Alla jitkomplew il-mixjiet tad-djalogu u l-poplu jsib mill-ġdid ħajja serena u dinjituża.  U, minbarra dan, marridx ninsa nitlob u ngħid lilkom biex titolbu għall-Ukrajna li għaddejja minn martirju sħiħ, sabiex dik il-gwerra tintemm.

U issa, għeżież ħuti, waslna fit-tmiem.  Irrid irroddilkom ħajr għal dal-jiem li għexna flimkien; imma tinsewx il-ferħ, l-għaqda u l-profezija, tinsewhomx!  B’qalb imfawra bir-rokonoxximent, inbierek lilkom ilkoll, speċjalment dawk li ħadmu għal dal-vjaġġ.  U billi dan hu l-aħħar diskors pubbliku tiegħi, ippermettuli rrodd ħajr lill-Maestà Tiegħu ir-Re u l-Awtoritajiet ta’ dal-pajjiż – anki l-Ministru tal-Ġustizzja, li jinsab hawn, għall-ospitalità eċċellenti li tani!  Ninkoraġġikom biex tkomplu l-mixja spiritwali u ekkleżjali tagħkom bil-perseveranza u l-ferħ.  U issa ninvokaw l-interċessjoni materna tal-Verġni Marija, li jien hieni nqim bħala s-Sinjura Tagħna tal-Għarabja.  Hi tgħinna biex dejjem inħallu lill-Ispirtu s-Santu jmexxina u jżommna hienja, magħqudin bl-għożża u bit-talb.  Norbot fuqkom: tinsewx titolbu għalija.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber