VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIR-RENJU TAL-BAHREIN

fl-okkażjoni tal-“Bahrain Forum for Dialogue: East and West for Human Coexistence

(3-6 TA’ NOVEMBRU 2022)

LAQGĦA EKUMENIKA U TALBA GĦALL-PAĊI

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

 

Katidral ta’ Sidtna Marija tal-Għarabja f’Awali

Il-Ġimgħa 4 ta’ Novembru 2022

 

Altezza Rjali,

Sur Ministru tal-Ġustizzja,

 

Grazzi tal-preżenza tagħkom li tonorana.

 

“Partin, Medin u Għelamin, nies mill-Mesopotamja, mil-Lhudija, mill-Kappadoċja, minn Pontu, mill-Asja, mill-Friġja, mill-Pamfilja, mill-Eġittu, mill-inħawi tal-Libja madwar Ċireni, nies li ġew minn Ruma, kemm Lhud u kemm prosèliti, oħrajn minn Kreta u Għarab, aħna lkoll qegħdin nisimgħuhom ixandru bl-ilsna tagħna l-għeġubijiet ta’ Alla!” (Atti 2:9-11).

 

Santità, għażiż Ħija Bartilmew, għeżież ħuti, dawn il-kelmiet donnhom miktuba għalina llum: minn tant popli u minn tant ilsna, minn tant partijiet u minn tant riti, ninsabu hawn flimkien, u dan minħabba l-għeġubijiet kbar ta’ Alla! – Ninsabu hawn fis-sliem, bħal f’dik il-għodwa ta’ Pentekoste, li fiha ma nftehem xejn –. F’Ġerusalemm, nhar Għid il-Ħamsin, imqar jekk kienu ġejjin minn bosta reġjuni, ħassewhom magħqudin ħafna flimkien fi Spirtu wieħed: illum bħal dakinhar il-firxa wiesgħa ta’ provenjenzi u ta’ lingwi mhijiex problema, imma riżorsa. Awtur tal-qedem kiteb li “jekk xi ħadd jgħid lil wieħed minna: La rċivejt l-Ispirtu s-Santu, għaliex ma titkellimx bl-ilsna kollha? Għandek twieġeb: Daż-żgur li nitkellem bl-ilsna kollha, fil-fatt jiena parti minn dak il-ġisem ta’ Kristu, jiġifieri l-Knisja, li jitkellem bl-ilsna kollha” (Diskors ta’ awtur Afrikan tas-seklu VIPL 65,743).

 

Ħuti, dan jgħodd għalina wkoll illum, għaliex “aħna wkoll, ilkoll tgħammidna fi Spirtu wieħed biex nagħmlu ġisem wieħed” (1 Kor 12:13). Madankollu bil-firdiet ta’ bejnietna drabna l-ġisem qaddis tal-Mulej, imma l-Ispirtu s-Santu, li jorbot flimkien il-membri kollha, hu ikbar mill-firdiet tal-ġisem tagħna. Għalhekk hi ħaġa tajba li nistqarru li dak li jgħaqqadna jegħleb bil-wisq lil dak li jifridna u li, iktar ma nimxu skont l-Ispirtu, iżjed inħossuna miġbuda biex nixtiequ u, bl-għajnuna ta’ Alla, nerġgħu nsibu l-għaqda sħiħa bejnietna.

 

Lura għat-test ta’ Għid il-Ħamsin. Jiena u nimmeditah, ħassejt jidwu fija żewġ elementi, li jidhirli li huma utli għall-mixja tagħna ta’ komunjoni u li rrid allura naqsamhom magħkom. Huma l-għaqda fid-diversità u ­x-xhieda tal-ħajja.

 

L-għaqda fid-diversità. F’Pentekoste d-dixxipli, jgħidulna l-Atti tal-Appostli, “kienu lkoll flimkien f’post wieħed” (2:1). Ninnutaw kif l-Ispirtu, li jistrieħ fuq kull wieħed u waħda, xorta jagħżel il-mument li fih isibhom kollha flimkien. Setgħu jqimu lil Alla u jagħmlu l-ġid lill-proxxmu anki separatament, imma hu fl-għaqda ta’ xulxin li jinfetħu beraħ il-bibien tal-opra ta’ Alla. Il-poplu Nisrani hu msejjaħ jingħaqad flimkien biex l-għeġubijiet ta’ Alla jistgħu jseħħu. Bħala merħla ċkejkna ta’ Kristu hawn fil-Bahrein, mifruxa f’diversi mkejjen u konfessjonijiet, nifhmu l-ħtieġa tal-għaqda, tal-qsim tal-fidi: bħalma f’dan l-arċipelagu ma jonqsux rabtiet b’saħħithom bejn il-gżejjer, ħa jkun hekk ukoll bejnietna, biex ma nkunux iżolati, imma f’komunjoni fraterna.

 

Ħuti, nistaqsi: kif nistgħu nagħmlu biex tikber l-għaqda jekk l-istorja, id-drawwiet, l-impenji u d-distanzi donnhom qed jiġbduna lejn bnadi oħra? Liema hu l-“post tal-laqgħa”, iċ-“ċenaklu spiritwali” tal-komunjoni tagħna? Huwa t-tifħir lil Alla, li l-Ispirtu jqanqal f’kulħadd. It-talb ta’ tifħir ma jiżolax, ma jagħlaqniex fina nfusna u fil-ħtiġijiet tagħna, imma jqegħidna fil-qalb tal-Missier u hekk jgħaqqadna mal-aħwa kollha. It-talba ta’ tifħir u ta’ adorazzjoni hija l-ogħla waħda: b’xejn u bla kundizzjonijiet, tiġbed il-ferħ tal-Ispirtu, issaffi l-qalb, terġa’ ġġib l-armonija, issaħħaħ l-għaqda. Hija l-mediċina kontra d-dwejjaq, kontra t-tentazzjoni li nħallu jtaqqluna l-faqar interjuri tagħna u dak esterjuri tan-numri tagħna. Min ifaħħar ma jagħtix kas taċ-ċokon tal-merħla, imma tal-ġmiel li aħna ċ-ċkejkna tal-Missier. It-tifħir, li jippermetti lill-Ispirtu li jsawwab il-faraġ tiegħu fina, huwa rimedju tajjeb kontra s-solitudni u n-nostalġija tad-dar. Jgħinna nagħrfu l-qrubija tar-Ragħaj it-Tajjeb, anki meta fuqna t-toqol tan-nuqqas ta’ Ragħajja qrib tagħna, ħaġa li hi frekwenti f’bosta postijiet. Il-Mulej, proprju fid-deżerti tagħna, iħobb jiftaħ toroq ġodda u li ma konniex ħsibna fihom qabel u joħroġ għejun ta’ ilma (ara Iż 43:19). It-tifħir u l-adorazzjoni jwassluna hemm, fl-għejun tal-Ispirtu, ireġġgħuna lura għall-għeruq, għall-għaqda.

 

Tagħmlu sew jekk tkomplu tkabbru dan it-tifħir lil Alla, biex ikun iżjed u iżjed sinjal ta’ għaqda għall-Insara kollha! Ħa tissokta wkoll id-drawwa sabiħa li tpoġġu għad-dispożizzjoni ta’ komunitajiet oħra l-binijiet tal-kult biex tqimu lill-istess Mulej. Fir-realtà, mhux biss hawn fuq l-art, imma anki fis-Sema hemm     xmara ta’ tifħir li tgħaqqadna. Hi dik ta’ tant martri Nsara ta’ diversi konfessjonijiet – kemm kien hemm f’dawn l-aħħar snin fil-Lvant Nofsani u fid-dinja kollha, kemm martri! Issa jiffurmaw sema wieħed mimli kwiekeb, li juru t-triq lil min miexi fid-deżertijiet tal-istorja: għandha l-istess destinazzjoni, aħna lkoll imsejħa għall-milja tal-komunjoni f’Alla.

 

Imma niftakru li l-għaqda, li lejha mexjin, hi fid-differenza. U dan hu importanti li nżommuh quddiem għajnejna: l-għaqda ma tfissirx “kulħadd l-istess”, le, imma tinsab fid-differenza. Ir-rakkont ta’ Pentekoste jispeċifika li kulħadd kien qed jisma’ lill-Appostli jitkellmu “bl-ilsien tiegħu” (Atti 2:6): l-Ispirtu ma jgħaqqadx lingwaġġ identiku għal kulħadd, imma jippermetti lil kull wieħed u waħda li jitkellem bl-ilsien tal-oħrajn (ara v. 4) u jagħmel li kull wieħed jisma’ tiegħu mitkellma mill-oħrajn (ara v. 11). F’kelma waħda, ma jagħlaqniex fl-uniformità, imma jħejjina biex nilqgħu lil xulxin fid-differenzi. Dan jiġrilu min jgħix skont l-Ispirtu: jitgħallem jiltaqa’ ma’ kull wieħed u waħda minn ħutu fil-fidi bħala parti mill-ġisem li minnu jagħmel parti. Dan hu l-ispirtu tal-mixja ekumenika.

 

Għeżież, nistaqsu lilna nfusna fejn aħna f’din il-mixja. Jiena, ragħaj, ministru, fidil, jiena doċli għall-azzjoni tal-Ispirtu? Qed ngħix l-ekumeniżmu bħala piż, bħala impenn ieħor, bħala dmir istituzzjonali, jew bħala x-xewqa għażiża ta’ Ġesù li nsiru “ħaġa waħda” (Ġw 17:21), bħala missjoni li ħierġa mill-Vanġelu? Konkretement, x’qed nagħmel għal dawk l-aħwa li jemmnu fi Kristu u ma humiex minn “tagħna”? Nafhom, infittixhom, ninteressa ruħi fihom? Inżomm id-distanzi u nġib ruħi b’mod formali, jew infittex li nifhem l-istorja tagħhom u napprezza d-dettalji tagħha, mingħajr ma nqishom xkiel li ma jistax jintrebaħ?

 

Wara l-għaqda fid-diversità, niġu għat-tieni element: ix-xhieda tal-ħajja. F’Pentekoste d-dixxipli jinfetħu, iħallu ċ-Ċenaklu. Minn hemm ’il quddiem marru kullimkien fid-dinja. Ġerusalemm, li kienet dehret bħala l-punt tal-wasla, issir il-punt tat-tluq ta’ avventura mill-isbaħ. Il-biża’ li kien jagħlaqhom id-dar jibqa’ biss tifkira mbiegħda: issa jmorru ma’ kullimkien, mhux biex jiddistingwu ruħhom mill-oħrajn u lanqas biex jaqilbu ta’ taħt fuq l-ordni tas-soċjetà u t-tqassim tad-dinja, imma biex idawlu kull rokna bil-ġmiel tal-imħabba ta’ Alla permezz ta’ ħajjithom. Fil-fatt, dan tagħna mhux tant diskors li rridu nagħmlu bil-kliem, imma xhieda li rridu nuru bil-fatti; il-fidi mhijiex privileġġ li rridu nfittxu, imma don li rridu naqsmu. Kif jgħid test tal-qedem, l-Insara “ma jgħammrux fi bliet għalihom weħidhom, ma jitkellmux ilsna li l-oħrajn ma jifhmuhomx, ma jgħixux ħajja li tolqtok bi ħwejjeġ mhux tas-soltu […] kull art barranija jqisuha pajjiżhom […]. Ħajjithom hi fuq l-art, iżda belthom is-sema. Joqogħdu għal-liġijiet tal-pajjiż, iżda jgħixu ħajja li mhix milħuqa mil-liġi. Iħobbu lil kulħadd” (Ittra lil Djonjetu, V). Iħobbu lil kulħadd: dan hu li jagħżilhom lill-Insara, l-essenza tax-xhieda. Hawn fil-Bahrein ħafna minnkom stajtu tiskopru mill-ġdid u tipprattikaw is-sempliċità ġenwina tal-karità: qed naħseb fl-għajnuna lill-aħwa li jaslu, fi preżenza Nisranija li fl-umiltà ta’ kuljum tagħti xhieda, fil-postijiet tax-xogħol, ta’ komprensjoni u sabar, ferħ u ħlewwa, tjieba u spirtu ta’ djalogu. F’kelma waħda: paċi.

 

Nagħmlu sew nistaqsu lilna nfusna wkoll fuq ix-xhieda tagħna, għax iktar ma jgħaddi ż-żmien jista’ jiġrilna li nimxu ’l quddiem b’mod passiv u ma nibqgħux nuru lil Ġesù fl-ispirtu tal-Beatitudnijiet, il-koerenza u t-tjieba tal-ħajja, l-imġiba paċifika. Nistaqsu, issa li qed nitolbu flimkien għall-paċi: aħna tassew persuni ta’ paċi? Għandna fina x-xewqa li nuru kullimkien, bla ma nistennew xejn lura, il-ħlewwa ta’ Ġesù? Nagħmlu tagħna, billi nġorruhom fil-qalb u fit-talb tagħna, it-taħbit, il-ġrieħi u l-firdiet li naraw madwarna?

 

Ħuti, ridt naqsam magħkom dawn il-ħsibijiet fuq l-għaqda, li t-tifħir isaħħaħ, u fuq ix-xhieda, li l-karità sseddaq. Għaqda u xhieda huma essenzjali ma’ xulxin: ma nistgħux nagħtu xhieda vera ta’ Alla tal-imħabba jekk m’aħniex magħqudin bejnietna kif jixtieqna hu; u ma nistgħux inkunu magħuqdin jekk kulħadd jibqa’ għalih waħdu, mingħajr ma ninfetħu għax-xhieda, mingħajr ma nwessgħu l-konfini tal-interessi tagħna u tal-komunitajiet tagħna f’isem l-Ispirtu li jħaddan kull ilsien u jrid jilħaq lil kulħadd. Ippermettuli nżid riflessjoni waħda: l-Ispirtu s-Santu dakinhar ħoloq diversità kbira, li tidher diżordni kbira. Imma l-istess Spirtu li jagħti d-diversità tal-kariżmi huwa l-istess li joħloq l-għaqda, imma l-għaqda bħala armonija. L-Ispirtu hu l-armonija, kif kien jgħid Missier kbir tal-Knisja: “Ipse harmonia est”, Hu l-armonija. Dan hu dak li għalih aħna nitolbu, biex isseħħ fostna din l-armonija. Hu jgħaqqad u jibgħat, jiġbor f’komunjoni u jibgħat f’missjoni. Ejjew nafdawlu fit-talb il-mixja komuni tagħna u nitolbu fuqna t-tiswib tiegħu, Pentekoste mġedda li tagħtina ħarsiet ġodda u passi iktar ħfief fil-mixja tagħna ta’ għaqda u ta’ paċi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard