VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIR-RENJU TAL-BAHREIN

fl-okkażjoni tal-“Bahrain Forum for Dialogue: East and West for Human Coexistence

(3-6 TA’ NOVEMBRU 2022)

QUDDIESA

OMELIJA TAL-PAPA

 

Bahrain National Stadium (Awali)

Is-Sibt 5 ta’ Novembru 2022

 

Dwar il-Messija li Alla se jqajjem, il-profeta Iżaija jgħid: “Kbira tkun setegħtu, u s-sliem bla qies” (9:6). Tidher kontradizzjoni: fil-fatt, fix-xena ta’ din id-dinja spiss naraw li, iktar ma nfittxu l-poter, iktar il-paċi tkun mhedda. Imma l-profeta jagħmel tħabbira straordinarjament ġdida: il-Messija li ġej hu setgħan, imma mhux bħal xi konduttur li jmexxi l-gwerer u jaħkem fuq l-oħrajn, imma bħal “Prinċep tas-sliem” (v. 5), bħala Dak li jħabbeb mill-ġdid il-bnedmin ma’ Alla u bejniethom. Il-kobor tas-setgħa tiegħu ma jinqediex bil-qawwa tal-vjolenza, imma bid-dgħufija tal-imħabba. Dan hu l-poter ta’ Kristu: l-imħabba. U lilna wkoll huwa jagħti l-istess setgħa, dik li nħobbu, li nħobbu f’ismu, li nħobbu kif ħabb hu. Kif? B’mod inkundizzjonat: mhux biss meta l-affarijiet imorru tajjeb u nħossuna rridu nħobbu, imma dejjem; mhux biss fir-rigward ta’ ħbiebna u l-qraba tagħna, imma ta’ kulħadd, anki tal-għedewwa. Dejjem u lil kulħadd.

 

Inħobbu dejjem u nħobbu lil kulħadd: nirriflettu ftit fuq dan.

 

L-ewwel nett, illum il-kelmiet ta’ Ġesù (ara Mt 5:38-48) jistednuna nħobbu dejjem, jiġifieri nibqgħu dejjem fi mħabbtu, nikkultivawha u nipprattikawha tkun xi tkun is-sitwazzjoni li nkunu ngħixu. Imma attenti: il-ħarsa ta’ Ġesù hi konkreta; mhux jgħid li ħa jkun faċli u mhux jipproponi mħabba sentimentali jew romantika, daqslikieku fir-relazzjonijiet tagħna ta’ bnedmin ma jeżistux mumenti ta’ kunflitt u fost il-popli ma kienx hemm raġunijiet għal tilwim. Ġesù mhux paċifista, imma realista: jitkellem ċar dwar “ħżiena” u “għedewwa” (vv. 39, 43). Jaf li fir-relazzjonijiet tagħna hemm ġlieda ta’ kuljum bejn imħabba u mibegħda; u li anki ġewwa fina, ta’ kuljum, hemm taqbida bejn id-dawl u d-dlam, bejn tant proponimenti u xewqat ta’ ġid u dik id-dgħufija midinba li spiss tieħu s-sopravvent u tkaxkarna għall-opri tal-ħażen. Jaf ukoll li aħna nħossu kif, minkejja tant sforzi ġenerużi, mhux dejjem nirċievu t-tajjeb li nistennew u, anzi, xi drabi, bla ma nifhmu għaliex, inġarrbu d-deni. U, mill-ġdid, jara u jbati meta jara fi żminijietna, f’tant partijiet tad-dinja, tħaddim ta’ poter li jinqeda bl-abbużi u l-vjolenza, li jfittex kif iwessa’ l-ispazju tiegħu u jdejjaq dak tal-oħrajn, jimponi l-ħakma tiegħu u jrażżan il-libertajiet fundamentali, u jisħaq lid-dgħajfa. Mela – jgħid Ġesù – jeżistu kunflitti, oppressjonijiet u ġlied.

 

Quddiem dan kollu l-mistoqsija importanti li rridu nagħmlu hi: x’għandna nagħmlu meta nsibu ruħna ngħixu sitwazzjonijiet bħal dawn? Il-proposta ta’ Ġesù hi sorprendenti, qalbiena, kuraġġjuża. Hu jitlob minn dawk li huma tiegħu l-kuraġġ li jirriskjaw f’xi ħaġa li minn barra tidher ġa telliefa. Jitlobna nibqgħu dejjem, fedelment, fl-imħabba, minkejja kollox, anki quddiem il-ħażen u l-għadu. Is-sempliċi reazzjoni umana ssammarna mal-“għajn għal għajn, sinna għal sinna”, imma dan ikun ifisser nieħdu l-ġustizzja f’idejna bl-istess armi tal-ħażen li nkunu rċivejna. Ġesù jissogra jipproponilna xi ħaġa ġdida, differenti, impensabbli, xi ħaġa tiegħu: “Imma jiena ngħidilkom biex bniedem ħażin ma tiqfulux; anzi jekk xi ħadd jagħtik daqqa ta’ ħarta fuq ħaddek tal-lemin, dawwarlu l-ieħor ukoll” (v. 39). Dan hu li jitlob minna l-Mulej: mhux li noħolmu b’xi ideoloġija paċifista f’dinja mmexxija mill-fraternità, imma li nħabirku aħna stess, billi nibdew aħna ngħixu b’mod konkret u kuraġġjuż il-fraternità universali, nipperseveraw fit-tajjeb anki meta nirċievu d-deni, infarrku l-ħondoq tal-vendetta, inżarmaw il-vjolenza, inneżżgħu lil qalbna mill-armi tagħha. Dan jagħmel eku tiegħu l-Appostlu Pawlu, meta jikteb: “Tħallix il-ħażen jirbħek, iżda irbaħ il-ħażen bit-tajjeb” (Rum 12:21).

 

Allura, l-istedina ta’ Ġesù qabelxejn ma tolqotx il-kwistjonijiet kbar tal-umanità, imma s-sitwazzjonijiet konkreti ta’ ħajjitna: ir-relazzjonijiet tagħna fil-familja, ir-relazzjonijiet fil-komunità Nisranija, ir-rabtiet li nikkultivaw fir-realtà tax-xogħol u dik soċjali li fiha nsibu ruħna. Se jkun hemm fejn naħbtu, mumenti ta’ tensjoni, se jkun hemm kunflitti, veduti differenti, imma min jimxi wara l-Prinċep tas-sliem dejjem għandu jfittex il-paċi. U l-paċi ma nistgħux inġibuha lura jekk għal kelma ħażina nwieġbu b’kelma agħar, jekk wara daqqa ta’ ħarta tiġi oħra: le, hemm bżonn “inżarmaw”, infarrku l-katina tal-ħażen, inkissru l-ħondoq tal-vjolenza, ma nibqgħux inżommu fina u ninkurlaw, nieqfu ngergru u nibku lilna nfusna. Hemm bżonn nibqgħu fl-imħabba, dejjem: din hija t-triq ta’ Ġesù biex nagħtu glorja lil Alla fis-sema u nibnu l-paċi fl-art. Inħobbu dejjem.

 

Niġu għat-tieni aspett: inħobbu lil kulħadd. Nistgħu nħabirku fl-imħabba, imma mhux biżżejjed jekk dan inżommuh għall-ambitu ristrett ta’ dawk li mingħandhom nirċievu daqstant ieħor imħabba, ta’ min hu ħabib tagħna, ta’ dawk li huma bħalna, familjari tagħna. F’dan il-każ ukoll, l-istedina ta’ Ġesù hi sorprendenti għax twessa’ l-fruntieri tal-liġi u tas-sens komun: diġà fiha biċċa xogħol tħobb lill-proxxmu, tħobb lil min hu qrib tiegħek, imqar jekk hi ħaġa raġonevoli. B’mod ġenerali, dan hu li komunità jew poplu jippruvaw jagħmlu biex iżommu l-paċi fi ħdanhom: jekk nagħmlu parti mill-istess familja jew mill-istess nazzjon, jekk għandna l-istess ideat jew l-istess gosti, jekk nistqarru l-istess twemmin, hu normali li nfittxu kif ngħinu lil xulxin u nħobbu lil xulxin. Imma x’jiġri jekk min hu mbiegħed joqrob lejna, jekk min hu barrani, differenti minna jew ta’ twemmin ieħor isir il-ġar tagħna? Proprju din l-art hi xbieha ħajja tad-differenzi li jgħixu flimkien, tad-dinja tagħna dejjem iżjed immarkata mill-migrazzjoni permanenti tal-popli u tal-pluraliżmu ta’ ideat, drawwiet u tradizzjonijiet. Importanti, allura, nilqgħu din il-provokazzjoni ta’ Ġesù: “Għax jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jistħoqqilkom? Mhux il-pubblikani wkoll jagħmluh dan?” (Mt 5:46). L-isfida vera, biex inkunu wlied tal-Missier u nibnu dinja ta’ aħwa, hi li nitgħallmu nħobbu lil kulħadd, anki lill-għadu tagħna: “Smajtu xi ntqal: ‘Ħobb lil għajrek, u obgħod lill-għadu tiegħek’. Imma jiena ngħidilkom: Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom” (vv. 43-44). Dan, fir-realtà, ifisser nagħżlu li ma jkollniex għedewwa, li ma narawx fl-oħrajn xkiel li rridu negħlbu, imma ħutna li għandna nħobbu. Inħobbu lill-għadu tagħna jfisser li nġibu fuq l-art ir-rifless tas-Sema, u nniżżlu fuq id-dinja l-ħarsa u l-qalb tal-Missier, li ma jagħmilx distinzjonijiet, ma jiddiskriminax, imma “jtalla’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min mhuwiex” (v. 45).

 

Ħuti, il-poter ta’ Ġesù hu l-imħabba u Ġesù jagħtina l-poter li nħobbu hekk, b’mod li għalina jidher ’il fuq milli jiflaħ il-bniedem. Imma ħila simili ma tistax tkun biss frott tal-isforzi tagħna, hija qabelxejn grazzja. Grazzja li għandna nitolbuha b’insistenza: “Ġesù, inti li tħobbni, għallimni nħobb bħalek. Ġesù, inti li taħfirli, għallimni naħfer bħalek. Ibgħat fuqi l-Ispirtu tiegħek, l-Ispirtu tal-imħabba”. Nitolbu dan. Għax ħafna drabi lill-Mulej irressqulu ħafna talbiet, imma dan hu l-essenzjali għan-Nisrani, li jkun jaf iħobb bħal Kristu. Li nħobbu hu l-ogħla don, u nirċevuh meta nagħmlu wisa’ għall-Mulej fit-talb, meta nilqgħu l-Preżenza tiegħu fil-Kelma tiegħu li tibdilna u fl-umiltà rivoluzzjonarja tal-Ħobż maqsum tiegħu. Hekk, bil-mod il-mod, jaqgħu l-ħitan li jwebbsulna qalbna u nsibu l-ferħ li nwettqu opri ta’ ħniena ma’ kulħadd. Allura nifhmu li ħajja hienja tgħaddi mill-Beatitudnijiet, u tikkonsisti f’li nsiru operaturi tal-paċi (ara Mt 5:9).

 

Għeżież, illum nixtieq nirringrazzjakom tax-xhieda umli u hienja tagħkom ta’ fraternità, biex tkunu f’din l-art żerriegħa tal-imħabba u tal-paċi. Hija l-isfida li l-Vanġelu joffri ta’ kuljum lill-komunitajiet Insara tagħna, lil kull wieħed u waħda minna. U lilkom, lilkom kollha li ġejtu għal din iċ-Ċelebrazzjoni minn erba’ pajjiżi tal-Vigarjat Appostoliku tal-Għarabja ta’ Fuq – il-Bahrein, il-Kuwajt, il-Qatar u l-Għarabja Sawdita –, kif ukoll minn pajjiżi oħra tal-Golf, u wkoll minn territorji oħra, illum nixtieq inwasslilkom l-imħabba u l-qrubija tal-Knisja universali, li tħares lejkom u tgħannaqkom magħha, tixteqilkom il-ġid u tqawwilkom qalbkom. Il-Verġni Mqaddsa, Sidtna Marija tal-Għarabja, isseħibkom fil-mixja u tħariskom dejjem fl-imħabba lejn kulħadd.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard