Vjaġġ Appostoliku tal-Qdusija tiegħu Papa Franġisku fil-Baħrejn

Għeluq il- "FORUM GĦAD-DJALOGU F’BAĦREJN:

 LVANT U PUNENT GĦAL EŻISTENZA UMANA FLIMKIEN"

Diskors tal-Qdusija Tiegħu l-Papa

Il-Ġimgħa 4 ta’ Novembru 2022

Majestà,
Altezz
i Rjali,
għażiż Ħija, Dr Al-Tayyeb, Imam il-Kbir ta’ Al-Azhar,
għażiż Ħija, Bartolomeo, Patrijarka Ekumeniku,
Awtoritajiet distinti reliġjużi u ċivili,
Sinjuri
!

Insellmilkom minn qalbi; u grat għall-merħba f’dan il-Forum  ta’ djalogu organizzat taħt il-patroċinju tal-Majestà tiegħu r-Re tal-Baħrejn. L-isem ta’ dan il-pajjiż ġej mill-ilmijiet ta’ madwaru. Il-kelma Baħrejn tfisser “żewġt ibħra” u twassalna biex naħsbu fl-ilmijiet tal-baħar, mezz ta’ komunikazzjoni bejn artijiet u nies, li jġib f‘kuntatt popli li jgħixu ‘l bogħod minn xulxin. Qawl antik jgħid: «Dak li tifred l-art, jgħaqqdu l-baħar». Meta tħares lejn id-dinja mill-għoli, tara din il-pjaneta tagħna bħal baħar kaħlani wieħed li jgħaqqad diversi xtut. Dan bħal qisu jrid ifakkarna li aħna familja waħda: mhux ħafna gżejjer imma arċipelagu kbir wieħed. Hekk jitlob minna Dak l-Aktar Għoli; u dan il-pajjiż, dan l-arċipelagu ta’ aktar minn tletin gżira, hu bħal simbolu ta’ din ix-xewqa.

     Imma, qed ngħixu fi żmien meta l-umanità, li hi konnessa aktar minn qatt qabel, tinsab  mifruda aktar milli magħquda. L-isem “Baħrejn jista’ jgħinna nkomplu nirriflettu. “Iż-żewġt ibħra” li  dan l-isem jirreferina għalihom huma: l-ilma ħelu li joħroġ minn għejjun taħt il-livell tal-baħar u dak mielaħ tal-Golf. Dan nistgħu napplikawh għalina llum: aħna wkoll ninsabu quddiem żewġt ibħra li huma għal kollox differenti minn xulxin; fuq naħa hemm il-baħar kalm tal-ilma ħelu bl-għajxien tagħna flimkien, u fuq in-naħa l-oħra hemm il-baħar mielaħ tal-indifferenza, imqalleb bin-nuqqas ta’ qbil u bl-irwiefen tal-gwerra, b’mewġ qerriedi li qiegħed dejjem jagħmel aktar ħoss, b’riskju li jkaxkar miegħu lil kulħadd. Hi ħasra li l-Lvant u l-Punent qed isiru dejjem aktar jixbħu lil żewġ ibħra kontra xulxin. Iżda, aħna ninsabu hawn flimkien bl-intenzjoni li nbaħħru fl-istess ilmijiet u nagħżlu r-rotta li ġġibna flimkien mhux dik li tbiegħna minn xulxin, li nieħdu t-triq tad-djalogu li jindika dan il-Forum: «Lvant u punent għal eżistenza umana flimkien».

Wara żewġ gwerer dinjija ħorox, wara gwerra bierda li żammet lid-dinja f’tensjoni  għal għaxriet ta’ snin, b’kunflitti qerrieda f’kull parti tad-dinja, akkużi, theddid u kundanni,  għadna qed insibu ruħna f’xifer ta’ preċipizzju li ma rridux li naqgħu fih. Hemm paradoss li jolqtok: fil-waqt li parti kbira tal-popolazzjoni dinjija qed issib ruħha magħquda għax qed ikollha taffronta l-istess diffikultajiet, għax inħakmet mill-istess kriżijiet ta’ ikel, ekoloġija u pandemija, u minn inġustizzja planitarja skandaluża li dejjem qed tiżdied, xi setgħanin inqabdu fi ġlieda deċiża mqanqla minn interess partiġjan, b’retorika li għadda żmienha u bi pjani mfassla biex jinfluwenzaw u jibnu blokki kontra xulxin. Qisek qed tara xenarju drammatiku infantili: fil-ġnien tal-umanità, minflok ma nieħdu ħsieb xulxin, qed nilagħbu bin-nar, bil-missili u l-bombi, bl-armi li jġibu dmugħ u mewt u jiksu d-dar komuni tagħna b’irmied u mibegħda.

Dawn ser ikunu l-konsegwenzi qarsa, jekk ser inkomplu nisħqu fuq kunflitti minflok ma niskopru mill-ġdid il-ħila li nifhmu lil xulxin, jekk inwebbsu rasna u ninponu mudelli u viżjonijiet despotiċi, imperjalisti, nazzjonalisti u populisti, jekk ma ninteressawx ruħna fil-kultura tal-ieħor, jekk ma niftuħx widnejna għall-karba ta’ nies komuni u għall-vuċi tal-foqra,  jekk ma niefqux niddistingwu  b’mod simplistiku bejn min hu tajjeb u min hu ħażin, jekk ma nagħmlux ħilitna kollha biex nifhmu lil xulxin u naħdmu flimkien għall-ġid ta’ kulħadd. Dawn huma l-għażliet li għandna quddiemna. Għax f’dinja globalizzata, nistgħu nimxu ‘l quddiem biss jekk inkunu flimkien, fil-waqt li jekk kull wieħed minna jbaħħar għal rasu, ninġarru mal-kurrent.

Fil-baħar imqalleb tal-kunflitti, jeħtieġ inżommu quddiem għajnejna dak li jgħid id-Dokument dwar il-Fratellanza umana għall-paċi dinjija u l-konvivenza komuni, li jawgura li l-Lvant u l-Punent jiltaqgħu u li l-laqgħa ta’ bejniethom tħalli l-frott u tkun tiswa għall-fejqan tal-mard rispettiv tagħhom[1]. Aħna, li nemmnu f’Alla u f’ħutna l-bnedmin ninsabu hawn għax irridu nwarrbu  “l-ħsieb li jiżolana”, għax m’irridux li ħarsitna tinjora r-realtà tal-baħar wieħed tal-umanità u tiffoka biss fuq il-kurrent tagħha. Nittamaw li d-diverġenzi bejn il-Lvant u l-Punent jkunu megħluba għax dan ikun ta’ ġid għal kulħadd, u noqogħdu attenti għal diverġenza oħra li qed tikber b’mod drammatiku: dik bejn in-naħa ta’ Fuq u n-naħa t’Isfel tad-dinja. L-emerġenza tal-kunflitti m’għandhiex tagħlaq għajnejna għal traġedji oħra li mhumiex daqshekk evidenti; ma nistgħux nagħlqu għajnejna għall-istraġi li qed isseħħ minħabba d-diżugwaljanzi, fejn parti sew  tan-nies fuq il-pjaneta tagħna qed jgħixu inġustizzja li qatt ma kien hawn bħala qabel, fejn il-pjaga tal-ġuħ hi waħda tal-mistħija u fejn il-bidliet fil-klima huma sinjal li qed nonqsu milli nagħtu ħarsien lid-dar komuni tagħna.

Il-mexxejja reliġjużi ma jistgħux ma jimpenjawx ruħhom u jagħtu eżempju tajjeb fuq it-temi li ġew diskussi matul dawn il-ġranet. Għandna rwol speċifiku u dan il-Forum  qed joffrilna opportunità oħra f’dan is-sens. Id-dmir tagħna hu li nħeġġu u ngħinu l-bnedmin biex jaqdfu flimkien, għax għalkemm dawn jiddependu ħafna minn xulxin, imma fl-istess ħin huma maqtugħa minn xulxin. Għalhekk nixtieq nipproponi tlett sfidi li joħorġu mid-Dokument fuq il-Fratellanza umana  u mid-Dikjarazzjoni tas-Saltna tal-Baħrejn, li t-tnejn irriflettajna fuqhom matul dawn il-ġranet. Dawn għandhom x’jaqsmu  mat-talb, mal-edukazzjoni u mal-azzjoni.

L-ewwelnett it-talb,  għax dan imiss il-qalb tal-bniedem. It-traġedji li għaddejjin minnhom u l-firdiet perikolużi li qed ngħixu, «in-nuqqas ta’ ekwilibrju li jinsab fid-dinja tal-lum hu magħqud ma’ nuqqas ta’ ekwilibrju iżjed profond li għandu l-għeruq tiegħu fil-qalb tal-bniedem» (Gaudium et spes, 10). Hemm jinsabu l-għeruq. Mela, l-akbar periklu mhumiex l-affarijiet, ir-realtajiet materjali, l-istituzzjonijiet, imma l-ġibda tagħna l-bnedmin biex ningħalqu fl-immanenza tal-jien tagħna, tal-grupp tagħna, tal-interessi tagħna. Dan mhux difett li jeżisti biss illum; ilu jeżisti kemm ilu jeżisti l-bniedem. Imma bl-għajnuna t’Alla nistgħu nsibu rimedju għalih. (ara Lett. enc. Fratelli tutti, 166).

Għalhekk hemm bżonn tat-talb, tal-ftuħ tal-qalb lejn Alla Għoli għax dan hu fundamentali biex nissaffew mill-egoiżmu, mill-għeluq, mill-awtoreferinzjalità, mill-qerq u mill-inġustizzja. Min jitlob, ikollu l-paċi f’qalbu, u ma jistax ma jkunx xhieda u messaġġier tagħha. Bl-eżempju tiegħu ma jistax ma jistedinx lill-oħrajn biex ma jkunux ostaġġi ta’ paganeżmu li jwassal lill-bniedem biex ikun biss dak li jbigħ u jixtri, jew dak li tiddeverti miegħu. Hu jistieden lill-oħrajn biex jiskopru mill-ġdid id-dinjità infinita li tinsab minquxa f’kull bniedem. Il-bniedem reliġjuż, il-bniedem ta’ paċi huwa dak li waqt li jimxi mal-oħrajn fuq l-art, jistedinhom bi ħlewwa u b’rispett biex jgħollu ħarsithom lejn is-Sema. U fil-waqt li jitlob, hu jressaq it-tnehid u t-tiġrib ta’ kulħadd bħall-inċens quddiem Alla l-għoli. (cfr Sal 141,2).

Iżda biex dan iseħħ, hemm premessa indispensabbli: il-libertà reliġjuża. Id-Dikjarazzjoni tas-Saltna tal-Baħrejn  tispjega li «Alla jindirizzana lejn id-don divin tal-libertà tal-għażla», u għalhekkkull forma ta’ reliġjon sfurzata qatt ma tista’ twassal  biex il-persuna jkollha rabta sinifikattiva ma’ Alla. Ebda forma ta’ relġjon sfurzata ma tistħoqq lil Dak li jista’ kollox, għax Hu ma tax id-dinja f’idejn skjavi, imma f’idejn kreaturi ħielsa li jirrispetthom sal-aħħar. Ejjew, mela, nagħmlu ħilitna kollha biex il-libertà sovrana tal-Ħallieq tkun tidher fil-libertà tal-bniedem, biex l-imkejjen ta’ kult ikunu mħarsa u rispettati dejjem u kullimkien, u biex it-talb ikollu postu u ma jkun imfixkel qatt. Mhux biżżejjed li jingħata permess u tkun rikonoxxuta l-libertà tal-kult, jeħtieġ li jkun hemm ukoll il-libertà tar-reliġjon. Mhux biss kull soċjetà, imma kull twemmin hu msejjaħ biex jeżamina lilu nnifsu f’dan ir-rigward: hu msejjaħ biex jara jekk hux qed jimponi fuq barra u jħallix ħielsa fuq ġewwa, jekk hux qed jagħti sehmu biex ma jkunx hawn riġidità, għeluq u vjolenza; jekk hux qed jgħin biex tikber il-vera libertà, li ma tfissirx li wieħed jagħmel li jrid u li jogħġbu, imma li jkun lest li jagħmel it-tajjeb li għalih il-bniedem ġie maħluq.

Jekk l-isfida tat-talb għandha x’taqsam mal-qalb, it-tieni waħda, dik tal-edukazzjoni, tikkonċerna l-moħħ tal-bniedem. Id-Dikjarazzjoni tas-Saltna tal-Baħrejn tisħaq li «l-injoranza hija għadu tal-paċi». Hu minnu li fejn l-opportunitajiet għat-tagħlim ikunu nieqsa, l-estremiżmu jiżdied u l-fundamentaliżmu jrabbi l-għeruq. U jekk l-injoranza hi għadu tal-paċi, l-edukazzjoni hi ħabiba tal-iżvilupp; imma t-tagħlim irid ikun tagħlim li tassew jixraq lill-bniedem, irid ikun dinamiku u relazzjonali. Mela, mhux edukazzjoni riġida u monolitika, iżda waħda miftuħa għall-isfidi; li tagħraf it-tibdil kulturali; li mhijiex awtoreferenzjali u iżolanti, iżda attenta għall-istorja u għall-kultura tal-ieħor; li mhijiex statika imma hi lesta li tixtarr u tħaddan aspetti diversi u essenzjali ta’ umanità waħda li lkoll nagħmlu parti minnha. Hekk, inkunu nistgħu nidħlu fil-qalba tal-problemi, bla ma naħsbu li għandna s-soluzzjonijiet kollha jew li ser insolvu problemi kumplessi b’mod sempliċi. Inkunu lesti li ngħixu l-kriżijiet bla ma nċedu għal-loġika tal-kunflitt. Il-loġika tal-kunflitt dejjem twassal għal qerda. Kriżi tgħinna naħsbu u nimmaturaw. Ma jagħmilx ġieħ lill-moħħ tal-bniedem meta dan jaħseb li l-forza għandha tegħleb ir-raġuni, meta jġib metodi tal-imgħoddi fi kwistjonijiet tal-lum, meta japplika skemi ta’ teknika u ta’ konvenjenza għall-istorja u l-kultura tal-bniedem. Dan jitlob minna li nagħmlu mistoqsijiet, li ma nibżgħux mill-isfidi, li nkunu nafu niddjalogaw b’sabar, b’rispett u bi spirtu ta’ smigħ u li nitgħallmu dwar l-istorja u l-kultura tal-ieħor. Hekk hu kif issir l-edukazzjoni ta’ moħħ il-bniedem: billi nifhmu lil xulxin. Għax mhux biżżejjed ngħidu li aħna nittolleraw lil xulxin, imma hemm bżonn li tassew nagħmlu spazju għall-ieħor, li nagħtuh drittijiet u opportunitajiet . Din l-mentalità tibda bl-edukazzjoni, u r-reliġjonijiet huma msejħa biex isostnuha.

Għalhekk nixtieq nisħaq fuq tlett prijoritjiet edukattivi li huma urġenti. L-ewwel: li l-mara tkun rikonoxxuta fil-qasam publiku. Dan ifisser li l-mara jkollha dritt: “għall-edukazzjoni, għax-xogħol u għal-libertà biex teżerċita d-drittijiet soċjali u politiċi tagħha” (ara d-Dokument fuq il-fratellanza umana). Anki f’dan il-qasam, bħal f’oqsma oħra, l-edukazzjoni hi t-triq biex wieħed jinħeles minn rbit storiku u soċjali li jmur kontra s-solidarjetà fraterna li għandha timmarka lil min jadura lil Alla u jħobb il-proxxmu.

It-tieni: «il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tat-tfal» (ibid.), biex huma jkunu jistgħu jikbru, biex ikollhom it-tagħlim meħtieġ għall-iżvilupp tagħhom, biex jirċievu għajnuna u ħarsien, u biex ma jgħixux taħt il-madmad tal-ġuħ u vjolenza. Ejjew ngħallmu lill-oħrajn, u nitgħallmu aħna stess, kif inħarsu lejn il-kriżijiet, lejn il-problemi u lejn il-gwerer b’għajnejn it-tfal. Dan ma jfissirx li nkunu inġenwi, imma jfisser għerf li jħares ‘l quddiem u jara l-ġid tat-tfal. Hekk il-progress jirrifletti innoċenza u mhux profitt, u jibni ġejjieni aħjar u aktar uman.

L-edukazzjoni tibda fi ħdan il-familja u tkompli fil-kuntest tal-komunità, tar-raħal jew belt. Imbagħad bħala t-tielet ħaġa nħoss li għandi nisħaq fuq l-edukazzjoni bħala  ċittadini  biex ngħixu flimkien  b’rispett lejn xulxin u lejn il-liġijiet. Nixtieq nisħaq b’mod partikulari fuq l-importanza tal-«kunċett taċ-ċittadinanza», li «hu mibni fuq l-ugwaljanza ta’ drittijiet u dmirijiet». Hemm bżonn nimpenjaw ruħna sabiex inkunu nistgħu «nistabbilixxu l-kunċett ta’ ċittadinanza sħiħa fis-soċjetajiet tagħna u niċħdu l-użu diskriminatorju tat-terminu minoranzi  li jikkawża sentimenti ta’ iżolament u inferjorità. L-użu ħażin ta’ dan it-terminu spiss iħejji t-triq għall-ostilità u għan-nuqqas ta’ qbil, u jnaqqas mill-kisbiet u d-drittijiet reliġjużi u ċivili ta’ xi wħud miċ-ċittadini u jiddiskriminhom» (ibid.).

U issa niġu għall-aħħar waħda mit-tlett sfidi, dik li tikkonċerna l-azzjoni, li nistgħu ngħidu li hi l-ħiliet tal-bniedem. Id-Dikjarazzjoni tas-Saltna tal-Baħrejn  tgħallem li “wieħed li jippriedka mibegħda, vjolenza u nuqqas ta’ qbil, ikun qed iżeblaħ isem Alla”. Min hu reliġjuż ma jridx dawn l-affarijiet u ma jsib ebda ġustifikazzjoni għalihom. Jgħid “le” b’saħħtu kollha għad-dawgħa tal-gwerra u tal-vjolenza. U din il-“le” isarrafha f’għajxien koerenti. Għax mhux biżżejjed tgħid li reliġjon hi paċifika, imma trid tikkundanna u twarrab lil dawk li huma vjolenti u jabbużaw f’isem ir-reliġjon. Lanqas mhu biżżejjed li nitbiegħdu mill-intollerenza u l-estremiżmu, iżda hemm bżonn li naġixxu kontrihom. «Hemm bżonn tieqaf l-għajnuna lill-movimenti terroristiċi li taslilhom permezz ta’ flus, armi, strateġiji jew ġustifikazzjonijet u anki permezz tal-użu tal-media. Dawn għandhon ikunu meqjusa bħala krimini internazzjonali li qed jheddu s-sigurtà u l-paċi dinjija. Hemm bżonn li nikkundannaw dan it-terroriżmu fil-forom u l-manifestazzjonijiet kollha tiegħu» (Dokument dwar il-fratellanza umana umana). Anki t-terroriżmu ideoloġiku.

Il-bniedem reliġjuż, il-bniedem ta’ paċi joħodha wkoll kontra l-ġirja għall-armamenti, il-kummerċ tal-gwerra, is-suq tal-mewt. Ma jaqbilx ma “alleanzi kontra xi ħadd”, imma ma’ toroq li jwasslu għall-għaqda bejn kulħadd; ma jċedi għal ebda relattiviżmu u sinkretiżmu, imma jimxi fi triq waħda, it-triq tal-fraternità, tad-djalogu, tal-paċi. Din hi t-triq li għandna ngħid “iva” għaliha. Għeżież ħbieb, ejjew nimxu f’din it-triq: ejjew inwessgħu qalbna għal ħuna, ejjew nimxu ‘l quddiem fl-għarfien reċiproku. F’isem il-Ħallieq, li poġġiena fid-dinja biex flimkien nkunu ħarriesa ta’ ħutna l-bnedmin, ejjew ningħaqdu bejnietna b’rabtiet aktar qawwija, bla faċċjoliżmu jew biża’. Jekk xi setgħanin qed isibu ruħhom flimkien għall-interessi tagħhom, għall-flus u għall-strateġiji ta’ poter, ejjew nuru li hemm triq oħra, u li din hi possibbli u meħtieġa għaliex il-forza, l-armi u l-flus qatt ma jistgħu jagħtuna ġejjieni ta’ paċi. Ejjew, mela, niltaqgħu għall-ġid tal-bniedem u f’isem Dak li jħobb lill-bniedem u li ismu hu Paċi. Ejjew nippromwovu inizjattivi konkreti sabiex il-mixja tar-reliġjonijiet il-kbar tkun dejjem aktar effettiva u kostanti, tkun kuxjenza ta’ paċi għad-dinja! U hawnhekk nagħmel minn qalbi appell lil kulħadd sabiex tintemm il-gwerra fl-Ukrajna u jibdew negozjati serji għall-paċi.

Il-Ħallieq jistedinna biex naġixxu, l-aktar favur dawk il-ħafna ħlejjaq tiegħu li għadhom ma sabux post biżżejjed fl-aġenda tas-setgħanin: il-foqra, it-trabi li għadhom ma twildux, l-anzjani, il-morda, l-immigrati.... Jekk aħna, li nemmnu f’Alla tal-ħniena, ma nagħtux widen għall-imsejknin, u ma nagħtux leħen lil min m’għandux, min ser jagħmlu dan? Ejjew inkunu qrib tagħhom, ejjew nagħmlu ħilitna kollha biex ngħinu lill-miġruħ u lill-mġarrab! Hekk nattiraw il-barka ta’ Alla l-Għoli fuq id-dinja. Jalla jkun Hu li jdawwal il-passi tagħna u jgħaqqad il-qlub tagħna, l-imħuħ tagħna u l-forzi tagħna (ara Mk 12,30), sabiex il-qima li nagħtuH tissarraf f’imħabba konkreta u fraterna lejn il-proxxmu. U hekk, flimkien  inkunu profeti tal-għajxien flimkien bħala komunita’, artiġġjani tal-għaqda u bennejja tal-paċi. Grazzi.

 ___________________________________________________________________________

[1] «Il-Punent jista’ jsib fiċ-ċiviltà tal-Lvant rimedji għal mard spiritwali u reliġjuż  li jiġi mill-ħakma tal-materjaliżmu. Il-Lvant jista’ jsib fiċ-ċiviltà tal-Punent  elementi li jistgħu jgħinuh  jinfeda mid-dgħufija, mill-firda, mill-kunflitti u min-nuqqas ta’ qawwa xjentifika, teknika u kulturali. Importanti li wieħed jagħti attenzjoni għad-differenzi reliġjużi, kulturali u storiċi li huma parti essenzjali mill-formazzjoni tal-personalità, tal-kultura u taċ-ċiviltà orjentali.  Importanti li wieħed isaħħaħ id-drittijiet umani ġenerali u komuni biex jagħti s-sehem tiegħu u jiggarantixxi ħajja li tixraq il-bnedmin kollha tal-Lvant u l-Punent» ( Dokument dwar il-Fratellanza umana għall-paċi dinjija u l-konvivenza komuni, 4 ta’ Frar 2019).

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Vivienne Attard