VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
fl-okkażjoni tal-“Bahrein Forum for Dialogue: East and West for Human Coexistence"
(3 - 6
ta’ NOVEMBRU, 22)

LAQGĦA MAL-AWTORITAJIET, MAS-SOĊJETÀ ĊIVILI U L-KORP DIPLOMATIKU

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Awali
Il-Ħamis, 3 ta’ Novembru, 2022

 

Maestà,
Altezz
i Rjali,
Illustri Membri
tal-Gvern u tal-Korp Diplomatiku,
distint
i Awtoritajiet reliġjużi u ċivili,
Si
njuri,
As-salamu alaikum
!

Irrodd ħajr minn qiegħ qalbi lill-Maestà Tiegħu għall-istedina ġentili biex inżur il-Bahrein, għall-merħba mħeġġa u entużjasta u għall-kliem ta’ merħba li ndirizzali.  Insellem minn qalbi lil kull wieħed u waħda minnkom.  Nixtieq nindirizza ħsieb ta’ ħabib u ta’ għożża lil kull abitant ta’ dal-pajjiż: lil kull min għandu xi twemmin, lil kull persuna u lil kull familja, li l-Kostituzzjoni tal-Bahrein tistqarr li huma “il-ġebla tax-xewka tas-soċjetà”.  Nesprimi l-ferħ tiegħi li ninsab fostkom, lil kulħadd.

Hawnhekk, fejn il-baħar idawwar ir-ramel tad-deżert u l-iskyscrapers jitħalltu mas-swieq orjentali tradizzjonali, realtajiet imbiegħda minn xulxin, jiltaqgħu: antikità u modernità jitwaħħdu, il-progress u l-istorja jitħalltu; fuq kollox, nies ta’ provenjenzi varji jiffurmaw mużajk ta’ ħajja oriġinali.  Jien u nħejji għal dal-vjaġġ, sirt naf “bl’emblema ta’ vitalità” li tikkaratterizza l-pajjiż.  Qed nirreferi għal dik li tissejjaħ “is-siġra tal-ħajja” (Shajarat-al-Hayat), u minha nixtieq nislet l-ispirazzjoni tiegħi biex naqsam magħkom xi ħsibijiet.  Din hi akaċja maestuża li ilha tgħix sekli sħaħ f’żona ta’ deżert, fejn ix-xita hi skarsa ħafna.  Donnu impossibbli li siġra mgħobbija b’tant snin tirreżisti u tibqa’ ħajja f’kundizzjonijiet bħal dawn.  Skont ħafna, is-sigriet jinsab fl-għeruq, li jinfirxu għal għexieren ta’ metri taħt ir-ramel, u jixorbu l-ilma minn ħażna li hemm taħt l-art.

Għalhekk, l-għeruq: ir-Renju tal-Bahrein huwa impenjat ifittex u jivvalorizza l-imgħoddi tiegħu, imgħoddi li jirrakkonta dwar art antika ħafna, li fiha, millennji ta’ snin ilu, kienu jinġabru ġnus miġbudin mis-sbuħija tagħha, li tiġi b’mod partikolari mill-abbundanza tal-għejun ta’ ilma ħelu li tawha l-fama li hi ċelestjali: ir-renju antik ta’ Dilmun kien jissejjaħ “art tal-ħajjin”.  Meta nħarsu lura lejn l-għeruq vasti taż-żmien – 4500 sena ta’ preżenza umana – jidher illi l-pożizzjoni ġjografika, l-inklinazzjoni u l-ħiliet kummerċjali tan-nies,  kif ukoll ċerti ġrajjiet storiċi, lill-Bahrein tawh l-opportunità li jintagħaġen bħala salib it-toroq ta’ popli li stgħanew minn xulxin u għanew u lil xulxin.  Għalhekk, minn din l-art joħroġ aspett li jolqtok: minn dejjem kienet imkien ta’ laqgħa bejn popolazzjonijiet diversi.

Dan hu l-ilma vitali li minnu għadhom jixorbu llum ukoll, l-għeruq tal-Bahrein, li l-akbar għana tiegħu jilma fil-varjetà etnika u kulturali tiegħu, fil-konvivenza paċifika u fl-akkoljenza tradizzjonali tal-popolazzjoni.  Diversità li ma ġibx lil kulħadd l-istess, imma tinkludi, tirrappreżenta t-teżor ta’ kull pajjiż li jkun verament progressiv.  U fuq dawn il-gżejjer wieħed jammira soċjetà mħallta, multietnika u multireliġjuża, li għandha ħila tegħleb il-periklu tal-iżolament.  Dan hu ferm importanti fi żmienna, li fih il-bniedem qed jingħalaq għal kollox fih innifsu u moħħu biss fl-interessi personali, sitwazzjoni li mhix tagħraf kemm hi importanti u irrinunċjabbli s-solidarjetà.  Iżda, il-bosta gruppi nazzjonali, etniċi u reliġjużi li hawnhekk jgħixu flimkien huma xhieda li aħna nistgħu u hemm bżonn inkunu solidali ma’ xulxin fid-dinja tagħna, li minn għexieren ta’ snin ‘l hawn saret villaġġ globali li fih, ladarba l-globalizzazzjoni hi fatt, għal ħafna għadu mhux magħruf “l-ispirtu tal-viallaġġ”: l-ospitalità, it-tfittxija għall-ieħor, il-fraternità.  Għal kuntrarju, bi tħassib qed naraw, fuq firxa wiesa ħafna, li qed toktor l-indifferenza u s-suspetti f’xulxin, it-tifrix tar-rivalità u kontrapożizzjonijiet li konna nittamaw li m’għadhomx magħna, populiżmi, estremiżmi u imperjaliżmi li qed ipoġġu f’periklu s-sigurtà ta’ kulħadd.  Minkejja l-progress u atteġġjamenti xellerati ta’ kunflitti tant kisbiet ċivili u xjentifiċi, id-distanzi kulturali bejn il-partijiet differenti tad-dinja qed joktru, qed jiġu l-ewwel, qabel l-opportunitajiet fejjieda tal-laqgħa.

Ejjew minflok, naħsbu fis-siġra tal-ħajja – is-simbolu tagħkom – u fid-deżerti nixfin tal-konvivenza umana nqassmu l-ilma tal-fraternità: ma nħallux il-possibbiltà tal-laqgħa bejn iċ-ċivilatjiet, ir-reliġjonijiet u l-kulturi tevapora, ma nħallux li l-għeruq ta’ dak li hu uman jinxfu!  Naħdmu flimkien, naħdmu għall-għaqda, għat-tama!  Ninsab hawn, fl-art tas-siġra tal-ħajja, bħala persuna li tiżra’ l-paċi, biex ngħixu flimkien jiem ta’ laqgħa, biex nieħu sehem f’Forum ta’ djalogu bejn l-Orjent u l-Punent għall-konvivenza paċifika bejn il-bnedmin.  Irrodd ħajr minn issa lil dawk kollha li qed jakkumpanjawni fil-vjaġġ, b’mod speċjali lir-Rappreżentanti reliġjużi.  Dal-jiem jirrappreżentaw mument prezzjuż fil-mixja ta’ ħbiberija, li ssaħħet qatigħ dawn l-aħħar snin, ma’ diversi kapijiet reliġjużi tal-Iżlam: mixja fraterna li, taħt il-ħarsa tas-Sema, trid tiffavorixxi l-paċi fl-Art.

A propożitu ta’ dan, nesprimi apprezzament għall-konferenzi internazzjonali u għall-opportunitajiet ta’ laqgħa li jorganizza u jiffaċilita dan ir-Renju, u li b’mod speċjali jiddiskutu t-tema tar-rispett, it-tollernaza u l-libertà reliġjuża.  Dawn huma temi essenzjali, li jingħataw għarfien fil-Kostituzzjoni tal-Pajjiz, li tgħid illi “ m’għandu jkun hemm ebda diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess, provenjenza, ilsien, reliġjon jew twemmin” (art. 18), illi “l-libertà tal-kuxjenza hija assoluta” u li “l-Istat iħares l-invjolabbiltà tal-kult” (art. 22).  Dawn huma, fuq kollox, impenji li għandhom jissarfu fi prattika bla heda, sabiex il-libertà reliġjuża tkun sħiħa u ma tillimitax ruħha biss għal-libertà tal-kult; sabiex id-dinjità ugwali u l-opportunitajiet ugwali jingħataw għarfien konkret għal kull grupp u kull persuna; sabiex ma jkunx hemm diskriminazzjoni u d-drittijiet fundamentali ma jisfawx mirfusa imma msaħħin.  Qed naħseb qabel kollox, fid-dritt tal-ħajja, fil-ħtieġa li tkun garantita dejjem, anki rigward min għandu jingħata xi kastig, għax l-eżistenza tiegħu m’għandhiex tispiċċa meqruda.

Lura lejn is-siġra tal-ħajja.  Il-bosta friegħi ta’ daqsijiet differenti karatteristiċi tagħha, maż-żmien taw il-ħajja lill-weraq folt, u b’hekk kibret fl-għoli u l-wisa’.  F’dal-pajjiż kien propju l-kontribut ta’ tant persuni u popli differenti li taw sehemhom għal żvilupp produttiv konsiderevoli.  Dan kien possibbli minħabba l-immigrazzjoni, li l-Bahrein hu kburi li hu fost l-aktar fid-dinja li jilqagħhom: madwar nofs il-popolazzjoni residenti hi barranija u taħdem b’mod sostanzajli għall-iżvilupp ta’ Pajjiż li fih, minkejja li ħalliet il-patrija tagħha, tħossha f’darha.  Ma nsitgħux ninsew li fi żmienna għad hawn wisq nuqqas ta’ xogħol, u ħafna xogħol diżumanizzanti: dan mhux biss iġib riskji gravi ta’ instabbiltà soċjali, imma huwa wkoll attentat fuq id-dinjità umana.  Infatti, ix-xogħol, mhux biss hu meġtieġ biex wieħed jaqla’ x’jiekol, imma hu dritt indispensabbli biex bniedem jiżviluppa lilu nnifsu integralment u biex jifforma soċjetà li l-qies tagħha jkun il-bniedem.

Minn dal-pajjiż, attraenti minħabba l-opportunitajiet ta’ xogħol li joffri, irrid infakkar l-emerġenza tal-kriżi tax-xogħol fid-dinja: spiss, ix-xogħol, li hu prezzjuż daqs il-ħobż, hu nieqes; spiss, hu ħobż avvelenat, għax isir skjavitù.  Fiż-żewġ każi, iċ-ċentru mhux il-bniedem, li minn għan sagru u invjolabbli tax-xogħol jispiċċa jsir mezz biex jitkattaru l-flus.  Għalhekk kullimkien għandu jkun hemm garanzija li l-kundizzjonijiet tax-xogħol ma jkunux ta’ ħsara u jkunu denji tal-bniedem, li mhux talli ma jfixklux, anzi jkunu ta’ fejda għall-ħajja kulturali u spiritwali; jippromwovu l-koeżjoni soċjali, b’vantaġġ għall-ħajja komuni u l-iżvilupp tal-pajjiż innifsu (cfr Gaudium et spes, 9.27.60.67).

Il-Bahrein hu kburi b’kisbiet prezzjużi f’das-sens: qed naħseb, per eżempju, fl-ewwel skola femminili li twaqqfet fil-Golf u l-abolizzjoni tal-iskjavitù.  Jalla jkun dawl biex fl-inħawi kollha jippromwovi d-drittijiet u kundizzjonijiet ekwi u dejjem aħjar għall-ħaddiema, għan-nisa u ż-żgħażagħ, u fl-istess ħin  jiggarantixxi r-rispett u l-attenzjoni lejn dawk li l-aktar iħossuhom imwarrbin mis-soċjetà, bħalma huma l-migranti u l-ħabsin: l-iżvilupp veru, uman, integrali, jitkejjel fuq kollox mill-attenzjoni li jingħataw dawn il-persuni.

Is-siġra tal-ħajja, wieqfa waħedha fil-pajsaġġ deżertiku, tfakkarni mill-ġdid f’żewġ sferi deċisivi għal kulħadd u li jiċċalinġjaw, qabel kollox lil min fil-gvern għandu r-reponsabbiltà li jservi l-ġid komuni.  Fl-ewwel post il-kwistjoni ambjentali: kemm siġar jitqaċċtu, kemm ekosistemi jitfarrku, kemm ibħra mniġġsin minħabba l-kilba bla rażan tal-bniedem.... imbagħad dan kollu jaħdem kontrih!  M’għandniex nehdew nimpenjaw ruħna dwar din l-emerġenza drammatika, billi nqiegħdu fis-seħħ għażliet konkreti li jħarsu fil-bogħod, meħudin bil-ħsieb għall-ġenerazzjonijiet żgħażagħ, qabel ma jkun tard wisq u l-ġejjieni jisfa kompromess! Jalla l-Konferenza tal-Ġnus Magħquda dwar it-tibdil fil-klima (COP27), li se ssir fl-Eġittu minn hawn u ftit jiem oħra, tkun pass ‘il quddiem f’das-sens!

It-tieni, is-siġra tal-ħajja, bl-għeruq tagħha li minn taħt l-art jagħtu l-ħajja vitali liz-zokk, u minn dan lill-friegħi u mbagħad lill-weraq, li jagħtu l-ossiġenu lill-kreaturi, tfakkarni fil-vokazzjoni tal-bniedem, ta’ kull bniedem li hawn fid-dinja: li jmexxi ‘l quddiem il-ħajja.  Iżda llum qed nassistu, kuljum dejjem aktar, għal azzjonijiet u theddid ta’ mewt.  Qed niftakar fir-realtà mostruża u insensata tal-gwerra, li tiżra’ qerda kullimkien u li t-tama tqaċċatha minn għeruqha.  Fil-gwerra jitfaċċa l-agħar aspett tal-bniedem: egoiżmu, vjolenza u gideb.  Iva, għaliex il-gwerra, kull gwerra, tirrappreżenta wkoll il-mewt tal-verità.  Ejjew nirrifjutaw il-loġika tal-armi u nbiddlu r-rotta, u l-ispejjes militari enormi nibdluhom f’investimenti biex jiġġieldu l-ġuħ, in-nuqqas ta’ kura sanitarja u tal-edukazzjoni.  F’qalbi għandi niket kbir minħabba tant sitwazzjonijiet ta’ kunflitt.  Jien u nħares lejn il-peniżola tal-Għarabja, li minn qalbi u b’rispett nixtieq insellem lill-pajjiżi kollha tagħha, nindirizza ħsieb speċjali li ġej minn qalbi lill-Yemen, mifluġ minn gwerra minsija li, bħal kull gwerra oħra, ma twassal għal ebda rebħa, imma biss għal telf bla tarf għal kulħadd.  Inżomm f’talbi fuq kollox lin-nies ċivili, lit-tfal, lill-anzjani, lill-morda u nitlob b’karba: ħalli jissiktu l-armi!  Ejjew nimpenjaw ruħna kullimkien u bis-serjetà għall-paċi!

Dwar dan, Id-Dikjarazzjoni tas-Saltna tal-Bahrein, tagħraf li l-fidi reliġjuża hi “barka  għall-ġeneru uman kollu”, il-pedament “għall-paċi fid-dinja”.  Jien ninsab hawn bħala persuna li temmen, bħala nisrani, bħala pellegrin tal-paċi, għaliex illum daqs qatt qabel, għandna sejħa, kullimkien, biex nimpenjaw ruħna serjament għall-paċi.  Maestà, Altezzi Rjali, Awtoritajiet, Ħbieb, nagħmel tiegħi u naqsam magħkom bħala awgurju ta’ suċċess f’dawn il-jiem tant mixtieqa taż-żjara fir-Renju tal-Bahrein, silta sabiħa mill-istess Dikjarazzjoni: “Nimpenjaw ruħna biex naħdmu  sabiex fid-dinja fejn il-persuni li għandhom twemmin sinċier jingħadu bejniethom biex jirroftaw dak li jifridna u jersqu, minflok, lejn dak li jgħaqqadna”.  Jalla jkun hekk, bil-barka tal-Aktar Għoli! Shukran! (Grazzi!)

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber