VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISU
F’ĊIPRU U L-GREĊJA
(2-6
TA’ DIĊEMBRU, 2021)

LAQGĦA MAL-AWTORITAJIET, IS-SOĊJETÀ ĊIVILI U L-KORP DIPLOMATIKU

 “Sala taċ-Ċerimonji tal-Palazz Presidenzjali f”Nicosia
Il-Ħamis, 2 ta’ Diċembru, 2021

 

Kliem li l-Qdusija Tiegħu il-Papa indirizza bl-Ispanjol lill-President tar-Repubblika wara t-tislima ta’ merħba fil-bidu tal-laqgħa privata:

Irroddlok ħajr, Sur President, għall-kliem ta’ merħba, għall-ħerqa li biha lqajtni.  Il-protokoll tal-ħerqa hu protokoll tal-aħwa, u dan jasal sal-qalb.

 

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

 

Sur President tar-Repubblika,
Membri
tal-Gvern u tal-Korp Diplomatiku,
distint
i Awtoritajiet reliġjużi u ċivili,
dsitinti Rappreżentanti tas-soċjetà u tad-dinja tal-kultura,
Si
njuri!

Insellmilkom minn qiegħ qalbi, filwaqt li nistqarrilkom kemm jien ferħan li ninsab hawn.  Irrodd ħajr lilek, Sur President, għall-merħba li tajtni f’isem il-popolazzjoni kollha.  Jien ġejt hawn, pellegrin f’pajjiż żgħir f’dik li hi ġjografija imma kbir fl-istorja; fi gżira li tul is-sekli ma warrbitx lill-ġnus imma għaqqdithom; f’art li l-konfini tgaħha huma l-baħar; f’post li jimmarka l-bieb orjentali tal-Ewropa u l-bieb tal-punent għal-Lvant Nofsani.  Intom bieb miftuħ, port li jgħaqqad: Ċipru, salib it-toroq ta’ ċiviltà, għandu fih imnaqqax il-laqgħa, frott tal-karattru akkoljenti taċ-Ċiprijotti.

Għadna kif tajna qima lill-ewwel President ta’ dir-Repubblika, l-Arċisqof Makarios, u jien u nagħmel dan l-att xtqat li ngħaqqad miegħu liċ-ċittadini kollha.  Ismu, Makarios, ifakkar il-ftuħ tal-ewwel diskors ta Ġesù: il-Beatitudnijiet (cfr Mt 5,3-12).   Min hu makarios, min verament hu hieni skont il-fidi nisranija, li din l-art hi marbuta magħha b’mod li ma jitħassarx?  Jista’ jkun hieni kulħadd, u dawn qabel kollox huma l-foqra fl-ispirtu, il-miġrugħin tal-ħajja, dawk li jgħixu bil-manswetudni u l-ħniena, kulmin, bla ma jidher, iħaddem il-ġustizzja u jibni l-paċi.  Il-Beatitudnijiet, għeżież ħbieb, huma l-kostituzzjoni dejjiema tal-kristjaneżmu.  Ħajja mgħixha skonthom, lill-Evanġelju jżommu dejjem żgħażugħ u lis-soċjetà jgħammarha bit-tama.  Il-Beatitudnijiet huma l-boxxla li turi d-direzzjoni, f’kull latitudni, ir-rotot li jterrqu fihom l-insara tul il-vjaġġ tal-ħajja.

Propju minn hawn, fejn jiltaqgħu l-Ewropa u l-Orjent, kienet bdiet l-ewwel inkulturazzjoni kbira tal-Evanġelju fil-kontinent u għalija hu ta’ emozzjoni nerġa’ nimxi fuq il-passi tal-missjunarji l-kbar tal-bidu, partikolarment tal-Qaddisin Pawlu, Barnaba u Marku.  Għalhekk hawn jien, pellegrin fostkom, biex nimxi magħkom, għeżież Ċiprijotti; magħkom ilkoll, bix -xewqa li l-aħbar it-tajba tal-Evanġelju, minn hawn twassal messaġġ hieni lill-Ewropa bit-timbru tal-Beatitudnijiet.  Dak li infatti l-ewwel insara rregalaw lid-dinja bil-qawwa ġentili tal-Ispirtu s-Santu, kien messaġġ ta’ ġmiel liema bħalu.  Kien in-novità sorprendenti tal-beatitudni li jista’ jilħqu kulħadd biex jikseb il-qlub u l-libertajiet ta’ ħafna.

Dal-pajjiż għandu wirt partikolari f’das-sens, bħala messaġġier tas-sbuħija bejn il-kontinenti.  It-territorju ta’ Ċipru hu filtru tas-sbuħija li għandu jkun mgħasses u protett permezz ta’ politika ambjentali xierqa u konkreta mal-ġirien.  Is-sbuħija tilma wkoll fl-arkitettura, fl-arti, partikolarment dik sagra, fl-artiġġjanat reliġjuż, fil-bosta teżori tal-arkeoloġija.  Mis-simbolu tal-baħar li hawn madwarna nixtieq ngħid li din il-gżira tirrappreżenta ­ġawhra ta’ valur kbir fil-qalba tal-Mediterran.­ 

Infatti l-ġawhra ssir dak li hi għax tieħu ż-żmien biex tifforma ruħha: iridu jgħaddu s-snin biex is-saffi jgħaqqduha u jġibuha tleqq.  Bl-istess mod is-sbuħija ta’ din l-art tixrob mill-kulturi li tul is-sekli ltaqgħu u tħalltu.  Illum ukoll, id-dawl ta’ Ċipru għandu ħafna aspetti: huma bosta l-popli u l-ġnus li, bi lwien differenti, jiffurmaw in-nisġa kromatika ta’ dil-popolazzjoni.  Qed naħseb ukoll fil-preżenza ta’ bosta immigranti, li mqabbla ma’ pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea hi f’perċentwali konsiderevoli.  Mhux ħaġa ħafifa tħares is-sbuħija tal-bosta lwien u poliedrika ta’ dil-miġemgħa.  Bħalma jiġri fil-formazzjoni tal-ġawhra, teħtieġ iż-żmien u l-paċenzja, titlob li l-ħarsa timraħ fil-wisa biex tħaddan il-varjetà tal-kulturi u tmil lejn il-ġejjieni b’ħarsa fit-tul.  F’das-sens huwa importanti li kulmin jifforma parti min dis-soċjetà jkun imħares u nkoraġġit, b’mod speċjali dawk il-kategoriji li statistikament huma f’minoranza. Qed naħseb ukoll fl-entijieet kattoliċi varji li jistgħu jiksbu benefiċċju jekk jingħataw għarfien opportun għax il-kontribut li jagħtu lis-soċjetà bl-attivitajiet tagħhom, partikolarment edukattivi u karitattivi, ikun speċifikat mill-aspett legali.

Il-ġawhra turi sbuħitha f’ċirkostanzi diffiċli.  Titwieled fid-dlam, meta l-gajdra “issofri” war ali jkollha żjara mhux mistennija li thedded is-sigurtà tagħha, bħal, per eżempju, farka ramel li tirritaha.  Biex tipproteġi ruħha tirreaġixxi billi titwaħħad ma dak li jkun għamlilha l-ġerħa: dak li jkun ta’ periklu u barrani għaliha tittrasformah f’xi ħaġa sabiha, f’ġawhra.  Il-pandemija dallmet din il-ġawhra, Ċipru, għax bosta viżitaturi ma setgħux jiġu u japprezzaw sbuħitha, u għarrqet, kif ġara f’postijiet oħra, il-konsegwenzi tal-kriżi ekonomiko/finanzjarja.  Madankollu, f’daż-żmien meta qed nerġgħu nieħdu r-ruħ, m’għandhiex tkun il-ħerqa u l-għaġla biex nirkupraw dak li tlifna, il-garanzija ta’ żvilupp sod u dejjiemi, imma l-impenn biex immexxu ‘l quddiem il-fejqan tas-soċjetà, partikolarment bil-ġlieda bla heda lill-korruzzjoni u l-feriti li joffendu d-dinjità tal-persuna; qed naħseb per eżempju, fit-traffikar tal-persuni.  Iżda l-ġerħa li l-aktar qed iġġiegħel lil din l-art tbati ġejja mit-tiċrita terribbli li għaddiet minnha tul dawn l-aħħar għexieren ta’ snin.  Qed naħseb fis-sofferenza interna ta’ min ma jistax imur lura lejn daru u lejn l-imkejjen tal-kult.  Nitlob għall-paċi tagħkom, għall-paċi tal-gżira kollha, u nawguralkom dan bil-qawwa kollha.  It-triq tal-paċi li tfejjaq il-kunflitti u ġġedded is-sbuħija tal-fraternità hi mmarkata minn kelma waħda: djalogu, li int, Sur President, tennejt kemm-il darba.  Hemm bżonn ngħinu lil xulxin biex nemmnu fil-qawwa paċenzjuża u mansweta tad-djalogu, il-qawwa tal-paċenzja, li “nġorru fuq spallejna”, hypomoné, u nisiltuha mill-Beatitudnijiet.  Nafu li mhix triq ħafifa; hi twila u mħattba, imma m’hemm ebda alternattiva oħra biex tinkiseb ir-rikonċiljazzjoni.  Ejjew inkebbsu t-tama bil-qawwa tal-ġesti minflok nittamaw fil-ġesti tal-forza.  Għax hemm setgħa fil-ġesti li jħejju l-paċi: mhux dik tal-ġesti tas-setgħa, tat-theddid, tat-tpattija u tat-turija tas-saħħa, imma dik tal-ġesti li jikkalmaw, tal-passi konkreti tad-djalogu.  Qed naħseb per eżempju, fl-impenn li wieħed ikun dispost għal konfront sinċier li fl-ewwel post iqiegħed il-ħtiġijiet tal-popolazzjoni, li jinvolvi dejjem aktar bil-fatti lill-Komunità internazzjonali, biex ikun imħares il-patrimonju reliġjuż u kulturali, biex, f’das-sens, lin-nies jintraddilhom lura dak li partikolarment hu l-aktar għal qalbhom, bħalma huma l-imkejjen jew tal-anqas l-oġġetti sagri.  Rigward dan, nixtieq nesprimi l-apprezzament tiegħi u nagħmel kuraġġ lill-proġett Religious Track of the Cyprus Peace Project, imniedi mill-Ambaxxata tal-Isvezja, sabiex  jissaħħaħ id-djalogu bejn il-kapijiet reliġjużi.

Propju fiż-żmienijiet li donnhom jidhru li mhux l-aktar feliċi u li fihom id-djalogu huwa mtappan, dawn huma n-nies li jistgħu iħejju l-paċi.  Tfakkarulna mill-ġdid il-ġawhra li ssir dak li hi bil-paċenzja li tinseġ flimkien elementi ġodda minn dak li jkun ġerraħha.  F’dawn il-waqtiet ma nħallux il-mibegħda taħkimna, ma naqtgħux qalbna li nistgħu nsewwu l-ġrieħi, ma ninsewx is-sitwazzjoni tal-persuni li għebu.  U meta t-tentazzjonni li naqtgħu qalbna tgħolli rasha, ejjew naħsbu fil-ġenerazzjonijiet ta’ għada, li jixtiequ jirtu dinja fil-paċi, kollaborattiva, magħquda, mneżża’ mir-rivalitajiet ma jaqtgħu xejn jew imniġġsa bi kwistjonijiet bla soluzzjoni.  Għal dan meħtieġ id-djalogu, għax meta dan ikun nieqes joktru s-suspetti u l-għadab.  Ħallu l-Mediterran ikun punt ta’ riflessjoni, għax sfortunatament, bħalissa hu mkien ta’ kunflitti u traġedji umanitarji; fil-fond ta’ sbuħitu huwa il-mare nostrum, il-baħar tal-popli kollha li jagħtu għal fuqu marbutin flimkien permezz tiegħu biex ikunu ħaġa waħda mhux biex ikunu mifrudin.  Ċipru, salib it-toroq ġjografiku, storiku, kulturali u reliġjuż, jinsab f’pożizzjoni biex iġib fis-seħħ dil-paċi.  Jalla jkun lant miftuh għall-bini tal-paċi fil-Mediterran.  Spiss il-paċi ma tinbediex mill-persunaġġi l-kbar, imma mid-detereminazzjoni tal-ħajja ta’ kuljum – kull ġurnata – tal-iżgħar. Il-kontinent tal-Ewropa għandu bżonn ir-rikonċiljazzjoni u l-għaqda, għandu bżonn il-kuraġġ u l-entużjażmu biex jimxi ‘l quddiem.

Għax l-għajnuna biex ikun hemm progress mhux se jkunu l-ħitan li jbeżżgħu u l-projbizzjonijiet iddettati mill-interessi nazzjonalistiċi u lanqas it-titjib ekonomiku waħdu mhux se jiggarantixxi s-sigurtà u l-istabbiltà.  Inħarsu lejn l-istorja ta’ Ċipru u naraw kif il-laqgħa u l-akkoljenza ħallew frott bnin fit-tul.  Mhux biss f’dak li għandu x’jaqsam mal-istorja tal-kristjaneżmu, li tiegħu Ċipru hu l-bieb ewlieni lejn il-kontinent, iżda wkoll għall-bini ta’ soċjetà li sabet l-għana propju tagħha fl-integrazzjoni.  Dan l-ispirtu espansiv, dil-ħila tal-ħarsa li tmur ‘l hinn mill-konfini, terġa’ trodd iż-żgħożija, tagħmel il-wisa’ biex il-leħħa tad-dija mitlufa terġa’ tinkiseb lura.

Meta l-Atti tal-Appostli jsemmu lil Ċipru, jirrakkuntaw li Pawlu u Barnaba qasmu l-gżira kollha (cfr Atti 13, 6), biex imorru Pafos.  Hu ta’ ferħ għalija f’dal-jiem ngħaddi min-naħa għall-oħra tal-istorja u l-ispirtu ta’ din l-art, bix-xewqa li x-xenqa tagħha għall-għaqda u l-messaġġ tagħha ta’ sbuħija jkomplu jiggwidaw il-mixja tagħha. O Theós na evloghí tin Kípro! [Alla jbierek il-Ċirpu!]

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber