VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISU
F’ĊIPRU U L-GREĊJA
(2-6 TA’ DIĊEMBRU, 2021)

LAQGĦA MAL-AWTORITAJIET, IS-SOĊJETÀ ĊIVILI U L-KORP DIPLOMATIKU

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Palazz Presidenzjali f’Atene
Is-Sibt, 4 ta’ Diċembru, 2021

Sinjura President tar-Repubblika,
Membri
tal-Gvern u tal-Korp Diplomatiku,
distint
i Awtoritajiet reliġjużi u ċivili,
insin
ji Rappreżentanti tas-soċjetà u tad-dinja tal-kultura,
S
injuri!

Insellmilkom minn qalbi u rrodd ħajr lis-Sinjura President għall-kliem ta’ merħba li indirizzatli f’isimkom u f’isem iċ-ċittadini griegi kollha.  Huwa unur li ninsab f’dil-belt glorjuża.  Nagħmel tiegħi kliem San Girgor Nażjanżenu: “Ateni tad-deheb u dispensatriċi tal-ġid... waqt li kont qed infittex l-elokwenza, sibt l-hena” (Orazione 43, 14).  Jien ġejt bħala pellegrin f’dawn il-postijiet miżgħuda bl-ispiritwalità, bil-kultura u ċ-ċiviltà biex nixrob mill-istess hena li qanqlet tant entużjażmu f’dan il-Missier tal-Knisja.  Kien il-ferħ li bih ried jikkultiva l-għerf u jaqsam magħha sbuħitu.  Għalhekk ma kinex ferħ individwali u iżolat, imma ladarba nibet mill-istgħaġib, imexxi lejn l-infinit u jinfetaħ għall-komunità; hena mimli dehen li minn dawn l-imkejjen xtered ma’ kullimkien: mingħajr Atene u mingħajr il-Greċja l-Ewropa u d-dinja ma setgħux ikunu dak li huma.  Kien ikollhom għerf nieqes u kienu jkunu anqas hienja.

Minn hawnhekk, l-ixqfa tal-umanità jinħallu.  Jien ukoll inħoss l-istedina li nerfa’ ħarsti u nħares lejn l-aktar naħa għolja tal-belt. L-Akropoli.  Il-vjaġġaturi li tul il-millenni telgħu ħdejha, kienu jarawha mill-bogħod u kienet toffrilhom punt ta’ riferiment essenzjali għad-divinità.  Hija s-sejħa biex inwessgħu l-ixqfa lejn l-Għoli: mill-muntajna Olimpu fl-Akropoli sal-muntanja Athos, il-Greċja tistieden lil-bniedem ta’ kull żmien biex jorjenta l-vjaġġ tal-ħajja lejn l-Għoli.  Lejn Alla, għax aħna neħtieġu t-traxxendenza biex inkunu verament umani.  U filwaqt li llum, fil-punent li nibet minn hawn, hemm it-tendenza li l-ħtieġa tas-Sema tkun imċajpra, maqbuda fin-nassa tal-ferneżija ta’ elf tellieqa u mill-kilba bla qies tal-konsumiżmu li jordom il-personalità, dawn il-postijiet jistednuna biex nistagħġbu bl-infinit, bis-sbuħija li neżistu, bil-ferħ tal-fidi.  Minn hawn għaddew it-toroq tal-Vanġelu li għaqqdu l-Orjent mal-Punent, l-Artijiet Imqaddsa u l-Ewropa, Ġerusalemm u Ruma; dawk il-Vanġeli li biex iwasslu lid-dinja l-bxara t-tajba ta’ Alla li jħobb lil bniedem, inkitbu bil-Griek, lingwa immortali użata mill-Kelma – mill-Logos – biex tesprimi ruħha, lingwaġġ tal-għerf uman li sar leħen l-Għerf divin.

Imma f’dil-belt minbarra lejn l-Għoli, il-ħarsa ddur ukoll fuq l-ieħor.  Ifakkarulna l-baħar, li Ateni tagħti għal fuqu, u li jindika wkoll il-vokazzjoni ta’ din l-art, li tinsab fil-qalba tal-Mediterran biex tkun pont bejn il-ġnus.  Hawnhekk, storiċi kbar irrakkuntaw b’ħerqa kbira l-istorja tal-popli qrib  u mbegħda.  Hanwhekk, skont il-magħrufa affermazzjoni ta’ Socrate, ingħata bidu għall-idea li bniedem ma jħossux biss ċittadin ta’ pajjiżu imma tad-dinja.  Ċittadini: hawnhekk il-bniedem għaraf li hu “annimal politiku” (cfr Aristotele, Politica, I, 2), u ladarba hu parti mill-komunità, fl-oħrajn ma rax biss sudditi imma ċittadini li flimkien magħhom jista’ jorganizza l-polis.  Hawnhekk twieldet id-demokrazija.  Il-benniena, eluf ta’ snin wara, saret dar, dar kbira ta’ popli demokratiċi: qed nirreferi għall-Unjoni Ewropea u għall-ħolma tal-paċi u fraternità li tirrappreżenta tant popli.

Madankollu, ma nistgħux ma ninnutawx bi tħassib kif illum, mhux fil-kontinent ewropew biss, qed naraw id-demokrazija sejra lura.  Din teħtieġ il-parteċipazzjoni u s-sehem ta’ kulħadd u għalhekk titlob sforz u paċenzja.  Hi kumplikata filwaqt li l-awtoritarjaniżmu jaqta’ fil-qasir u s-sigurtàjiet faċli li jipproponi l-populiżmu jidhru attraenti.  Diversi soċjetajiet, ippreokkupati dwar is-sigurtà u lluppjati bil-konsumiżmu, bl-għeja u nuqqas ta’ sodisfazzjon, resqin lejn tip ta’ “xettiċiżmu demokratiku.  Iżda l-parteċipazzjoni ta’ kulħadd hi esiġenza fundamentali; mhux biss biex jintlaħqu għanijiet komuni, imma għax hi tweġiba għal dak li aħna: essri soċjali, irripetibbli u fl-istess ħin dipendenti minn xulxin.

Iżda jeżisti wkoll xettiċiżmu versu d-demokrazija, ipprovokat mill-istituzzjonijiet imbegħda, mill-biża’ tat-telfien tal-identità, mill-burokrazija.  Ir-rimedju għal dan mhix l-ossessjoni tal-popolarità, l-għatx biex nidhru, fl-istqarrija ta’ wegħdiet impossibbli jew l-irbit ma kolonizzazzjonjiet ideoloġiċi astratti, imma jinsab fil-politika tajba.  Għax il-politika hi ħaġa tajba u hekk għandha tkun fil-prattika, għax hija responsabbiltà suprema taċ-ċittadin, għax hija l-arti tal-ġid komuni.  Sabiex il-ġid koumuni jħaddan fih parteċipazzjoni vera, hemm bżonn tingħata attenzjoni, ngħid ukoll prijorità, lill-kategoriji l-aktar dgħajfa.  Din hi d-direzzjoni li għandna nieħdu, ħaġa li missier fundatur tal-Ewropa kien stqarr li hi l-antidotu għall-polarizzazzjoni li hi r-ruħ tad-demokrazija, imma bir-riskju li jeżasperaha: “Nitkellmu ħafna dwar min u tax-xellug jew tal-lemin, imma l-aktar ħaġa deċisiva hi li nibqgħu mexjin ‘il quddiem u l-mixi ‘l quddiem ifisser li nimxu lejn il-ġustizzja soċjali” (A. De Gasperi,  Diskors li għamel f’Milan, 23 ta’ April, 1949).  Hemm bżonn ta’ bidla fil-pass f’das-sens, filwqat li ta’ kuljum, minfuħin ukoll mill-komunikazzjoni virtwali, jitferrxu biżgħat u jkunu żviluppati teroiji biex iġibu n-nies kontra xulxin.  Ejjew minflok, ngħinu lil xulxin biex  mill-partiġġjaniżmu ngħaddu għall-parteċiazzjoni; biex minflok impenn bl-għan waħdieni li nsostnu l-opinjoni tagħna, nimpejnaw ruħna attivament biex immexxu ‘l quddiem lil kulħadd.

Mill-partiġġjaniżmu lejn il-parteċipazzjoni.  Hu l-għan li għandu jsuqna f’bosta direzzjonijiet: qed naħseb fil-klima, fil-pandemija, fis-suq komuni u fuq kollox, fil-firxa tal-faqar.  Huma sfidi li jitolbu minna kollaborazzjoni konkreta u attiva.  Dan teħtieġu l-komunità internazzjonali, biex tiftaħ toroq ta’ paċi bis-saħħa tal-multilateraliżmu li ma jisfax maħnuq minn pretensjonijiet nazzjonalistiċi esaġerati.  Hemm ħtieġa ta’ politika biex il-ħtiġijiet komuni ttihom prefernza fuq l-interessi privati.  Tista’ tidher utopija, (idejal), vjaġġ bla tama f’baħar imqalleb, odissea twila li ma tistax isseħħ bil-fatti.  B’dankollu il-vjaġġ fil-baħar imqalleb, kif jgħallimna l-kbir rakkont ta’ Omeru, hu l-unika triq.  U jasal fil-port jekk hemm ix-xenqa tad-dar, tat-tfittxija li nimxu flimkien, tan-nóstos álgos, tan-nostalġija.  Rigward dan nixtieq inġedded l-apprezzament tiegħi għat-triq xejn faċli li wasslet għall-” Accordo di Prespa”,, (Il-Ftehim ta’ Prespa), li dir-Repubblika ffrimat flimkien ma’ dik tal-Maċedonja ta’ Fuq.

B’ħarsitna mill-ġdid lejn il-Mediterran, il-baħar li jiftaħna għall-oħrajn, qed naħseb fix-xtut fertili u fis-siġra li tista’ tikber biex tkun simbolu: iż-żebbuġa, li għadu kif inħasad il-frott tagħha u li torbot flimkien artijiet diversi li kollha jagħtu għal fuq l-istess baħar.  Hu ta’ swied il-qalb tara kif dawn l-aħħar snin bosta siġar taż-żebbuġ inqerdu bin-nirien li spiss tkebbes minħabba kundizzjonijiet metereoloġiċi ħżiena b’riżultat tat-tibdil fil-klima.  Quddiem ix-xenarju miġrugħ ta’ dal-pajjiż meraviljuz, is-siġra taż-żebbuġ tista’ tkun simbolu tar-rieda li niġġieldu l-kriżi tal-klima u l-qerda kbira li qed iġġib magħha.  Wara l-katakliżma tal-bidu li għandna fil-Bibbja, id-dulluvju, infatti, l-ħamiema reġgħet lura għand Noè ġġorr f’munqarha “fergħa taż-żebbuġ” (Ġen 8, 11).  Kienet is-sinjal ta’ bidu ġdid, tar-rieda ta’ bidu ġdid bi stil ta’ ħajja mibdul, tat-tiġdid tar-relazzjonijiet tal-bniedem mal-Ħallieq, tal-ħlejjaq mal-Ħallieq.  F’das-sens nawgura li l-impejni li ttieħdu fil-ġlieda kontra t-tibdil tal-klima  jkunu dejjem maqbulin bejn kulħadd u ma jkunux biss qoxra imma jitqegħdu fis-seħħ bl-akbar serjetà.  Mill-kliem għandna ngħaddu għall-fatti ħalli uliedna ma jbatux minħabba l-elf ipokrisija ta missirijiethom. F’das-sens jidwi l-kliem li Omeru jqiegħed f’fomm Akilli: “Jien nobgħod lil min, bħall-bieb tal-Infern li f’qalbu jaħbi ħaġa u jlissen ħaġ’oħra” (Iliade, IX, 312-313).

Fl-Iskrittura, iż-żebbuġa tirappreżenta wkoll stedina biex inkunu solidali, partikolarment ma’ min mhux ġej mill-poplu tagħna.  “Meta tfarfar iż-żebbuġ tiegħek, la tlaqqatx dak li jibqa’ fil-friegħi; ħalliehom għall-barrani”, tgħid il-Bibbja (Dewt 24, 20).  Dal-pajjiż li għandu t-timbru tal-akkoljenza, ra jersqu lejn xi gżejjer tiegħu għadd ta’ aħwa migranti li jisboq l-għadd stess tal-abitanti, biex b’hekk żdiedet l-inkonvenjenza li għadha mgħobbija bit-toqol tal-kriżi ekonomika.  Imma l-Ewropa għadha tilgħab għaż-żmien: il-komunità ewropea mċarrta minħabba l-egoiżmi nazzjonalistiċi, minflok qed tkun xprun ta’ solidarjetà, xi drabi qed tidher wieqfa u nieqsa mill-koordinazzjoni.  Jekk xi darba l-kuntrasti ideoloġiċi kienu ta’ xkiel għall-bini ta’ pontijiet bejn il-lvant u l-punent tal-kontinent, illum il-kwistjoni tal-migrazzjoni fetħet xquq bejn it-tramunatna u n-nofsinhar ukoll.  Nixtieq ninkoraġġixxi mill-ġdid viżjoni komuni u komunitarja quddiem dil-kwistjoni tal-migrazzjoni, u nagħmel il-qalb biex tingħata attenzjoni lill min hu l-aktar fil-bżonn biex, skont ma jkun jista’ kull pajjiż, ikunu milqugħin, imħarsin, immexxijin ‘il quddiem u integrati b’rispett sħiħ lejn  id-drittijiet umani u d-dinjità tagħhom.  Aktar milli xkiel għall-preżent, din hi garanzija għall-ġejjieni, sabiex ikun sinjal ta’ konvivenza paċifika ma’ min, f’għadd dejjem jikber, ikun imgiegħel jaħrab biex ifittex dar u tama.  Huma l-protagonisti ta’ odissea terribbli moderna.  Nieħu gost niftakar li meta Ulisse wasal lura Itaca, dawk li kienu ħatfulu d-dar u ġidu m’għarfuhx, imma għarfuh biss dawk li kienu ħadu ħsiebu.  L-imreddgħa fehmet min kien malli rat iċ-ċikatriċi f’ġismu.  It-tbatijiet li jgħaqqduna biex nagħrfu li lkoll kemm aħna għandna sehem mill-istess umanità dagħjfa għandhom jgħinuna nibnu ġejjieni aktar integrat u paċifiku.  Ejjew nibdlu dak li fid-dieher hu tbatija sfortunata f’opportunità kuraġġuża!

Iżda l-pandemija hi tbatija kbira.  Urietna kemm aħna dagħjfa, kemm neħtieġu lil xulxin.  F’dal-pajjiż ukoll din hija sfida li minħabba fiha l-awtoritajiet kellhom jieħdu ċerti miżuri – qed naħseb fil-ħtieġa tal-kampanja tal-vaċċin – u liċ-ċittadini swietilhom ħafna sagrifiċċji.  Qalb din l-għeja kollha però, jitqanqal sens qawwi ta’ solidarjetà li għalih il-Knisja kattolika lokali bi pjaċir tkompli tagħti sehemha, bil-konvinzjoni li dan hu wirt li m’għandux jintilef hekk kif it-tempesta ftit ftit tibda tmanjna.  Xi kliem tal-ġurament ta’ Ippokrate donnu miktub għal-lum, bħalma hu l-impenn “li l-istil tal-ħajja jkun regolat għall-ġid tal-morda”, “li tevita li tagħmel ħsara u toffendi lill-oħrajn”, “li tħares il-ħajja f’kull waqt tagħha, partikolarment fil-ġuf tal-omm” (cfr Ġurament ta’ Ippokratu, it-test l-antik).  Dejjem għandha tingħata preċedenza lid-dritt tal-kura u l-kura għal kulħadd, sabiex l-aktar dagħjfa, partikolarment l-anzjani, qatt ma jisfaw imwarrbin: jalla l-anzjani ma jkunux il-persuni privileġġjati biex titħaddem il-kultura tal-iskart.  L-anzjani huma s-sinjal tal-għaqal ta’ poplu.  Infatti l-ħajja hi dritt, mhux il-mewt, li għandha tkun milqugħa u mhux mogħtija.

Għeżież ħbieb, xi siġar taż-żebbuġ fil-Mediterran huma xhieda ta’ ħajja tant twila li saħansitra ilhom minn qabel ma’ deher Kristu.  Wara mijiet ta’ snin, baqgħu jgħixu, sfidaw iż-żmien u jfakkruna li hu importanti nindukraw sewwa l-għeruq qawwija tagħna, mgħammrin bil-memorja.  Dal-pajjiż nistgħu ngħidu li hu l-memorja tal-Ewropa – intom il-memorja tal-Ewropa – u jien hieni li qed inżuru wara għoxrin sena miż-żjara storika tal-Papa Ġwanni Pawlu II u fit-tieni ċentinarju tal-indipendenza.  Rigward dan magħruf sew dak li kien qal il-ġenral Colocotronis: “Alla għamel il-firma tiegħu fuq il-libertà tal-Greċja”  Alla jagħmel il-firma tiegħu bil-qalb fuq il-libertà umana, dejjem u kullimkien.  Dan hu l-akbar rigal tiegħu, dak li Hu l-aktar japprezza fina.  Infatti, Hu ħalaqna ħielsa u l-aktar ħaġa li togħġbu hi meta aħna, ħielsa, inħobbu lilu u lill-proxxmu.  Dan jippermettuh il-liġijiet imma wkoll l-edukazzjoni lejn ir-responsabbiltà u t-tkabbir tal-kultura tar-rispett.  F’dar-rigward nixtieq intenni l-gratitudni tiegħi talli l-komunità kattolika ingħatat għarfien pubbliku u niżgura li hi rieda tagħha li sseddaq il-ġid komuni tas-soċjetà griega, biex f’das-sens turi l-orjentament universali karatteristiku tagħha, bl-awgurju li fil-prattika dejjem ikollha garanzija tal-kundizzjonijiet meħtieġa biex taqdi das-servizz kif jixraq.

Mitejn sena ilu, il-Gvern proviżorju tal-pajjiż kien dar lejn il-kattoliċi bi kliem imqanqal: “Kristu amar l-imħabba lejn il-proxxmu.  Imma min hu l-aktar proxxmu għalina jekk mhux intom, kon-ċittadini tagħna, minkejja li bejnietna hemm xi differenzi fir-riti?  Aħna għandna patrija waħda, aħna poplu wieħed; aħna l-kristjani lkoll aħwa – aħwa fl-għeruq, fit-tisdiq u fil-frott - bis-saħħa tas-Salib Imqaddes”.  Il-fraternità fis-sinjal tas-Salib, f’dal-pajjiż imbierek bil-fidi u bit-tradizzjonijiet insara tiegħu, tħeġġeġ lil kull min jemmen fi Kristu biex jikkultiva l-komunjoni f’kull livell f’isem dak Alla li jħaddan lil kulħadd bil-ħniena tiegħu.  F’das-sens, għeżież ħuti, irroddilkom ħajr għall-impenn tagħkom u nħeġġiġkom biex tkomplu tmexxu ‘l quddiem dal-pajjiż bil-ftuħ, bl-inklużjoni u bil-ġustizzja.  Minn dil-belt, minn dil-benniena ta’ ċiviltà, minn dejjem ħareġ u għadu joħroġ messaġġ li jorjenta lejn l-Għoli u lejn l-ieħor; li għas-seħer tal-indifferenza tal-awtoritarjaniżmu jwieġeb bid-demokrazija; li għall-indifferenza individwalista jopponi bil-kura tal-ieħor, tal-fqir, tal-ħolqien, pern essenzjali għal umaneżmu mġedded, li tant teħtieġ fi żmienna din l-Ewropa tagħna. O Theós na evloghí tin Elládha! [Alla jbierek il-Greċja!]

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber