VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISU
F’ĊIPRU U L-GREĊJA
(2-6 TA’ DIĊEMBRU, 2021)

LAQGĦA TAL-BEATITUDNI TIEGĦU IERONYMOS II U L-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU FLIMKIEN MAS-SEGWITU TAGĦHOM

DISKORS TAL-QDUSIJA  TIEGĦU

“Sala tat-Tron tal-Arċiveskovat Ortodoss tal-Greċja f’Ateni
Is-Sibt, 4 ta’ Diċembru, 2021

 

Beatitudini,

«il-grazzja u l-paċi mill-Mulej» (Ru 1,7).  Insellimlek b’dal-kliem tal-kbir Appostlu Pawlu, l-istess kliem li bih, meta kien jinsab il-Greċja, indirizza lill-fidili ta’ Ruma.  Il-laqgħa tagħna tal-lum iġġedded dik il-grazzja u dik il-paċi.  Jien u nitlob quddiem it-trofej tal-Knisja ta’ Ruma, l-oqbra tal-Appostli u tal-martri, ħassejtni mbuttat biex niġi hawn bħala pellegirn, b’rispett kbir u umiltà, biex inġedded dik il-komunjoni appostolika u biex nikkultiva l-karità fraterna.  F’das-sens nixtieq irroddlok ħajr, Beatitudni, għall-kliem li ndirizzajtli li jien nirreċiproka b’għożża, ħalli, permezz tiegħek insellem lill-kleru, il-komunitajiet monastiċi u l-fidili ortodossi kollha tal-Greċja.

Aħna ltqajna ħames snin ilu f’Lesbos, waqt emerġenza ta’ wieħed mill-akbar drammi ta’ żmienna, dak ta’ tant ħutna migranti li ma jistgħux jitħallew fl-indifferenza u ma nistgħux narawhom biss bħala piż, jew agħar minn hekk, niddelegawhom lil xi ħadd ieħor.  Issa qed niltaqgħu biex flimkien naqsmu l-ferħ tal-fraternità u nħarsu lejn il-Mediterran li jdawwarna mhux biss bħala mkien li jħasseb u jifred, iżda wkoll bħala baħar li jgħaqqad.  Ftit ilu tkellimnt dwar is-siġar taż-żebbuġ li ilhom jgħixu mijiet ta’ snin u li lil dawn l-artijiet jagħmluhom qraba.  Jien u niftakar mill-ġdid f’dawn is-siġar, niftakar ukoll fl-għeruq li sawwru lilna lkoll.  Dawn jinsabu taħt l-art, moħbijin, spiss minsijin, imma hemm qiegħdin u jmantnu kollox.  Liema huma l-għeruq komuni tagħna li ilhom magħna sekli sħaħ?  Huma l-għeruq appostoliċi.  San Pawl kien xeħet dawl fuq l-importanza tagħhom meta fakkarna li għandna “nkunu mibnija lkoll fuq is-sisien tal-appostli” (Ef 2, 20).  Dawn l-għeruq li kibru miż-żerriegħa tal-Evanġelju, propju fil-kultura ellenika bdew jagħtu frott kbir: niftakar f’tant Missirijiet antiki u fl-ewwel Konċilji ekumeniċi kbar.

Wara, sfortunatament, kbirna bogħod minn xulxin.  Semm mondan niġġiżna, is-sikrana tas-suspett kattret id-distanza u ma bqajniex aktar nikkultivaw il-komunjoni.  San Bażilju l-Kbir afferma li l-veru dixxipli ta’ Kristu “huma magħġunin biss fuq dak li jaraw fih” (Moralia, 80, 1).  B’mistħija – dan qed ngħidu f’isem il-Knisja Kattolika – imġibiet u għażliet li m’għandhom xejn x’jaqsmu la ma’ Ġesù u lanqas mal-Evanġelju, aktarx ittimbrati bil-kilba tal-ksib u għall-poter, debblu l-komunjoni.  B’hekk, dak li kien għammiel ikkompromettejnih minħabba l-firdiet.  L-istorja għandha l-piż tagħha u hawnhekk illum inħoss il-bżonn li nġedded it-talba għall-maħfra t’Alla u ta’ ħutna għall-iżbalji magħmulin minn bosta kattoliċi.  Iżda hu ta’ faraġ kbir għalija li l-għeruq tagħna huma appostoliċi u li, minkejja l-weġgħat taż-żmien, il-pjanta li ħawwel Alla għadha tikber u tagħti l-frott fl-istess Spirtu.  U hija grazzja li aħna nagħrfu l-frott ta’ xulxin u niżżu ħajr ‘l Alla flimkien għal dan.

Il-frott finali tas-siġra taż-żebbuġ hu ż-żejt, dak iż-żejt li darba kien jinħażen f’ġarar ta’ preġju magħmulin bl-idejn li nsibu għadd kbir minnhom fost it-teżori arkeoloġiċi ta’ dal-pajjiż.  Iż-żejt ta d-dawl li dawwal l-iljieli tal-antik.  Għal eluf ta’ snin kien “ix-xemx liwkida, l-ewwel stat misterjuz tal-fjamma tal-imsiebaħ” (C. Boureux, Les plantes de la Bible et leur symbolique, - Il-pjanti tal-Bibbja u s-simboliżmu tagħhom - Parigi 2014, 65).   Għażiż ħija, iż-żejt lilna jfakkarna fl-Ispirtu s-Santu għax kien Hu li dawwal il-Knisja.  Hu biss, bid-dija tiegħu li ma tgħib qatt, jista’ jħoll id-dlam u jdawwal il-passi tal-mixja tagħna.

Iva, għax l-Ispirtu s-Santu, qabel kollox, huwa ż-żejt tal-komunjoni.  Fl-Iskrittura nsibu li ż-żejt isebbaħ wiċċ il-bniedem (cfr Salm 104, 15).  Kemm hi ta’ ħtieġa għalina llum nagħrfu l-valur uniku li jiddi f’kull bniedem, f’kulmin hu ħija, oħti!  L-għarfien ta’ dak li jgħaqqad sfiq umanament hu l-punt tat-tluq biex tinbena l-komunjoni.

Madankollu, però – kif kiteb teologu kbir – “il-komunjoni donnha tolqot nerv ħaj” nerv mikxuf, mhux fis-soċjetà biss imma spiss ukoll fost id-dixxipli ta’ Ġesù. “f’dinja nisranija mitmuha bl-individwaliżmu u r-riġidità istituzzjonali”.  Madankolllu, jekk it-tradizzjonijiet propji u l-ispeċifiċità ta’ kull wieħed u waħda jwasslu biex bniedem jingħalaq fih innifsu u jżomm ruħu bogħod mill-oħrajn, la “s-suppervja mhix karatteristika tal-komunjoni, diffiċli ħafna tinbet kultura li tagħti sodisfazzjon” (I. Zizioulas, Comunione e alterità, - Komunjoni u Suppervja - Ruma 2016, 16).  Imma  l-komunjoni bejn l-aħwa ġġib il-barka divina.  Fis-Salmi hi mqabbla ma’ “żejt mill-aħjar imsawwab fuq ir-ras u jinżel mal-leħja” (Salm 133, 2).  L-Ispirtu li jissawwab fl-imħuħ infatti, jimbuttana lejn fraternità aktar sfiqa, biex norganizzaw ruħna fil-komujoni.  Għalhekk ejjew ma nibżgħux minn xulxin, imma ngħinu lil xulxin biex naduraw lil Alla u naqdu l-proxxmu, bla prożelitiżmu u b’rispett sħiħ lejn il-libertà tal-ieħor – kif kiteb San Pawl – “fejn hemm l-Ispirtu t’Alla, hemm il-ħelsien” (2 Kor 3, 17).  Jiena nitlob sabiex l-Ispirtu ta’ karità jegħleb ir-reżistenzi tagħna u jagħmilna bennejja tal-komunjoni, għax “jekk verament l-imħabba tkeċċi l-biża’ u din tinbidel f’imħabba, allura niskopru li l-għaqda ssalvana” (S. Girgor ta’ Nissa,  Omelija 15 dwar l-Għanja tal-Għanjiet).  Mill-banda l-oħra, kif nistgħu nkunu xhieda quddiem id-dinja tal-armonija tal-Evanġelju dment li aħna l-insara għadna mifrudin? Kif nistgħu nħabbru l-imħabba ta’ Kristu li tiġbor fiha l-ġnus, jekk aħna m’aħniex magħqudin bejnietna?  Saru ħafna passi biex niltaqgħu ma’ xulxin.  Ninvokaw lill-Ispirtu tal-komunjoni, biex imexxina fit-toroq tiegħu u jgħinna nsejsu komunjoni mhux fuq il-kalkoli, fuq l-istrateġiji u l-konvenjenzi, imma fuq il-mudell waħdieni li għandna nħarsu lejh: it-Trinità Qaddisa.

It-tieni, l-Ispirtu hu ż-żejt tal-għerf:  Hu dilek lil Kristu u jixtieq ikun ispirazzjoni għall-insara.  Jekk inkunu doċli għall-għerf manswet tiegħu nitwettqu fl-għarfien ta’ Alla u ninfetħu għall-oħrajn.  F’das-sens nixtieq nesprimi l-apprezzament għall-importanza li qed tagħti lill-formazzjoni u t-tħejjija teoloġika dil-Knisja Ortodossa, eredi tal-ewwel inkulturazzjoni kbira tal-fidi, dik tal-kultura ellenika.  Nixtieq infakkar ukoll il-kollaborazzjoni fejjieda fil-qasam kulturali bejn Id-Djakonija Appostolika tal-Knisja tal-Greċja – li kelli x-xorti niltaqa’ magħhom fl-2019 – u l-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Għaqda bejn l-Insara, kif ukoll għas-simpożji inter-kristjani mnedijin mill-Università ta’ Salonicco bi sħab mal-Università Pontifiċja Antonianum ta’ Ruma.  Dawn huma okkażjonijiet li permezz tagħhom twaqqfu relazzjonijiet kordjali u taw bidu għad-diskussjonijiet bejn l-akkademiċi tal-konfessjonijiet tagħna.  Irrodd ħajr ukoll għas-sehem attiv tal-Knisja Ortodossa tal-Greċja fil-Kummissjoni Mħallta Internazzjonali għad-Djalogu Teoloġiku.  L-Ispirtu jgħinna biex bid-dehen inkomplu mexjin f’dawn it-toroq!

L-istess Spirtu, fl-aħħar, hu żejt tal-faraġ:  il-Paraklitu hu qribna, balzmu tar-ruħ, fejqan tal-ġrieħi.  Hu kkonsagra lil Kristu bid-dilka sabiex ikun jista’ jħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, iwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, irodd il-ħelsien lill-maħqurin (cfr Lq 4, 18).  U Hu jibqa’ jimbuttana biex nieħdu ħsieb tal-aktar dgħajfa u l-aktar foqra, u biex inġibu għall-attenzjoni tad-dinja l-kawża tagħhom li hi primarja f’għajnejn Alla.  Hawnhekk, bħal f’postijiet oħrajn, l-għajnuna mogħtija lil dawk l-aktar fil-bżonn fiż-żminijiet l-aktar iebsa tal-kriżi ekonomika kienet indispensabbli.  Ejjew niżviluppaw flimkiem għamliet ta’ kollaborazzjoni bil-karità, ninfetħu u nikkollaboraw fi kwistjonijiet ta’ karattru etiku u soċjali biex inservu  lill-bnedmin ta’ żmienna u nwasslulhom il-faraġ tal-Evanġelju.  Infatti, l-Ispirtu llum jagħmlilna sejħa, aktar minn qatt qabel, biex indewwu l-feriti tal-umanità biż-żejt tal-karità.

Fil-waqt ta’ dwejjaq kbar, Kristu stess talab lil tiegħu il-faraġ tal-qrubija u t-talb.  Ix-xbieha taż-żejt b’hekk teħodna fil-Ġnien taż-Żebbuġ.  “Ibqgħu hawn ishru” (Mk 14, 34), qalilhom Ġesù.  It-talba li għamel lill-Appostli kienet fil-plural.  Illum ukoll jixtieq li aħna nishru u nitolbu: biex lid-dinja nwasslulha l-faraġ ta’ Alla u nfejqu r-relazzjoniijiet miġrugħin ta’ bejnietna, jeħtieġ nitolbu għal xulxin.  Dan hemm bżonnu biex naslu “għat-tisfija tant meħtieġa tal-memorja storika”.  Bil-grazzja tal-Ispirtu s-Santu, id-dixxipli tal-Mulej, imqanqlin mill-imħabba, bil-kuraġġ tal-verità u tar-rieda sinċiera li naħfru lil xulxin u nirrikonċiljaw ruħna, għandna s-sejħa li neżaminaw flimkien l-imgħoddi doloruż tagħhom u dawk il-feriti li dan għadu jipprovoka llum ukoll” (San Ġwanni Pawlu II, Enċ. Ut Unum Sint - Biex ikunu ħaġa waħda -, 2).  Għal dan tħeġġiġna, b’mod partikolari il-fidi tagħna fil-Qawmien.  L-Appostli, imbeżżgħin u mimlijin dubji, irrikonċiljaw ruħhom mad-delużjoni kiefra tal-Passjoni meta raw lil-Mulej irxuxtat quddiemhom.  Propju mill-pjagi tiegħu, li donnu kien impossibbli jitfejqu, kisbu tama ġdida, ħniena li ma bħala; imħabba li tisboq l-iżbalji u l-miżerji tagħhom, li għamlithom ħaġa waħda magħqudin mill-Ispirtu fil-moltepliċità ta’ tant elementi diversi.  Jalla jinżel fuqna l-Ispirtu tal-Imsallab li Qam, itina “ħarsa limpida ta’ verità, mgħajjex mill-ħniena divina, bil-ħila li jeħles l-ispirtu tagħna u fina lkoll iqanqal disponibbiltà mġedda” (ibid.).  Jalla jgħinna biex ma nibqgħux imsammrin man-negattività u l-preġudizzji ta’ dari, imma biex inħarsu lejn ir-realtà b’għajnejn ġodda.  Allura, t-tribulazzjonijiet tal-imgħoddi jagħmlu l-wisa’ għall-faraġ tal-preżent u aħna nkunu kkunslati mit-teżori tal-grazzja li niskopru mill-ġdid f’ħutna. Għadna kif bdejna, bħala kattoliċi, mixja biex nidħlu fil-fond tas-sinodalità u jidhrilna li għandna ħafna x’nitgħallmu mingħandkom.  Din hi x-xewqa sinċiera tagħna, ċerti, li meta l-aħwa jersqu lejn xulxin bil-fidi, fil-qlub jissawwab il-faraġ tal-Ispirtu.

Beatitudni, għażiż Ħija, jalla f’dil-mixja jkunu magħna l-qaddisin kbar ta’ dawn l-artijiet, u l-martri, li llum, sfortunatament, fl-għadd huma aktar minn tal-imgħoddi,  li minn diversi konfessjonijiet fid-dinja jgħammru flimkien fl-istess Sema.  Jalla jinterċedu għalina sabiex l-Ispirtu, żejt qaddis ta’ Alla, f’Pentekoste ġdida, jissawwab fuqna bħalma ssawwab fuq l-Appostli li aħna dixxendenti tagħhom: jalla jixgħel fil-qlub ix-xenqa tal-komunjoni, idawwalna bl-għerf tiegħu u jtina d-dilka tal-faraġ tiegħu.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber