DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

LILL-ARTISTI PARTEĊIPANTI FIL-LAQGĦA

FL-OKKAŻJONI TAL-50 ANNIVERSARJU MILL-INAWGURAZZJONI

TAL-KOLLEZZJONI TA’ ARTI MODERNA TAL-MUSEI VATICANI

Kappella Sistina

Il-Ġimgħa 23 ta’ Ġunju 2023

 

L-għodwa t-tajba, merħba! Hawn kollox huwa arti, hemm [juri l-affreski], intom, kulħadd! Merħba!

 

Grazzi li lqajtu l-istedina tiegħi. Il-preżenza tagħkom tferraħni, għax il-Knisja dejjem kellha relazzjoni mal-artisti li tista’ ssejħilha naturali u speċjali fl-istess ħin. Hi ħbiberija naturali, għax l-artista jieħu bis-serjetà l-profondità bla qies tal-eżistenza, tal-ħajja u tad-dinja, imqar fil-kontradizzjonijiet u fl-aspetti traġiċi tagħha. Din il-profondità tirriskja li ssir inviżibbli għall-ħarsa ta’ ħafna xejriet ta’ għarfien speċjalizzati, li jwieġbu għal esiġenzi immedjati, imma jsibuha bi tqila biex jaraw il-ħajja bħala realtà b’ħafna faċċati. L-artista jfakkar lil kulħadd li d-dimensjoni li fiha nitħarrku, anki meta ma nkunux nafu, hi dik tal-Ispirtu. L-arti tagħkom hi bħal qlugħ li jimtela bl-Ispirtu u jmexxina ’l quddiem. Għalhekk, il-ħbiberija tal-Knisja mal-arti hi xi ħaġa naturali. Imma hija wkoll ħbiberija speċjali, fuq kollox jekk naħsbu f’ħafna biċċiet mill-istorja li mxejna flimkien, li huma parti mill-patrimonju ta’ kulħadd, kemm min jemmen u kemm min le. Niftakru f’dan u nistennew frott ġdid anki fi żmienna, fi klima ta’ smigħ, ta’ libertà u ta’ rispett. In-nies teħtieġu dan il-frott, frott speċjali.

 

Romano Guardini kiteb li “l-qagħda li fiha jsib ruħu l-artista huwa u joħloq tixbah lil dik ta’ tfajjel kif ukoll ta’ wieħed li jara l-viżjonijiet” (L-opra tal-arti, Brescia 1998, 25). Jidhirli li huma żewġ paraguni interessanti. Fil-fehma tiegħi “l-opra tal-arti tinqeda bi spazju fejn il-bniedem jista’ jidħol, fejn jista’ jieħu n-nifs, jiċċaqlaq u jittratta l-affarijiet u l-bnedmin, li jinfetħu quddiemu” (ibid., p. 35). Huwa minnu, għal min jaħdem fl-arti l-konfini jinfetħu u l-limiti tal-esperjenza u tal-komprensjoni jitwessgħu. Kollox jidher iktar miftuħ u disponibbli. Allura wieħed jikseb l-ispontanjetà tat-tfajjel ċkejken li jistħajjel u r-reqqa tal-viżjonarju li jagħraf ir-realtà.

 

Iva, l-artista huwa tfajjel – din ma għandhiex tinstema’ bħala offiża –; dan ifisser li hu jiċċaqlaq qabelxejn fl-ispazju tal-invenzjoni, tal-ġdid, tal-ħolqien, ta’ min iġib fid-dinja xi ħaġa li kienet għadha qatt ma dehret hekk. Meta jagħmel dan, igiddeb l-idea li l-bniedem huwa maħluq biss biex imut. Il-bniedem irid jaffaċċja l-mortalità tiegħu, veru, imma ma nħalaqx biex imut, imma biex jgħix. Ħassieba kbira bħal Hannah Arendt tafferma li l-karatteristika proprja tal-bniedem hi dik li jgħix biex iġib il-ġdid fid-dinja. Din hija d-dimensjoni tal-bniedem għammiel. Li jġib il-ġdid. Anki fil-frott li tagħti n-natura kull wild huwa xi ħaġa ġdida. Li tiftħu u ġġibu l-ġdid. Intom l-artisti dan hu li tagħmlu, u hekk tagħtu valur lill-orġinalità tagħkom. Fl-opri tagħkom dejjem tpoġġu lilkom infuskom, bħala essri irrepetibbli li lkoll aħna, imma bl-intenzjoni li toħolqu iktar. Meta tinqdew bit-talent tagħkom, iġġibu għad-dawl dak li qatt ma deher bħalu qabel, tagħnu lid-dinja b’realtà ġdida. Qed jiġuni f’moħħi xi kelmiet li naqraw fil-Ktieb tal-Profeta Iżaija, meta Alla jgħid: “Arawni, sejjer nagħmel ħaġa ġdida: feġġet issa; għadkom ma ttendejtux?” (43:19). U fl-Apokalissi jikkonferma: “Ara, se nġedded kollox” (21:5). Il-kreattività tal-artista hekk donnha għandha sehem mill-passjoni ta’ Alla li ġġib ħajja ġdida. Din il-passjoni li biha Alla ħalaq. Intom alleati tal-ħolma ta’ Alla! Intom għajnejn li jaraw u li joħolmu. Mhux biżżejjed tara, imma trid ukoll toħlom. Wieħed kittieb mill-Amerika Latina kien jgħid li aħna, il-persuni, għandna żewġ għajnejn: waħda biex nagħrfu dak li naraw u l-oħra biex nagħrfu dak li noħolmu. U meta persuna ma jkollhiex dawn iż-żewġ għajnejn, jew biċċa biss minn waħda jew mill-oħra, tkun tonqosha xi ħaġa. Nagħrfu dak li noħolmu… Il-kreattività tal-artista: mhux biżżejjed naraw, irridu wkoll noħolmu. Aħna l-bnedmin imxennqin għal dinja ġdida li m’aħniex naraw b’mod sħiħ b’għajnejna, imma nixtequha, infittxuha, noħolmuha.

 

Għalhekk, intom l-artisti għandkom il-ħila li toħolmu verżjonijiet ġodda tad-dinja. U din hi ħaġa importanti: verżjonijiet ġodda tad-dinja. Il-ħila li tintroduċu l-ġdid fl-istorja. Għalhekk Guardini jgħid li tixbhu wkoll lill-viżjonarji. Intom xi ftit jew wisq bħall-profeti. Tafu tħarsu lejn l-affarijiet kemm fil-profond u kemm fil-bogħod, bħal għassiesa li jġebbdu għajnejhom biex jgħarblu x-xefaq u jilmħu r-realtà lil hemm minn dak li jidher minn barra. F’dan intom imsejħin taħarbu mill-poter suġġestiv ta’ dik it-taparsi sbuħija artifiċjali u superfiċjali li llum hi tant imxerrda u spiss hi kompliċi ta’ mekkaniżmi ekonomiċi li jġibu n-nuqqas ta’ ugwaljanza. Dik is-sbuħija xejn ma tiġbed, għax hi sbuħija li titwieled mejta. Ma hemmx ħajja hemm, ma tiġbidx. Hi sbuħija falza, kożmetika, irtokk li jaħbi flok jikxef. [Bit-Taljan jgħidu] “rtokk” għax hemm xi ħaġa li tqarraq. Żommu bogħod minn din is-sbuħija, għax l-arti tagħkom trid taġixxi bħala kuxjenza kritika tas-soċjetà, u tikxef il-velu ta’ dak li hu ovvju u banali. Intom tridu turu dak li jġagħal lill-persuna taħseb, li jagħmilha attenta, li jikxef ir-realtà anki fil-kontradizzjonijiet tagħha, fl-aspetti li hu iżjed komdu jew konvenjenti li wieħed iżomm mistura. Bħall-profeti bibliċi, intom tqegħduna quddiem ħwejjeġ li xi kultant jagħtu fastidju, tikkritikaw il-miti foloz tal-lum, l-idoli ġodda, id-diskorsi banali, in-nasbiet tal-konsum, il-makakkeriji tal-poter. Interessanti dan fil-psikoloġija, fil-personalità tal-artisti: il-ħila li jmorru lil hemm, li jmorru lil hemm, f’tensjoni bejn ir-realtà u l-ħolma.

 

U spiss dan tagħmluh bl-ironija, li hi virtù tal-għaġeb. Żewġ virtujiet li aħna ma nikkultivawx wisq: is-sens tal-umoriżmu u l-ironija, jeħtieġ nikkultivawhom iżjed. Il-Bibbja hija għanja b’mument ta’ ironija, li fihom jiġu mwaqqgħin għaċ-ċajt il-preżunzjoni ta’ awtosuffiċjenza, l-abbużi, l-inġustizzja, id-diżumanità, meta dawn jilbsu l-libsa tal-poter u xi drabi anki tas-sagralità. Tagħmlu sew tkunu wkoll għassiesa tal-veru sens reliġjuż, xi kultant ibbanalizzat jew ikkumerċjalizzat. Meta tkunu viżjonarji, għassiesa, kuxjenzi kritiċi, inħoss li intom alleati ta’ tant ħwejjeġ li huma għal qalbi, bħall-ħarsien tal-ħajja umana, il-ġustizzja soċjali, dawk li huma tal-aħħar, il-kura tad-dar komuni, il-fatt li nħossuna lkol aħwa. Għandi għal qalbi l-umanità tal-umanità, id-dimensjoni umana tal-umanità. Għax din hi wkoll il-passjoni l-kbira ta’ Alla. Waħda mill-affarijiet li jqarrbu l-arti lejn il-fidi hu l-fatt li t-tnejn iċaqilqu xi ftit l-ilma qiegħed. L-arti u l-fidi ma jistgħux iħallu l-affarijiet kif inhuma: jibdluhom, jittraformawhom, jikkonvertuhom, iċaqilquhom. L-arti ma tista’ qatt tkun loppju; tagħti l-paċi, imma ma traqqadx il-kuxjenzi, anzi żżommhom imqajmin. Ta’ sikwit intom l-artisti tippruvaw tistħarrġu mqar l-abbissi tal-qagħda umana, il-partijiet mudlama. Aħna ma aħniex magħmulin minn dawl biss, u intom dan tfakkruhulna; imma hemm bżonn li nixtħu d-dawl tat-tama fid-dlamijiet tal-uman, tal-individwaliżmu u tal-indifferenza. Għinuna naraw id-dawl, il-ġmiel li jsalva.

 

L-arti dejjem hi marbuta mal-esperjenza tal-ġmiel. Simone Weil kitbet hekk: “Il-ġmiel jisseduċi lill-ġisem biex jikseb il-permess li jinfed sar-ruħ” (Id-dell u l-grazzja, Bologna 2021, 193). L-arti tmiss is-sensi biex tagħti l-ħajja lill-ispirtu u dan tagħmlu permezz tal-ġmiel, li hu r-rifless tal-ħwejjeġ meta huma tajbin, ġusti, veri. Hija s-sinjal li xi ħaġa għandha fiha l-milja: fil-fatt hemmhekk jiġina b’mod spontanju li ngħidu: “Xi ġmiel!”. Il-ġmiel iġagħalna nħossu li l-ħajja hi orjentata lejn il-milja. Hekk fil-ġmiel veru nibdew inħossu n-nostalġija ta’ Alla. Ħafna jittamaw li l-arti terġa’ tibda tfittex l-aktar il-ġmiel. Ċertament, kif kont qed ngħid, hemm ukoll sbuħija bla siwi, sbuħija artifiċjali u superfiċjali, saħansitra qarrieqa, dik tal-irtokk.

 

Imma jien nemmen li hemm kriterju importanti biex niddixxernu, dak tal-armonija. Fil-fatt, il-ġmiel veru hu mera tal-armonija. Fit-teoloġija – interessanti – it-teologi jiddeskrivu l-paternità ta’ Alla, il-filjazzjoni ta’ Ġesù Kristu, imma meta jiġu biex jiddeskrivu lill-Ispirtu s-Santu: l-Ispirtu hu l-armonija. Ipse harmonia est. L-Ispirtu hu dak li jagħmel l-armonija. U l-artista għandu xi ħaġa minn dan l-Ispirtu biex jagħmel l-armonija. Din id-dimensjoni umana tal-ispiritwali. Fil-fatt, il-ġmiel veru hu mera tal-armonija. Din, jekk nistgħu ngħidu hekk, hija l-virtù operattiva tal-ġmiel. Hija l-ispirtu profond tiegħu, fejn jaġixxi l-Ispirtu ta’ Alla, l-armonizzatur il-kbir tad-dinja. L-armonija hi meta hemm partijiet, differenti minn xulxin, li imma jinsġu għaqda waħda, differenti minn kull waħda mill-partijiet u differenti mill-ġabra tal-partijiet flimkien. Hi ħaġa diffiċli, li l-Ispirtu biss jista’ jagħmilha possibbli: li d-differenzi ma jsirux kunflitti, imma differenzi integrati flimkien; u fl-istess waqt li l-għaqda ma tkunx uniformità, imma tħaddan fiha dak li hu ta’ diversi għamliet. L-armonija tagħmel dawn il-mirakli, bħal f’Għid il-Ħamsin. Dejjem jolqotni l-ħsieb li l-Ispirtu s-Santu qisu dak li jippermetti li jkun hemm l-ikbar diżordni – naħsbu ftit fl-għodwa ta’ Pentekoste – u mbagħad iġib l-armonija. Li mhijiex il-bilanċ, le, biex nagħmlu l-armonija hemm bżonn l-ewwel tal-iżbilanċ; l-armonija hija ħaġa oħra meta mqabbla mal-bilanċ. Kemm hu attwali dan il-messaġġ: ninsabu fi żmien ta’ kolonizzazzjonijiet ideoloġiċi medjatiċi u ta’ kunflitti li jifirdu; globalizzazzjoni omologanti li tikkonvivi ma’ tant klassifikazzjonijiet magħluqa. Dan hu l-periklu ta’ żmienna. Anki l-Knisja tista’ tħossu. Il-kunflitt jista’ jaġixxi taħt pretensjoni falza ta’ għaqda; hekk il-firdiet, il-fazzjonijiet, in-narċisiżmi. Għandna bżonn li l-prinċipju tal-armonija jgħammar iżjed fid-dinja tagħna u jkeċċi l-uniformità. Intom l-artisti tistgħu tgħinuna nagħmlu wisa’ lill-Ispirtu. Meta naraw l-opra tal-Ispirtu, li hi dik li jġib l-armonija tad-differenzi, mhux inneħħuhom jew inġibuhom uniformi, imma narmonizzawhom, allura nifhmu x’inhu l-ġmiel. Il-ġmiel hu dik l-opra tal-Ispirtu li toħloq armonija. Ħuti, il-ġenju tagħkom għandu jimxi f’din it-triq!

 

Għeżież ħbieb, kemm jien kuntent b’din il-laqgħa magħkom! Qabel insellmilkom, għandi ħaġa oħra x’ngħidilkom, li hi għal qalbi. Nixtieq nitlobkom biex ma tinsewx lill-foqra, li huma l-ippreferuti ta’ Kristu, f’kull mod li tista’ tkun fqir illum. Anki l-foqra għandhom bżonn tal-arti u tal-ġmiel. Xi wħud iġarrbu xejriet ibsin ħafna ta’ ċaħda tal-ħajja; għalhekk, għandhom iżjed bżonn tagħkom. Normalment ma jkollhomx vuċi biex jinstemgħu. Intom tistgħu ssiru interpreti tal-karba siekta tagħhom.

 

Nirringrazzjakom u nikkonfermalkom l-istima tiegħi lejkom. Nawguralkom li l-opri tagħkom ikunu denji tan-nisa u tal-irġiel ta’ din l-art, u jagħtu glorja lil Alla, li hu Missier ta’ kulħadd, u li kulħadd ifittex, anki permezz tal-arti. U fl-aħħar nitlobkom, armonikament, biex titolbu għalija. Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard