IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 31 ta’ Diċembru, 2023

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum qed niċċelebraw il-festa tal-Familja Mqaddsa ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi.  L-Evanġelju jurihielna fit-tempju ta’ Ġerusalemm għall-preżentazzjoni tal-Bambin Ġesù (cfr Lq 2,22-40).

Il-Familja tasal fit-tempju u tieħu magħha l-offerta l-aktar umli fost dawk preskritti mill-liġi, bħala xhieda tal-faqar tagħha.  Fl-aħħar Marija titħabbrilha profezija; sejf għad jinfidlek ruħek” (v. 35).  Jaslu fil-faqar u jitilqu mgħobbijin bis-sofferenza.  Din hi sorpriż “kif!, il-Familja ta’ Ġesù, l-unika familja fl-istorja li għandha l-unur li fiha hemm il-preżenza t’Alla bil-demm u l-laħam, mhux talli mhix sinjura, talli hi fqira!  Aktar milli rċeviet favuri, jidher li qed tirċievi l-gambetti!  Mhux biss mhix meħlusa mill-għejja imma mgħaddsa f’niket kbir!

Xi jfisser dan għall-familji tagħna, dal-mod ta’ għejxien, l-istorja tal-Familja Mqaddsa, fqira, mfixkla, mimlija niket?  Jgħidilna xi ħaġa sabiħa ħafna: Alla, li spiss nimmaġinawh bogħod mill-problemi, ġie biex jgħix il-ħajja tagħna bil-problemi tagħha.  Hekk salvana Hu (cfr Ġw 1,14): ma ġiex diġà adult, imma ċkejken; għex fi ħdan familja, iben omm u missier; hemmhekk qatta’ l-biċċa l-kbira ta’ ħajtu, jikber, jitgħallem, f’ħajja ta’ rutina komuni, fis-satra u s-skiet.  U ma ħarabx mid-diffikultajiet, anzi, bl-għażla ta’ familja “esperta fis-sofferenza”, li lill-familji tagħna tgħidilhom: “Jekk issibu ruħkom f’diffikultà, nifhimkom għax għextu jien stess: jiena, ommi u missieri għaddejna minnu biex lill-familji tagħkom ukoll ngħidulhom: “m’intkomx waħdekom!”

Ġużeppi u Marija “baqgħu mistagħġbin b’dak li kien qed jingħaq dwar Ġesù” (cfr Lq 2,33), għax ma kinux jobsru  li kellu jkun ix-xwejjaħ Xmun u l-profetessa Anna li kellhom jgħidu dawn il-ħwejjeġ.  Baqgħu mistagħġbin.  U llum fuq dan nixtieq nieqaf.  Il-ħila li wieħed jistagħġeb hu s-sigriet biex il-familja timxi ‘l quddiem sewwa.  Ma nidrawx ir-rutina tal-affarijiet.  Nagħrfu nistagħġbu, qabel kollox, b’Alla li jakkumpanjana.  Imbagħad nistagħġbu bħala familja.  Nifhem li jkun tajjeb fil-koppja li naħa tistagħġeb bl-oħra, per eżempju billi filgħaxija jaqbdu idejn xulxin iħarsu f’għajnejn xulxin għal xi waqtiet, bit-tenerezza: l-istagħġib inissel fik it-tenerezza, dejjem.  Sabiħa t-tenerezza fiż-żwieġ.  Imbagħad (il-familja) tistagħġeb bil-miraklu tal-ħajja, tal-ulied, u ssib il-ħin biex tilgħab magħhom u tismagħhom.

Nistaqsi lilkom, ommijiet u missirijiet: issibu ħin biex toqgħodu tilagħbu ma wliedkom?  Biex teħduhom passiġġata?  Ilbieraħ ċempilli xi ħadd u staqsejtu: “Fejn tinsab?” – “Ninsab il-pjazza, ħriġt lil uliedi passiġġata”.  Din hi paternità u maternità sabiħa.  Imbagħad nistagħġbu bid-dehen tan-nanniet.  Ħafna drabi lin-nanniet inbarruhom minn ħajjitna.  Le, in-nanniet huma għejjun ta’ għaqal.  Nitgħallmu nistagħġbu bl-għaqal tan-nanniet, bl-istorja tagħhom.  In-nanniet li jreġġgħu lura l-ħajja lejn dak li hu essenzjali.  U, fl-aħħar, nistagħġbu bl-istorja tal-imħabba tagħna – kulħadd għadnu l-istorja tiegħu: il-Mulej mexxiena bl-imħabba, dan għandna nistgħaġbu bih.  Ħajjitna żgur fiha aspetti negattivi, imma nistagħġbu wkoll bit-tjubija ta’ Alla li jimxi magħna, minkejja lil aħna neqsin mill-esperjenza bil-kbir.

Marija Reġina tal-Familja, tgħinna nistagħġbu: nitolbu llum il-grazzja tal-istagħġib.  Il-Madonna tgħinna nistagħġbu ta’ kuljum bil-ġid u biex nagħrfu ngħallmu lill-oħrajn is-sbuħija tal-istagħġib.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Sfortunatament iċ-ċelebrazzjoni tal-Milied fin-Niġerja ittebbgħet minħabba vjolenza gravi fl-Istat ta’ Plateau fejn kien hemm bosta vittmi.  Nitlob għalihom u għall-familji tagħhom.  Jalla l-Mulej jeħles lin-Niġerja minn dawn l-orruri!  U nitlob ukoll għal dawk li tilfu ħajjithom fl-isplużjoni tat-trakk tal-fjuwil fil-Liberja.

Inkomplu nitolbu għall-popli li qed isofru minħabba l-gwerer: il-poplu ukren imbiċċer, il-popli tal-Palestina u ta’ Iżrael, il-poplu sudaniz u tant oħrajn.  Fi tmiem is-sena, ejjew nitmlew bil-kuraġġ li nistaqsu: kemm ħajjiet umani ntemmu minħabba l-kunflitti bl-armi?  Kemm mejtin?  U kemm qerda, kemm tbatija, kemm faqar?  Min għandu interess f’dawn il-kunflitti għandu jisma’ l-vuċi tal-kuxjenza.  U ma ninsewx lill-imsejknin Rohingya!

Sena ilu, il-Papa Benedittu XVI temm il-mixja tiegħu fuq l-art wara li serva l-Knisja b’imħabba u għaqal .  Għadna niftakruh b’għożża kbira, b’tant gratitudni, tant ammirazzjoni.  Iberikna mis-sema u jakkumpanjana.  Applaws lil Benedittu XVI!

Insellem lir-rumani kollha, lill-pellegrini, lill-gruppi parrokkjali, lill-assoċjazzjonijiet u liż-żgħażagħ.  Illum insellem b’mod speċjali lill-familji li hawn preżenti u lil dawk magħqudin magħna permezz tal-mezzi tal-komunikazzjoni.  Ma ninsewx li l-familji hi ċ-ċellula fundamentali tas-soċjetà: hemm bżonn niddefenduha dejjem u nissapportjawha, dejjem!

Insellem lit-tim nazzjonali tal-volleyball ta’ taħt it-18-il sena; u nsellem lill-figuranti tal-presepju ħaj ta’ Marcellano, fl-Umbira.

U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Barka lill-familji tagħkom!  U nawguralkom tmiem is-sena hieni.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-tTaljan minn Joe Huber