IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Biblijoteka tal-Palazz Appostoliku

il-Ħadd, 31 ta' Jannar, 2021

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Is-silta tal-Evanġelju tal-lum (cfr Mk 1,21-28) tirrakkuntalna ġurnata tipika ta' Ġesù, b'mod partikolari l-jum huwa s-Sibt, jum dedikat għall-mistrieħ u għat-talb, li fih in-nies kienu jmorru fis-sinagoga.  Fis-sinagoga ta' Kafarnhaum, Ġesù jaqra u jikkummenta l-Iskrittura.  Dawk li kienu hemm iħossuhom miġbudin lejh mill-mod kif kien jitkellem; l-istgħaġib tagħhom hu kbir għax l-awtorità tiegħu hi differenti minn dik tal-iskribi (v. 22)  Minbarra hekk, Ġesù juri l-qawwa tiegħu mill-opri wkoll.  Infatti, raġel li kien fis-sinagoga idur bl-herra fuqu u jindirizzah bħala l-Mibgħut ta' Alla; Hu jagħraf lill-ispirtu malinn, jordnalu biex joħroġ minn dak ir-raġel u b'hekk keċċih (vv. 23-26).

Hawnhekk jidhru żewġ elementi karatteristiċi tal-azzjoni ta' Ġesù: il-predikazzjoni u l-ħidma tawmaturġika tal-fejqan: jipprietka u jfejjaq.  Iż-żewġ aspetti jidru ċar fis-silta tal-evanġelista Marku, imma dak li jispikka hu l-predikazzjoni; l-eżorċiżmu jidher bħala konferma tal-awtorità singolari tiegħu u tat-tagħlim tiegħu.  Ġesù jipprietka bl-awtorita li ġejja minnu bħal wieħed li għandu duttrina li tiġbdek minnha nifisha u mhux bħall-iskribi li kienu jtennu tradizzjonijiet ġejjin minn qabel u l-liġijiet li wirtu minn ta' qabilhom.  Kienu jtennu kliem, kliem, kliem, kliem biss - (parole, parole, parole, soltanto parole, kif kienet tkanta l-kbira Mina).  Kienu biss kliem.  Iżda f'Ġesù l-kelma hi ta' awtorità, Ġesù hu awtorevoli.  It-tagħlim ta' Ġesù fih l-istess awtorità ta' Alla li jitkellem; infatti bi kmand wieħed malajr jeħles lill-maħkum mill-malinn u jfejqu.  Għaliex?  Għax kelmtu tħaddem dak li jgħid.  Għax Hu l-profeta definittiv.  Imma għaliex qed ngħid hekk, li hu l-profeta definittiv?  Niftakru fil-wegħda ta' Mosè.  Mosè jgħid: "Il-Mulej, Alla tiegħek, iqajjimlek profeta bħali minn ġensek, minn fost ħutek; lilu għandkom tisimgħu" (cfr Dewt 18,15).  Lil Ġesù, Mosè jħabbru bħala l-profeta definittiv.  Huwa għalhekk li Ġesù ma jitkellimx bl-awtorità umana imma b'dik divina, għax għandu s-setgħa li jkun il-profeta definittiv, jiġifieri Iben Alla li jsalva, li jfejjaqna lkoll.

It-tieni aspett, dak tal-fejqan, juri li l-għan tal-predikazzjoni ta' Ġesù hi li jegħleb il-ħażen li hemm fil-bniedem u fid-dinja.  Kelmtu tipponta dritt lejn is-saltna ta' Satana, idaħħlu fi kriżi u jġagħlu jirtira, iġagħlu joħroġ mid-dinja.  Malli l-kmand ta' Ġesù jolqot lil dak il-maħkum - dak ir-raġel ippossessat, maħkum -, dan jinħeles, jinbidel u jsir persuna ġdida.  Minbarra hekk, il-predikazzjoni ta' Ġesù fiha loġika bil-maqlub ta' dik tad-dinja u tal-malinn: kliemu jidher bħala bidla radikali tal-ordni żbaljat tal-affarijiet.  Fil-fatt, id-demonju li qed jaħkem lill-ippossessat, xħin jersaq lejh Ġesù, jgħajjat: "Xi trid minna Ġesù ta' Nażaret?  Ġejt biex teqridna? (v. 24).  Dawn l-istqarrijiet juru li m'hemm ebda familjarità bejn Ġesù u Satana: jinsabu fuq żewġ livelli differenti għal kollox; xejn m'hemm komuni bejniethom, wieħed hu l-maqlub tal-ieħor.  Ġesù hu awtorevoli, jiġbed lin-nies bl-awtorevolezza tiegħu u huwa wkoll il-profeta li jeħles, il-profeta mwiegħed li hu Iben Alla li jfejjaq.  Aħna nisimgħu kliem Ġesù, kliem li hu awtorevoli?  Tinsewx, dejjem ġorru magħkom fil-but jew fil-handbag kopja żgħira tal-Evanġelju biex tkunu tistgħu taqrawh matul il-ġurnata, biex tisimgħu dik il-kelma awtorevoli ta' Ġesù.  Wara kollox ilkoll għandna l-problemi, ilkoll għandna d-dnubiet, ilkoll inbatu minn mard spiritwali.  Nitolbu lil Ġesù: "Ġesù, int l-profeta, Iben Alla, dak imwiegħed lilna biex ifejjaqna.  Fejjaqni!"  Nitolbu lil Ġesù l-fejqana minn dnubietna, mill-ħażen tagħna.

Il-Verġni Marija dejjem għożżot f'qalbha l-kliem u l-ġesti ta' Ġesù, u mxiet warajh b'disponibbiltà u fedeltà sħiħa.  Jalla tgħin lilna wkoll biex nisimgħuh u nimxu warajh sabiex inġarrbu s-sinjali tas-salvazzjoni tiegħu matul ħajjitna.

 

Wara l-Angelus

 

Għeżież ħuti,

pitgħada, 2 ta' Frar, niċċelebraw il-festa tal-Preżentazzjoni ta' Ġesù fit-Tempju, meta Xmun u Anna, it-tnejn anzjani, imdawlin mill-Ispirtu s-Santu, għarfu lil Ġesù bħala l-Messija.  L-Ispirtu s-Santu għadu sal-lum iqanqal ħsibijiet u kliem għaqli fl-anzjani: leħinhom hu  prezzjuż għax jgħanni t-tifħir lil Alla u jħares l-għeruq tal-popli.  Huma jfakkruna li x-xjuħija hi don u li n-nanniet huma ħolqa fil-katina ta' bejn il-ġenerazzjonijiet, biex jittrasmettu liż-żgħar l-esperjenza tal-ħajja u tal-fidi.  Bosta drabi n-nanniet huma minsijin u aħna ninsew din l-għana tal-ħarsien tal-għeruq u t-trasmissjoni.  Għal dir-raġuni, iddeċidejt li nwaqqaf il-Jum Dinji tan-Nanniet u l-Anzjani, li jkun iċċelebrat mill-Knisja kollha kull sena, fir-raba' Ħadd ta' Lulju, qrib il-festa tal-qaddisn Ġwakkin u Anna, "in-nanniet" ta' Ġesù.  Huwa importanti li n-nanniet jiltaqgħu man-neputijiet u li n-neputijiet jiltaqgħu man-nanniet għax - kif jgħid il-profeta Ġoel - quddiem in-neputijiet in-nanniet joħolmu, jkollhom il-viżjonijiiet (xewqat kbar), u ż-żgħar, bil-qawwa li jiksbu min-nanniet, jibqgħu mexjin, jipprofetizzaw.  U propju fit-2 ta' Frar hija l-festa tal-laqgħa tan-nanniet man-neputijiet.

Illum qed jitfakkar ukoll il-Jum dinji tal-morda bil-lebbra, li tnieda aktar minn sittin sena ilu minn Raoul Follereau u li baqa' ħaj b'mod speċjali bis-saħħa tal-assoċjazzjonijiet imnebbħin mill-ħidma umanitarja tiegħu.  Nesprimi l-qrubija tiegħi lejn kull min ibati minn dil-marda u nagħti kuraġġ lill-missjunarji,  lill-operaturi sanitarji u lill-volontarji impenjati fis-servizz ta' dawn il-morda.  Il-pandemija  kkonfermat kemm hu meħtieġ li nħarsu d-dritt tas-saħħa tal-persuni l-aktar dgħajfa: nawgura li kull min hu responsabbli fin-nazzjonijiet biex jgħaqqdu l-isforzi tagħhom ħalli jikkuraw lill-morda bil-mikrobu ta' Hansen, u biex lil dawn jinkluduhom soċjalment.

U nsellem b'għożża lill-adoloxxenti tal-Azzjoni Kattolika ta' did-Djioċesi ta' Ruma - hawn ftit minnhom hawnhekk - miġburin bil-ħarsien tas-saħħa fil-parroċċi jew imqabbdin magħna bl-internet, fl-okkażjoni tal-"Karovana tal-Paċi".  Minkejja l-emerġenza sanitarja, dis-sena wkoll, bl-għajnuna tal-ġenituri u l-edukaturi u s-saċerdoti assistenti, organiżżaw din l-inizjattiva  mill-isbaħ.  Ibqgħu għaddejjin b'dawn l-inizjattivi, bravi, intom bravi!  Ibqgħu mexjin, kuraġġ!  Bravi lkoll, grazzi.  U issa flimkien nisimgħu l-messaġġ li xi wħud minnhom, li jinsabu hawn, se jaqrawlna f'isem kulħadd,

(Qari tal-messaġġ)

Is-soltu dawn l-adoloxxenti kienu jġibu l-bżieżaq biex jitilqugħhom minn ġot-tieqa, imma llum ninsabu magħluqin hawn ġew, ma tistax issir.  Imma s-s

ena li ġejja jirnexxilkom żgur!

Nagħti tislima minn qalbi lilkom ilkoll magħqudin permezz tal-mezzi tal-komunikazzjoni.  Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

 Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber