IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 30 ta’ Ġunju, 2024

Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-liturġija tal-lum jirrakkuntalna żewġ mirakli li qieshom minsuġin flimkien.  Waqt li Ġesù jkun sejjer lejn id-dar ta’ Ġajru, wieħed mill-kapijiet tas-sinagoga, għax bintu hi marida serjament, mat-triq, mara tbati bit-tnixxijja tad-demm missitlu l-mantar u Hu waqaf biex ifejjaqha.  Sadattant tasal l-aħbar li bint Ġajru mietet, imma Ġesù ma jieqafx, jasal id-dar, imur fil-kamra tat-tfajla, jaqbadha minn idejha u jqajjimha, jerġa’ jtiha lura l-ħajja (Mk 5,21-43).  Żewġ mirakli, wieħed ta’ fejqan u l-ieħor ta’ qawmien mill-imwiet.

Dawn iż-żewġ fejqan huma rrakuntati f’episodju wieħed.  It-tnejn iseħħu permezz tal-kuntatt fiżiku.  Infatti, il-mara tmiss il-mantar ta’ Ġesù u Ġesù jaqbad lit-tfajla minn idejha.  Għal liema raġuni dal-kuntatt huwa importanti?  Għaliex dawn iż-żewġ nisa – waħda minħabba t-tnixxijja tad-demm u l-oħra għax mietet - jitqiesu impuri u għalhekk ma kienx permess ebda kuntatt fiżiku magħhom.  Iżda Ġesù ħalla lil min imissu u ma beżax imiss Hu stess.  Ġesù jħalli li min imissu u Hu jmiss lit-tfajla wkoll.  Lil hinn mill-fejqan fiżiku Hu jdaħħal fi kriżi kunċett reliġjuz żbaljat, li skontu Alla jifred: lill-puri jqegħedhom naħa u l-impuri fuq in-naħa l-oħra.  Iżda Alla ma jagħmilhiex din id-distinzjoni għax aħna lkoll uliedu u l-impurità la tiġi mill-ikel, la mill-mard u lanqas mill-mewt, imma l-impurità tiġi minn qalb impura.

Nitgħallmu dan: quddiem it-tbatija tal-ġisem u tal-ispirtu, quddiem il-ġrieħi tar-ruħ, quddiem is-sitwazzjonijiet li jgħaffġuna u quddiem id-dnub ukoll, Alla ma jżommniex bogħod minnu, Alla ma jistħix minna, Alla ma jiġġudikaniex; għall-kuntrarju, Hu joqrob lejna biex immissuh u biex imiss lilna, u dejjem iqajjimna mill-mewt.  Dejjem jaqbadna minn idejna biex jgħidilna: ibni, binti, qum! (cfr Mk 5,41), ibqa’ miexi! “Mulej, jien midneb” – “Le, għax jien sirt dnub għalik, biex insalvak” – “Imma int Mulej, mintix midneb” – “Le, imma jien ġarrabt il-konsegwenzi kollha tad-dnub biex insalvak”.  Sabiħa ħafna din!

Ejjew nittimbraw fi qlubna din l-immaġni li jtina Ġesù:  Alla hu dak li jaqbdek minn idejk u jqajmek, dak li jħalli n-niket tiegħek imissu u Hu jmissek biex ifejqek u jroddlok lura l-ħajja.  Ma jagħmel diskriminazzjoni ma ħadd għax iħobb lil kulħadd.

U allura nistgħu nsaqsu lilna nfusna: aħna nemmnu li hekk hu magħmul Alla?  Inħallu lill-Mulej, Kelmtu, imħabbtu, jmissuna?  Aħna nidħlu f’relazzjoni ma’ ħutna billi noffrulhom idejna ħalli jerġgħu jqumu, jew inżommu bogħod minnhom u nagħtu t-tikketti lill-persuni skont il-gosti u l-preferenzi tagħna?  Aħna nittimbbraw lill-persuni.  Nagħmlilkom mistoqsija: Alla, il-Mulej Ġesù, jittimbra lill-persuni?  Kulħadd iwieġeb għalih innifsu.  Alla jittimbrahom lill-persuni?  U jien ngħix nittimbra lin-nies bla heda?

Ħuti, inħarsu lejn il-qalb ta’ Alla sabiex il-Knisja u s-soċjetà ma jwarrbu lil ħadd, ma jittrattaw lil ħadd bħala ‘impur’, sabiex kulħadd, bl-istorja tiegħu/tagħha jkun milqgħuh bla tikketti, bla preġudizzji, ikun maħbub mingħajr aġġettivi.

Nitolbu lill-Verġni Mqaddsa: Hi, Omm it-tenerezza, tinterċedi għalina u għad-dinja kollha.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

insellem  lilkom ilkoll, rumani u pellegrini minn diversi pajjiżi!

Insellem b’mod partikolari lit-tfal taċ-Circolo missjunarju “Misyjna Jutrzenka” minn Skoczów, fil-Polonja; u lill-fidili minn California u mill-Costa Rica.

Insellem lis-sorijiet Ulied il-Knisja, li f’dal-ġranet, flimkien ma‘ grupp ta’ lajċi, għamlu pellegrinaġġ fuq il-passi tal-fundatriċi tagħhom, il-Venerabbli Maria Oliva Bonaldo.  U nsellem liż-żgħażagħ minn Gonzaga, qrib Mantova.

Illum infakkru lill-Protomartri Rumani.  Aħna wkoll qed ngħixu fi żmien ta‘ martirju, aktar mill-ewwel sekli.  F’bosta nħawi tad-dinja ħafna minn ħutna jsofru diskriminazzjoni u persekuzzjoni minħabba l-fidi, imma fl-istess ħin ikunu qed jiffertilizzaw il-Knisja.  Oħrajn imbagħad jgħaddu minn martirju ”bl-ingwanti bojod!“.  Inweżnuhom u nħallu t-testimonjanza tagħhom ta‘ mħabba lejn Kristu tkun ispirazzjoni għalina.

F’dan l-aħħar jum ta‘ Ġunju nitolbu bil-ħerqa lill-Qalb Imqaddsa ta‘ Ġesù biex tmiss il-qlub ta‘ dawk kollha li jridu l-gwerra, sabiex jikkonvertu lejn proġetti ta‘ djalogu.

Ħuti, ma ninsewx lill-Ukrajna mifluġa, lill-Palestina, lil Iżrael, il-Myanmar u tant inħawi oħra fejn hemm it-tbatija minħabba l-gwerra!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!  Grazzi.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber