IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Solennità tas-Santissima Trinità

Il-Ħadd, 30 ta' Mejju, 2021

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

F'dil-festa li fiha niċċelebraw lil Alla: il-misteru ta' Alla wieħed.  U dan Alla huwa l-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu.  Tlett persuni imma Alla wieħed!  Il-Missier huwa Alla, l-Iben huwa Alla, l-Ispirtu huwa Alla.  Iżda mhumiex tlett Allat: huwa Alla wieħed fi tlett Persuni.  Hu misteru li rrivelalna Ġesù Kristu: it-Trinità Qaddisa.  Illum nieqfu biex niċċelebraw dal-misteru għax il-Persuni mhumiex aġġettivi li jiddeskrivu lil Alla, le.  Huma Persuni reali, differenti; mhumiex - kif qal dak il-filosofu - "tnissil ta' Alla", le u le!  Huma Persuni.  Hemm il-Missier, li jien nitolbu bit-talba tal-Missierna; hemm l-Iben, li tani r-redenzjoni, il-ġustifikazzjoni; hemm l-Ispirtu s-Santu li jgħammar fina u jgħammar fil-Knisja.  U dan ikellem lil qlubna, għax insibuh miġbur f'dik l-istqarrija ta' San Ġwann li tiġbor fil-qosor ir-Rivelazzjoni kollha: "Alla huwa mħabba" (1 Ġw 4,8.16).  Il-Missier huwa mħabba, l-Iben huwa mħabba, l-Ispirtu s-Santu huwa mħabba.  U għaliex huwa mħabba, minkejja li hu wieħed u uniku, Alla mhux solitudni iżda komunjoni, għaqda bejn il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu.  Għaliex essenzjalment l-imħabba hija l-għotja personali, u fir-realtà oriġinali u infinta tagħha, hija Missier li jingħata billi jiġġenera l-Iben, li min-naħa tiegħu jingħata lill-Missier u l-imħabba reċiproka ta' bejniethom hijal-Ispirtu s-Santu, ir-rabta tal-għaqda ta' bejniethom.  Mhux faċli tifhimha, imma nistgħu ngħixuh dal-misteru, ilkoll kemm aħna nistgħu ngħixuh ħafna.

Dal-misteru tat-Trinità rrivelahulna Ġesù nnifsu.  Hu għarrafna l-wiċċ ta' Alla bħala Missier tal-ħniena; ippreżenta lilu nnifsu, bniedem veru, bħala Iben Alla u l-Kelma tal-Missier, Salvatur li ta ħajtu għalina; u tkellem dwar l-Ispirtu s-Santu li ġej mill-Missier u mill-Iben, Spirtu tal-Verità, Spirtu Paraklitu - il-Ħadd li għadda tkellimna dwar dil-kelma "Paraklitu" - jiġifieri dak li jfarraġ u avukat.  U meta wara l-qawmien Ġesù deher lill-Appostli, hu stedinhom biex jevanġelizzaw "il-ġnus kollha u jgħammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu" (Mt 28, 19).

Il-festa tal-lum għalhekk, iġġagħalna nikkuntemplaw dal-misteru merviljuz ta' mħabba u dawl li minnu aħna mnisslin u li lejh aħna norjentaw il-ħajja tagħna f'din l-art.

Fit-tħabbir tal-Evanġelju u f'kull għamla ta'missjoni kristjana, ma nistgħux ninfatmu minn din l-għaqda ta' bejnietna li jseħilna għaliha Ġesù fuq il-passi tal-għaqda bejn il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu: ma nistgħux ninfatmu minn din l-għaqda.  Is-sbuħija tal-Evanġelju titlob li tkun mgħejxha - l-għaqda - u tkun xhieda fl-armonija ta' bejnietna, aħna, li aħna tant differenti minn xulxin!  U nażżarda ngħid li din l-għaqda hija essenzjali għan-nisrani: mhix atteġġjament, espressjoni, le, hija essenzjali għax hi l-għaqda li titwieled mill-imħabba, mill-ħniena t'Alla, mill-ġustifikazzjoni ta' Ġesù Kristu u mill-preżenza tal-Ispirtu s-Santu fi qlubna.

Fis-sempliċità u l-umiltà tagħha, Marija Santissma tirrifletti fuq is-Sbuħija ta' Alla Wieħed u Trinità, għax laqgħet għalkollox lil Ġesù f'ħajjitha.  Jalla Hi twieżen il-fidi tagħna; tagħmilna persuni li naduraw 'l Alla u qaddejja ta' ħutna.

 

Wara l-Angelus

 

Għeżież ħuti!

Ilbieraħ f'Astorga, fi Spanja, kienu beatifikati María Pilar Gullón Yturriaga, Octavia Iglesias Blanco e Olga Pérez-Monteserín Núñez.  Dawn it-tlett nisa lajċi kuaġġużi, fuq il-mudell tas-Sammaritan it-Tajjeb, ingħataw  biex jikkuraw lill-feruti tal-gwerra bla ma jabbandunawhom għal waqt wieħed fil-ħinijiet tal-periklu, irriskjaw u nqatlu minħabba l-mibegħda lejn il-fidi tagħhom.  Infaħħru lill-Mulej għax-xhieda evanġelika tagħhom.  Applaws lill-Beati l-ġodda.

Fl-1 ta'Lulju li ġej fil-Vatikan, se niltaqa' mar-Responsabbli ewlenin tal-Komunitajeit Insara li hemm fil-Libanu, biex ngħaddu jum ta' riflessjoni dwar is-sitwazzjoni preokkupanti tal-pajjiż u biex nitolbu flimkien għad-don tal-paċi u l-istabbiltà.  Din l-intenzjoni qed inħalliha fl-interċessjoni ta' Omm Alla, tant meqjuma fis-Santwarju ta' Harissa, u minn issa nitlobkom takkumpanjaw it-tħejjija għal dan l-avveniment bit-talb solidali u tinvokaw għal fuq dan il-maħbub pajjiż, ġejjieni aktar seren.

Illum qed niċċelebraw il-Jum tal-isklerożi multipla u fl-Italja il-Jum nazzjonali tas-Solljiev.  Nesprimi rikonoxxenza għal dawn l-inizjattivi; niftakru li l-qrubija "hija balzmu prezzjuż li jwieżen u jfarraġ lil min qed ibati minħabba l-mard" (Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Marid, 2021).

Dalgħodu ltaqjt ma grupp żgħir ta' fidili li tawni t-traduzzjoni tal-Bibbja sħiħa bid-djalett tagħhom.  Għamilha raġel: tmin snin ta' xogħol.  U hu, li kien preżenti, qalli li kien jaqra, jitlob u jittraduċi.  Nixtieq irrod ħajr għal dal-ġest u għal darb'oħra ngħidilkom biex taqraw il-Bibbja, taqraw il-Kelma t'Alla biex fiha ssibu l-qawwa tal-ħajja tagħna.  U wkoll - anki hawn qed intenni dak li għidt drabi oħra - biex iġġorru magħkom it-Testment il-Ġdid, f'forma ta' ktieb żgħir li jidħol: fil-handbag, fil-but, biex tkunu tistgħu taqrawh f'kull ħin tal-ġurnata.  B'hekk insibu lil Ġesù fl-Iskrittura Mqaddsa.  Nitgħallmu mill-eżempju ta' dar-raġel.  U qalli: "Jien u nagħmel dan kont nitlob".

Inellem lilkom ilkoll li ġejtu minn Ruma, mill-Italja u minn pajjiżi oħra.  Qed nara li hemm il-Kanada, il-Kolombja .....  Hemm bżonn nitolbu għall-Kolombja!  U hemmhekk hemm ukoll il-Polonja, u hawn pajjiżi oħra...  Insellem lilkom ilkoll partikolarment lil dawk li sa jagħmlu l-Griżma, mill-parroċċa tal-Qaddisin Protomartri Rumani. Insellem lill-pellegrini pollakki u nbierek lill-parteċipanti tal-pellegrinaġġ il-kbir lejn is-Santwarju Marjan ta' Piekary Śląskie.  U bħas-soltu nsellem liż-żgħażagħ tal-Immakolata.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber